STQARRIJA B'RISPOSTA LIL DR. ROBERTA METSOLA.
Insellmilkom. Nhar l-Erbgħa, 1 ta' Novembru, jiena kont preżenti għal laqgħa li kienet tikkonsisti f'diskussjoni u taħdita mal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, illi għoġobha li żżur l-istituzzjoni edukattiva li nattendi fiha, l-iskola post-skondarja Ġ.F. Abela Junior College, fl-Imsida.
F'din il-laqgħa uħud mill-istudenti preżenti kellhom l-opportunita' li jsaqsu mistoqsijiet lill-President Metsola, u hawnhekk ngħid illi kienet laqgħa li kellha l-għan pożittiv illi tħeġġeġ studenti sabiex jingħataw l-opportunita' li jesprimu ruħhom u jsaqsu mistoqsijiet lill-President Metsola. Inħoss illi minn din id-diskussjoni ħarġu minnha bosta aspetti pożittivi, fejn l-istudenti kellhom l-opportunita' li jisimgħu u jifhmu iktar il-kwalitajiet u l-ħidma li teħtieġ il-politika. Madanakollu, ikolli ngħid ukoll illi l-President Metsola fl-ebda mument ma ġiet sfidata minn studenti preżenti rigward temi kurrenti, bħalma ngħidu aħna rigward l-instabbilita' li hemm preżentament fl-Ilvant Nofsani, li hija kkawżata mill-kunflitt armat bejn il-grupp Ħamas u l-istat ta' Iżrael. Il-President Metsola qagħdet lura milli tagħti stampa reali ta' dak illi filfatt qiegħed jiġri fl-artijiet tal-Palestina li jinsabu okkupati mill-Iżrael, minflok hija għażlet illi tibqa' bir-rettorika tas-soltu tagħha, illi tgħid diskors fieragħ iżda mingħajr ma tipprovdi soluzzjonijiet. Filwaqt illi l-President ikkundannat lill-atti ta' vjolenza li qegħdin jitwettqu miż-żewġ naħat, kemm mill-grupp Ħamas u kemm mill-istat ta' Iżrael, hija b'mod evidenti naqset milli tgħid b'mod evidenti x'se tagħmel l-Unjoni Ewropea sabiex tevita li l-kunflitt jibqa' jeskala. Fl-ebda mument ma wriet għajb għal dik illi ġiet meqjusa min-Nazzjonijiet Uniti bħala okkupazzjoni illegali mwettqa mill-istat ta' Iżrael fuq artijiet tal-Palestina, anzi, hija l-istess President Metsola li esprimiet appoġġ b'mod apert lill-istat tal-Iżrael, stat illi huwa mibni fuq it-terroriżmu istituzzjonalizzat; il-ġenoċidji ta' familji sħaħ, użu ta' forza eċċessiva fuq persuni ċivili mhux armati, arresti inġusti u użu ta' armamenti kemikali f'inħawi ppopolati, illi hija kkunsidrata b'mod esplitiċu bħala delitt kontra l-umanita'. L-istat ta' Iżrael qiegħed jinnega riżorsi bażiċi lill-poplu tal-Palestina; riżorsi bħalma huma l-ikel, ix-xorb u l-elettriku, filwaqt illi qiegħed jiċħad lill-istess poplu milli jirċievi għajnuna umanitarja u milli jagħmel użu minn infrastruttura bażika bħal sptarijiet u skejjel, minħabba li dawn qegħdin ikunu fil-mira tal-attakki Iżraeljani. Fis-sena 1948, il-poplu tal-Palestina esperjenza l-ewwel eżilju tiegħu mill-artijiet tiegħu magħrufa bħala n-Nakba, minn dak il-ġrajja 'l quddiem l-Iżrael baqa' b'mod kontinwu jikser konvenzjoniet bażiċi tad-drittijiet umani bħalma hija l-konvenzjoni ta' Geneva filwaqt illi baqa' jinjora riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jirtira mill-okkupazzjoni tiegħu ta' territorji Palestinjani. Irrid infakkar illi l-Iżrael huwa wieħed mis-seba' pajjiżi, inkluż l-Istati Uniti li vvotaw kontra l-ħolqien ta' Qorti Kriminali Internazzjonali; taħsbu li din hija kumbinazzjoni? L-Iżrael huwa konxju li qegħdin joppressa lill-poplu tal-Palestina b'mod illegali u jibża' minn dawk illi jħeġġu għall-ġustizzja u għall-ħarsien tad-drittijiet umani. Fit-territorji okkupati, il-Palestinjani qegħdin jgħixu ta' ħabsin fi djarhom stess u b'mod regolari qegħdin jesperjenzaw trattament inuman u inġust mill-persunal militari (jew aħjar terroristi) tal-militar Iżraeljan. Fil-medda ta' Gaża b'mod partikolari, il-poplu Palestinjan spiċċa iżolat u maqbud f'kundizzjonijiet illi ġew deskritti bħala ħabs fil-beraħ minn organizzazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet umani, għaliex apparti li huwa miċħud minn riżorsi bażiċi, il-poplu qiegħed jiġi miċħud mid-dritt tal-moviment ħieles ġo art illi hija mdawra minn fruntieri mtella' mill-istat ta' Iżrael. Iżda l-offensivi tal-Iżrael fuq il-poplu Palestinjan ma jieqfux hemm, qegħdin naraw quddiem għajnejna inħawi urbani sħaħ jiġu meqruda minn bumbardamenti ħarxa mill-militar Iżraeljan bil-barka tal-Prim Ministru Netanyahu fuq poplu li lanqas għandu ilma sabiex jisqi lilu nnifsu, poplu li spiċċa jiġġerra barra qalb it-tifrik mingħajr saqaf fuq rasu.
Nemmen illi xorta waħda għandna nikkundannaw lill-grupp Ħamas u l-atti aggressivi tiegħu, iżda hawnhekk irridu nagħmlu differenza bejn grupp li jwettaq it-terroriżmu u stat li jwettaq it-terroriżmu, bħalma huwa l-istat ta' Iżrael. Il-grupp Ħamas ma jirrappreżentax lill-Palestina, dan il-grupp huwa fazzjoni ta' persuni li ħadu vantaġġ mill-instabbilita' fl-artijiet tal-Palestina, illi hija kkaġunata mill-azzjonijiet tal-Iżrael, u ħadu kontroll fuq il-medda ta' Gaża. Intom taħsbu li kieku għandna Palestina maqgħuda u sovrana kien ser ikollna sitwazzjoni fejn grupp militari jispiċċa jieħu kontroll fuq medda ta' art li fiha jgħixu 2,000,000 persuna? Li kieku l-istat tal-Palestina huwa stat sovran, żgur mhux forsi li gruppi bħall-Ħamas lanqas biss jeżistu. Hawnhekk ma nistax insemmi wkoll illi għal diċenji sħaħ, l-Iżrael beda jieħu vantaġġ mill-qasma politika bejn il-Ħamas f'Gaża u l-Fatah f'West Bank. L-Iżrael jibżgħu minn Palestina maqgħuda u għaldaqstant jisfruttaw mill-instabbilita' fl-artijiet Palestinjani u jistgħanew mill-firdiet fi ħdan il-poplu. L-atti aggressivi li qegħdin jitwettqu fuq il-poplu Palestinjan mhumiex qegħdin jitwettqu minn gruppi militari, iżda dawn qegħdin jitwettqu minn stat sħiħ b'mod sistematiku u bil-barka tal-pajjiżi tal-Punent illi qegħdin siekta quddiem l-okkupazzjoni illegali u l-azzjonijiet aggressivi li jiksru l-iktar drittijiet fundamentali tal-bniedem. Qegħdin f'sitwazzjoni fejn għandna lill-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-President tal-Parlament Ewropew, illi flimkien mal-Istati Uniti qegħdin jappoġġjaw u juru solidarjeta' ma' stat terrorista, barbaru u razzista.
Il-President Metsola qiegħda tagħmel żball meta tibqa' tagħti l-impressjoni bħallikieku li kollox beda fis-7 t'Ottubru li għadda. Is-sofferenza li rajna b'għajnejna fuq il-ġurnali ilha realta' fit-territorji tal-Palestina għal iktar minn seba' diċenji, iżda madanakollu l-Punent baqa' sieket. Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea rigward il-gwerra tal-Ukrajna u l-okkupazzjoni illegali tal-artijiet Ukreni mill-forzi Russi mhijiex se tibqa' kredibbli. Għalfejn nikkundannaw l-okkupazzjoni illegali mill-forzi Russi iżda ma nikkundannawx l-okkupazzjoni illegali mill-forzi Iżraeljani? Dan huwa att esplitiċu ta' umanita' selettiva, l-Unjoni Ewropea qiegħda turi simpatija mal-Ukrajna iżda mhux mal-Palestina minħabba li l-pajjiżi tal-Punent jagħtu l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom abbażi tal-interessi politiċi li għandhom fl-aġenda tagħhom u għaldaqstant ma jgħinux lill-pajjiżi li jkunu vittmi ta' oppressjoni jekk dawn ma jkunux alleati tagħhom. Dan għalija huwa forma ta' razziżmu! Ara taħsbu li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qegħdin jgħinu lill-Ukrajna sabiex jassiguraw stabbilita' u ġustizzja, dawn qegħdin jinqdew bl-Ukrajna bħala ballun politiku sabiex jferrxu d-dominanza tagħhom fl-Ewropa tal-Ilvant. Minħabba illi l-Iżrael huwa pajjiż huwa politikament allineat mal-Punent, il-pajjiżi tal-Punent qegħdin jinqdew bl-Iżrael sabiex huma jkunu jistgħu jferxxu d-dominanza tagħhom fid-dinja Għarbija, u għaldaqstant l-Unjoni Ewropea u l-kumplament tal-pajjiżi tal-Punent qatt mhuma ser ikunu ġusti rigward il-kawża tal-Palestina, għaliex huma jdejhom marbuta li bilfors iridu jappoġġjaw pajjiż allineat mal-politika tagħhom. Għalihom l-interess politiku huwa l-importanti u mhux illi l-poplu tal-Palestina jiġi lliberat.
Sabiex nagħlaq, se nagħmilha ċara li jiena m'inix se nieqaf hawn. Il-ġlieda tiegħi u ta' ħafna oħrajn mhijiex se tieqaf qabel ma l-Unjoni Ewropea tiddikjara li se tagħti l-appoġġ tagħha lil-liberazzjoni tal-poplu tal-Palestina. Dan ma jistax iseħħ meta għandna l-President tal-Parlament Ewropew illi għadha sa issa tirrifjutta milli tikkundanna lill-okkupazzjoni illegali tat-territorji Palestinjani. Il-kliem fieragħ mhuwiex biżżejjed, bħalma l-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet fuq ir-Russja talli l-pajjiż invada lill-Ukrajna, hekk ukoll għandhom jiġu imponuti sanzjonijiet fuq l-Iżrael talli ilu jinvadi territorji Palestinjani f'perjodu mifrux fuq iktar minn seba' diċenji. Filwaqt illi qiegħed nikteb dawn il-kelmiet, il-forzi Iżraeljani qegħdin jinvadu artijiet fil-medda ta' Gaża jimmassakraw lill-innoċenti, sa issa diġa' ġew maqtula mingħajr ħniena aktar minn 7,700 persuna, b'3,000 minnhom ikunu tfal. Quddiem dan kollu l-Unjoni Ewropea mhija twettaq l-ebda azzjoni konkreta sabiex ikun hemm djalogu għall-paċi fir-reġjun tal-Ilvant Nofsani u għaldaqstant l-Unjoni Ewropea mhija tagħmel xejn sabiex tassigura li l-ammont ta' imwiet ma jibqax jiżdied. Irrid inżid illi fil-laqgħa li kelli mal-President Metsola jiena ma kellix l-opportunita' li nsemma leħni u li nieħu sehem f'dibattitu dwar dan minħabba ċirkostanzi li jiena ma kellix kontroll fuqhom, u għaldaqstant jiena ser insib mezzi oħra sabiex il-messaġġ tiegħi jasal fejn għandu jasal. Ħafna qegħdin iqisuni bħala persuna kontroverjali u radikali minħabba din il-pożizzjoni li ħadt, iżda nippreferi mitt bniedem jgħidli kontroversjali milli bniedem wieħed jgħidli ipokrita. Agħmlu l-parti tagħkom intom ukoll billi tagħtu l-appoġġ tagħkom lil kampanji ta' karita' li qegħdin iwasslu għajnuna umanitarja f'Gaża u billi jkollkom sehem attiv fi protesti u kampanji sabiex flimkien niġġieldu lit-tirannija Iżraeljana u nuru d-diżapprovazzjoni u l-għajb tagħna għall-pożizzjoni ipokrita u inġusta li ħadet l-Unjoni Ewropea u l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, illi għażlu li jappoġġjaw stat terrorista. Jiena niddikjara solidarjeta' assoluta mal-poplu tal-Palestina.
الثورة!
Eman Farrugia,
Amministratur.
Stqarrija maħruġa llum, 1 ta' Novembru 2023.
***
AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.
Comments