top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

OPINJONI: TAGĦLIMA LIX-XELLUG POLITIKU.


L-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti reġgħu mill-ġdid intrebħu mill-kandidat tar-Repubblikani Donald Trump, b'telfa elettorali sinifkanti għall-kandidata tad-Demokratiċi Kamala Harris.


Ir-riżultat ma ħasadnix!


Mas-sebħ tal-Erbgħa, 6 ta' Novembru, bakkart kmieni iżjed mis-soltu sabiex nsegwi r-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti; elezzjonijiet li għandhom ikunu ta' interess għalina lkoll. Qajla domt sabiex nintebaħ illi din l-elezzjoni kienet se ssarraf f'rebħa elettorali soda għall-kandidat tal-Partit Repubblikan Donald Trump, u telfa għall-kandidata tal-Partit Demokratiku Kamala Harris. Nammetti li dan ir-riżultat ma kien sorpriża xejn għalija, għaliex kif jgħidu; ''the writing was on the wall.'' Hemm bosta raġunijiet li wieħed jista' jsemmi sabiex jispejga għalfejn il-Partit Demokratiku kiseb dan ir-riżultat; il-mod kif l-amministrazzjoni ta' Biden aġġixxiet rigward il-kunflitti ġewwa l-Ukrajna u Gaża, il-fatt illi l-kandidata tad-Demokratiċi kienet kontinwazzjoni tal-amministrazzjoni eżistenti u l-isfidi kbar illi qiegħda tiltaqa' magħhom il-klassi tal-ħaddiema fl-Istati Uniti; inklużi n-nuqqas ta' affordabbilita' ta' servizzi bażiċi bħas-saħħa u rati qawwija u inkontrollabbli ta' inflazzjoni.


Wieħed jista' jibqa' għaddej u għaddej, u jibqa' jsib raġunijiet oħrajn validi li jispjegaw ir-riżultat. Iżda naħseb illi nistgħu niġbru r-raġunijiet kollha li waslu għal dan ir-riżultat elettorali f'sentenza waħda li qal is-Senatur Demokratiku Bernie Sanders fi stqarrija ftit sigħat biss wara t-tħabbira tar-riżultat.


“It should come as no great surprise that a Democratic Party which has abandoned working class people would find that the working class has abandoned them.”

Meta qrajt din is-sentenza sammritni. Nemmen li għandha sservi ta' twiddiba b'saħħitha għall-partiti politiċi kollha xellugin illi qegħdin jitbiegħdu mill-prinċipji u l-premessi fundamentali li bihom u għalihom huma twaqqfu. Minkejja li dak li qal is-Senatur Bernie Sanders huwa b'referenza għall-Partit Demokratiku, nemmen illi dak li qal jgħodd anke għax-xellug lil hinn mill-Istati Uniti. Il-Partit Demokratiku evidentament tilef ir-relevanza politika tiegħu għall-klassi tal-ħaddiema għaliex din il-klassi soċjali bir-raġun m'għadhiex tħossha rappreżentata minn dan il-partit. Il-Partit Demokratiku, bħall-maġġoranza tax-xellug fl-Ewropa, qiegħed jeskludi l-filosofija Marksista ta' 'class struggle' sabiex jiffoka fuq attiviżmu politiku bbażat fuq 'identity politics'. Bl-ebda mod qiegħed nimplika li mhuwiex imperattiv illi x-xellug jiffoka il-ħarisen tad-drittijiet ta' minoranzi marġinalizzati, għaliex dak huwa wkoll prinċipju fundamentali xellugi li għandu jkun prijorita' fl-attiviżmu politiku xellugi. Iżda wieħed ikun qiegħed jitfa' l-karettun qabel il-ħmar jekk jiffoka fuq id-drittijiet ċivili ta' grupp marġinalizzat mingħajr ma jassigura tqassim ġust u ekwu tal-ġid ekonomiku. L-ebda grupp soċjali ma jista' jkun verament ħieles f'soċjeta' b'kapitaliżmu bla kontroll fejn minoranza qiegħda taħtaf il-poter politiku u l-ġid ekonomiku għall-gwadann tagħha għas-skapitu tal-kumplament tas-soċjeta'.


Wisq nibża' li l-firxa tal-kunċett ta' identity politics' fl-aħħar diċenju wassal sabiex ix-xellug politiku ġie lluppjat u b'konsegwenza t'hekk aljenat mill-veru missjoni politika tiegħu. Dan il-kunċett, illi jibbaża fuq il-fragmentazzjoni u l-firda tax-xellug politiku f'fergħat iżgħar abbażi ta' kwistjonijiet bħal etniċita', ġeneru, sesswalita' u twemmin reliġjuż ma jagħrafx il-fatt illi l-oppressjoni kollha kontra kwanlunkwe sezzjoni tas-soċjeta', inklużi diskriminazzjoni abbażi ta' etniċita', ġeneru, sesswalita' u twemmin reliġjuż għandha l-għeruq tagħha f'sistema ekonomika inġusta bbażata fuq l-isfruttament fil-konfront tal-proletarju. Il-problema ta' xellugin fiċ-ċentru tal-ispettru politiku huwa li jaħsbu li tista' tinkiseb ugwaljanza soċjali f'soċjeta' b'sistema ekonomika li hija x-xempju ta' inugwaljanza; żewġ realtajiet li huma inkongruenti ma' xulxin. Filwaqt illi fil-kampanja elettorali tal-Partit Demokratiku ssemmew bosta miżuri meħtieġa sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta' protezzjoni ta' minoranzi, ftit li xejn issemmew miżuri sabiex jindirizzaw realtajiet li qegħdin iweġġgħu lill-proletarji kollha fl-Istati Uniti; fosthom l-inugwaljanza ekonomika li dejjem qiegħda tikber bejn klassijiet soċjali fl-Istati Uniti.


L-aljenazzjoni tax-xellug politiku mit-taqbida kontra l-inugwaljanzi fil-klassijiet soċjali ibbenefikat biss lill-klassi soċjali dominanti li ħatfet għaliha l-poter politiku u l-ġid ekonomiku għas-skapitu tal-klassi tal-ħaddiema. Filfatt, nemmen illi kienu dawn l-istess individwi; il-wieħed fil-mija tas-soċjeta'; illi attivament ħadmu favur iż-żieda fil-popolarita' tal-kunċett ta' identity politics'. Fis-sena 2011, il-moviment Occupy Wall Street; moviment fl-Istati Uniti li ġie maħluq sabiex jorganizza protesti u dimostrazzjonijiet kontra l-inugwaljanzi ekonomiċi fil-pajjiż, beda jikber b'mod rapidu fil-popolarita' u saħansitra nfirex fil-kumplament tad-dinja tal-Punent. X'bdiet tagħmel minn dakinhar 'il quddiem il-midja Amerikana li hija kkontrollata mill-istess individwi li dan il-moviment beda jopponi? Bdiet ixxerred narrattivi sabiex ibiddlu l-aġenda tal-politika xellugija minn waħda bbażata fuq taqbida bejn klassijiet soċjali għal waħda bbażata fuq taqbida bejn etniċitajiet, ġeneri, sesswalitajiet u twemmin reliġjuż - minn waħda bbażata fuq taqbida bejn l-oppressat u l-oppressur għal waħda bbażata fuq taqbida bejn l-oppressati stess. Din hija t-traġedja li ħakmet lix-xellug politiku li jiena nappartjeni għalih. Irridu nerġgħu nfakkru lilna nfusna sabiex ma nħallux kunċetti soċjali jifirduna. Irridu nibqgħu ffokati sabiex niġġieldu kontra sistema ekonomika li taħdem għal ftit u nitħabtu għal waħda li taħdem għal kulħadd. Huwa biss f'dak il-mument illi kull inidividwu oppressat ikun verament meħlus.


Statistiċi juri l-frekwenza ta' kliem użat fuq il-midja li huwa relatat ma' etniċita', ġeneri, sesswalitajiet u twemmin reliġjuż żdiedet b'mod konsiderevoli fl-aħħar diċenju. Innotaw kif din iż-żieda bdiet tiela' partikolarment wara l-firxa tal-moviment Occupy Wall Street fil-bidu tad-diċenju l-ieħor.


L-inugwaljanzi ekonomiċi eżistenti sabiex il-poter politiku ġie kkonċentrat f'idejn il-wieħed fil-mija elitista u għalhekk ittieħed minn idejn il-maġġoranza; theddida evidenti għall-integrita tal-prinċipju fundamentali tad-demokrazzjoni li jsostni li l-poter għandu jkun ikkonċentrat f'idejn il-maġġoranza. Meta wieħed jagħti ħarsa lejn il-mod kif titħaddem il-politika fl-Istati Uniti, malajr jintebaħ illi din hija sistema fejn grupp esklussiv ta' individwi għonja u korporazzjonijiet maġġuri (partikolarment kumpaniji li jiffokaw fuq il-produzzjoni tal-armamenti) għandhom l-abbilita' li jinfluwenzaw il-politika sabiex issir b'mod li tivvantaġġja lilhom. Jiġi f'moħħi l-kliem tal-eks President Amerikan Dwight Eisenhower, illi fl-aħħar diskors tiegħu bħala president kien wissa dwar it-theddida imminenti għad-demokrazija jekk jibqa' jiżdied b'mod bla kontroll l-influwenza politika li għandhom kumpaniji tal-produzzjoni tal-armamenti. Dan id-diskors għadu jgħodd sal-lum; għaliex illum wieħed għadu jista' josserva kif il-politika Amerikana hija ddominata minn gruppi ta' 'lobbying' illi essenzjalment jixtru l-politikanti u jinfluwenzaw il-mod kif titħaddem politika tagħhom skont l-interessi tagħhom. Eżempju ċar ta' grupp ta' 'lobbying' politikament b'saħħtu fl-Istati Uniti huwa A.I.P.A.C. (American Israel Public Affairs Committee); illi infiltra ż-żewġ partiti politiċi fuq l-ispettru politiku tal-Istati Uniti; infiltrazjoni li wasslet sabiex iż-żewġ partiti politiċi Amerikani addottaw rettorika favur l-Iżrael fid-dawl tal-atroċitajiet li qegħdin iseħħu f'Gaża. Il-mod kif il-Partit Demokratiku qiegħed iħalli lilu nnifsu sabiex jiġi influwenzat b'mod bla kontroll minn dawn il-gruppi ta' 'lobbying' sabiex jassigura li jieħu il-finanzjament li jeħtieġ qiegħed iwassal sabiex dan il-Partit qiegħed jaddotta pożizzjonijiet li iżjed jirriflettu dak li jixtiequ l-minoranza ta' individwi għonja li qiegħda tiffinanzjah milli x'tixtieq il-maġġoranza tal-votanti li tradizzjonalment jaffiljaw ruħhom mal-Partit Demokratiku. Wieħed seta' jinnota kif votanti Għarab-Amerikani, li tradizzjonalment jivvotaw għall-Partit Demokratiku, tilfu l-fiduċja fil-Partit Demokratiku minħabba l-mod kif l-amministrazzjoni ta' Biden qiegħda tiffinanzja u tappoġġja l-assalt Iżraeljan ġewwa Gaża; amministrazzjoni li Harris kienet kontinwazzjoni tagħha.


Evidentament ma kienx biżżejjed għall-votanti Amerikani li jappartjenu għall-klassi tal-ħaddiema sabiex jivvotaw għall-kandidata tad-Demokratiċi sempliċiment bħala vot kontra Donald Trump. Il-kampanja ta' Harris naqset milli tindirizza l-isfidi li qiegħda tiltaqa' magħhom din il-klassi soċjali fil-ħajja ta' kuljum. Mingħajr ebda dubju, raġuni ewlenija għall-mod kif il-Partit Demokratiku spiċċa tant iddistakkat mill-klassi tal-ħaddiema kien il-fatt illi l-Partit Demokratiku qiegħed iħalli lilu nnifsu jiġi maħtuf mill-interessi ta' ftit individwi għonja. Il-klassi tal-ħaddiema Amerikana qiegħda f'sitwazzjoni prekarja iżjed minn qatt qabel; illum, 60% tal-poplu Amerikan jgħix fuq paga għall-oħra u mhumiex qegħdin jirnexxielhom ifaddlu flushom minħabba r-rati eżorbitanti ta' inflazzjoni li dejjem qegħdin jiżdiedu. Naturalment, partit politiku maħtuf mill-interessi ta' individwi għonja, li qegħdin isiru iżjed sinjuri minn qatt qabel minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet ta' prodotti essenzjali, bl-ebda mod mhuwa ser jirnexxielu jifhem u jirrelata mat-tbatijiet tal-proletarjat li mhuwiex ilaħħaq mal-ispejjeż ta' kuljum. Għaliex kif qatt jista' partit politiku mixtri mill-wieħed fil-mija tas-soċjeta' jifhem dak illi qegħdin iġarrbu l-bqija? Illum nazzarda ngħid illi fl-Istati Uniti m'hemmx demokrazija; hemm biss oligarkija li ħatfet iż-żewġ partit politiċi ewlenin fis-sistema politika taħt il-kontroll tagħha sabiex tmexxi 'l quddiem l-interessi tagħha għas-skapitu tal-bqija tal-poplu; partikolarment tal-proletarju li ma jistenna xejn mill-partit tiegħu ħlief illi jagħtih d-dritt fundamentali bażiku li jgħajjex lilu nnifsu u lill-familja tiegħu. Sistema fejn l-interessi tal-ftit jistgħu jixtru partit politiku u jinfluwenzaw il-ħidma politika tiegħu b'mod li jmur kontra l-interessi tal-bqija tal-poplu mhijiex sistema ta' demokrazija.


Hija biss oligarkija mlibbsa ta' demokrazija.


U hawnhekk fejn aħna x-xellugin Maltin irridu noqgħodu attenti - għaliex dan illi qiegħed ngħid jgħodd ukoll għas-sitwazzjoni politika ġewwa Malta. Jekk m'aħniex se nibdew minn issa naħdmu sabiex il-finanzjament taż-żewġ partiti politiċi tagħna jsir b'mod pubbliku u mhux minn individwi privati li qegħdin jixtru l-politikanti tagħna; id-demokrazija tagħna tista' tintilef. Diġa' bdiet tintilef. Ħarsu lejn il-mod kif iż-żewġ partiti politiċi tagħna jġibu ruħhom ma' individwi għonja fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni u tintebħu kemm is-sitwazzjoni tagħna hija prattikament simili għal dik illi ddiskrivejt qabel fl-Istati Uniti. Il-klassi tal-ħaddiema f'Malta huma għatxna għall-partit politiku li jindirizza t-tbatijiet li jġarrab fuq bażi ta' kuljum; in-nuqqas ta' affordabbilita' ta' proprjeta', iż-żieda fl-inflazzjoni u d-degredazzjoni tal-ambjent. Ovvjament dawn il-problemi jaffettwaw lil kull individwu fis-soċjeta' tagħna, iżda jaffettwaw b'mod iżjed prevalenti lil dawk li jappartjenu għall-klassi tal-ħaddiema. Bħala partit politiku li twaqqaf bħala l-partit tal-ħaddiema, huwa l-Partit Laburista li għandu jkun fuq ta' quddiem sabiex jipproteġi l-interessi ta' din il-klassi soċjali, iżda wisq nibża' li dan il-partit politiku mhuwiex se jkun jista' jkompli jaqdi din il-missjoni fdata lilu jekk qatt xi darba jħalli l-interesss tan-negozjant jiġi bejnu u l-interess tal-ħaddiem; sitwazzjoni li tista' tiġri jekk is-sistema politika tagħna se tibqa' staġnata bil-mod kif inhi preżentament. Ikun propju f'dak il-mument illi l-klassi tal-ħaddiema tabbanduna lill-Partit Laburista, għaliex tibda tħoss illi l-Partit Laburista tkun abbandunat lilha - l-istess kif qiegħed jiġri lill-Partit Demokrartiku fl-Istati Uniti. Kwistjonijiet preżenti bħall-każ tal-iżvilupp ġewwa s-sit ta' Villa Rosa f'San Ġiljan huma xhieda ta' kemm hija reali t-theddida li x-xellug politiku f'pajjiżna wkoll jiġi mnessi u aljenat mill-veru missjoni politika u l-identita' awtentika tiegħu. Għall-klassi tal-ħaddiema tagħna, it-tali sitwazzjoni tkun traġedja.


Għadu mhuwiex tard wisq għax-xellug politiku f'pajjiżna sabiex jagħraf id-dgħjufijiet tax-xellug fl-Istati Uniti u jieħu tagħlima minnhom sabiex nirriflettu - għadu jeżisti xellug f'pajjiżna? Jekk iva, ix-xellug politiku riesaq wisq lejn iċ-ċentru? Ix-xellug politiku tilef il-kuntatt mal-klassi tal-ħaddiema? Bħala persuna li tqis lilha nnifsha bħala soċjalist xellugi, naħseb illi dawn huma mistoqijiet relevanti għall-kuntest politiku lokali preżenti u li għandhom jiġu diskussi fost ix-xellug politiku Malti; inkluż fil-Partit Laburista. Issa huwa ċ-ċans għax-xellug politiku sabiex jieqaf, jirrifletti u jibda jaġixxi.

130 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page