Il-Front Maltin Inqumu twaqqaf mill-eks-Prim Ministri ta' Malta u eks-mexxejja tal-Partit Laburista Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici.
Il-Front Maltin Inqumu Jistaqsi; x'Sovranita'? - Vistu għan-Newtralita'.
Fl-okkażjoni tal-ħamsin sena anniversarju mill-kisba tar-Repubblika, il-Front Maltin Iqumu organizza attivita' fl-għodwa tal-Ġimgħa, 13 ta' Diċembru 2024, Jum ir-Repubblika, bl-isem '' Il-Front Maltin Inqumu Jistaqsi; X'Sovranita'? - Vistu għan-Newtralita' ''.
Il-kelliema f'din l-attivita' kienu Raphael Borg, Eman Farrugia, Anthony Calleja, Josef Masini Vento, Yana Mintoff u Sammy Meilaq. Il-kelliema ddikjaraw l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-politika tan-newtralita' u non-allineament minquxa fil-Kostituzzjoni ta' Malta, u sostnew li l-poplu Malti ma jistax verament jiċċelebra s-sovranita' sħiħa li ngħatatlu ħamsin sena ilu permezz tal-kisba tar-Repubblika fid-dawl ta' vjolazzjonijiet konsistenti li qegħdin iseħħu kontra l-integrita' tan-newtralita' u l-integrita' territorjali ta' Malta. L-attivita' nżammet f'Misraħ Kastilja fil-Belt Valletta.
Dikjarazzjoni favur in-newtralita' ta' Malta minn Eman Farrugia.
Qegħdin hawn illum għaliex filwaqt li llum bħala poplu Malti qegħdin niċċelebraw ħamsin sena mill-kisba tas-sovranita' sħiħa tagħna, permezz tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika, dawk illi suppost huma l-gwardjani ta' din il-kostituzzjoni qegħdin ikasbruha; u qegħdin ikasbruha billi jsakbru l-politika tan-newtralita' minquxa fiha.
Iż-żewġ partiti politiċi tagħna jinsabu f'kollużjoni sabiex il-politika jeqirduha u minflok iridu Malta servili lejn l-imperjaliżmu u l-militariżmu, Malta li minflok taħdem attivament għall-paċi taqla' l-għajxien tagħhha mill-gwerer. B'liema dritt jeqirdu dak illi missirijietna tħabtu għalih sabiex aħna jkollna s-sovranita' sħiħa tagħna?
It-tkasbir tan-newtralita' qegħdin narawh madwarna b'mod ċar fuq bażi ta' kuljum; iż-żieda ta' żjarat ta' bastimenti militari fl-ibħra u l-portijiet Maltin, il-pressjoni diretta mill-Istati Uniti biex Malta ma tiddefendix u ma tirrikonoxxix id-drittijiet tal-Palestinjani, il-qrubija dejjem tiżdied bejn Malta u l-alleanza tan-N.A.T.O.; dan filwaqt illi l-Unjoni Ewropea wkoll miexja lejn il-militariżmu.
Quddiem dan kollu l-messaġġ tagħna huwa ċar; il-Mediterran m'għandux bżonn iżjed militariżmu, il-Mediterran mhuwiex monopolju tal-Punent jew tal-Ilvant. Kif qal sewwa l-Perit Dom Mintoff; ''ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.''
Fi żmien ta' instabbilita' qawwija fir-reġjun tagħna, kien ta' diżappunt kbir illi Malta ma użatx l-opportunitajiet li kellha; kemm fin-Nazzjonijiet Uniti u kemm fl-O.S.C.E. sabiex tipprijoritizza l-bżonn ta' stabbilita' fil-Mediterran; b'mod partikolari fil-Palestina, fil-Libanu, fis-Sirja u fil-Libja; u minflok ipprijoritizzajna l-interessi ta' ħaddieħor.
Jiena nistaqsi; kemm-il darba tlissnet il-kelma ''Mediterran'' waqt il-konferenza tal-O.S.C.E. li saret riċentament?
Irridu niftakru li Mediterran sigur huwa fl-interess tas-sovranita' tagħna. Irridu niftakru li aħna Mediterranji qabel ma aħna l-Ewropej, u li l-interessi tal-Ewropa ta' Fuq u tal-bqija tal-Punent mhumiex dejjem l-istess għal dawk tal-Mediterran.
U proprju għalhekk għandna bżonn nikkonservaw in-newtralita'; dik li fetħitilna l-orizzonti għal ħbiberiji ġodda, għall-paċi u għall-progress fir-reġjun tagħna. Kienet in-newtralita' li tatna l-opportunita' sabiex ngħinu nġibu t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda u ċertament in-newtralita' tista' tgħinna jkollna sehem fit-tmiem tal-Gwerra l-Bierda tal-lum.
In-newtralita' hija obbligu tagħna lejn il-ġirien tagħna Mediterranji u hija obbligu tagħna lejna nfusna, u l-ebda persuna, l-ebda politikant u l-ebda Prim Ministru ma għandu dritt jeqridha għal skopijiet illi jmorru kontra l-interess nazzjonali tagħna.
Irridu niftakru li Malta non-allineata hija Malta sovrana li tista' taħdem għall-paċi.
M'hemmx Kompromessi man-Newtralita' Tagħna.
Malta Newtrali Hija Malta Sovrana!
Comments