STQARRIJA DWAR L-IŻVILUPPI RIĊENTI ĠEWWA S-SIRJA.
Dak li qiegħed jiġri preżentament ġewwa s-Sirja huwa straordinarju.
Tassew għandhom raġun meta jgħidu li hemm diċenji fejn ma jseħħ xejn, u li hemm ġimgħat fejn iseħħu d-diċenji. Fil-każ tas-Sirja dan kien biss ftit inqas minn perjodu ta' ġimagħtejn!
Personalment nilqa' b'ferħ u sodisfazzjon il-waqa' tar-reġim dittatorjali ta' Bashar Al-Assad li ilu jmexxi lill-poplu Sirjan bi brutalita' u ripressjoni tirannika għal dawn l-aħħar 24 sena. Sabiex wasal dan il-jum ta' liberazzjoni, il-poplu Sirjan kellu jgħaddi minn gwerra ċivili mdemmija li baqgħet tippersisti għal tlettax-il sena sħaħ. Gwerra ċivili li bdiet minn kitba sempliċi revoluzzjonarja miktuba minn tifel fuq ħajt ta' skola, u li eskalat sal-punt li fiha ġew immasakrati nofs miljun persuna mill-gvern tagħhom stess; dak li kellu jkun hemm sabiex jipproteġihom; filwaqt li 12-il miljun persuna oħra ġew spostati u kellhom jaħarbu minn arthom f'dik li rriżultat bħala l-agħar kriżi umanitarja fir-reġjun tal-Mediterran. Il-waqa' ta' Damasku fissret it-tmiem ta' reġim despotiku illi kien jimmaskra, jittortura u jattakka lil niesu stess. Reġim li żera' kultura ta' impunita' u biża' li kienet tikkaratterizza l-perjodu tal-waħx ta' tmexxija minn Assad. Reġim qattiel u kriminali li ċaħħad lil niesu minn drittijiet umani fundamentali bl-għan illi jikkonsolida l-poter għas-skapitu tal-interess nazzjonali Sirjan.
Il-futur tas-Sirja xorta waħda għadu mċajpar u inċert, u għalkemm kuntent bit-triq illi għażel il-poplu Sirjan għalih innifsu, il-ġejjieni tas-Sirja xorta waħda jinkwetani. Minkejja dan l-inkwiet, nemmen li xorta waħda wieħed għandu jħares lejn il-ġejjieni tas-Sirja b'tama; tama fil-ħila tal-poplu Sirjan. Poplu li minkejja kull ostaklu misjub minnu quddiemu, dejjem irnexxielu joħroġ trijunfanti u rebbieħ kif rajna f'dawn evidentament f'dawn l-aħħar sigħat. Il-poplu Sirjan huwa werriet ta' ġenerazzjoni Għarbija qalbiena, u issa huwa sta għal kull wieħed u waħda minna sabiex nuru appoġġ b'kwalunkwe mod possibbli lil dan il-poplu sabiex ikun jista' jerġa' jgħix f'pajjiż stabbli kif jistħoqqlu kull poplu. Naf b'ċertezza li s-Sirja huwa pajjiż b'potenzjal enormi, u huwa fl-interess tar-reġjun tal-Mediterran kollu li dan il-potenzjal jintlaħaq. Fadal ħafna x'għad irid isir sabiex dan il-potenzjal jibda jintlaħaq.
Huwa essenzjali li elementi minn fost l-oppożizzjoni Sirjana jibdew jiġu ppurifikati minn elementi ta' estremiżmu politiku u reliġjuż. Ninsab ċert illi s-Sirjani tar-rieda tajba jridu stat sovran, demokratiku u sekulari bbażat fuq il-koeżistenza reliġjuża u r-rispett lejn il-minoritajiet. Rigward il-minoritajiet, huwa essenzjali li jsiru l-passi meħtieġa sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-oppożizzjoni Sirjana u l-minoritajiet Kurdi fis-Sirja; passi li jistgħu jsiru biss jekk tiġi mnaqqsa l-influwenza tat-Turkija fit-tmexxija tal-oppożizzjoni Sirjana. Nisħaq illi kwalunkwe intervenzjoniżmu u influwenza politika barranija żejda f'dan il-mument fraġli ta' tranżizzjoni; tiġi minn fejn tiġi; tista' tagħmel biss ħsara u mhux ġid. Għalhekk huwa mill-iżjed diżappuntanti li l-Punent ma kkundannax il-manuvri aggressivi u imperjalisti tal-Iżrael, illi preżentament qiegħed jistabbilixxi influwenza fis-Sirja billi jinvadi artijiet Sirjani qrib l-Għoljiet tal-Golan; territorju Sirjan li ilu okkupat illegalment mill-Iżrael sa mill-1967. Il-Punent għandu jitgħallem mill-falliment ta' attentati passati sabiex ikun hemm tranżizzjoni lejn id-demokrazija wara l-waqa' ta' reġim; bħalma ġara fl-Iraq fl-2003 u fil-Libja fl-2011; u għalhekk dan għandu jkun mill-iżjed kawt fil-passi li jittieħdu minn issa 'l quddiem rigward il-ġejjieni tas-Sirja. Ir-reġjun tal-Ilvant Nofsani ma jiflaħx ikollu iżjed pajjiżi dgħajfa u instabbli. Jeħtieġ illi t-tranżizzjoni eventwali lejn id-demokrazija fis-Sirja tkun waħda trasparenti, ġusta u fuq kollox suċċess.
Nisħaq li l-poplu Sirjan huwa sovran u huwa biss għandu jkollu l-jedd li jiddeċiedi fuq id-destin tiegħu, u ħadd m'għandu jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni vulnerabbli preżenti sabiex joħloq iżjed destabilizzazzjoni għall-gwadann tal-interessi tiegħu li ma jirriflettux l-interessi tal-poplu Sirjan. Nagħmel appell lill-gvern Malti sabiex jisħaq lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea sabiex filwaqt illi jirrispettaw is-sovranita' tal-poplu Sirjan, jagħmlu minn kollox sabiex attivament jgħinu fil-proċess ta' tranżizzjoni fis-Sirja. Apparti li Sirja stabbli tkun ta' benefiċċju l-ewwel u qabel kollox lill-poplu Sirjan, irridu nirrikonoxxu li r-reġjun tal-Mediterran diġa' huwa wieħed vulnerabbli minħabba l-instabbilita' ikkaġunata mis-sitwazzjoni ġeopolitika kontemporanja fir-reġjun. Fost l-isfidi li r-reġjun tal-Mediterran qiegħed jesperjenza hemm l-espansjoni tal-Al Qaeda tal-Maghreb lejn l-Afrika ta' Fuq, l-instabbilita' politika fil-Libja, it-tensjonijiet li dejjem qegħdin jgħolew bejn il-Marokk u l-Alġerija, il-ġenoċidju u l-kriżi umanitarja ġewwa l-Medda ta' Gaża u l-bqija tat-Territorji Palestinjani, u l-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Baħar Mediterran. Il-Mediterran huwa dak il-punt fejn tliet kontinenti; l-Afrika, l-Ażja u l-Ewropa; jiltaqgħu, u għalhekk Mediterran iżjed stabbli jkun fl-interess ta' kulħadd.
Il-bini mill-ġdid tas-Sirja f'pajjiż demokratiku u sigur għal niesu toffri tama ġdida kemm lill-poplu Sirjan u kemm lir-reġjun Mediterranju kollu. Is-sigħat li ġejjin se jkunu kruċjali ħafna għas-Sirja. Nerġa' ntenni mill-ġdid l-appoġġ u s-solidarjeta' tiegħi mal-poplu Sirjan kollu, partikolarlment il-komunita' Sirjana f'Malta. Nifraħ magħhom fil-kisba tagħhom ta' liberazzjoni mill-ħakma oppressiva u dittatorjali tal-imgħoddi; kisba li ssarraf f'tama ġdida għall-ġejjieni tal-għażiża art twelidhom. Nagħlaq b'kwotazzjoni tal-eks-President Amerikan John F. Kennedy, li qal hekk ''Those who make peaceful revolution impossible will make violent revolution inevitable.'' Nittama li din il-frażi tibda tidwi iżjed f'moħħ dawk il-mexxejja fostna li bħad-dittatur Assad għadhom jaħsbu li jistgħu jgħaddu minn fuq nieshom b'kwalunkwe mezzi bl-għan illi jipproteġu l-qagħda tagħhom fuq is-siġġu tal-poter.
دكتور ، انتهى دورك
Eman Farrugia,
Amministratur.
Stqarrija maħruġa llum, 10 ta' Diċembru 2024.
Comments