'' L-Istati Uniti użat it-traġedja tal-11 ta' Settembru sabiex twettaq traġedji kontinwi fl-Ilvant Nofsani għal snin sħaħ li għaliha sofrew miljuni ta' ċittadini għal reat illi huma ma wettqux. ''
Fil-jum tal-11 ta' Settembru ta' kull sena, id-dinja tieqaf u tirrifletti dwar it-traġedja li kienet f'dan il-jum lura fis-sena 2001. Fl-għodwa ta' dak il-jum, grupp ta' terroristi ħatfu erba' ajruplani sabiex iwettqu għadd ta' attakki terroristiċi billi jiggwidaw dawn l-ajruplani maħufa, li fil-ħin tal-attakki terroristiċi kienu għadhom miżgħuda b'mijiet ta' passiġġieri, għal ġo binjiet prominenti fl-Istati Uniti; żewġ ajruplani intużaw sabiex jintlaqtu it-torrijiet taċ-Ċentru Dinji għall-Kummerċ ġewwa Manhattan, fl-istat ta' New York, ajruplan wieħed intuża sabiex jintlaqat il-kwartieri tad-Departiment għas-Sigurta' f'Arlington County fl-istat ta' Virginia filwaqt li ajruplan ieħor ġie maħtuf bl-iskop sabiex bih setgħet tintlaqat xi binja prominenti fid-Distrett ta' Colombia (Washington D.C.) iżda dan ma seħħx minħabba li l-ajruplan spiċċa mwaqqa' ġo għalqa fil-kampanja f'Shanksville, fl-istat ta' Pennsylvania, wara li l-passiġġieri ħadu lura l-kontroll tal-ajruplan minn idejn it-terroristi. B'kollox, mietu madwar 3,000 persuna f'dik l-għodwa traġika, bil-maġġoranza tal-vittmi jkunu b'konsegwenza tal-attakki terroristiċi li kienu saru fl-istat ta' New York. F'dik l-għodwa, eluf ta' ħaddiema marru għax-xogħol fit-torrijiet taċ-Ċentru għall-Kummerċ Dinji ġewwa Manhattan sabiex imantnu lill-familji tagħhom u jaqilgħu l-għijxien, iżda uħud minn dawk l-eluf ma kinux konxji li l-post tax-xogħol tagħhom kellu wkoll ikun il-post fejn ħajjithom kellha tintemm ħesrem. Iż-żewġ torrijiet ikoniċi, li kienu jikkonsistu f'110 sular kull wieħed, sfaw milquta mill-ajruplani u bosta ħaddiema spiċċaw maqbuda ġewwa l-binjiet li kienu saru ħuġġieġa bin-nirien jaqbdu li ġew ikkawżati mill-impatt tal-ajruplani. F'perjodu qasir ta' ftit sigħat, iż-żewġ torrijiet, li matul l-aħħar diċenji tas-seklu għoxrin kienu simbolu ikoniku tal-qawwa ekonomika tal-Istati Uniti, spiċċaw iġġarfu għal kollox. Mijiet ta' pompiera u uffiċjali tal-ordni li ġew imsejħa fuq is-sit sabiex jassistu lill-mijiet ta' feruti u lill-mijiet oħra li kienu għadhom maqbuda ġewwa t-torrijiet spiċċaw tilfu ħajjithom traġikament fil-waqt li t-torrijiet waqgħu u ġġarfu. L-attakki kkawżaw ukoll ħsarat strutturali kbar, b'mod partikolari fil-belt ta' New York, ħsarat li b'kollox kienu jammontaw għal madwar $10 biljun. Snin wara, illum id-distrett bieżel ta' Manhattan huwa mill-ġdid iċ-ċentru tal-kummerċ u tan-negozji fl-Istati Uniti; l-attivita' ekonomika reġgħet ħadet il-ħajja filwaqt li s-siti mġarrfa reġgħu ġew mibnija mill-ġdid. Iżda minkejja li l-ekonomija reġgħet ħadet il-ħajja u s-siti mġarrfa reġgħu ġew mibnija mill-ġdid, in-niket u t-telf ta' ħajjiet innoċenti li ġabet magħha din it-traġedja għadu jinħass sal-lum. B'konsegwenza tal-attakki terroristiċi ta' dik l-għodwa, għadd ta' familji għadhom sal-lum jgħixu l-konsegwenzi kiefra ta' dik il-għodwa, għaliex għadhom sal-lum jistennew sabiex jerġgħu jiltaqgħu ma' xi ħadd għażiż li huma tilfu minħabba din it-traġedja; xi maħbub, xi ġenitur, xi wild jew xi ħadd ieħor għażiż għalihom. Anke uħud minn dawk li ma tilfux ħajjithom f'dik l-għodwa spiċċaw indirettament vittmi, għaliex uħud tilfu ħajjithom għadd ta' snin wara, minħabba mard illi bdew isofru minnu minħabba dawn l-attakki. Għalhekk mingħajr l-ebda dubju, l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru huma uħud mill-akbar traġedji ta' dan is-seklu u huwa tassew xieraq illi ta' kull sena d-dinja tieqaf u tirrifletti dwar il-kruha tat-terroriżmu u tal-fanatiżmu, illi kkawżaw il-qtil ta' eluf ta' ċittadini innoċenti fil-jum traġiku u kiefer tal-11 ta' Settembru.
L-effetti ta' din it-traġedja ma jista' jħassarhom ħadd u huwa minnu meta wieħed jsostni li dik l-għodwa ta' Settembru biddlet lid-dinja u lid-destin ta' ħafna persuni, li b'mod dirett jew indirett saru vittmi ta' din it-traġedja. Filwaqt li niftakru fil-memorja ta' 3,000 persuna li tilfu ħajjithom ġewwa l-Istati Uniti, għandna niftakru wkoll f'dawk il-miljuni ta' persuni oħra li nqatlu intortament fil-gwerer li l-Istati Uniti wettqet fl-Ilvant Nofsani, li kienu xprunati mit-traġedja tal-11 ta' Settemnbru. Il-gvern ċentrali tal-Istati Uniti, li kien jaf li ċ-ċittadini Amerikani kienu għadhom jinstabu fi żmien ta' għawġ, niket u konfużjoni, sfrutta din is-sitwazzjoni sensittiva sabiex iqanqal bosta kontra l-ġnus tal-Ilvant Nofsani, b'mod partikolari kontra l-ġens tal-Iraq, minħabba li kienu suppożizzjonijiet aċċettati li l-Iraq kien il-pajjiż responsabbli għall-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru u li l-imsemmi pajjiż kellu preżenza ta' armi tal-qerda tal-massa, għalhekk seta' kien ta' periklu globali. Iż-żewġ suppożizzjoniet wara nstabu li kienu suppożizzjonijiet foloz u li ma kien hemm l-ebda evidenza reali li biha dawn is-suppożizzjonijiet setgħu ġew issostanzjati. Il-gvern ċentrali tal-Istati Uniti dan kien konxju tiegħu, iżda l-President Amerikan, George W. Bush xorta ried ta' bilfors illi jiddikjara gwerra fuq l-Iraq u jinvadi lil dan il-pajjiż. Minkejja li din id-deċiżjoni ma kinitx appoġġjata mill-pajjiżi membri kollha tan-N.A.T.O., billi l-Istati Uniti hija l-aktar pajjiż membru influwenti u dominanti f'din l-alleanza, dawn bħal '' pupazzi '' kellhom ibaxxu rashom għall-invażjoni tal-Iraq illi kienet ġiet imnedija mill-amministrazzjoni tal-President Amerikan, Bush, invażjoni li rċiviet appoġġ sostanzjali minn uħud mill-mexxejja tal-pajjiżi tal-punent, fosthom mill-Prim Ministru tar-Renju Unit, Tony Blair. L-Istati Uniti flimkien ma' għadd ta' pajjiżi oħra, fosthom ir-Renju Unit, il-Polonja u l-Awstralja, ifformaw koalizzjoni sabiex jipparteċipaw fit-tnedija tal-invażjoni tal-Iraq. Waqt l-invażjoni tal-Iraq, l-Istati Uniti nstabet ħatja li wettqet għadd ta' delitti kontra l-umanita', delitti li eventwalment waslu għat-telf ta' aktar minn 1,200,000 ħajja ta' ċittadini Iraqini. Matul l-okkupazzjoni Amerikana fl-Ilvant Nofsani, għadd ta' membri militari tal-Istati Uniti żammew fil-kustodja tagħhom għadd ta' priġunieri, minkejja li ma kinux instabu ħatja ta' atti ta' terroriżmu jew ta' xi atti kriminali, u interrogawhom mingħajr ma ġew imħarsa d-drittijiet fundamentali ta' dawn il-priġunieri, billi dawn ma ngħatawx il-protezzjoni bażika li hija intitolata għalihom skont il-Konvenzjoni ta' Geneva u għalhekk dawn kienu suġġetti għall-arresti inġusti, każijiet ta' stupru, każijiet ta' abbuż, umiljazzjoni u saħansitra l-użu tat-tortura fuq il-priġunieri waqt l-interrogazzjonijiet, atti li għalihom huma responsabbli membri militari tal-Istati Uniti. Dawn il-każijiet ġew għall-attenzjoni tal-pubbliku biss wara li fl-2004 ġew deklassifikati għadd ta' ritratti mill-kamp ta' detenzjoni ta' Abu Ghraib, li kien qiegħed jintuża mill-koalizzjoni ta' pajjiżi mmexxija mill-Istati Uniti waqt l-invażjoni tal-Iraq. Dawn ir-ritratti kixfu d-delitti kontra l-umanita' li kienu qegħdin jitwettqu mill-pajjiżi tal-punent, b'mod partikolari mill-Istati Uniti. Huwa fatt magħruf li l-użu tat-tortura hija prassi li tintuża ta' spiss mill-militar Amerikan, prassi li tintuża fil-kamp tal-Bajja ta' Guatanamo f'Kuba u fl-għadd ta' kampijiet ta' detenzjoni li l-Istati Uniti kienet qiegħda tippossjedi waqt l-invażjoni tal-Iraq (2003-2011) u waqt l-invażjoni tal-Afghanistan (2001-2021), żewġ invażjonijiet li kienu parti mil-istrateġija tal-Istati Uniti sabiex iddgħajjef il-qagħda tal-Ilvant Nofsani. Għalhekk, nafu li l-każ ta' Abu Ghraib ma kienx każ iżolat, tant li fi Frar 2002, ġie maħruġ memorandum presidenzjali li awtorizza lill-interrogaturi Amerikani sabiex ma jagħtux protezzjoni bażika lill-priġuniera li kienu miżmuma fil-kampijiet tad-detenzjoni fl-Afghanistan. Dan jixhed kif l-abbużi u r-reati li twettqu minn uħud mill-membri tal-militar Amerikan fil-kampijiet tad-detenzjoni ma kinux b'kumbinazzjoni, iżda kienu parti minn pjan orkestrat maħsub b'mod dirett sabiex jimmina d-drittijiet fundamentali ta' dawn il-priġunieri. Kien filfatt l-imsemmi memorandum presidenzjali ta' Frar 2002 illi fetaħ il-bieb beraħ sabiex setgħu twettqu għadd ta' każijiet ta' ksur drittijiet bażiċi tal-imsemmija priġuniera, każijiet li kienu evidentament ksur sfaċċat tal-Konvenzjoni ta' Geneva u għalhekk dawn l-atti kriminali għandhom jiġu meqjusa bħala delitti kontra l-umanita'. Minkejja li l-amministrazzjoni ta' Bush kienet konxja tar-reati li kienu qegħdin jitwettqu fl-Iraq u fl-Afghanistan, ma ttieħdu l-ebda passi konkreti sabiex jitwaqqfu dawn l-abbużi u sabiex issir ġustizzja. Għalhekk, Bush huwa kompliċi mat-twettiq ta' dawn ir-reati. F'Ottubru 2006, il-Kungress tal-Istati Uniti approva għadd ta' emendi li kienu saru fil-liġijiet li kienu preżenti fil-'War Crimes Act', manuvra li saret purament sabiex tipproteġi lill-kriminali tal-gwerra Amerikani li għadd ta' wettqu reati fl-Iraq u fl-Afghanistan. Fost l-emendi li ġew introdotti, ġiet imneħħija l-prassi tal-'habeas corpus', prassi li essenzjalment kienet tagħti d-dritt sabiex priġunieri li ġew arrestati b'mod inġust setgħu jitolbu li ssir ġustizzja magħhom. L-emendi kienu ġew introdotti wara li kienu ġew approvati mill-President Bush, fatt ieħor li jixhed li Bush kellu l-intenzjoni maħsuba li jipproteġi akkost ta' kollox lill-membri tal-militar Amerikan illi għal snin sħaħ wettqu delitti kontra l-umanita' fir-reġjun tal-Ilvant Nofsani.
'' Kemm kien xieraq Nelson Mandela meta darba kien qal illi sabiex wieħed ikun jista' jiġġudika l-qagħda tal-liberta' ġo pajjiż, l-ewwel dan irid jikkunsidra kif l-istess pajjiż jittratta lill-ħabsin tiegħu! ''
Kif nafu, il-preżenza tat-truppi militari tal-Istati Uniti u tan-nazzjonijiet oħrajn tal-punent illi kienu kompliċi fit-twettiq tal-gwerer qalila fl-Ilvant Nofsani, xprunat it-twettiq ta' delitti kontra l-umanita' fl-għamla ta' ksur ta' drittijiet fundamentali, telf ta' ħajjiet ta' ċittadini u għadd ta' abbużi. Għalhekk, kien hemm biżżejjed evidenza konkreta li permezz tagħha setgħu ġew imressqa il-President Amerikan, George W. Bush u l-Prim Ministru Ingliż, Tony Blair quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex jgħaddu minn proċeduri kriminali rigward id-delitti kontra l-umanita' li twettqu matul il-preżenza ta' membri tal-militar ta' pajjiżhom fl-Ilvant Nofsani. Kif spjegajt, iż-żewġ mexxejja kienu konxja tagħhom u għalhekk kellhom iġorru r-responsabbilita' totali għalihom. M'hemm l-ebda ombra ta' dubju li Bush u Blair huma kriminali tal-gwerra, iżda sal-lum ma ttieħdu l-ebda passi konkreti sabiex dawn ipattu għad-danni li għamlu. L-Istati Uniti minn dejjem kienet tħossha mhedda mill-preżenza tal-Qorti Krimnali Internazzjonali, primarjament minħabba li dan il-pajjiż għandu r-reputazzjoni tiegħu mtappna b'għadd ta' reati tal-gwerra, illi twettqu minn truppi li huma membri tal-militar tal-pajjiż, waqt uħud mill-operazzjonijiet militari tagħha. Għalhekk, apparti li l-Istati Uniti qatt ma rratifikat l-Istatut ta' Ruma, li kien immarka t-twaqqif tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Istati Uniti marret pass oltre u approvat abbozz tal-liġi li sar magħruf bħala l-'Hague Invasion Act'. Din il-liġi, li mill-ġdid sabet appoġġ sħiħ mill-membri tal-Kungress tal-Istati Uniti u mill-President Bush, kienet timplika li l-Istati Uniti kellha d-drittijiet kollha riżervati għaliha sabiex tassigura li membri tal-militar tagħha ma jiġux imressqa quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, jekk dan kellu jseħħ, l-Istati Uniti kellha d-dritt li twaqqaf il-prosekuzzjoni ta' uffiċjali tagħha anke bil-forza permezz ta' invażjoni tal-belt tal-Hague, fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li l-bini tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jinstab f'din il-belt. Minkejja li l-Pajjiżi l-Baxxi huwa membru tan-N.A.T.O., l-Istati Uniti xorta waħda hija lesta li ddur kontra l-alleati tagħha bil-kundizzjoni li tipproteġi lit-truppi kriminali tagħha! Din turi l-mentalita' egoista u aggressiva tal-Istati Uniti, li bħallikieku taħseb li għandha xi dritt divin sabiex timponi r-rieda tagħha b'kwalunkwe mezzi, saħansitra anke bil-forza fuq pajjiżi li suppost huma alleati tagħha, dan sabiex tipproteġi esklussivament lill-kriminali tal-gwerra Amerikani. Imma dan l-istess pajjiż li jrid jġiegħlna naħsbu li huwa l-pulizija tad-dinja u li huwa l-pampalun tal-liberta'?
Ritratt deklassifikat mill-iskandlu ta' Abu Ghraib. Dan ir-ritratt juri wieħed mill-mezzi tat-tortura li kienu qegħdin jagħmlu użu minnhom it-truppi Amerikani fil-kampijiet tad-detenzjoni li kienu qegħdin jintużaw mill-Istati Uniti bl-appoġġ tal-alleati tagħha, matul l-invażjonijiet tal-Iraq u tal-Afghanistan.
Matul l-invażjonijiet tal-Iraq u tal-Afghanistan, it-truppi Amerikani ma wrew ħniena lejn ħadd; fost il-priġuniera li kienu qegħdin jiġu ttorturati sal-mewt fil-kampijiet tad-detenzjoni kien hemm saħansitra żgħażagħ minorenni. Matul l-invażjoni tal-Iraq, huwa maħsub li madwar 90% tal-priġunieri Iraqini miżmuma fil-kampijiet tad-detenzjoni kienu innoċenti u kienu ġew arrestati b'mod inġust mingħajr ma nstemgħu l-każijiet tagħhom. Minħabba li l-amministrazzjoni ta' Bush kienet konxja dwar it-twettiq ta' dawn l-inġustizzji mit-truppi tal-militar Amerikan f'kampijiet bħal Abu Ghraib, l-amministrazzjoni b'mod intenzjonat provat taħbi l-verita' bl-għan li l-każijiet ta' abbuż imwettqa ma jirċievux attenzjoni internazzjonali. Joseph Darby, eks-membru tal-militar Amerikan, kien qiegħed stazzjonat fl-Iraq meta huwa nduna bl-abbużi li kienu qegħdin isiru mill-kollegi tiegħu fil-kampijiet tad-detenzjoni. Huwa ngħata kopja ta' għadd ta' ritratti li kienu ttieħdu minn truppi Amerikani stess ġewwa l-kamp ta' Abu Ghraib, ritratti grafiċi li juru l-istess truppi jippożaw u jitbissmu mal-iġsma tal-priġunieri ttorturati. Darby, illi bir-raġun ħass il-kuxjenza tniggżu, mar jirrapporta l-każijiet ta' abbuż illi kienu twettqu mill-kollegi tiegħu. Meta huwa rrapporta l-każ, huwa kien assigurat li ismu kien ser jibqa' anonimu sabiex tiġi assigurata protezzjoni għalih u għal familtu. Minkejja din l-assigurazzjoni, is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, Donald Rumsfeld, żvela l-isem ta' Darby b'mod pubbliku, azzjoni li hija probabbilment att ta' tpattija diretta mill-awtoritajiet għoljin tal-Istati Uniti minħabba li r-ritratti li kixef Darby kienu ġew pubblikament deklassifikati u sabu ruħhom fuq il-midja internazzjonali. Wara li Rumsfeld żvela l-isem ta' Darby, is-sigurta' tal-familja ta' Darby kien mhedda kontinwament, tant li b'mod regolari din irċeviet għadd ta' messaġġi ta' theddid li kien jwissu anke dwar il-possibbilita' ta' attentat fuq il-ħajja ta' Darby. Minħabba li l-iskandlu ta' Abu Ghraib kien xpruna kundanna kbira internazzjonali lejn l-invażjoni tal-Iraq, l-Istati Uniti ma kellha l-ebda għażla ħlief illi tieħu passi kriminali kontra t-truppi li wettqu l-abbużi fil-kamp ta' Abu Ghraib, f'Baghdad. Minkejja li ttieħdu proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom, dawn ingħataw sentenzi ta' ħabs miżeri ta' ftit snin u sal-lum ma ttieħdu l-ebda passi kriminali kontra persuni li kienu uffiċjali mlaħħqa fl-amministrazzjoni ta' Bush, persuni illi filfatt kienu huma l-imħuħ wara t-twettiq ta' dawn ir-reati. Ittieħdu xi proċeduri kriminali wkoll fil-konfront ta' truppi Brittaniċi, li kienu kompliċi fit-twettiq ta' reati simili ta' abbuż u trattament inuman fil-konfront ta' ċittadini Iraqini, f'kampijiet simili f'Basra. Madankollu, l-ebda passi konkreti ma ttieħdu sabiex issir ġustizzja sħiħa għall-vittmi ta' dawn il-każijiet ta' abbuż u tortura, ġustizzja sħiħa li kellha tfisser illi dawk kollha li wettqu reati fl-Iraq u fl-Afghanistan kellhom jingħataw il-pieni massimi u sentenzi ġusti għar-reati mwettqa, filwaqt li jittieħdu passi kontra kriminali tal-gwerra bħal Bush u Blair illi konxjament approvaw lit-truppi tagħhom sabiex jagħmlu l-istess reati. Kif nafu, l-ebda minn dan ma seħħ u għalhekk għadha ma saritx ġustizzja sħiħa għall-vittmi. Kemm kien xieraq Nelson Mandela meta darba kien qal illi sabiex wieħed ikun jista' jiġġudika l-qagħda tal-liberta' ġo pajjiż, l-ewwel dan irid jikkunsidra kif l-istess pajjiż jittratta lill-ħabsin tiegħu!
'' Imma dan l-istess pajjiż li jrid jġiegħlna naħsbu li huwa l-pulizija tad-dinja u li huwa l-pampalun tal-liberta'? ''
Apparti każijiet gravi ta' abbuż illi ħallew bosta vittmi fil-kampijiet tad-detenzjoni, matul l-perjodu tal-invażjonijiet tal-Iraq u l-Afghanistan ġew attakkati bla ħniena bosta insedjamenti urbani fiż-żewġ pajjiżi permezz ta' bumbardamenti kontinwi mill-forzi tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit, tant illi huwa maħsub illi dawn tefgħu madwar 30,000 bomba fuq ibliet fl-Iraq biss. Apparti l-ammont totali ta' madwar 1,200,000 vittma b'konsegwenza tal-gwerra fl-Iraq, huwa stmat illi gwerra fl-Afghanistan ħalliet madwar 250,000 vittma, dan apparti miljuni ta' ċittadini oħrajn imweġġgħin fiż-żewġ pajjiżi. Matul il-kunflitti fiż-żewġ pajjiżi, l-militar Amerikan għamel użu minn armi b'elementi radjoattivi bħall-uranju, elementi li huma ta' periklu maġġuri għall-ħajja umana. L-użu ta' dawn l-armi wassal sabiex bosta ċittadini għadhom sal-lum ibatu minn mard terminali kkawżat mir-radjazzjoni u wassal ukoll għal difetti fit-trabi. F'perjodu ta' tliet ġimgħat, l-militar Amerikan għamel użu minn madwar 1,000 sa 2,000 tunnellata ta' uranju fil-viċinanzi ta' insedjamenti urbani ġewwa l-Iraq, azzjoni li ħalliet effetti katastrofiċi fuq l-ħajja umana u fuq l-ambjent. Minkejja li kienu nħarġu għadd ta' twissijiet minn esperti kontra l-użu tal-uranju, minħabba li dan kien ser jikkawża tbatija u sofferenza twila fil-konfront ta' persuni ċivili, l-Istati Uniti xorta waħda aċċettat li jintuża l-uranju waqt il-kunflitti fl-Ilvant Nofsani. Il-gwerer f'dan ir-reġjun ħallew għadd ta' effetti kiefra fuq l-aktar persuni innoċenti u vulnerabbli, fosthom il-minorenni. Huwa fatt magħruf illi b'konsegwenza tas-sanzjonijiet illi l-Istati Uniti kien imponiet fuq l-Iraq minn Awissu 1990 sa' Mejju 2003, madwar 567,000 tfal Iraqini taħt l-eta' ta' ħames snin kienu tilfu ħajjithom, dan minħabba li s-sanzjonijiet kienu fissru nuqqas ta' mediċini u nuqqas ta' prodotti sanitarji. Għalhekk, in-nuqqas ta' dawn ir-riżorsi kkawżaw problemi serji ta' saħħa fit-tfal Iraqini, illi kienu saru aktar vulnerabbli għall-mard. Minkejja l-ammont eżorbitanti ta' imwiet ta' tfal, l-Ambaxxatriċi Amerikana għan-Nazzjonijiet Uniti, Madeleine Albright, iddefendiet is-sanzjonijiet u saħansitra qalet illi fl-opinjoni tagħha, l-imwiet tat-tfal kienu '' worth it ''. Minħabba l-interventi li kompliet twettaq l-Istati Uniti wara li nediet il-missjonijiet militari tagħha fl-Iraq fis-sena 2003, huwa maħsub illi b'konsegwenza tad-degredazzjoni tar-riżorsi tal-pajjiż, il-faqar żdied b'rati allarmanti filwaqt li l-bumbardamenti waslu għall-eluf ta' imwiet u ħsarat strutturali kbar fl-ibliet, ħsarat li waslu sabiex iddgħajfet l-infrastruttura tal-pajjiż u sabiex għadd ta' persuni ċivili tilfu djarhom. Fl-irħula, t-truppi Amerikani wettqu massakri u daħlu bil-forza fir-residenzi ta' persuni ċivili fejn stuprawhom u qatluhom, fost il-vittmi ta' dawn il-każijiet kien hemm saħansitra minorenni ta' 14-il sena. Fost it-tfal fl-Iraq, każijiet ta' matnutrazzjoni akuta żdiedu minn total ta' 4% għal 7.7% filwaqt li madwar 25% tat-tfal Iraqini ma kellhomx biżżejjed ikel sabiex jikkonsumaw. In-nuqqas ta' riżorsi għaċ-ċ-ċittadini Iraqini u Afghani, minħabba l-okkupazzjoni tal-Istati Uniti u tal-alleati tagħhom fl-Iraq u fl-Afghanistan, ġiet innutata żieda fl-ammont ta' persuni ċivili li kienu f'faqar assolut mingħajr biżżejjed ikel, mingħajr saqaf fuq rashom u mingħajr riżorsi oħra essenzjali. F'Novembru 2005, grupp imdaqqas ta' truppi Amerikani daħlu fl-insedjament ta' Haditha fejn attakkaw għadd ta' familji Iraqini f'massakru li ħalla 24 nisa u tfal Iraqini mejta. Il-mottiv tal-attakk kien sabiex jiġu nterrogati r-residenti tar-raħal, iżda dawn it-truppi kellhom l-ordni speċifika sabiex jisparaw qabel ma jinterrogaw. Għal dan il-massakru, l-ebda persuna nvoluta fil-qtil tal-persuni ċivili ma marret il-ħabs. Minflok, il-militar Amerikan għamel għotja miżera ta' $38,000 lill-membri tal-familji ta' xi uħud mill-vittmi. F'April 2006, membri tal-militar Amerikan kienu responsabbli għall-ħtif u attentat fuq il-ħajja ta' persuna ċivili f'Hamdania filwaqt illi fl-istess sena, surġent Amerikan qatel erba' ħabsin fil-viċinanzi ta' Baghdad. Il-persuni nvoluti fiż-żewġ każijiet imsemmija tal-2006 inħarġu mill-ħabs qabel iż-żmien. F'Settembru 2007, ħaddiema ta' Constellis, kumpanija privata tas-sigurta' li tqabbdet mill-Istati Uniti sabiex tipprovdi servizzi tas-sigurta' matul l-okkupazzjoni Amerikana fl-Iraq, wettqu massakru u sparaw fuq 37 persuna ċivili, bi 17 minnhom li spiċċaw tilfu ħajjithom traġikament filwaqt li 20 sfaw feruti. Fl-2020, il-ħaddiema li kienu responsabbli għal dan il-massakru rċevew il-maħfra presidenzjali mill-President Amerikan Donald Trump, li għamlet għotjiet ta' maħfriet presidenzjali lil uħud mill-kriminali tal-gwerra li wettqu delitti kontra l-umanita' fl-Iraq, daqqa ta' ħarta kbira għal dawk li ttamaw illi l-Istati Uniti kienet ser twettaq reparazzjonijiet sabiex issir ġustizzja u tpatti għar-reati li wettqet. Matul l-okkupazzjoni tagħha fl-Iraq, l-Istati Uniti sfruttat u ħarbtet lir-riżorsi tal-istess pajjiż, tant li f'Diċembru 2002, l-Istati Uniti kienet importat mill-Iraq madwar 11,300,000 bramel taż-żejt.
L-invażjoni tal-Afghanistan, ordnata mill-amministrazzjoni ta' Bush, kienet tnediet fis-sena 2001, immedjatament wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru u sentejn qabel ma nediet l-invażjoni tal-Iraq. Bħalma ma ġara meta l-Istati Uniti okkupat lill-Iraq, fl-Afghanistan twettqu għadd ta' delitti kontra l-umanita' li kienu kkaratterizzati min-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet umani bażiċi li kienu dovuti għalihom iċ-ċittadini Afghani. B'mod differenti mill-każ tal-invażjoni tal-Iraq, l-invażjoni tal-Afghanistan sabet l-appoġġ sħiħ tal-alleanza militari tan-N.A.T.O. minħabba li kien ġie invokat Artiklu 5 tal-istess alleanza. Fl-ewwel tliet xhur tal-okkupazzjoni Amerikana fil-pajjiż, madwar 5,000 persuna ċivili tilfet ħajjitha. Huwa tajjeb illi nfakkar ukoll illi ż-żewġ invażjonijiet tal-Afghanistan u tal-Iraq kienu totalment illegali skont il-liġi internazzjonali u filfatt lanqas il-Kunsill tas-Sigurta' tan-Nazzjonijiet Uniti ma kien approva ż-żewġ operazzjonijiet militari. Fil-missjonijiet militari tagħhom, it-truppi Amerikani ma naqsux milli jittrawmatizzaw lill-poplu Afghan permezz ta' każijiet ta' abbużi u massakri mwettqa bil-barka tal-amministrazzjoni ta' Bush. F'Diċembru 2002, żewġ membri tal-armata Amerikana wettqu omiċidju ta' żewġ persuni ċivili li ma kinux armati fil-kamp tad-detenzjoni ta' Bagram. Dawn iż-żewġ persuni ċivili ġew ittorturati mill-uffiċjali Amerikani billi ntrabtu b'katina mas-saqaf u mogħtija s-swat sal-mewt. Fil-Provinċja ta' Kandahar, it-truppi Amerikani wettqu żewġ massakri li ġew meqjusa bħala reati tal-gwerra, l-ewwel każ ikun dak illi twettaq bejn Ġunju 2009 u Ġunju 2010, fejn grupp ta' truppi Amerikani ħadu l-ħajja ta' tliet ċittadini innoċenti u ħadu l-iġsma tal-vittmi fil-kustodja tagħhom. F'Marzu 2012, surġent Amerikan wettaq massakru fl-istess provinċja Afghana fejn inqatlu kiesaħ u biered 16-il persuna ċivili, b'9 minnhom illi jkunu tfal, filwaqt illi weġġgħu 6 persuni oħra. B'konsegwenza tal-missjonijiet militari tal-Istati Uniti u tal-alleati tagħha, eluf ta' ċittadini nqatlu waqt il-bumbardamenti tal-insedjamenti urbani tal-pajjiż filwaqt li għadd ta' persuni oħra mietu minħabba li ma kellhomx aċċess għal riżorsi bażiċi sabiex jikkumbattu l-ġuħ u l-mard. B'konsegwenza tal-interventi tal-militar Amerikan, il-każijiet ta' faqar assolut, b'mod partikolari fost il-persuni vulnerabbli bħat-tfal, żdiedu b'rata mgħaġġla. Bħalma ma ġara fil-każ tal-gwerra tal-Iraq, ftit li xejn ittieħdu miżuri sabiex issir ġustizzja konkreta għall-vittmi, tant li fl-2019, il-President Amerikan, Trump, mill-ġdid għamel għotja ta' maħfra presidenzjali lil kriminal tal-gwerra, din id-darba lil uffiċjal tal-militar illi ordna lill-kollegi tiegħu sabiex jisparaw fuq tliet persuni Afghani mhux armati, minkejja li ma kienu ta' l-ebda theddida. It-truppi militari tal-Istati Uniti u tal-koalizzjoni ta' pajjiżi li kienu qegħdin jikkoperaw magħha, kienu regolarment iwettqu tfittxijiet mhux awtorizzati fid-djar ta' familji Afghani innoċenti, illi kienu jispiċċaw itterrorizzati mill-preżenza ta' truppi armati fi djarhom. Fl-2005, il-gvern Afghan talab sabiex dawn it-tfittxijiet jibdew isiru minnu sabiex jiġu evitati abbużi żejda, iżda l-President Bush m'aċċettax din it-talba. Matul dawn it-tfittxijiet, it-truppi Amerikani u tan-nazzjonijiet tal-punent wettqu każi ta' stupru u wettqu arresti ta' ċittadini innoċenti b'mod inġust. F'Ġunju 2002, l-Aġenzija Ċentrali għall-Intelliġenza, magħrufa bħala CIA, awtorizzat u ffinanzjat il-kostruzzjoni ta' kamp tad-detenzjoni sigriet 'il fuq mill-belt ta' Kabul, kamp illi sar magħruf internazzjonalment wara li ġew deklassifikati għadd ta' skandli li kienu twettqu minn uffiċjali Amerikani f'dan il-post. L-agenzija CIA użat bosta mezzi brutali ta' tortura waqt li kienu jsiru l-interrogazzjonijiet tal-priġunieri miżmuma f'dan il-ħabs filwaqt li dawn kienu jinżammu iżolati fid-dlam u mingħajr ħwejjeġ. Il-kamp kellu insulazzjoni pjuttost fqira u għalhekk għadd ta' priġunieri tħallew f'ċelel kiesħa matul ix-xhur tax-xitwa, tant li f'Novembru 2002 kien instab priġunier mejjet li tilef ħajtu minħabba li dan tħalla konxjament mill-uffiċjali tal-aġenzija CIA sabiex jmut bil-bard fiċ-ċella. F'każ brutali li kien seħħ fl-2005, żewġ priġunieri Afghani ġew maqtula mill-uffiċjali tal-ħabs, iżda bħalma sar f'każijiet simili, ma ttieħdet l-ebda azzjoni sabiex issir ġustizzja rigward dan il-każ.
B'kollox, iż-żewġ gwerer infami illi twettqu fl-Iraq u tal-Afghanistan fuq perjodu ta' għoxrin sena diġa' swew lill-Istati Uniti s-somma eżorbitanti ta' $5,800,000,000 filwaqt li dawn swew lir-Renju Unit is-somma ta' £20,800,000. Dawn is-somom kbar ma jinkludux il-finanzjament enormi li huwa meħtieġ sabiex jiġu kkurati l-veterani tal-gwerra li servew matul l-okkupazzjoni militari taż-żewġ pajjiżi tal-Ilvant Nofsani. Minkejja l-kampanja ħarxa xprunata mill-Istati Uniti u mill-alleati tagħha fil-konfront tal-Afghani u tal-Iraqini, kampanja li waslet sabiex intilfu miljuni ta' ħajjiet, l-evidenza turi li ż-żewġ popli ma kellhomx x'jaqsmu mal-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru u filfatt kienu terroristi mis-Sawdi Arabija li kkawżaw u ffinanzjaw l-attakki terroristiċi msemmija. Għalhekk, nistgħu ngħidu li l-Istati Uniti użat it-traġedja tal-11 ta' Settembru sabiex twettaq traġedji kontinwi fl-Ilvant Nofsani għal snin sħaħ li għaliha sofrew miljuni ta' ċittadini għal reat illi huma ma wettqux. Kif nafu, l-gwerer qalila fl-Ilvant Nofsani ikkreaw periklu u instabbilita' kbira fir-reġjun illi għadha preżenti sal-lum il-ġurnata. Nistgħu ngħidu li wara li dawn iż-żewġ pajjiżi sfaw attakkati mill-Istati Uniti u mill-koalizzjoni tal-pajjiżi tal-punent li kkoperaw magħha, il-qagħda ta' dawn il-pajjiżi ħżienet drastikament, tant illi żdiedu l-kwantita' ta' refuġjati Iraqini u Afghani, filwaqt li t-terroriżmu u l-faqar assolut fir-reġjun tal-Ilvant Nofsani żdiedu b'rati allarmanti, tant illi l-pajjiżi affettwati għadhom isofru min-nuqqas ta' riżorsi u sigurta'. Dan filwaqt illi m'hemm l-ebda evidenza konkreta li tixhed li ż-żewġ gwerer kienu meħtieġa sabiex tittrażżan il-firxa tat-terroriżmu fost il-pajjiżi tal-punent. Minkejja li l-militar Amerikan irtira l-preżenza tiegħu fl-Iraq u fl-Afghanistan fis-snin riċenti, l-effetti negattivi li ġew ikkawżati mill-okkupazzjonijiet militari mwettqa mill-Istati Uniti u mill-alleati tagħhom f'dawn il-pajjiżi, ser jibqgħu jinħassu fil-ġejjieni, iżda sfortunatament ma jidhirx illi ser issir xi forma ta' ġustizzja għall-vittmi li tilfu ħajjithom b'mod inġust f'dawn iż-żewġ traġedji tas-seklu tagħna.
Jistrieħu fis-sliem.
***
Dan l-artiklu ġie ppubblikat fl-okkażjoni tal-20 sena anniverarju mit-tnedija tal-Invażjoni tal-Iraq u fl-okkażjoni tat-22 sena anniversarju mit-twettiq tal-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001.
Comments