top of page

IL-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI MINN LENTI SOĊJOLOĠIKA.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Sep 29
  • 20 min read

Updated: Oct 9

ree
'' F'Malta, dawk l-individwi jirċievu dħul finanzjarju ta' inqas minn €12,257.84 huma meqjusa bħala foqra, u studji riċenti juru li 17% tal-popolazzjoni tgħix taħt il-linja tal-faqar. ''

Introduzzjoni.


L-għan ta' dan l-istudju soċjoloġiku huwa li jagħti ħarsa ġenerali dwar it-tipi differenti ta' faqar u kif dan jiġi interpretat minn teoriji soċjoloġiċi differenti. Bħala student attivist illi nħaddan prinċipji u valuri xellugin, u li kelli l-opportunita' li nistudja s-Soċjoloġija fuq livell intermedju, il-faqar huwa suġġett ta' interess partikolari għalija. F'dan l-istudju se nindirizza t-tipi eżistenti ta' faqar u esklużjoni soċjali fis-soċjeta', l-impatti li dawn ir-realtajiet iħallu fuq l-individwu u fuq is-soċjeta' u kif dawn huma pperċeputi minn lenti soċjoloġika.



X'nifhmu meta nisimgħu bil-kelma ''faqar''?


Il-faqar huwa sitwazzjoni fejn individwu m'għandux dħul finanzjarju adegwat u aċċess għal riżorsi bażiċi li huma essenzjali sabiex l-individwu jkollu l-mod ta' għixien li huwa mistenni mis-soċjeta'. Individwu m'għandux għalfejn ikun imċaħħad mir-riżorsi naturali neċessarji għas-sopravivenza tal-bniedem sabiex jitqies bħala fqir. Meta wieħed jitħadded fuq persuni foqra, dan ikun qiegħed jinkludi wkoll lil dawk li jgħixu mod ta' għixien li huwa meqjus iżjed inferjuri mill-mod ta' għixien mistenni.


Id-differenza bejn il-faqar assolut u l-faqar relattiv.


Il-faqar assolut (absolute poverty): Dan it-terminu jirrferi għal sitwazzjoni fejn individwu huwa mċaħħad milli jkollu aċċess għal neċessitajiet bażiċi; bħal ikel, xorb, ħwejjeġ u akkomodazzjoni xierqa; li huwa jeħtieġ sabiex jitma, jisqi, jlibbes u jagħti kenn lilu nnifsu. Dawn il-ħtiġijiet huma meqjusa bħala bżonnijiet fisjoloġiċi fil-ġerarkija tal-bżonnijiet tal-bniedem; li ġet żviluppata mill-psikologu Amerikan, Abraham Maslow. Fil-ġerarkija ta' Maslow, il-bżonnijiet fisjoloġiċi jitqiesu bħala l-iżjed ħtiġijiet essenzjali għall-bniedem; hekk kif dawn jinsabu miġbura fil-bażi tal-ġerarkija.


Il-faqar relattiv (relative poverty): Dan it-terminu jirreferi għal sitwazzjoni fejn individwu għandu aċċess għan-neċessitajiet bażiċi li bniedem għandu bżonn sabiex jissodisfa l-bżonnijiet fisjoloġiċi tiegħu iżda huwa nieqes milli jissodisfa l-bżonnijiet soċjali tiegħu. Minkejja li l-individwu ma jkunx f'riskju ta' deprivazzjoni akuta, dan xorta jista' jitqies bħala relattivament fqir billi l-mod ta' għixien tiegħu huwa inferjuri mill-mod ta' għixien tal-maġġoranza tas-soċjeta'. Pereżempju, individwu li ma jistax jaffordja li jsiefer għal ġimgħa darba f'sena, f'soċjeta' fejn il-maġġoranza taffordja li tagħmel dan, jista' jitqies bħala individwu li qiegħed jgħix f'faqar relattiv billi mhuwiex qiegħed ilaħħaq mal-mod ta' għixien mistenni f'soċjeta'. Dan it-tip ta' faqar huwa l-iktar wieħed komuni f'pajjiżi żviluppati. Soċjoloġiċi jargumentaw li d-definizzjoni tal-faqar relattiv għandha tikkunsidra l-mod ta' għixien li huwa mistenni mis-soċjeta'. Għaldaqstant, dawk l-individwi li m'għandhomx aċċess għall-mowbajls, l-internet u mezzi ta' komunikazzjoni oħrajn f'soċjeta' fejn dawn saru n-norma, huma miċħuda minn prodotti li saru neċessitajiet daqs il-bżonnijiet fisjoloġiċi fis-soċjeta' kontemporanja. Għalhekk, dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala foqra daqs dawk l-individwi li qegħdin jgħixu fil-faqar assolut.


Il-faqar u l-perspettiva tal-individwu.


Il-faqar suġġettiv (subjective poverty): Dan it-terminu jirreferi għal tip ta' faqar li jitkejjel abbażi ta' kif individwu jipperċepixxi l-qagħda personali tiegħu meta jikkunsidra l-qagħda ta' ħaddieħor. Skont il-ġudizzji personali tiegħu, individwu jista' jħoss li huwa qiegħed jgħix ħajja ta' faqar relattiv meta jipparaguna l-mod tal-għixien tiegħu ma' dak ta' individwi oħrajn fl-istess soċjeta'.


Id-deprevazzjoni relattiva (relative deprivation): Dan huwa sentiment li jista' jġiegħel individwu sabiex iħoss li mhuwiex qiegħed jaċċessa jew jaffordja l-istess riżorsi jew servizzi li individwi oħrajn fis-soċjeta' jistgħu jaċċessaw jew jaffordjaw. Għalhekk, meta individwu jibda jikkumpara l-abbilita' tiegħu sabiex jaffordja riżorsi u jaċċessa servizzi mal-abbilita' ta' ħaddieħor, jista' jiġġudika l-qagħda personali tiegħu stess bħala waħda relattivament fqira.


Modi differenti ta' kif il-faqar jista' jitkejjel fis-soċjeta'.


Il-linja tal-faqar (poverty line): Dan it-terminu jirreferi għal metodu li jkejjel il-faqar fis-soċjeta'. Il-linja tal-faqar tiddetermina l-ammont minimu ta' dħul finanzjarju li individwu jeħtieġ sabiex jgħix f'pajjiż. Il-linja tal-faqar tvarja minn pajjiż għall-ieħor; hekk kif din hija dipendenti fuq l-ammont ta' ġid li huwa ddistribut f'pajjiż. Ħafna drabi, il-linja tal-faqar hija d-dipendenti fuq id-dħul finanzjarju medju f'pajjiż. Fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, dawk li għandhom dħul finanzjarju b'ammont li huwa inqas minn 60% tad-dħul finanzjarju medju qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-faqar; u għalhekk huma meqjusa bħala foqra. Essenzjalment, il-linja tal-faqar huwa dak il-kejl illi jagħmel distinzjoni bejn dawk l-individwi li mhumiex fil-faqar u dawk li huma fil-faqar. Dawk l-individwi li mhumiex qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-faqar iżda qegħdin jgħixu qrib tagħha huma meqjusa bħala individwi li jinsabu f'riskju ta' faqar. F'Malta, dawk l-individwi jirċievu dħul finanzjarju ta' inqas minn €12,257.84 huma meqjusa bħala foqra, u studji riċenti juru li 17% tal-popolazzjoni tgħix taħt il-linja tal-faqar.


Il-ġerarkija tal-bżonnijiet ta' Maslow (Maslow's hierarchy of needs) u l-faqar.


ree

Il-ġerarkija tal-bżonnijiet tal-bniedem kif żviluppata mill-psikologu Amerikan, Abraham Maslow.


Il-faqar mhux biss jista' jħalli l-effetti negattivi tiegħu fuq il-bżonnijiet fisjoloġiċi tal-bniedem, iżda jista' jaffettwa b'mod negattiv wkoll lis-sigurta', lir-relazzjonijiet u s-sens ta' appartenza, lill-istima li individwu għandu lejh innifsu u lir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-individwu. B'hekk, il-faqar jista' jaffettwa l-istrati kollha tal-ġerarkija tal-bżonnijiet tal-bniedem kif żviluppata minn Abraham Maslow. Diġa' spegajt kif il-faqar jaffettwa lill-bżonnijiet fisjoloġiċi tal-bniedem billi ntroduċejt l-kunċett tal-faqar assolut; ejjew naraw kif il-faqar jaffettwa wkoll lill-bqija tal-bżonnijiet tal-bniedem.


Kif il-faqar iħalli impatt negattiv fuq is-sigurta': Il-faqar għandu impatt negattiv u dirett fuq is-sigurta' tal-individwu. Meta individwu jkollu dħul finanzjarju limitat, huwa probabbli li jkun jista' jaffordja li jixtri akkomodazzjoni biss f'ċerti żoni speċifiċi. Din ir-realta' twassal għall-formazzjoni ta' 'ghetto', li spiss ikunu abitati minn individwi li jgħixu fil-faqar jew li huma f'riskju ta' faqar minħabba li l-akkomodazzjoni f'dawn l-inħawi tkun iżjed irħisa minn inħawi oħra. Ħafna drabi, dan ifisser li t-tali akkomodazzjoni hija mibnija b'mod inferjuri u tikkonsisti fi spazju limitat ħafna; billi ħafna drabi dawn il-proprjetajiet ikunu mibnija fuq art b'valur baxx u għaldaqstant l-iżviluppaturi jkunu jridu jissassimmizzaw il-profitti. Dan iwassal għal konċentrazzjoni ta' persuni ekonomikament vulernabbli f'żona partikolari; realta' li toħloq fenomenu magħruf bħala esklużjoni soċjali (social exclusion), billi dawn il-komunitajiet jaffaċjaw rati ta' kriminalita' għolja u nuqqas ta' aċċess għal saħħa u edukazzjoni ta' kwalita'. Min-naħa l-oħra, l-instabbilita finanzjarja minħabba n-nuqqas ta' dħul finanzjarju adegwat spiss iwassal sabiex individwu jesperjenza ansjetà kontinwa, stress kroniku u tħassib dwar il-futur, li jħallu impatt fuq il-benesseri fiżiċi u psikoloġiċi ta' individwu. Studji juru wkoll li n-nuqqas ta’ dħul finanzjarju jikkawża riskju akbar ta’ mard b'konsegwenza tan-nuqqas ta’ mediċini u kura affordabbli jew minħabba problemi sanitarji u ta' tniġġis f'komunitajiet b'konċentrazzjoni ta' individwi foqra.


Kif il-faqar iħalli impatt negattiv fuq r-relazzjonijiet u s-sens ta' appartanenza: Il-faqar jaffettwa b'mod negattiv ukoll lir-relazzjonijiet u s-sens ta' appartanenza tal-individwu. Meta individwu jkun qiegħed jgħix fil-faqar, huwa ma jkollux l-abbilita' sabiex jipparteċipa f'attivitajiet ta' soċjalizzazzjoni ma' dawk qrib tiegħu; billi fi żmienna, ħafna mill-attivitajiet ta' soċjalizzazjoni saru bħal komodita' li tinxtara. Pereżempju, ġenituri bi dħul baxx jaf ma jkollhomx qagħda finanzjarja li tippermetti sabiex uliedhom jipparteċipaw f'attivitajiet 'extra'-kurrikulari billi jingħaqdu f'komunitajiet u għaqdiet soċjali wara l-ħin tal-iskola li jgħinuhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom filwaqt li jissoċjalizzaw; bħalma huma klabbs sportivi, akkademji tal-arti jew tal-iżfin u baned mużikali. Min-naħa l-oħra, żagħżugħ li ġej minn sfond ta' faqar jista' jesperjenza diffikulta' meta jiġi biex ilaħħaq mal-ispejjeż ta' kappriċċi li tista' ġġib magħha ż-żgħożija; pereżempju l-ħruġ u s-safar mal-ħbieb. Minkejja li dawn il-kappriċċi mhumiex essenzjali għall-għixien, xorta waħda huma meqjusa bħala parti essenzjali mill-proċess ta' soċjalizzazzjoni li jgħin lill-individwu sabiex jifforma identita' u jibni relazzjonijiet. Dawn l-eżempji juru kif il-faqar jagħmilha iktar diffiċli għal individwu sabiex jibda iħossu ntegrat fost il-familjari, il-ħbieb u s-soċjeta', u għaldaqstant jista' jħossu maqtugħ u iżolat mill-familja, mill-ħbieb u mis-soċjeta'. Is-sentiment ta' iżolament mis-soċjeta' li jħossu individwi jgħixu fil-faqar huwa parti minn fenomenu soċjali li huwa magħruf bħala eklużjoni soċjali (social exclusion). Dan jista' jwassal sabiex wieħed jibda jesperjenza s-solitudni; li tħalli impatti psikoloġiċi negattivi fuq is-saħħa mentali ta' individwu.


Kif il-faqar iħalli impatt negattiv fuq l-istima li individwu għandu tiegħu nnifsu: Hawnhekk ta' min isemmi li l-faqar huwa magħruf li jħalli impatt negattiv fuq l-istima li individwu għandu lejh innifsu. Fl-ekonomiji kapitalisti, il-valur tal-bniedem huwa spiss marbut ma' dak illi huwa qiegħed jipproduċi u mal-innovazzjoni li huwa qiegħed iġib fis-suq. Il-valur li s-soċjeta' kapitalista tagħti lill-ħaddiem hija mbagħad riflessa fid-dħul finanzjarju li huwa jirċievi mill-impjieg tiegħu; li jvarja minn xogħol għal ieħor. Huwa għalhekk illi fis-sistema kapitalista, individwi bi dħul għoli huma ammirati u apprezzati iżjed minn dawk bi dħul baxx. F'dan il-każ, id-dħul finanzjarju baxx mhux biss ifisser li individwu jista' jgħix fil-faqar, iżda jfisser ukoll illi individwu jista' jibda jipperċepixxi lilu nnifsu b'mod negattiv u jiżviluppa stima baxxa tiegħu innifsu. Meta Abraham Maslow żviluppa l-ġerarkija tal-bżonnijiet tal-bniedem, huwa iddentifika żewġ tipi ta' stimi meħtieġa; l-istima li individwu għandu lejh innifsu u l-istima li ġejja minn dawk ta' madwaru. Għaldaqstant, individwi fil-faqar li jaħdmu f'impjiegi bi ħlas baxx; li huma apprezzati u rrispettati inqas minn xogħlijiet oħrajn; jistgħu jibdew jħossu nuqqas ta' apprezzament u rispett lejhom infushom. Barra minn hekk, is-stigma soċjali wkoll iħalli impatt negattiv fuq l-istima li individwu jirċievi mis-soċjeta' fuq l-istima li individwu għandu tiegħu nnifsu; hekk kif f'ħafna soċjetajiet, l-individwi li jgħixu fil-faqar spiss jistgħu jiġu ġġudikati bi preġudizji, trattati b'inqas rispett, jew anke esklużi, li tkompli tnaqqas iżjed ir-rispett illi l-individwu jkollu lejh innifsu. B'dan il-mod, il-faqar jipprevjeni lill-individwu milli jibni l-kunfidenza u tista' wkoll iċċaħdu milli jikseb l-validazzjoni meħtieġa biex isostni l-istima li huwa għandu tiegħu nnifsu.


Kif l-faqar iħalli impatt negattiv fuq ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-individwu: Il-faqar jista' jillimita l-abbilita' li individwu jirrealizza l-potenzjal tiegħu. Meta individwu jgħix fil-faqar, aktarx jispiċċa jibda jqatta' l-biċċa l-kbira tal-ħin u l-enerġija tiegħu jiffuka u jinkwieta fuq kif se jirnexxielu jissodisfa l-ħtiġijiet fisjoloġiċi tiegħu, li kif spjegajna jinkludu l-ħtieġa għal ikel, xorb, ħwejjeġ u għal akkomodazzjoni. Skont il-ġerarkija tal-bżonnijiet kif imfassla minn Maslow, individwi li għandhom diffikulta' sabiex jissodisfaw l-iktar bżonnijiet bażiċi mhumiex se jkunu jistgħu jissodisfaw bżonnijiet iktar kumplessi; il-bżonn għas-sigurta', il-bżonn għar-relazzjonijiet u s-sens ta' appartanenza, il-bżonn għal stima pożittiva u l-bżonn għar-realizzazzjoni tal-potenzjal. Għaldaqstant, individwi li jgħixu fil-faqar m'għandhomx il-ħin u l-enerġija neċessarja sabiex ikunu jistgħu jesploraw u jwettqu it-talenti u l-ambizzjonijiet tagħhom. Apparti l-ħin u l-enerġija, wieħed jeħtieġ ukoll ir-riżorsi sabiex jiżviluppa t-talenti u l-ambizzjonijiet tiegħu; bħalma huma edukazzjoni ta' kwalita' jew ammont ta' flus imfaddla. Pereżempju, individwu li qiegħed jgħix minn xahar għal xahar minħabba dħul finanzjarju limitat ma jistax ifaddal ammont ta' flus sabiex jitlaq mix-xogħol attwali tiegħu bl-għan jiftaħ negozju għalih jew sabiex ikun jista' jistudja f'livell terzjarju u jikseb kwalifiki ġodda. Għaldaqstant, dan l-individwu se jibqa' staġnat fl-istess xogħol għall-bqija ta' ħajtu, u b'konsegwenza t'hekk, se jibqa' wkoll staġnat fil-faqar. Dan jista' jwassal għal nuqqas ta' kuntentizza u sodisfazzjoni fil-ħajja tal-individwu, b'mod partikolari f'soċjeta' fejn l-iskop tal-ħajja spiss jispiċċa abbinat mar-realizzazzjoni tal-potenzjal, Dan jgħodd ukoll fil-każ ta' student mimli ħiliet u talenti li jkun qiegħed jeċċella fl-istudji akkademiċi tiegħu, iżda li jkollu jibda jaħdem qabel ma jikseb edukazzjoni terzjarja minħabba nuqqas ta' appoġġ u riżorsi b'konsegwenza tal-faqar. Għaldaqstant, dan l-istudent ma jistax jirrealizza l-potenzjal tiegħu.


Każ ta' studju: l-impatt tal-faqar fuq is-soċjeta' fl-Istati Uniti wara s-snin sebgħin.


Meta l-individwu ma jilħaqx il-potenzjal tiegħu minħabba li jkun qiegħed jgħix fil-faqar, tispiċċa tbati miegħu s-soċjeta' kollha. Dan jidher b'mod evidenti fil-mod kif żvolġiet is-soċjeta' fl-Istati Uniti wara t-tmiem tal-era prosperuża magħrufa bħala 'The Great Compression'; era li taf il-bidu tagħha minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li ġiet fi tmiemha fil-bidu tas-snin sebgħin. Din l-era, li bejn wieħed u ieħor damet għaddejja għal 25 sena; bejn l-1948 u 1973; kienet l-iktar era fl-istorja tal-Istati Uniti fejn il-mobbilita' soċjali kienet possibbli. Tant hu hekk, statistiċi minn dan il-perjodu juru kif madwar 62% tal-popolazzjoni fl-Istati Uniti kienet ikkunsidrata bħala parti mill-klassi medja. B'kuntrast, il-klassi medja fl-Istati Uniti ta' żmienna tikkonsisti f'inqas minn 50% tal-popolazzjoni fl-Istati Uniti. Filwaqt li l-klassi medja ċkienet, iż-żewġ estremi fil-ġerarkija soċjali kibru b'konsegwenza ta' inugwaljanza dejjem tikber fit-tqassim tal-ġid (wealth inequality); li qiegħda twassal għal żieda fil-każijiet ta' faqar fl-Istati Uniti u għal tnaqqis fl-aċċessibbilita' għall-mobbilita' soċjali. Fl-istess waqt, ammont dejjem jikber ta' ġid qiegħed jibqa' kkonċentrat fil-quċċata tal-ġerarkija soċjali. Dan kollu jfisser illi l-klassi medja fl-Istati Uniti ilha tiddgħajjef b'mod konsistenti għal dan l-aħħar nofs seklu. Qabel ma naraw x'wassal għat-tmiem tal-era prosperuża li esperjenzat l-Istati Uniti sas snin-sebgħin, tajjeb illi naraw għalfejn kien hemm din l-era ta' prosperita' u x'fissret għar-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-individwu u tas-soċjeta' b'mod kollettiv. Bejn is-snin erbgħin u s-snin sebgħin, fl-Istati Uniti kien hemm domanda għolja għal ħaddiema sabiex jaħdmu f'xogħlijiet li jirrekjedu inqas ħiliet (low-skilled jobs); bħalma huma xogħlijiet fil-manifattura u f'industriji oħrajn li ma jirrikjedux livell ta' edukazzjoni għolja. Bejn is-snin erbgħin u s-snin sebgħin, il-produttiva u l-pagi kienu qegħdin jiżdiedu kważi bl-istess rata; hekk kif filwaqt li l-produttivita' żdiedet b'96%, il-pagi żdiedu b'91%. Dan b'kuntrast mas-sitwazzjoni attwali; hekk kif filwaqt li l-produttivita' mill-1973 żdiedet b'72%, il-pagi minn dik is-sena żdiedu biss b'9%. Din id-deskrepanza kbira bejn il-produttivita' u l-pagi essenzjalment tfisser li filwaqt illi l-ekonomija qiegħda tikber, il-ġid maħluq mhuwiex qiegħed jinqasam b'mod ġust mal-ħaddiema. Din l-inġustizzja soċjali qiegħda tħalli impatt negattiv mhux biss fuq l-ammont dejjem jikber ta' ħaddiema li qegħdin jissieltu kontra ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, iżda anke fuq is-soċjeta' b'mod kollettiv; hekk kif huwa evidenti li s-soċjeta' Amerikana kienet iktar produttiva, kreattiva u innovattiva qabel l-1973. Fl-istess waqt, familja Amerikana li tappartjeni għall-klassi medja setgħet taffordja dar, karozza u tgħix b'mod komdu anke jekk kellha dħul finanzjarju wieħed sabiex tlaħħaq mal-ispejjeż tal-familja.


ree
'' Meta l-klassi baxxa u l-klassi medja fl-Istati Uniti kienu finanzjarjament stabbli biżżejjed sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, iċ-ċittadin Amerikan kellu l-opportunita' li jagħmel pass 'il quddiem u jaħseb fuq il-bżonn li jissodisfa bżonnijiet iżjed kumplessi. ''

Bejn dawn is-snin erbgħin u s-snin sebgħin, il-gvern tal-Istati Uniti kellu iżjed tendenza li jwettaq leġislazzjonijiet li jħeġġu l-mobbilita' soċjali, bħalma huma leġislazzjonijiet li jassistu individwi li jixtiequ jistudjaw f'livell terzjarju jew li kienu se jixtru l-ewwel proprjeta' tagħhom. Dan kollu beda jinbidel wara s-snin sebgħin, hekk kif il-gvern tal-Istati Uniti sar iktar konservattiv u beda jħaddan politika ta' awsterita' u beda jirrevedi s-sistema ta' tassazzjoni sabiex tivvantaġġja iżjed lil individiwi sinjuri, bħala parti minn duttrina ekonomika magħrufa bħala 'trickle down economics'. Il-bdil radikali fil-politika tal-gvern tal-Istati Uniti; flimkien mal-fatt illi d-domanda għal xogħlijiet li jirrikjedu inqas ħiliet beda jonqos b'konsegwenza taż-żieda fl-awtomazzjoni ġewwa l-fabbriki; beda jwassal sabiex il-klassi medja fl-Istati Uniti tibda tiddgħajjef. Għaldaqstant, l-intensita' ta' problemi soċjali fis-soċjeta' fl-Istati Uniti beda jiżdied b'mod drastiku wara s-snin sebgħin. Mis-snin sebgħin il-quddiem, il-faqar, il-kriminalita', l-ammont ta' persuni mingħajr saqaf fuq rashom, il-problemi ta' saħħa, l-ammont ta' suwiċidji, il-vizzji tad-droga, l-ammont ta' divorzji u l-ammont ta' priġunieri kollha bdew jaraw żiedet allarmanti. B'kuntrast, l-era magħrufa bħala 'The Great Compression' kienet ġabet magħha progress soċjali, innovazzjoni xjentifika u kreattivita' kulturali. F'din l-era, is-soċjeta' Amerikana esperjenzat żieda fl-attiviżmu soċjali permezz tal-moviment tad-drittijiet ċivili (Civil Rights Movement) u ż-żieda fil-popolarita' tal-femminiżmu u l-ambjentaliżmu. Dawn il-movimenti ġodda bdew ibiddlu għalkollox il-kultura tal-Istati Uniti; hekk kif wasslu għall-ħolqien ta' sotto-kulturi ġodda. Kien f'dan il-perjodu wkoll meta l-innovazzjoni fix-xjenza kienet laħqet il-quċċata tagħha, b'mod partikolari fil-kuntest tal-esplorazzjoni tal-ispazju. Ir-raġuni għad-deskrepanza kbira bejn is-snin sittin u s-snin sebgħin nistgħu nispjegawha permezz tal-ġerarkija tal-bżonnijiet ta' Maslow; meta l-klassi baxxa u l-klassi medja fl-Istati Uniti kienu finanzjarjament stabbli biżżejjed sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, iċ-ċittadin Amerikan kellu l-opportunita' li jagħmel pass 'il quddiem u jaħseb fuq il-bżonn li jissodisfa bżonnijiet iżjed kumplessi. Għaldaqstant, meta beda jogħla ċ-ċittadin komuni, is-soċjeta' Amerikana bdiet tgawdi b'mod kollettiv. Min-naħa l-oħra, meta l-mobbilita' soċjali bdiet tonqos u beda jiżdied il-faqar, is-soċjeta' Amerikana bdiet taffaċċja tnaqqis fil-progress soċjali, fl-innovazzjoni xjentifika, fil-kreattivita' kulturali u anke fil-produttivita' tal-ħaddiema. Meta ċ-ċittadin Amerikan beda jinkwieta fuq kif se jissodisfa ħtiġijiet bażiċi, ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tiegħu u tas-soċjeta' sar iktar diffiċli.


Il-faqar u d-deprevazzjoni bħala piż li jintiret.


ree
'' Individwi li jgħixu fil-faqar m'għandhomx il-ħin u l-enerġija neċessarja sabiex ikunu jistgħu jesploraw u jwettqu it-talenti u l-ambizzjonijiet tagħhom. ''

Iċ-ċiklu tal-faqar (poverty cycle): Magħruf ukoll bħala n-nasba tal-faqar (poverty trap), dan huwa terminu li jirreferi għal kif il-faqar jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra bħal ċiklu li jirrepeti ruħu minħabba l-persistenza tal-kundizzjonijiet ta' faqar f'familja partikolari. Dawn il-kundizzjonijiet ta' faqar jillimintaw l-abbilita' ta' individwu sabiex jikseb il-mobbilita' soċjali li hija neċessarja sabiex ikun jista' joħroġ mill-faqar. Pereżempju, tfal illi jitwieldu f'familji bi dħul finanzjarju baxx jaf ma jkollhomx aċċess għal riżorsi edukattivi minħabba nuqqas ta' finanzi. B'konsegwenza ta' dan, it-tfal jirċievu edukazzjoni inferjuri li teskludihom milli jkollhom aċċess għal xogħlijiet li jirrikjedu livell ta' edukazzjoni għolja. Għalhekk, fl-adultezza tagħhom, dawn se jkollhom impjieg f'xogħlijiet li jeħtieġu livell ta' edukazzjoni baxxa u li jipprovdu dħul baxx. Minħabba dan id-dħul baxx, dawn l-individwi jispiċċaw jutilizzaw id-dħul finanzjarju li jaqilgħu mill-impjieg sabiex jixtru prodotti u servizzi bażiċi li huma essenzjali sabiex jgħixu, u għaldaqstant m'għandhomx l-abbilita' li jfaddlu l-flus. Minħabba dawn il-fatturi kollha, huwa probabbli li l-ulied tal-foqra se jkunu foqra bħall-ġenituri tagħhom.


Iċ-ċiklu tad-deprevazzjoni (deprivation cycle): Dan it-terminu jirreferi għas-sitwazzjoni fejn dawk l-individwi li qegħdin jgħixu fil-faqar jispiċċaw jutilizzaw id-dħul finanzjarju li jaqilgħu mill-impjieg sabiex jixtru prodotti u servizzi bażiċi li huma essenzjali sabiex jgħixu, u għaldaqstant m'għandhomx l-abbilita' li jfaddlu l-flus jew sabiex jgħixu ħajja li tirrifletti l-mod ta' għixien mistenni mis-soċjeta'. Id-dħul finanzjarju ta' individwi maqbuda fiċ-ċiklu tad-deprevazzjoni huwa suffiċjenti biss sabiex jgħixu minn xahar għal xahar, u għaldaqstant, dawn ma jaffordjawx li jagħmlu kappriċċi għalihom infushom; bħalma ngħidu aħna li darba f'xahar imorru jieklu f'stabbiliment tal-ikel jew ikollhom flus sabiex jonfqu fuq id-delizzji u l-passatempi tagħhom. Dawn l-individwi mhux biss m'għandhomx flus sabiex ifaddlu l-flus għall-kappriċċi, imma jsibu diffikulta' wkoll sabiex ifaddlu ammont ta' flus għal xi emerġenza li tista' tinqala; bħalma ngħidu aħna jkun hemm 'appliance' fid-dar li teħtieġ it-tiswija.


Il-faqar bħala fenomenu kumuluttiv: Ħafna soċjoloġisti jagħmlu enfasi fuq il-fatt illi l-faqar huwa kumuluttiv. Meta ngħidu li l-faqar huwa kumuluttiv, qegħdin infissru li l-effetti tal-faqar gradwalment jibnu fuq xulxin, u li tip ta' faqar partikolari jista' jwassal għal forom oħrajn ta' faqar. Pereżempju, tfal illi ġejjin minn familji bi dħul finanzjarju baxx huma iżjed vulnerabbli u suxxettibbli għall-mard billi l-ġenituri tagħhom ma jaffordjawx li jipprovdulhom mediċin, kura adegwata u dieta sana. Għalhekk, dawn it-tfal huma iżjed esposti għall-mard. Dan iwassal sabiex it-tfal ta' spiss ifallu milli jattendu għall-iskola u jtellifhom mill-opportunita' li jirċievu l-edukazzjoni tagħhom. L-assenza spiss tat-tfal mill-iskola twassal għal nuqqas ta' prestazzjoni akkademika tajba, li tirriżulta f'sitwazzjoni ta' qagħad jew ta' impjieg li jipprovdi dħul finanzjarju baxx fl-adultezza. F'dan l-eżempju, wieħed jista' jinnota kif ċirkostanza ta' faqar fit-tfulija baqgħet takkumula u tiżviluppa sal-adultezza tal-individwu.


Gruppi li huma vulnerabbli għall-faqar u l-esklużjoni soċjali (social exclusion).


It-tfal: It-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar minħabba li jiddependu fuq il-familja tagħhom sabiex jissodisfaw l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, bħalma l-ħtieġa għall-ikel, il-ħtieġa għal saqaf fuq rashom, il-ħtieġa għall-ħwejjeġ u l-ħtieġa għall-kura ta' saħħithom. Għaldaqstant, meta l-ġenituri tagħhom jaffaċċjaw sitwazzjoni ta' faqar, it-tfal; li huma dipendenti għal kollox fuq il-ġenituri; b'mod inevitabbli jispiċċaw huma wkoll f'sitwazzjoni ta' faqar. Meta individwu jiltaqa' ma' sitwazzjoni ta' faqar fis-snin bikrin ta' ħajtu; li jinkludu t-tfulija; huwa probabbli li mhuwiex se jkollu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalita' minħabba nuqqas ta' finanzi jew riżorsi edukattivi. Għaldaqstant, dan joħloq żvantaġġ li jwassal sabiex l-individwu ma jirrealizzax il-potenzjal tiegħu fl-edukazzjoni, u b'hekk ma jkollux interess li jkompli jistudja hekk kif itemm l-edukazzjoni obbligatorja. Madanakollu, dawk li jitilqu mill-edukazzjoni kmieni (early school leavers) mhumiex neċessarjament studenti li m'għamlux suċċess akkademiku. Fost familji li jgħixu fil-faqar u li qegħdin isibu diffikulta' sabiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, spiss ikun hemm ġenituri li jitfgħu pressjoni diretta jew indiretta fuq uliedhom sabiex isibu mpjieg. Min-naħa l-oħra, l-ulied jistgħu minn jeddhom iħossuhom obbligati sabiex isibu impjieg bl-għan illi jikkontribwixxu finanzjarjament lejn il-familji tagħhom jew sabiex jiksbu l-indipendenza finanzjarja tagħhom billi ma jkunx possibbli għall-ġenituri sabiex jgħinuhom finanzjarjament.


Minoranzi etniċi: Il-minoranzi etniċi jistgħu jsibu lilhom infushom f'sitwazzjoni ta' faqar minħabba għadd ta' raġunijiet. Raġuni ewlenija hija d-diffikulta' li jaffaċjaw sabiex jikkomunikaw u jintegraw fi ħdan is-soċjeta' minħabba d-differenza fil-lingwa; li huwa fenomenu soċjali magħruf bħala l-fruntiera tal-lingwa (language barrier). In-nuqqas ta' komunikazzjoni u integrazzjoni ta' dawn il-komunitajiet ta' minoranzi etniċi fis-soċjeta' toħloq sitwazzjoni ta' 'de-facto' segregazzjoni fis-soċjeta'. Hekk kif dawn il-minoranzi etniċi jibdew jesperjenzaw il-fenomenu tal-esklużjoni soċjali, huwa probabbli li dawn jibdew jgħixu f'komunitajiet maqtugħin mis-soċjeta' fejn ikun hemm konċentrazzjoni kbira ta' minoranzi etniċi jgħixu. F'dawn il-komunitajiet segregati, individwu minn minoranza etnika jaf iħoss sens ta' appartaneza minħabba li jkun imdawwar minn individwi mill-istess minoranza etnika tiegħu; li jikkomunikaw b'lingwa komuni, jipprattikaw l-istess kultura u li bħalu jaffaċċjaw l-istess sfidi ta' esklużjoni soċjali. Għaldaqstant, dawn il-komunitajiet isiru bħal mikrokożmu; fi ħdan iżda maqtugħ; mis-soċjeta, hekk kif fi ħdan dawn il-komunitajiet spiss ikun hemm sens qawwi ta' solidarjeta' u appoġġ fost l-membri ta' dawn il-minoranzi etniċi. Fattur ieħor li joħloq riskju ta' faqar fi ħdan dawn il-minoranzi etniċi huwa d-diskriminazzjoni abbażi tal-etniċita' li jaf jiltaqgħu magħha fis-soċjeta'; diskriminazzjoni toħloq żvantaġġi għal dawn l-immigranti meta jiġu sabiex isibu mpjieg li jipprovdi kundizzjonijiet adegwati jew jaċċessaw l-għajnuna u l-benefiċċji soċjali pprovduti mill-'welfare state'.


In-nisa: In-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar minħabba l-prevalenza tal-patrijarkalita' fis-soċjeta'; minkejja li din qiegħda gradwalment tonqos fost il-pajjiżi tal-Punent. Fattur ewlieni li jitfa' n-nisa f'riskju ta' faqar hija d-deskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa (gender pay-gap); illi għadha realta' anke f'pajjiżi li huma kkunsidrati bħala progessivi. Din id-deskrepanza titfa' lin-nisa fi żvantaġġ filwaqt illi tivvantaġġja lill-irġiel; partikolarment f'setturi u oqsma ta' xogħol li għadhom iddominati mill-irġiel. B'konsegwenza ta din is-segregazzjoni eżistenti fis-suq tax-xogħol, huwa iktar probabbli li n-nisa jispiċċaw jaħdmu xogħlijiet li jirrikjedu inqas sigħat ta' xogħol, minħabba l-fatt illi x-xogħol domestiku u t-trobbija tal-ulied għadhom f'ħafna instanzi kkunsidrati bħala responsabbilita' tan-nisa minħabba ideat sessisti li għandhom l-għeruq tagħhom fi sterjotipi abbażi tal-ġeneri. Billi xogħlijiet 'part-time' jipprovdu dħul finanzjarju iċken minn dak ipprovdut minn xogħlijiet 'full-time'; li huma ddominati mill-irġiel; in-nisa huma iżjed probabbli li jispiċċaw jaħdmu xogħlijiet li jipprovdu pagi baxxi, filwaqt li ma jirċievu l-ebda kumpens għall-irwol fit-trobbija u għat-twettiq tax-xogħol domestiku fid-djar tal-familji li għadu b'mod prevelanti jsir min-nisa. Dan apparti l-fatt li n-nisa; abbażi ta' diskriminazzjoni; jistgħu jirċievu paga inqas minn ta' raġel li jinsab fl-istess pożizzjoni u li qiegħed jagħmel l-istess volum ta' xogħol. Dawn il-fatturi kollha joħolqu diffikulta' għan-nisa meta jiġu sabiex jiksbu l-indipendenza finanzjarja tagħhom mill-irġiel; b'mod partikolari f'każijiet sensittivi ta' divorzju jew separazzjoni. Infatti, fost tipi oħrajn ta' familji preżenti fis-soċjeta', dawk il-familji li għandhom ġenitur wieħed femmili huma iżjed vulnerabbli li jispiċċaw jgħixu f'sitwazzjoni ta' faqar. Individwi oħrajn li bħan-nisa huma suxxettibbli għall-esklużjoni soċjali minħabba diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru tagħhom huma dawk l-individwi li huma membri tal-komunita' LGBTIQ+.


L-anzjani: L-anzjani huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar minħabba għadd ta' fatturi relatati mal-qagħda tas-saħħa tagħhom u ma' kemm huma viżibbli f'għajnejn is-soċjeta'. Fattur ewlieni li jagħmel lill-anzjani partikolarment suxxettibbli għall-faqar huwa il-fatt li l-anzjani huma dipendenti fuq il-pensjonijiet li huma pprovduti mill-istat bħala parti mill-benefiċċji u l-għajnuna soċjali li dan jipprovdi permezz tal-'welfare state'. Il-pensjonijiet; li ħafna drabi huma l-unika sors ta' għixien għal dawn l-individwi; huma kkunsidrati bħala piż ekonomiku sinifikanti għall-forza tax-xogħol ta' pajjiż, partikolarment f'dawk il-pajjiżi fejn ir-rata ta' fertilita' hija ferm iżjed baxxa mir-rata mistennija ta' 2.1 ulied għal kull mara. Hekk kif il-popolazzjoni f'dawn il-pajjiżi dejjem issir waħda anzjana; fenomenu demografiku magħruf bħala 'aging population'; eventwalment il-gvern se jkollhom jagħmlu għażliet u kunsidrazzjonijiet diffiċli. Waħda minn dawn tista' tkun il-possibbilita' li jnaqqas id-dħul finanzjarju li l-anzjani li rtiraw mis-suq tax-xogħol jirċievu mill-pensjonijiet tagħhom. Dan huwa minħabba l-fatt li r-rata ta' dipendenza (dipendency ratio) qiegħda tiżdied globalment; partikolarment fost il-pajjiżi Ewropej. Ir‑rata ta’ dipendenza tirreferi għall-proporzjon eżistenti bejn in‑numru ta’ nies li mhumiex fis-suq tax-xogħol; u għalhekk huma dipendenti fuq assitenza mill-istat; u dawk li għandhom l-eta' ta' bejn 15-il sena jew 64 sena, u għaldaqstant huma dawk eleġibbli sabiex ikunu fis-suq tax-xogħol. Jekk l-istat jiddeċiedi li jippreserva l-pensjonijiet fis-sura preżenti tagħhom; filwaqt li l-popolazzjoni dejjem tibqa' issir waħda anzjana; dawk illi jaħdmu se jkollhom iħallsu iżjed taxxi sabiex jagħmlu tajjeb għall-pensjonijiet tal-ammont dejjem jiżdied ta' anzjani. Kemm iż-żieda fit-tassazzjoni u kemm it-tnaqqis fil-pensjonijiet se jkunu deċiżjonijiet diffiċli ħafna fil-ġejjieni, u għaldaqstant is-sigurta' finanzjarja tal-anzjani tinsab f'inċertezza. Il-qagħda tas-saħħa ta' anzjan tista' eventwalment tirriżulta fi spejjeż sinifikanti li żżid id-dipendenza li għandu anzjan fuq appoġġ soċjali. Hekk kif individwu jikber fl-eta', il-probabbilita' li dan se jimrad jew jiżviluppa kumplikazzjonijiet ta' saħħa dejjem tibqa' tiżdied, u għaldaqstant il-ħtieġa għall-kura, mediċini u trattamenti mediċi jiżdied ukoll. Fattur ieħor li jitfa' lill-anzjani f'pożizzjoni vulnerabbli huwa l-iżolament soċjali u s-solitudni; li tillimita l-kuntatt li għandhom mas-soċjeta' u taffettwa b'mod negattiv l-potenzjal ta' għajnuna li dawn jistgħu jingħataw. Individwi li bħall-anzjani jistgħu jesperjenzaw il-faqar minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-oħrajn huma dawk l-individwi li għandhom diżabbilita', bżonnijiet speċjali, jew nuqqas ta' mobbilita'.


ree
'' Dawn il-komunitajiet isiru bħal mikrokożmu; fi ħdan iżda maqtugħ; mis-soċjeta. ''

L-eklużjoni soċjali (social exclusion): Dan it-terminu jirreferi għall-fenomenu soċjali li jikkonsisti fi proċess gradwali fejn individwi jew gruppi vulnerabbli jsibu ruħhom sistematikament iddiskriminati u esklużi minn drittijiet, opportunitajiet u riżorsi li huma tipikament disponibbli għal individwi oħrajn fis-soċjeta. Ir-riżultat ta' dan il-proċess huwa l-marġinalizzazzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-soċjeta', li jinkludu t-tfal, il-minoranzi etniċi, in-nisa u l-anzjani; fost bosta gruppi vulnerabbli oħrajn. Minħabba din il-marġinalizzazzjoni, individwi li jappartjenu għal dawn il-gruppi vulnerabbli jaffaċċjaw għadd ta' diffikultajiet illi jillimintaw l-abbilita' tagħhom sabiex jintegraw b'mod sħiħ fis-soċjeta'. Għadd ta' soċjoloġisti spiss jiddiskutu l-eklużjoni soċjali bħala konsegwenza jew kaġun tal-faqar; hekk kif dawn iż-żewġ realtajiet huwa intrinsikament abbinati ma' xulxin. Fis-sena 2000, l-Uffiċċju għall-Istatistiċi Nazzjonali tar-Renju Unit ippubblika studju u sondaġġ komprensiv li jgħaqqad ir-realtajiet tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan l-istudju soċjoloġiku; intitolat 'The Poverty and Social Exclusion Survey' u magħruf ukoll bħala PES; ġie ppubblikat bl-għan illi jgħarraf liema huma l-fatturi li jikkaġunaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u l-konsegwenzi li dawn iħallu fuq is-soċjeta' tar-Renju Unit. L-istudju identifika erba' tipi ewlenin ta' esklużjoni soċjali; l-esklużjoni minn dħul finanzjarju adegwat jew riżorsi; l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol; l-esklużjoni mill-aċċess għal servizzi u l-esklużjoni minn relazzjonijiet soċjali. L-ewwel tip ta' esklużjoni soċjali; dik relatata mad-dħul finanzjarju u riżorsi; hija esperjenzata minn dawk li jinsabu f'xogħol li jipprovdi dħul finanzjarju limitat u li għandhom nuqqas ta' riżorsi bażiċi neċessarja sabiex ilaħħqu mal-mod ta' għixien mistenni mis-soċjeta'. It-tieni tip ta' esklużjoni soċjali; dik abbinata mas-suq ta-xogħol; hija esperjenzata minn dawk li minħabba l-istatus legali, in-nazzjonalita', l-etniċita', is-sess, il-ġeneru, it-twemmin, il-mobbilita' jew il-klassi soċjali tagħhom jiltaqgħu ma' diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol. It-tielet tip ta' esklużjoni soċjali; dik assoċjata mal-aċċess għal servizzi; hija esperjenzata minn dawk li m'għandhomx aċċess liberu għal servizzi essenzjali bħat-trasport, l-edukazzjoni u is-saħħa, u hija spiss affaċċjata minn dawk li jgħixu f'żoni rurali u maqtugħin. Ir-raba' tip ta' esklużjoni soċjali; dik marbuta mar-relazzjonijiet soċjali; hija esperjenzata minn dawk li huma maqtugħin minn relazzjonijiet mal-familjari, ħbieb u minn attivita' ċivika u soċjali minħabba fatturi finanzjarji, ġeografiċi u diġitali; fost fatturi oħrajn. Il-fenomenu tal-esklużjoni soċjali jista' jħalli għadd ta' effetti negattivi fuq l-individwu u fuq is-soċjeta' b'mod ġenerali; hekk kif l-esklużjoni soċjali ġġib magħha għadd ta' problemi soċjali bħalma huma rati għoljin ta' kriminalita', rati għoljin ta' solitudni u problemi ta' saħħa mentali, it-tidgħjif tal-familja, żieda f'akkomodazzjoni ta' kwalita' baxxa, żieda f'impjiegi li jipprovdu kundizzjonijiet u pagi baxxi, in-nuqqas ta' ċittadinanza attiva, u iżjed marġinalizzazzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-soċjeta'.


Teoriji dwar l-eżistenza tal-faqar.


It-teorija li l-vittma huwa ħati (blame the victim theory): Proponenti ta' din it-teorija soċjoloġika jargumentaw li l-faqar huwa r-riżultat tan-nuqqas ta' għaqal minn individwi li huma finanzjarament irresponsabbli, u għaldaqstant isostnu li l-individwi li jgħixu fil-faqar huma ħatja tal-qagħda tagħhom. Proponenti ta' din it-teorija jemmnu li dawk l-individwi li jgħixu fil-faqar iħaddnu valuri u twemmin simili li huma parti minn dik li hija magħrufa bħala l-kultura tal-faqar (the culture of poverty). Huwa maħsub li din is-sotto-kultura hija dik li verament tipprevjeni lill-individwi sabiex jiksbu l-mobbilita' soċjali meħtieġa sabiex jtejbu l-qagħda finanzjarja u soċjali tagħhom. Proponenti ta' dan il-ħsieb spiss isemmu li l-individwi fil-faqar għandhom nuqqas ta' ambizzjoni, m'għandhomx rieda ġenwina sabiex jaħdmu, għandhom it-tendenza li ma jippjanawx għall-ġejjieni u ma jikkunsidrawx lilhom infushom bħala parti mis-soċjeta'. Sotto-kultura oħra relatata mal-kultura tal-faqar hija dik li hija magħrufa bħala l-kultura tad-dipendenza (dependency culture). Dan it-terminu jirreferi għal mod ta' għixien li huwa bbażat fuq id-dipendenza fuq l-oħrajn; partikolarment fuq id-dipendenza fuq l-istat u fuq il-benefiċċji soċjali li jipprovdi permezz tal-'welfare state'. Uħud jargumentaw li l-għajnuna soċjali li jipprovdi l-istat hija l-ħtija ta' din il-kultura ta' dipendenza li tippreserva l-faqar u mhux teqirdu. Dan minħabba li individwi f'sitwazzjoni ta' faqar jippreferu jiddependu fuq dawn il-benefiċċji soċjali milli jkunu finanzjarjament indipendenti; billi d-dħul finanzjarju minn dawn il-benefiċċji spiss jiżboq id-dħul finanzjarju li jaqilgħu minn xogħlijiet li jipprovdu dħul finanzjarju baxx. Dan iwassal sabiex bosta individwi jippreferu jibqgħu jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali pprovduti għan-nies qiegħda (unemployment benefits) milli jissieħbu fil-forza tax-xogħol. Għaldaqstant, soċjoloġisti li jinsabu fuq il-lemin tal-ispettru politiku jisħqu fuq l-ħtieġa li jitnaqqsu l-benefiċċji soċjali li jipprovdi l-istat bl-għan li jinħoloq inċentiv għall-individwi fil-faqar sabiex isibu xogħol. Uħud jargumentaw li f'sistema ekonomika kapitalista, il-faqar iservi bħala inċentiv sabiex individwu jaħdem; filwaqt li jassigura wkoll li jkun hemm ċerti ħaddiema jaħdmu impjiegi li huma bżonnjużu iżda li jipprovdu pagi baxxi. It-theddida reali tal-faqar tista' timmotiva individwu sabiex jikseb edukazzjoni ogħla bl-għan li jsib ruħu f'impjieg li jipprovdi dħul finanzjarju iżjed stabbli. Għaldaqstant, hemm min iħaddan l-idea li l-eżistenza tal-faqar hija neċessarja għall-istabbilita' ta' soċjeta' li tħaddan ekonomija kapitalista.


ree
'' Ladarba l-faqar huwa kostrutt soċjali li nħoloq bħala konsegwenza diretta tal-kapitaliżmu, bosta soċjoloġiċi jsostnu li s-sistema hija intrinsikament difettuża. Is-sistema spiss tiżvantaġġja u tiddiskrimina kontra dawk li huma l-iżjed vulnerabbli. ''

It-teorija li s-sistema hija ħatja (blame the system theory): Proponenti ta' din it-teorija soċjoloġika jargumentaw li l-faqar huwa r-riżultat tan-nuqqas ta' ugwaljanza fl-opportunitajiet u fit-tqassim tal-ġid minħabba sistema li hija intrinsikament inġusta mal-vulnerabbli fis-soċjeta'. Soċjoloġiċi li jinsabu fuq ix-xellug tal-ispettru politiku; l-iżjed dawk li ġejjin minn skejjel tal-ħsieb Marxisti bħal dik ta' Frankfurt; jargumentaw li s-sistema ekonomika kapitalista hija responsabbli għall-eżistenza tal-faqar, billi l-faqar huwa riżultat dirett tal-akkumulazzjoni tal-profitti u l-ġid f'idejn is-sidien tal-mezzi tal-produzzjoni. Għaldaqstant, ladarba l-faqar huwa kostrutt soċjali li nħoloq bħala konsegwenza diretta tal-kapitaliżmu, bosta soċjoloġiċi jsostnu li s-sistema hija intrinsikament difettuża. Is-sistema spiss tiżvantaġġja u tiddiskrimina kontra dawk li huma l-iżjed vulnerabbli. Dan huwa fenomenu magħruf bħala vjolenza strutturali (structural violence); terminu li jirreferi għal kif istituzzjonijiet, politiki jew strutturi soċjali huma organizzati b'mod li jeskludu lil gruppi vulnerabbli fis-soċjeta'. Pereżempju, filwaqt li l-għajnuna pprovduta mill-'welfare state' tista' tgħin lill-individwi f'sitwazzjoni ta' faqar, din xorta tibqa' tkun ta' vantaġġ lill-individwi bi dħul finanjzarju għoli meta l-għajnuna tingħata b'mod universali lil kulħadd bl-istess mod. Din l-għamla ta' 'welfare state' hija magħrufa bħala 'universal welfare state', u hija kkritikata minħabba li tipprovdi l-istess għajnuna u benefiċċji soċjali lil kulħadd irrispettivament mill-bżonnijiet individwali. Għaldaqstant, billi kulħadd qiegħed jiġi mgħejjun bl-istess mod, l-individwi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' faqar xorta se jibqgħu fi żvantaġġ fis-soċjeta'. Iżda min-naħa l-oħra, uħud jargumentaw li meta l-'welfare state' tipprovdi għajnuna u benefiċċji soċjali lil gruppi speċifiċi fis-soċjeta'; għamla ta' assistenza li hija magħrufa bħala 'means-tested welfare state'; dan jista' jikkonsolida l-istigma soċjali li teżisti kontra l-individwi li jirċievu l-assistenza mill-istat. B'konsegwenza ta' din l-istigma, bosta individwi fil-faqar jippreferu joqgħodu lura milli jirċievu għajnuna u benefiċċji soċjali. Il-vjolenza strutturali kontra l-individwi fil-faqar mhux biss tista' tkun preżenti fit-tħaddim ta' sistemi ta' 'welfare states' differenti, iżda tista' wkoll tkun preżenti f'oqsma oħrajn tas-soċjeta; fosthom fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-akkomodazzjoni, fil-politika, fil-ġustizzja u fuq il-post ta-xogħol. Fil-qasam tal-edukazzjoni, dawk li jgħixu fil-faqar spiss huma żvantaġġjati minħabba d-differenzi fil-finanzjament tal-iskejjel; partikolarment f'pajjiżi fejn l-edukazzjoni hija pprivatizzata u fejn l-edukazzjoni mhijiex ipprovduta bħala benefiċċju soċjali universali. Fil-qasam tas-saħħa, l-individwi fil-faqar huma kostretti li jiddependu fuq is-servizz tas-saħħa pubbliku billi ma jaffordjawx dak privat, u għaldaqstant huma esposti għal iżjed żmien ta' stennija twil qabel ma jibdew it-trattament mediku li jeħtieġu. Fil-qasam tal-akkomodazzjoni, spiss ikun hemm diskriminazzjoni kontra individwi bi dħul finanzjarju baxx minħabba prezzijiet għoljin, li jisforzaw lil dawn l-persuni sabiex jixtru jew jikru akkomodazzjoni iktar affordabbli iżda bi kwalita' fqira, fi nħawi bi problemi soċjali li jibdew jittrasformaw ruħhom f''ghettos'. Fil-qasam tal-politika, dawk li jgħixu fil-faqar spiss għandhom nuqqas ta' rappreżentanza politika fl-istituzzjonijiet, filwaqt li l-qasam tal-ġustizzja spiss tesebixxi 'bias' fil-konfront ta' dawn il-persuni permezz tas-sistema tal-'bail'. Finalment, fuq il-post tax-xogħol, individwi f'sitwazzjoni ta' faqar huma spiss żvantaġġjati minħabba l-probabbilita' għolja li jispiċċaw f'xogħol b'kundizzjonijiet prekarji u li jipprovdi paga inadegwata. Minħabba li dawn l-persuni jkollhom nuqqas ta' ħiliet jew edukazzjoni għolja, spiss jispiċċaw jaħdmu f'dawn l-impjiegi.



Konklużjoni.


Il-faqar ma jikkonsistix biss f'nuqqas ta' finanzi jew riżorsi, iżda huwa fenomenu kumpless illi jħalli l-effetti tiegħu fuq kull dimensjoni tal-ħajja tal-bniedem; mill-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa għar-relazzjonijiet soċjali u l-impjiegi. Il-faqar ma jirriżultax biss f'sofferenza għal porzjon speċifiku tas-soċjeta', iżda jirriżulta f'sofferenza għas-soċjeta' kollha b'mod kollettiv. Dan minħabba l-fatt li ż-żieda fil-faqar issarraf f'żieda ta' individwi li mhumiex jilħqu l-potenzjal tagħhom, u iktar ma jiżdiedu dawn l-individwi, iktar is-soċjeta' se titbiegħed milli tirrealizza l-potenzjal tagħha. Għaldaqstant, il-ġlieda kontra l-faqar għandha tkun il-ġlieda ta' kulħadd; ġlieda li tista' tintlaħaq permezz ta' politika soċjali li tindirizza l-inġustizzji soċjali u ekonomiċi eżistenti sabiex kulħadd ikollu l-opportunita' li jtejjeb ħajtu.





Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page