IN-NEOKOLONJALIŻMU FIS-SAĦARA TAL-PUNENT: L-UNJONI EWROPEA KOMPLIĊI.
- Eman Farrugia
- Oct 10
- 6 min read

'' Jeħtieġ li Malta tieħu pożizzjoni b'saħħitha kontra l-isfruttament tar-riżorsi u l-abbuż tad-drittijiet leġittimi tal-poplu Saħrawi. ''
Il-ftehimiet sigrieti u oxxeni tal-Unjoni Ewropea mal-Marokk.
Bħala attivist li ili nsegwi l-kunflitt fis-Saħara tal-Punent; u li b'mod konsistenti bqajt nappoġġja d-dritt tal-poplu Saħrawi sabiex jikseb il-liberazzjoni tiegħu permezz ta' azzjonijiet diretti; ninsab maħsud bil-manuvri riċenti tal-Unjoni Ewropea rigward dan il-kunflitt. Dan hekk kif fl-1 ta' Ottubru ta' din is-sena, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew ivvotaw favur it-tnedija ta' ftehimiet illegali li se jheddu b'mod serju lid-drittijiet fundamentali tal-poplu indiġenu tas-Saħara tal-Punent.
Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea ffirmat għadd ta' ftehimiet illegali rigward kummerċ, is-sajd u l-avjazzjoni mal-Marokk illi jinkludu t-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent. Is-Saħara tal-Punent huwa territorju kkontestat illi ilu okkupat illegalment mill-Marokk sa mill-1975 bi ksur infami tal-liġi internazzjonali. Minkejja li l-Unjoni Ewropea kienet taf sewwa bir-riperkussjonijiet legali li jġorru magħhom dawn il-ftehimiet mal-Marokk, ir-rigħba għar-riżorsi tas-Saħara tal-Punent ssuperat ir-rieda għall-ġustizzja. Skont il-liġi internazzjonali, stat jew entita' ma jistax jidħol fi kwalunkwe ftehimiet rigward territorju okkupat mal-istat illi qiegħed jokkupa lil dak it-territorju. Dan minħabba l-fatt li l-liġi internazzjonali ssostni li ftehimiet rigward territorji okkupati għandhom mal-poplu indiġenu ta' dak it-territorju jew mar-rappreżentanti rikonoxxuti tagħhom; li fil-każ tas-Saħara tal-Punent huma l-poplu Saħrawi u l-Front Polisario rispettivament. Dawn il-ftehimiet illegali mhux biss innormalizzaw l-okkupazzjoni Marokkina fis-Saħara tal-Punent, iżda fissru wkoll illi r-reġim Marokkin beda jaqla' profitti kbar minn din l-okkupazzjoni. Filfatt; fis-sena 2022 biss; huwa maħsub illi l-Unjoni Ewropea estrattat riżorsi minn dan it-territorju li kellhom il-valur totali ta' €590 miljun. Dan huwa atteġġjament inaċċettabbli mingħand entita' li spiss tippożizzjona lilna nnifisha bħala t-tarka tal-ġustizzja u tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari fil-każ tal-okkupazzjoni illegali Russa fl-Ukrajna. Għalhekk, dawn l-istandards doppji fil-politika barranija jqajmu tħassib serju dwar il-kredibbilita' tal-Unjoni Ewropea.
Il-ġudizzji tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward il-ftehimiet.
Fis-sena 2012, il-Front Polisario; li huwa r-rappreżentant rikonoxxut tal-poplu Saħrawi; ressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jitniedu proċeduri legali fil-konfront tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea. Sa mis-sena 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; b'mod konsistenti fil-ġudizzji tagħha; tenniet li t-territorju tas-Saħara tal-Punent huwa territorju distint mill-Marokk, u għaldaqstant il-Kummissjoni u l-Kunsill huma responsabbli sabiex jiġi applikat ftehim bil-konsultazzjoni tal-poplu Saħrawi sabiex jirrikonoxxi l-istatus ta' dan it-territorju bħala wieħed okkupat. Madanakollu, l-Unjoni Ewropea baqgħet b'mod konsistenti tappella l-ġudizzji tal-Qorti; bl-iskuża li l-ftehimiet tagħha mal-Marokk qegħdin jibbenefikaw lill-popolazzjoni tat-territorju. Hawnhekk tajjeb infakkar illi fil-każ tas-Saħara tal-Punent, il-popolazzjoni tat-territorju huwa distint mill-poplu Saħrawi; hekk kif il-maġġoranza tal-poplu Saħrawi jinsab eżiljat ġewwa kampijiet tar-refuġjati tal-Alġerija b'riżultat tal-invażjoni tal-Marokk fl-1975. Fil-preżent, il-poplu Saħrawi fil-Marokk huma filfatt minoranza, billi l-Marokk jagħti bosta inċentivi lill-Marokkini sabiex imorru jgħixu b'mod permanenti fis-Saħara tal-Punent; dan ukoll bi ksur tal-liġi internazzjonali. Għaldaqstant, il-qorti ġġudikat li l-iskuża tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma nulli u bl-ebda mod ma jiġġustifikaw l-illegalita' tal-ftehimiet. Filfatt; bejn is-sena 2015 u s-sena 2024; kien hemm total ta' għaxar ġudizzji differenti li fihom l-ogħla qorti tal-Unjoni Ewropea stess annullat il-ftehimiet illegali li saru mal-Marokk rigward is-Saħara tal-Punent. Minkejja li l-Kummissjoni u l-Kunsill baqgħu jinsistu li l-ftehimiet jibqgħu fis-seħħ; billi baqgħu jappellaw ġudizzju wara l-ieħor tal-qorti; fil-ġudizzju storiku u finali tagħha tal-4 ta' Ottubru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonferma l-annullament tal-ftehimiet illegali ffirmati mal-Marokk. Dan il-ġudizzju ssarraf f'rebħa legali sinifikanti għall-Front Polisario. Fis-sentenza tagħha, il-qorti għamlet enfasi fuq il-ħtieġa li kwalunkwe ftehim għandu jsir bil-kunsens tal-poplu Saħrawi, u li l-prodotti kollha li joriġinaw minn dan it-territorju għandhom jintiżżlu bħala prodotti mis-Saħara tal-Punent u mhux mill-Marokk. Il-qorti fakkret lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li għandhom perjodu ta' sena sabiex jirrevedu l-ftehimiet.
L-Unjoni Ewropea tinjora l-ġudizzji tal-qorti tagħha stess.

'' Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; b'mod konsistenti fil-ġudizzji tagħha; tenniet li t-territorju tas-Saħara tal-Punent huwa territorju distint mill-Marokk. ''
Issa li għaddiet sena, l-ogħla awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea qegħdin jiffanlizzaw ftehim ġdid b'mod sigriet mal-Marokk sabiex jissodisfaw l-ambizzjonijiet neo-kolonjali li għandhom għas-Saħara tal-Punent. Dan il-ftehim; illi qiegħed isir mingħajr il-kunsens tal-poplu Saħrawi minkejja l-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; huwa nnegozjat abbażi tal-istess termini li ġew innegozjati l-istess ftehimiet li saru fl-imgħoddi u li ġew iddikjarati bħala illegali. Permezz ta' dawn il-ftehimiet, l-Unjoni Ewropea se tkompli tisraq ir-riżorsi tas-Saħara tal-Punent u tiffinanzja lir-reġim Marokkin li qiegħed jokkupa dan it-territorju. Permezz ta' dan il-ftehim kummerċjali l-ġdid, prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent se jiġu identifikati bħala prodotti li huma ġejjin minn Laayoune-Sakia El-Hamra jew Dakhla-Oued ed Dahab; li huma l-ismijiet użati mill-Marokk sabiex tiddentifika ż-żewġ reġjuni fit-territorju okkupat. Dan minkejja li l-Qorti fil-ġudizzju tagħha imponiet b'mod ċar li kwalunkwe prodotti mit-territorju għanhom jitniżżlu bħala prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent; illi huwa l-isem rikonoxxut b'mod internazzjonali għat-territorju. Il-fatt illi l-Unjoni Ewropea qiegħda ddur madwar is-sentenza tal-qorti tagħha stess billi tuża l-ismijiet użati mill-Marokk għal dan it-territorju se jwassal sabiex il-konsumeristi Ewropej jiġu żgwidati dwar il-prodotti li qegħdin jixtru, minn fejn dawn verament joriġinaw u b'liema manjiera dawn il-prodotti ġew estratti u esportati.
Iżda l-iktar aspett xokkanti rigward dan il-ftehim huwa l-fatt li qiegħed isir wara dahar il-poplu Saħrawi u anke wara dahar il-Parlament Ewropew stess. Il-mod oxxen kif dan il-ftehim illegali qiegħed jiġi ffinalizzat bil-moħbi u bl-għaġla hija xhieda tan-nuqqas ta' rispett u senisttivita' tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal-liġi internazzjonali u għall-prinċipji tal-ġustizzja u ta' 'self-determination'. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea; li hija waħda mill-imħuħ wara dan il-ftehim skandaluż; saħansitra pprovat tikkontradiċi l-ġudizzju tal-qorti tal-Unjoni Ewropea billi tenniet li l-ftehimiet mal-Marokk li jinkludu lis-Saħara tal-Punent għandhom ikomplu b'rispett għall-prinċipju ta' 'pacta sunt servanda'. Li ma semmietx il-President huwa li dan il-prinċipju; li jisħaq fuq il-bżonn li jiġu rrispettati ftehimiet bejn żewġ partiti; ma jista' qatt ikun validu fil-każ ta' ftehim li sa mill-konċepiment tiegħu kien null minħabba n-natura illegali tiegħu. Fil-verita', ir-raġunijiet wara l-insistenza min-naħa tal-Unjoni Ewropea sabiex jitkomplew dawn il-ftehimiet huma r-rigħba għar-riżorsi u l-fatt li l-Marokk huwa wieħed mill-pajjiżi li jipprevjeni lill-immigranti milli jaqsmu lejn il-kontient Ewropew. Dan il-fatt tal-aħħar ifisser illi l-Marokk spiss juża l-kwistjoni tal-immigrazzjoni sabiex iġiegħel lill-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-okkupazzjoni ġewwa s-Saħara tal-Punent; billi l-Marokk spiss jhedded lill-Unjoni Ewropea li mhuwiex se jikkopera magħha rigward l-immigrazzjoni. It-theddid tal-Marokk qiegħed iwassal sabiex l-Unjoni Ewropea tagħmel għadd ta' kompromessi mal-valuri u l-morali li suppost huma l-pedamenti fundamentali tal-proġett Ewropew.
Il-ħtieġa għal reviżjoni fil-ftehim b'rispett għal-liġi internazzjonali.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill sabiex jerġa' jiġi fis-seħħ ftehim kummerċjali illegali ieħor mal-Marokk nissel sentimenti ta' rabja u diżappunt fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u anke lil hinn; hekk kif il-Front Polisario, membri tal-Parlament Ewropew, partiti politiċi madwar il-kontinent, analisti politiċi, akkademiċi, ġuristi, avukati u attivisti qegħdin jikkundannaw bil-qawwa l-manuvri malinni tal-ogħla awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li Malta tieħu pożizzjoni b'saħħitha kontra l-isfruttament tar-riżorsi u l-abbuż tad-drittijiet leġittimi tal-poplu Saħrawi; li bħala l-poplu indiġenu tat-territorju għandu jkun inkluż f'kwalunkwe ftehimiet li jinkludu t-territorju. Qiegħed nappella lill-lill-membri tal-Parlament Ewropew; Alex Agius Saliba, Daniel Attard, Thomas Bajada, David Casa u Peter Agius; sabiex jingħaqdu ma' membri oħrajn tal-Parlament Ewropew sabiex jesprimu l-kundanna tagħhom għall-ftehim il-ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk. Qiegħed nappella wkoll lill-gvern Malti sabiex permezz tar-rappreżentanza li għandha fil-Kummissjoni u fil-Kunsill sabiex isejjaħ għal reviżjoni tal-ftehimiet sabiex jittieħed il-kunsens tal-poplu Saħrawi u tal-Front Polisario; kif huwa obbligat illi jsir b'rispett għall-liġi internazzjonali u għall-ġudizzji tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Bħala attivist li ngawdi minn ħbiberija speċjali mal-poplu Saħrawi u mal-Front Polisario, ma nistax nibqa' sieket meta nara li d-drittijiet fundamentali tagħhom qegħdin jiġu mkasbra.
Ħajr lill-organizzazjoni non-governattiva Western Sahara Resource Watch tal-informazzjoni.
Ittra mibgħuta lid-delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew.
Għeżież Membri tal-Parlament Ewropew,
Qiegħed niktbilkom fil-kapaċita' tiegħi bħala attivist favur id-drittijiet tal-poplu Saħrawi sabiex turu d-dżapprovazzjoni tagħkom għall-ftehimiet kummerċjali ġodda proposti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk; minħabba li dawn jinkludu lit-territorju tas-Saħara tal-Punent.
Infakkar illi t-territorju tas-Saħara tal-Punent huwa territorju kkontestat illi ilu okkupat illegalment mill-Marokk sa mill-1975 bi ksur infami tal-liġi internazzjonali. Skont il-liġi internazzjonali, stat jew entita' ma jistax jidħol fi kwalunkwe ftehimiet rigward territorju okkupat mal-istat illi qiegħed jokkupa lil dak it-territorju. Dan minħabba l-fatt li l-liġi internazzjonali ssostni li ftehimiet rigward territorji okkupati għandhom mal-poplu indiġenu ta' dak it-territorju jew mar-rappreżentanti rikonoxxuti tagħhom; li fil-każ tas-Saħara tal-Punent huma l-poplu Saħrawi u l-Front Polisario rispettivament. Hawnhekk infakkar li l-liġi internazzjonali u l-qorti tal-Unjoni Ewropea stess dejjem taw raġun lill-poplu Saħrawi u lill-Front Polisario rigward l-illegalita' ta' dawn il-ftehimiet.
Infakkar li fil-ġudizzju storiku u finali tagħha tal-4 ta' Ottubru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonferma l-annullament tal-ftehimiet illegali ffirmati mal-Marokk. Fis-sentenza tagħha, il-qorti għamlet enfasi fuq il-ħtieġa li kwalunkwe ftehim għandu jsir bil-kunsens tal-poplu Saħrawi, u li l-prodotti kollha li joriġinaw minn dan it-territorju għandhom jintiżżlu b'mod ċar bħala prodotti mis-Saħara tal-Punent, u m'għandhomx jitniżżlu taħt l-isem tal-Marokk jew taħt xi isem ieħor.
Għaldaqstant, billi l-kundizzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward is-Saħara tal-Punent mhumiex qegħdin jiġu rrispettati b'konformita' mal-liġi internazzjonali, qiegħed insejjaħ lilkom bħala membri tal-Parlament Ewropew sabiex tużaw il-pożizzjoni tagħkom sabiex tavvokaw favur l-inklużjoni tal-kunsens tal-poplu Saħrawi u tal-Front Polisario; anke b'rispett lejn il-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward din il-kwistjoni.
Tislijiet sinċiera,
Eman Farrugia,
ko-ordinatur tal-moviment 'Maltese for Sahrawis'.
Sahara Occidental Libre!
Viva La Resistencia!
الصحراء الغربية الحرة!
عاشت المقاومة!
Comments