top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

FIL-QOSOR: L-OKKUPAZZJONI IŻRAELJANA ĠEWWA T-TERRITORJI PALESTINJANI.

Updated: Dec 17, 2023


Wieħed mill-insedjamenti illegali mibnija fil-West Bank għall-Iżraeljani li qegħdin jokkupaw dan it-territorju. Tidher ukoll il-fruntiera diviżiva mibnija mill-gvern Iżraeljan sabiex iwaqqaf lill-poplu Palestinjan milli jaċċessa artijiet illi jinsabu fit-territorju tiegħu stess.


'Din Mhix Ħajja': Il-Jasar tal-Poplu Palestinjan Ikompli...


Sa mit-twaqqif tal-istat Żijonista ta' Iżrael fis-sena 1948, l-aspirazzjonijiet u d-drittijiet bażiċi tal-poplu Palestinjan kienu kontinwament mhedda u mċaħħda b'mod sistematiku mill-gvern Iżraeljan, permezz ta' okkupazzjoni kontinwa li ġiet deskritta min-Nazzjonijiet Uniti bħala waħda illegali. Preżentament, l-Iżrael għadu qiegħed jokkupa illegalment tliet territorji Palestinjani; il-West Bank, il-medda ta' Gaża u Ġerusalemm tal-Ilvant, minbarra li għadu qiegħed jokkupa wkoll lill-Għoljiet tal-Golan fis-Sirja. Din l-okkupazzjoni mhux biss ikkaġunat it-teħid kontinwu ta' iżjed artijiet minn idejn il-poplu Palestinjan, iżda kkaġunat ukoll il-bidu ta' oppressjoni twila u agonizzanti li qiegħda tikkawża sofferenza u tbatija għall-popolazzjoni Palestinjana li għadha qiegħda tgħix fit-tliet territorji okkupati. B'kollox, il-popolazzjoni fit-tliet territorji tinsab maqsuma b'dan il-mod; 3,000,021 fil-West Bank, 1,997,328 fil-medda ta' Gaża (qabel Ottubru 2023) u 391,000 f'Ġerusalemm tal-Ilvant. Hawnhekk huwa xieraq illi nsemmu wkoll illi 43.9% tal-popolazzjoni totali tal-istat tal-Palestina tikkonsisti fi tfal taħt it-tmintax-il sena, illi timplika li l-popolazzjoni Palestinjana hija filfatt waħda mill-iżgħar popolazzjonijiet fid-dinja. Sa mis-sena 2008, l-okkupazzjoni illegali Iżraeljana fit-tliet terrtitorji Palestinjani kkaġunat il-mewt ta' 6,679 persuna, filwaqt illi 156,943 persuna oħrajn sfaw feruti. Dawn il-figuri msemmija ma jinkludux l-ammont ta' mwiet u persuni feruti minħabba l-kunflitt armat bejn il-grupp Ħamas u l-Iżrael illi qiegħed iseħħ preżentament fil-medda ta' Gaża.


Minkejja li l-Awtorita' Palestinjana teżerċita kontroll ċiviku limitat bħala l-entita' governattiva uffiċjali tal-istat tal-Palestina, bosta istituzzjonijiet bażiċi bħall-ekonomija huma totalment dipendenti fuq l-Iżrael. Billi l-infastruttura tal-Palestina ma tikkonsistix f'ajruporti jew portijiet marittimi, il-prodotti kollha li huma importati lejn il-Palestina jridu jagħmlu użu minn infrastruttura Iżraeljana. Dan jgħodd ukoll għall-prodotti esportati, illi jammontaw għal madwar 8% tal-Prodott Gross Domestiku tal-Palestina. Billi l-Palestina m'għandhiex forzi ta' difiżi, l-armata militari tal-Iżrael (I.D.F.) teżerċita kontroll assolut fuq is-sigurta' f'dawn it-territorji okkupati, illi tħalli lir-residenti Palestinjani esposti għal abbużi mill-gvern Iżraeljan mingħajr ebda protezzjoni. Fit-territorji okkupati, il-militar Iżraeljan jħaddem sistema magħrufa bħala Detenzjoni Amministrattiva, illi tagħti l-jedd lit-truppi Iżraeljani jwettqu arresti mingħajr ma jkunu saru proċeduri ġudizzjarji. Preżentament, il-kampijiet tad-detenzjoni fl-Iżrael qegħdin jilqgħu fihom iżjed minn 1,100 Palestinjan mingħajr qatt ingħataw l-opportunita' li jkollhom aċċess għal smigħ fil-qorti. Huwa maħsub illi kull sena, bejn 500 u 700 tifel u tifla jisfgħu arrestati b'mod inġusti u mitfugħin f'kampijiet tad-detenzjoni, illi huma magħrufin għall-użu ta' abbuż fiżiku u anke tortura fuq l-ostaġġi miżmuma. Minbarra s-sigurta' u l-ekonomija, l-Iżrael saħansitra tikkontrolla l-moviment tal-persuni u tar-riżorsi ġewwa it-territorji, fejn kontinwament il-Palestinjani jkollhom jgħaddu minn 'check-points' sabiex jiċċaqalqu minn post għall-ieħor fi ħdan l-istess territorju. Għall-Palestinjani, dawn iċ-'check-points' ifissru restrizzjonijiet fuq il-moviment tagħhom sabiex jagħmlu l-qadi ta' kuljum ġewwa l-artijiet tagħhom stess. Fiż-żoni fejn ġew mibnija insedjamenti illegali fil-West Bank, ittellgħu fruntieri diviżivi li jwaqqfu lill-Palestinjani milli jidħlu f'dawn iż-żoni. Huwa għalhekk illi bosta jqabblu l-okkupazzjoni illegali Iżraeljana mas-sistema 'apartheid' fl-Afrika t'Isfel, minħabba s-segregazzjoni li ġiet imponuta mill-gvern Iżraeljan fi ħdan it-territorji Palestinjani. Fit-territorju tal-West Bank, huwa stmat illi hemm 144 insedjament mibni b'mod illegali iżda b'rikonixximent mill-gvern Iżraeljan, flimkien ma' 100 insedjament ieħor illi għadhom mhumiex rikonoxxuti. Fit-territorju ta' Ġerusalemm tal-Ilvant huwa maħsub illi hemm tnax-il insedjament, filwaqt illi sas-sena 2005, fil-medda ta' Gaża kien hemm 21 insedjament. B'kollox, dawn l-insedjamenti jilqgħu fihom 670,000 resident Iżraeljan, illi skont il-liġi internazzjonali huma meqjusa li qegħdin jgħixu fuq art okkupata b'mod illegali. Fl-istess waqt, eluf ta' Palestinjani qegħdin jiġu sforzati 'l barra mid-djar u mill-komunitajiet tagħhom sabiex dawn jitwaqqgħu u jagħmlu l-wisgħa għal iżjed insedjamenti Iżraeljani ġodda fuq artijiet Palestinjani. Huwa stmat illi fis-sena 2022, iżjed minn 1,100 Palestinjan spiċċa refuġjat f'artu stess wara li ġie sforzat 'il barra minn daru.


Minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol u l-movimenti restritti fit-territorji okkupati, 13% tal-ħaddiema kollha Palestinjani kien ikollhom jaqsmu l-fruntieri kuljum sabiex jaħdmu ġewwa l-Iżrael, b'ħafna minnhom jingħataw xogħol b'kundizzjonijiet prekarji u pagi baxxi f'oqsma bħall-kostruzzjoni. Sa minn Ottubru tas-sena 2023, 182,000 persuna minn Gaża u 208,000 persuna mill-West Bank safa' mkeċċi mill-post tax-xogħol tiegħu minħabba l-kunflitt armat bejn il-grupp Ħamas u l-Iżrael, att illi huwa deskritt bħala illegali skont il-liġi internazzjonali billi huwa meqjus bħala kastig kollettiv. Waħda mill-ikbar kriżijiet u sfidi fit-territorji Palestinjani hija dik tal-ħażna tal-ilma, billi r-riżervi tal-ilma huma kompletament ikkontrollati mill-Iżrael. Din is-sitwazzjoni qiegħda tikkaġuna nixfiet u nuqqas ta' provvisti stabbli ta' ilma li hija suffiċjenti biżżejjed għall-popolazzjoni Palestinjana, tant illi fit-territorju ta' Gaża biss, madwar 96% tal-provvista totali ta' ilma mhijiex adattata għax-xorb. Minbarra li għadu qiegħed jeżerċita kontroll fuq l-ekonomija u fuq ir-riżorsi tat-territorji Palestinjani, il-gvern Iżraeljan għadu preżentament saħansitra jikkontrolla r-reġistru tal-popolazzjoni, illi tfisser illi l-istat ta' Iżrael għandu l-poter illi japprova jew jċaħħad talbiet mill-Palestinjani għal riunifikazzjoni tal-familja, żwiġijiet u divorzji, u saħansitra anke l-għotja ta' identifikazzjoni u passaporti. Dan kollu ifisser illi eluf ta' Palestinjani għadhom mingħajr status legali, u għaldaqstant mhuwiex possibbli għalihom illi jingħataw impjiegi, illi jivvjaġġaw jew illi jaċċessaw servizzi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-sistema legali, minħabba li mhumiex rikonoxxuti bħala ċittadini mill-gvern Iżraeljan. Huwa għalhekk illi l-popolazzjoni Palestinjana hija kkunsidrata b'mod de-jure bħala waħda mill-ikbar popolazzjonijiet b'persuni 'state-less' fid-dinja, b'ħafna minnhom igawdu biss minn status ta' refuġjat.


Fis-sena 1993, kien ġie maqbul ftehim bejn il-gvern Iżraeljan u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (P.L.O.) illi kien jimplika li l-Iżrael kellu jibda jirtira mill-okkupazzjoni tiegħu mit-territorji Palestinjani bħala parti minn proċess sabiex tintlaħaq il-paċi, dan il-ftehim baqa' magħruf bħala l-Ftehimiet ta' Oslo. Minkejja li l-ftehim seta' potenzjalment wassal għal soluzzjoni ta' paċi bejn iż-żewġ stati tal-Palestina u l-Iżrael, tletin sena wara huwa evidenti li l-gvern Iżraeljan mhuwiex fl-interess illi jħares dak illi kien ġie maqbul u jieħu l-passi tant meħtieġ għall-ħarsien tad-drittijiet bażiċi u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Palestinjan. Kif kien ġie maqbul fil-Ftehimiet ta' Oslo, it-territorji Palestinjani jinsabu maqsumin fi tliet żoni; Żona A, illi hija taħt l-amministrazzjoni tal-Awtorita' Palestinjana, Żona B, illi hija taħt l-amministrazzjoni konġunta tal-gvern Iżraeljan u tal-Awtorita' Palestinjana u Żona Ċ, illi hija taħt l-amministrazzjoni tal-gvern Iżraeljan. Dawn id-diviżjonijiet kellhom ikunu biss għal perjodu ta' żmien temporanju u gradwalment iż-żoni kollha fit-tliet territorji kellhom jiġu jingħaddew taħt l-amministrazzjoni tal-Awtorita' Palestinjana, iżda preżentament, iż-żoni li huma totalment taħt it-tmexxija u l-kontroll tal-istat tal-Palestina jgħoddu biss għal 18% tat-territorju totali tal-West Bank, filwaqt illi l-gvern Iżraeljan għandu kontroll fuq territorju li jgħodd għal 60% tat-territorju totali tal-West Bank, u għaldaqtant dan jimplika li l-maġġoranza assoluta ta' dan it-territorju għadu jinsab taħt okkupazzjoni Iżraeljana. It-territorju okkupat mill-gvern Iżraeljan fil-West Bank jinkludi wkoll lit-territorju ta' Ġerusalemm tal-Ilvant, illi wkoll jinsab taħt it-tmexxija u l-kontroll tal-gvern Iżraeljan. It-territorju ta' Gaża huwa b'mod de-jure taħt it-tmexxija ta' entita' governattiva Palestinjana, dan it-territorju xorta waħda huwa b'mod de-facto meqjusa bħala territorju li jinsab taħt okupazzjoni Iżraeljana. Minkejja li kien sar sforz sabiex titneħħa l-preżenza militari tat-truppi Iżraeljani u sabiex jiġu żgumbrati l-insedjamenti illegali, il-gvern Iżraeljan għadu sal-lum jippossjedi kontroll assolut fuq l-ibħra u tal-ajru ta' dan it-territorju, filwaqt illi sa mis-sena 2007, l-Iżrael inforza imblokk illi jikkontrolla l-moviment tal-persuni residenti f'Gaża, illi timplika li għajr għal ftit eċċezzjonijiet, il-ħruġ u d-dħul lejn Gaża huwa restritt. Il-gvern Iżraeljan saħanistra għandu wkoll kontroll fuq id-dħul ta' riżorsi bażiċi lejn dan it-territorju, inkluż id-dħul ta' provvisti ta' ikel, ilma u mediċini, filwaqt illi servizzi essenzjali bħad-distribuzzjoni tal-elettriku u anke s-servizzi tat-telekommunikazzjoni u 'internet' huma totalment dipendenti u kkontrollati mill-gvern Iżraeljan. Il-medda ta' Gaża hija waħda mill-iżjed żoni b'densita' għolja ta' popolazzjoni fid-dinja, u l-qagħda prekarja tar-residenti ta' Gaża xprunat lil ħafna sabiex ilaqqmu lil Gaża bħala ''ħabs fil-beraħ''. Fis-sena 2009, rapport tan-Nazzjonijiet Uniti magħruf bħala l-'Goldstone Report' jinnota kif l-istrateġija tal-militar Iżraeljan f'Gaża kienet maħsuba sabiex u nikkwota; ''tikkastiga, tumilja u titterrorizza popolazzjoni ċivili.'' L-armata Iżraeljana hija magħrufa li saħansitra tuża bombi kemikali bħalma huwa l-'white phosphorus', minkejja li l-użu ta' dawn l-għamla ta' bombi fuq insejdamenti ppopolati huwa meqjus b'mod espliċitu bħala delitt kontra l-umanita' skont il-Konvenzjonijiet ta' Geneva.


Sa minn Ottubru tas-sena 2023, l-Iżrael beda jwettaq offensiva militari brutali f'Gaża li diġa' kkaġunat il-qtil ta' madwar 20,000 persuna filwaqt illi 36,000 peruna sfaw feruti u 7,000 persuna għadhom mitlufin taħt it-tiġrif. Huwa stmat illi 18% tal-bini kollu f'Gaża safa' mġarraf mill-attakki Iżraeljani, fosthom binjiet reliġjużi u anke binjiet ċiviċi bħal sptarijiet. Minbarra l-maqtula f'Gaża, 248 persuna sfat maqtula wkoll fil-West Bank mill-I.D.F. jew mill-okkupanti illegali. Il-volum ta' attakki brutali min-naħa tal-forzi Iżraeljani qiegħed jikkaġuna kriżi umanitarja li qiegħda toħloq bosta diffikultajiet sabiex ir-residenti ta' Gaża jkunu jistgħu jsibu refuġju mill-attakki u jingħataw għajnuna umanitarja. (Skont figuri ta' Diċembru 2023)


Liema Huma t-Territorji Palestinjani?


Dan ir-ritratt juri mappa tat-territorji Palestinjani kif imfassla skont il-Ftehimiet ta' Oslo tas-sena 1993. Tletin sena wara, l-Iżrael għadha qiegħda tokkupa iżjed minn 60% tal-art totali tat-territorji.


 

Ftakar; Ma Jistax Ikun Hemm Paċi Mingħajr Il-Waqfien tal-Okkupazzjoni.

Palestina Ħielsa!


***


AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.




166 views0 comments

Recent Posts

See All

Yorumlar


Post: Blog2_Post
bottom of page