L-ISTORJA TAL-ĦADDIEMA F'MALTA. (1)
- Eman Farrugia
- Apr 11, 2023
- 6 min read

''Għalfejn inti soċjalist?''
''Kif tirrikonċilja dan it-twemmin mal-fidi Kattolika?''
Ta' spiss niġi mistoqsi bosta mistoqsijiet bħal dawn; sempliċi u konċiżi; iżda kif jgħid il-Malti fiha ħafna x'togħmod! Spiss nispiċċa nqatta' ħin nirrifletti sew fuq dawn il-mistoqsijiet u dwar xi jfisser li wieħed ikun soċjalist f'Malta tal-lum. Qabel xejn wieħed għandu jifhem li fl-ispettru politiku tax-xellug jeżistu ħafna twemmin varju, u f'xi waqtiet anke kontradittorju għal xulxin. F'pajjiżna, il-Partit Laburista huwa meqjus bħala l-akbar partit politiku li jirrappreżenta lix-xellug; fl-istatut tiegħu, il-Partit Laburista iqis lilu nnifsu bħala partit politiku iggwidat mill-prinċipji soċjalisti demokratiċi. Matul dawn l-aħħar snin, rajna lill-Partit Laburista jitbiegħed mill-prinċipji soċjalisti tiegħu u jersaq iżjed lejn il-lemin politiku; partikolarment fejn jidħol il-kapitaliżmu u kwistjonijiet soċjali bħall-immigrazzjoni. Ix-xellugin awtentiċi f'Malta tal-lum jinsabu orfni u mingħajr partit, għaliex dak li xi darba kien partit soċjalist illum tbiddel f'partit populista. Il-Partit Laburista m'għadux soċjalista; u minkejja li esponenti jqajmu sentiment ta' nostalġija billi jfakkru lill-partitarji Laburisti f'persunaġġi li huma ġganti fl-istorja tal-ħaddiema f'Malta; bħal Manwel Dimech, Pawlu Boffa u Dom Mintoff; il-verita' hija li l-Partit Laburista tal-lum m'għadux iħaddan il-prinċipji u l-valuri ta' dawn il-persunaġġi. Għaldaqstant, persuni li bħali jħaddnu prinċipji u valuri soċjalisti f'Malta tal-lum qegħdin jagħżlu li jiddistikkaw ruħhom minn mal-Partit Laburista ladarba jibqa' jersaq lejn il-lemin politiku.
Il-Partit Laburista tal-lum għandu idea perversa ta' xi jfisser partit politiku bi twemmin soċjalista. Li tkun soċjalist ifisser illi tipprijoritizza l-ħtieġa ta' ġustizzja ekonomika fis-soċjeta' fuq kwalunkwe għan ieħor. L-iżball tal-liberali; illi qegħdin jinfiltraw lill-Partit Laburista; huwa li jaħsbu li wieħed jista' jikseb ugwaljanza soċjali fi ħdan soċjeta' li hija kapitalista; u għaldaqstant ħafna liberali jaqgħu fit-tentazzjoni li jibbażaw il-ħidma politika tagħhom fuq 'identity politics' minflok 'class struggle'. Min-naħa l-oħra, is-soċjalisti bħali jemmnu li l-liberazzjoni mill-oppressjoni soċjali mhijiex kompluta mingħajr l-liberazzjoni mill-oppressjoni ekonomika li jġib miegħu l-kapitaliżmu. Filwaqt li huwa bżonn li kulħadd jaħdem favur il-preservazzjoni tad-drittijiet ċivili lill-minoritajiet, din il-ħidma m'għandhiex tkun separata mill-ħidma favur il-ħaddiema kollha b'mod ġenerali. L-aġendi liberali qegħdin inessu lill-ħaddiema li qabel kollox huma kollha jinsabu taħt il-ħakma tal-istess kapitalist. Il-firxa tal-kunċett ta' identity politics' fl-aħħar diċenju wassal sabiex ix-xellug politiku ġie lluppjat u b'konsegwenza t'hekk aljenat mill-veru missjoni politika tiegħu. Dan il-kunċett, illi jibbaża fuq il-fragmentazzjoni u l-firda tax-xellug politiku f'fergħat iżgħar abbażi ta' kwistjonijiet bħal etniċita', ġeneru, sesswalita' u twemmin reliġjuż ma jagħrafx il-fatt illi l-oppressjoni kollha kontra kwanlunkwe sezzjoni tas-soċjeta', inklużi diskriminazzjoni abbażi ta' etniċita', ġeneru, sesswalita' u twemmin reliġjuż għandha l-għeruq tagħha f'sistema ekonomika inġusta bbażata fuq l-isfruttament fil-konfront tal-proletarju. Il-Partit Laburista wkoll adotta dan il-kunċett, tant li spiss narawh jippożizzjona ruħu bħala partit progressiv billi jiċċelebra l-kisbiet tad-drittijiet ċivili għall-minoranzi bħal-LGBTIQ; li huma kisbiet li wieħed għandu jfaħħar; filwaqt li l-inugwaljanza fit-tqassim tal-ġid f'Malta qiegħda dejjem tikber. Kemm verament għandna ugwaljzanza soċjali f'ekonomija daqtsant inġusta?
Minkejja li ħafna persuni bħali jistgħu jħossuhom diżillużi u mingħajr tama li jista' jerġa' jkollna s-soċjaliżmu ħaj f'pajjiżna, nemmen li minħabba l-mod kif Malta qiegħda tersaq iżjed lejn kapitaliżmu estrem, il-qawmien mill-ġdid tas-soċjaliżmu f'Malta huwa inevitabbli. Fuq kollox, għandna nżommu f'moħħna li l-emanċipazzjoni tal-ħaddiema f'Malta hija grazzi għall-implimentazzjoni ta' politika soċjalista fl-imgħoddi. Li iben ħaddiem imur jistudja sa livell terzjarju mingħajr ħlas u jiggradwa qatt ma setgħet kienet tkun possibbli jekk mhux bil-'Welfare State': kunċett fejn l-istat jimplimenta għadd ta' miżuri soċjo-ekonomiċi bl-għan li jikkoreġi l-inġustizzji intrinsiċi li jġib miegħu l-kapitaliżmu. Is-soċjaliżmu kien strumentali mhux biss għall-iżvilupp ta' Malta iżda għall-iżvilupp tal-kontinent kollu Ewropew wara t-tifrik ta' żewġ gwerer ispirati mill-ġenn tan-Nazzjonaliżmu u l-Faxxiżmu. Permezz tal-ħidma ta' movimenti xellugin illum wieħed jista' jgawdi minn għadd ta' kisbiet li forsi llum ma napprezzawhomx biż-żejjed fosthom id-drittijiet ċivili, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet lil dawk kollha meqjusa bħala l-vulnerabbli u l-emarġinati tas-soċjetà sabiex kulħadd ikollu opportunitajiet ugwali fis-soċjetà. L-idea li kulħadd fis-soċjeta' għandu jkollu l-istess opportunita' u dinjita' fil-ħajja hija essenzjalment l-prinċipju fundamentali li jispjega l-missjoni ewlenija tax-xellug politiku.
Sfortunatament, bosta reġimi awtoritarji matul is-sekli, fosthom dak fl-Unjoni Sovjetika, taw isem ħażin lil din l-ideoloġija billi spiss kienu jwettqu politika Marxista-Leninista taħt l-isem tas-soċjaliżmu jew tal-komuniżmu; meta fil-verita' hemm differenza ideoloġika kbira bejn stat soċjalista u stat Marxist-Leninista. Hawnhekk tajjeb illi wieħed ifakkar li t-terminu ''stat komunista'' huwa inkorrett minħabba l-fatt li l-komuniżmu huwa bbażat fuq soċjeta' mingħajr klassijiet soċjali, flus u stat. Kif jisepjega Marx, il-komuniżmu huwa maħsub sabiex jiġi applikat f'soċjeta' radikalment ugwali mingħajr strutturi u istituzzjonijiet soċjali bħall-istat fejn kulħadd jaqsam ir-riżorsi skont il-ħtieġa tal-individwi; ''from each according to his ability to each according to his need.'' Għaldaqstant, il-poltika li ġiet applikata fl-Unjoni Sovjetika hija Marxista-Leninista u mhux komunista, billi fl-Unjoni Sovjetika xorta kien hemm il-preżenza ta' klassijiet soċjali, flus u stat li jiċċentralizza l-poter. Din il-politika hija wkoll distinta mis-soċjaliżmu minħabba n-natura awtoritarja u ċċentralizzata tagħha. Is-soċjaliżmu filfatt huwa bbażat fuq deċentralizzazzjoni u mhux ċentralizzazzjoni; fejn huma l-ħaddiema, permezz ta' kunsilli u kollettivi, li jmexxu u joperaw il-mezzi tal-produzzjoni minflok il-kapitalist jew l-istat. Dawn huma distinzjonijiet ideoloġiċi li wieħed għandu jikkunsidra meta joħroġ bi kritika dwar is-soċjaliżmu, il-komuniżmu u l-awtoritarjaniżmu żviluppat mill-Bolxevisti.
Bħala persuna li nħaddan il-fidi Kattolika, il-valuri Nsara li ħaddant tul ħajti nista' ngħid li wassluni biex nagħżel li nkun xellugi. Jgħidu x'jgħidu l-konservattivi tal-lemin, l-ideoloġiji xellugin huma kollha mibnija preċiżament fuq is-sisien tal-Kristjaneżmu. Il-mument illi Ġesu' Kristu qal li kulħadd huwa maħluq indaqs quddiem Alla huwa l-mument li nibtet iż-żerriegħa għall-politika tax-xellug u għall-kunċett tad-drittijiet umani universali. Qabel Kristu, l-ikbar ċiviltajiet ta' dak iż-żmien, fosthom dawk Rumani u Griegi, ma kinux jemmnu bil-kunċett tad-dinjita' għal kull bniedem. Sa dak iż-żmien, id-dinjita' tal-bniedem kienet marbuta mal-qagħda soċjali tiegħu u x'kien kapaċi jagħmel. Fi żmienna, il-kapitaliżmu wkoll jinforza l-idea li d-dinjita' tal-bniedem hija dipendenti fuq il-qagħda soċjali ta' individwu u x'kapaċi joħloq. B'kuntrast, il-Kristjaneżmu beda jwassal il-messaġġ revoluzzjonarju li kulħadd għandu l-istess valur. Li kieku Kristu ma kienx qiegħed iwassal messaġġi revoluzzjonarji bħal dawn, żgur li ma kienx jissallab; għaldaqstant, żgur illi Kristu ma kienx konservattiv, tant li jiena nemmen li l-akbar revoluzzjonarju li qatt rat id-dinja kien Ġesù Kristu. Kristu huwa missier ix-xellug, missier id-drittijiet umani, missier l-imdawlin tas-seklu tmintax li żviluppaw ideat li radikalment bidddlu liċ-ċivilta' tal-Punent u magħha lid-dinja. It-tagħlim ta' Kristu kien sempliċi; kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni, kont għeri u libbistni, kont barrani u lqajtni! Fi kliem is-soċjalista Malti u l-eks-Prim Ministru Duminku Mintoff, ix-xellugin ma jarawx il-kobor ta' Ġesù Kristu fil-mirakli biss; iżda jarawh fil-ħniena divina li wera, kif mingħajr armati u mingħajr teżori, b'dixxipli magħżula bl-akbar għaqal fost nies tax-xogħol, saħħar lill-għorrief u waqqaf tagħlim u twemmin li għadu jiġbed lejh bosta bnedmin. Skont rakkonti u l-provi li għandna mill-Atti tal-Appostli, l-ewwel Insara mhux talli kienu soċjalisti biss, iżda anke komunisti!
Mas-sekli li bdew jgħaddu, dawk li suppost komplew ixandru l-messaġġ tal-ħniena tbiegħdu mill-vera Kristjaneżmu u saru apoloġisti tas-sistema fewdali li tgħakkes liż-żgħir tas-soċjetà. Filfatt li l-konverżjoni tal-Imperu Ruman kienet pożittiva fl-aspett li l-persekuzzjoni kontra l-Insara kienet bdiet tonqos sew, din kienet negattiva fl-aspett tal-awtentiċita' tal-Knisja. Il-Knisja, li kienet bdiet bħala moviment li tisfida l-imperi rigħba u qattiela, issa kienet saret ħaġa waħda ma' dawn l-imperi billi Kostantinu kien iddikjara l-Kristjaneżmu bħala r-reliġjon tal-Imperu Ruman. Minn dak il-mument, il-Knisja kienet għamlet kompromessi mal-imperi billi ma baqgħetx tisfida l-poter u bdiet tagħlaq għajnejha għall-faqar tal-ħaddiem iddisprat għall-ħobża u għatxan għall-qatra, filwaqt li l-klassi aristokratika tas-soċjeta' kienet tkun imdawwra bil-palm u l-privileġġi, bid-deheb u r-rikezzi. Filwaqt li nasal biex nifhem li l-Knisja kellha tagħmel dawn il-kompromessi mal-poter sabiex tipproteġi lill-Insara mill-persekuzzjoni; dawn il-kompromessi fissru wkoll li l-Knisja kellha tagħmel pass lura milli tippriedka messaġġ favur l-emanċipazzjoni taż-żgħir kif xtaq Kristu. L-inġustizzji soċjali kbar matul il-fewdaliżmu kienu uħud mir-raġunijiet għaliex seħħet ir-revoluzzjoni Franċiża u għalfejn il-poplu kien irribella kontra l-kleru u n-nobbli. Fis-seklu tmintax wieħed jista' jgħid li nżergħet iż-żerriegħa tal-progressività u l-formazzjoni tal-ideoloġiji xellugin fl-Ewropa kif nafuhom illum, hekk kif ħafna filosfi; li ħafna minnhom kienu deisti ispirati mill-idea ta' dinjita' umana universali u ugwali kif ippriedka Kristu; bdew jisfidaw l-istatus-quo u s-sistema fewdali li kienu adottaw il-kleru u n-nobbli.
Il-Knisja damet ħafna sabiex irrealizzat li l-qrubija tagħha mal-poter kien ħoloq vakum għall-foqra u għall-ħaddiema li fid-dawl tal-bidliet kbar li bdew iseħħu anke fid-dawl tar-revoluzzjoni industrijali. Dan il-vakum imbagħad beda jimtela' minn ideoloġiji materjali u sekulari bħall-Marxiżmu li bdew jappellaw għal dawn il-foqra u l-ħaddiema li ma kellhomx Knisja jew vuċi oħra li kienet taqbeż għalihom; u għaldaqstant, ideoloġiji bħall-Marxiżmu bdew iżidu fil-popolarita'. Malli l-Knisja bdiet tirrealizza li kienet qiegħda titlef il-popolarita' mal-klassijiet il-baxxi, kien hemm attentati sabiex il-Knisja tingħata bixra iktar soċjali u iktar kritika tal-poter taħt il-papat tal-Papa Ljun XIII li nieda r-Rerum Novarum fl-1891. Filwaqt li l-Knisja universali kienet qiegħda tinfetaħ iktar għar-riformi u l-progress; f'Malta min-naħa l-oħra; il-ftit għalliema tal-poplu li kellna, minn Mikiel Anton Vassalli sa Manwel Dimech, kollha spiċċaw tturufnati mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi jew mill-ħakkiema. Kawża ta' dan, il-pajjiż dam ħafna sabiex jibda jiżviluppa bis-serjetà u jaħdem attivament għall-ħelsien sħiħ, tant li sa sittin sena ilu konna qegħdin niġġieldu sabiex ikollna separazzjoni bejn Stat u Knisja! Vassalli li kien l-ewwel iben din l-art li sejjaħ lil Malta bħala nazzjon, spiċċa eżiljat minn Malta minħabba l-ideat revoluzzjonarji tiegħu, filwaqt li Dimech minħabba l-filosofija soċjalista tiegħu spiċċa skumnikat mill-Isqof Pietru Pace u eżiljat lejn l-Eġittu, fejn il-Brittaniċi lanqas f'mewtu ma tawh nitfa rispett għaliex tefgħuh ġor-ramel fid-deżert mingħajr qabar immarkat. Fl-istess żmien, bdiet tinbiet ukoll iż-żerriegħa li minnha beda jxettel dak li llum nafuh bħala l-Partit Laburista...
Ikompli fl-artiklu li jmiss.
Comments