Fl-artiklu ta' qabel dan spjegajt xi jfisser li wieħed iħaddan s-soċjaliżmu u kif ir-reliġjon Nisranija hija msejsa fuq dan it-twemmin, trattajna wkoll kif l-ipprivileġġjati fl-imgħoddi ħadu vantaġġ minn fuq il-ħaddiema u l-vulnerabbli tas-soċjetà...
Temmejt l-artiklu b'Manwel Dimech u nħoss li għandi nkompli fuqu. Minkejja li Manwel Dimech qatt ma kellu konnessjoni mal-Partit Laburista, ikun xieraq illi nqisu bħala l-fundatur tas-soċjaliżmu f'Malta. Manwel Dimech twieled ġo kerrejja fil-Belt Valletta ġo faqar kbir. Kien jaf xi ġġifieri li wieħed ma jkollux loqma' ħobż jew qorq x'jilbes f'riġlejh. Ta' età żgħira ħafna daħal fid-dinja tal-kriminalità fejn ikkommetta għadd ta' serqiet li wassluh sabiex iqatta' ħafna minn ħajtu fil-ħabs. Dimech ma kienx jisraq b'għodju jew għax ried li jkollu l-lussu, iżda kien jisraq biex jgħix, kawża tan-nuqqas ta' servizzi soċjali u edukazzjoni għall-ulied.
Meta kien fil-ħabs huwa rriforma ruħu u beda jieħu nteress fil-litteratura. Dimech kien iġġieled kontra l-inġustizzji li kienu jitwettqu fil-ħabs u beda jkollu sehem attiv fis-soċjetà bħala persuna rriformata u ta' intellett filosofiku. Nhar it-8 ta' Jannar 1898, Dimech beda joħroġ ġurnal ġdid ta' kull nhar ta' Sibt, bl-isem "Il-Bandiera tal-Maltin" li fiha beda jesprimi l-fehmiet progressivi u radikali tiegħu. Heddewh li joqtluh u għamlulu frame-up billi ħbewlu l-flus foloz fid-dar fejn kien jgħix ma' ommu. Imma Dimech kien determinat li jbiddel il-qagħda li kienu fiha l-Maltin:
“ Tqum ma jridukx, ja poplu, iriduk tibqa’ rieqed, ħalli fil-waqt li int tkun mgħaddas fil-ħolm tiegħek… ikollhom iż-żmien li jagħmlu bik dak kollu li bik jagħmlu jridu… il-ktajjen li… dendlulek dawk li minn fuqek simnu u rabbew is-sonża… dawk li fik ma jarawx ħaġa oħra ħlief… sellum li bih jitilgħu fl-għoli huma biss! Qum! Qum! Qum!… stagħġeb iva kif ghal tant snin stajt tgħaddi l-ħajja tiegħek hekk mitlufa f’dak il-għazz kbir, mixħut minn tulek, tixbah aktar il-mejtin jew inkella l-ħajjin. ”
Nhar it-22 ta' Ottubru 1911 waqqaf formalment Ix-Xirka tal-Imdawlin, b'laqgħa pubblika f'Raħal Ġdid. Din kienet għaqda li tiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema, skola għall-adulti u partit politiku fl-istess ħin. Permezz tagħha Dimech ried jinfluwenza s-soċjetà Maltija. Żgħażagħ idealisti u persuni ħerqana għall-bidla daħlu f'din ix-Xirka, mhux biss foqra iżda wkoll persuni mill-klassi tan-nofs u l-klassi l-għolja.
L-ewwel twissija mill-Knisja lil Dimech ġiet fl-1900 meta nqara editt fil-knejjes kollha ta' Malta li fiha l-Isqof Pietru Pace ikkundanna l-kitba ta' Dimech li fiha kkritika kardinal Ingliż li kien faħħar x'kienu qed jagħmlu l-Ingliżi fil-gwerra kontra l-Boeri fl-Afrika t'Isfel. Iżda Dimech baqa' bl-istess fehma u reġa' kiteb kontra l-massakri Ingliżi. Is-soċjetà ta' dak iż-żmien mhux kollha fehmet l-għanijiet ġenwini ta' Dimech. Bosta laqmuh bħala anti-klerikali u l-kleru kellu kliem sod ħafna fil-konfront ta' Dimech, l-istess kleru li xewwex lill-poplu sabiex jagħmlu attentat sabiex iħaġġru lil Dimech f'Ħal Qormi.
Nhar il-11 ta' Ottubru 1911, inqrat pastorali kontra Dimech li kkundannat Ix-Xirka tal-Imdawlin u l-Bandiera tal-Maltin għax permezz tagħhom Dimech kien qed jiżra' ideat soċjalisti bħal li n-nisa "jkunu f'kollox bħall-irġiel... u li għandhom l-istess drittijiet fis-soċjetà, ħaġa li hi kontra t-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa u kontra l-Vanġelu u kontra kull bażi tal-ordni soċjali". Dan kien fi żmien fejn il-Knisja u l-Gvern Ingliż kellhom saħħa tremenda fit-tmexxija tal-pajjiż, għalhekk wieħed ma jistax ma jammirax il-kuraġġ li kellu dan il-bniedem illi baqa' daqstant sod quddiem l-awtoritajiet ekkleżjastiċi u Brittaniċi!
Nhar il-31 ta' Awissu 1914, l-awtoritajiet Ingliżi arrestawh bl-akkuża li kien qed ixewwex kontrihom u eżiljawh Lixandra, l-Eġittu. Manwel Dimech miet nhar is-17 ta' April 1921, imċaħħad u mbiegħed minn art twelidu li tant kien jgħożż. Il-qabar tiegħu sewwasew ma nafux fejn jinsab għaliex il-Brittaniċi difnuh fid-deżert f'qabar mhux immarkat, xhieda li Manwel Dimech lanqas f'mewtu ma ngħata rispett. Fl-artiklu li jmiss ser nagħtu ħarsa dwar kif twaqqaf il-Partit Laburista fl-1920...
Ikompli fl-artiklu li jmiss.
Comments