GĦALFEJN INTI LABURIST? (3)
- Eman Farrugia
- Apr 12, 2023
- 4 min read
Updated: Oct 15, 2023

Mill-istatut tal-Partit Laburista:
“ Il-Partit Laburista huwa organizzazzjoni politika li tiġbor fiha persuni bi ħsieb progressiv, imsejjes fuq prinċipji soċjalisti demokratiċi, li jaħdem għal soċjeta` inklussiva li tipprovdi xogħol għal kulħadd, isseħħ il-ġustizzja soċjali u li s-saħħa tal-istess soċjeta`, titkejjel mill-progress ta' dawk l-iktar dgħajfa fost il-membri tagħha. ”
Fl-aħħar żewġ artikli tkellimna dwar kif it-twemmin xellugi fl-imgħoddi ġie ttradut minn dawk li suppost kellhom imexxuh u kemm batew dawk li mexxewh, fosthom Manwel Dimech. Illum ser nagħtu ħarsa dwar kif twaqqaf il-Partit Laburista, iżda qabel xejn irridu nifhmu l-qagħda soċjali u ekonomika Maltija ta' dak iż-żmien. Il-Partit Laburista twaqqaf biss sentejn wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra, fejn minkejja li f'Malta ma waqgħux bombi tal-għadu, xorta kellha sehem attiv sabiex tospita lill-midruba. Waqt il-gwerra kif wieħed jista' jimmaġina x-xogħol fit-tarznari, li kienu l-akbar sors ta' ħolqien ta' xogħol fil-gżejjer Maltin f'dak iż-żmien, kien abbundanti. Meta qrajt l-awtobijografija tal-Perit Mintoff laqtitni frażi minn tiegħu; "ħaġa tal-iskantament kif l-aktar pajjiż Kattoliku jaqla' l-għijxien tiegħu mill-imwiet u mill-gwerer!". Wara l-gwerra beda jinħass illii riesaq l-inkwiet ekonomiku u soċjali f'Malta; il-prezz tal-qmuħ baqa' għoli, kien hawn nuqqas ta' xogħol, kien hawn il-qgħad u l-aspirazzjonijiet politiċi tal-poplu Malti ma bdewx jiġu milqugħa. Fis-seklu ta' qabel, bdew jitqajmu bosta ħassieba tal-poplu li bdew jiżirgħu l-idea li Malta setgħet issir nazzjon ħieles mill-qawwiet barranin. Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech huma żewġ personalitajiet li fost ħafna oħrajn għenu sabiex inisslu sens ta' kburija nazzjonali fi ħdan il-ġens Malti matul dawn l-aħħar tliet sekli u kienu wkoll favur riformi soċjali importanti fis-soċjeta' Maltija. L-inkwiet jilħaq sal-quċċata tiegħu meta jsiru r-rewwixti tas-Sebgħa ta' Ġunju 1919 (illi bdiet tiġi msejħa wkoll bħala s-Sette Giugno mill-Pro-Taljani), rewwixti li fihom il-Maltin ingħaqdu kotrana u ġġieldu kontra l-Gvern Kolonjali Brittaniku. Filwaqt li kien ilu jinħass in-nuqqas ta' sodisfazzjon fil-governanza tal-awtoritajiet Ingliżi, din kienet l-ewwel darba li fiha l-poplu Malti qam għad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu filwaqt li ħa pożizzjoni pubblika komuni kontra l-azzjonijiet tal-Gvern Kolonjali. L-irvellijiet ikkawżaw tensjonijiet kbar fit-toroq tal-Belt Valletta, fejn b'riżultat tat-tensjonijiet li nqalgħu dakinhar sfaw maqtula sitt Maltin mit-truppi Brittaniċi, l-unika ħtija tagħhom kienet illi kienu qed jipprotestaw sabiex ikollhom ix-xogħol u l-ħobż sabiex ikunu jistgħu jgħixu b'mod dinjituż f'art twelidhom...
Wara dawn l-inċidenti kien ġie mibdul il-Gvernatur ta' Malta, li kien il-Gvernatur Plumer, ingħatajna kostituzzjoni limitata fl-1921, kien hawn ħolqien ta' xogħol ġdid għall-ħaddiema Maltin u ngħataw is-sussidji fuq il-qmuħ, iżda dan ma kienx biż-żejjed għall-emanċipazzjoni tal-ħaddiema Maltin. Sa mitt sena ilu, Malta kienet gżira mibnija fuq it-tarznari, il-biedja u s-sajd, u min kien fortunat biż-żejjed li jkun ġej minn xi familja nobbli jew prestiġjuża kien ikollu s-setgħa li jkompli l-edukazzjoni sa livell universitarju u jassumi okkupazzjoni prestiġjuża bħal saċerdot, avukat jew nutar u jilħaq pożizzjonijiet għolja li l-kumplament tal-poplu fqir u illiterat qatt ma seta jilħaq. In-nuqqas ta' ugwaljanza fis-soċjetà kien ilu jinħass, kien ilu jinħass l-istaġnar fil-klassijiet soċjali. Wara li t-tagħlim soċjalista ta' Dimech kien influwenza u qanqal għadd ta' ħaddiema tat-tarznari u raħħala, kif ukoll bdew jitwaqqfu l-ewwel unjins tal-ħaddiema u għadd ta' intellettwali Maltin riedu jfasslu riforma soċjali bi preparazzjoni għax-xniegħa li Malta setgħet tingħata l-ewwel 'self-government', tnax -il persuna minn oqsma differenti (bħal kif in-Nazzarenu kellu miegħu tnax -il dixxiplu sabiex ixerred it-twemmin tiegħu tal-ħaqq u l-ħniena), iltaqgħu fi Triq San Ġwann fil-Belt Valletta u waqqfu l-Partit Laburista, jew kif kien imsemmi dak iż-żmien 'La Camera del Lavoro'.
Fil-ktieb tiegħu, L-Istorja tal-Partit tal-Ħaddiema (1931), Ġużè Bonnici jikteb:
" Ix-xniegħa li aħna x'aktarx se jkollna l-Parlament tagħna bdiet tiġri ma' Malta kollha u ħajret lil 12-il membru ta' Workers' Union Branch Number 3 li jagħmlu għaqda bejn il-ħaddiema kollha tal-Gżejjer Maltin biex ikunu qawwija biżżejjed ħalli jibagħtu xi deputati fil-parlament il-ġdid u juru x'inhuma x-xewqat u r-rieda tal-kotra Maltija. It-Tnax il-membru li waqqfu l-Camera del Lavoro kienu:
Anton Agius (stampatur),
Guliermu Arena, (ġurnalist),
Ġanni Bencini (kunsillier),
Robert Bencini (benestant),
Carmelo Bonello (ħajjat),
Gejtanu Bonello (skrivan),
Mikiel Borg (negozjant),
Mikielanġ Borg (editur),
Agostino Matrenza (arġentier),
Anton Schembri (inċiżur),
Ġjacintu Tua (prokuratur legali),
Salvu Zammit Hammett (elettriċista).
Fil-15 t'Ottubru 1920 dawn it-tnax-il membru ltaqgħu fid-dar tan-Nutar Carbonaro fejn għamlu ftehim li kull wieħed minnhom kellu joħroġ 25 lira sterlina fix xahar biex iwaqqfu każin pubbliku msejjaħ Camera del Lavoro. Il-għan kien li jitwaqqaf partit tal-Ħaddiema, għalkemm wieħed mill-għanijiet immedjati kienu li jqajmu l-ħaddiema Maltin mir-raqda tal-apatija u l-injoranza u juruhom id-drittjiet u dmirijiet tagħhom. Fl-ewwel laqgħa preliminari tal-klabb fis-16 t'Ottubru 1920 twaqqfet u ntgħażlu l-membri uffiċjali. Bħala President u Viċi President intgħażlu l-Professur Frendo u l-Kurunell Willliam Savona, Segretarju Ġanni Bencini, Teżorier Mikielanġ Borg filwaqt li Anton Schembri intgħażel Assistent Teżorier. Ħafna mil-membri m'ghoġobhomx l-isem oriġinali bit-Taljan u l-grupp beda jissejjaħ Labour Party Club. Kien imiss li l-klabb jiftaħ każin ġdid li nfetaħ fid-9 ta Diċembru 1920 f'127 Triq Santa Luċija, fil-Belt. Il-motto tal-Partit kien LABORE ET FIDUCIA (Ħidma u Fiduċja).
Biex tgħin kemm tista' l-avvanz ekonomiku tal-ħaddiema l-Għaqda fi ħsiebha li:
• Tistaqsi lin-nies tax-xoghol ta' kull sengħa dwar il-bżonnijiet u kundizzjonijiet tagħhom.
• Tfittex li titkellem mas-sidien u man-nies tax-xogħol.
• Tersaq lejn il-gvern tant direttament kif ukoll indirettament skond jekk ikollha jew ma jkolliex min jirrappreżentaha fil-Kunsill.
• Biex tgħin kemm tista' u ġġib għall-aħjar l-istat ekonomiku tal-ħaddiema, l-għaqda fi ħsiebha tagħmel kummissjonijiet bl-inkarigu li jiġbru informazzjoni dwar it-talb ta' xogħol. "
Il-Partit Laburista mmexxi mill-mexxej tal-ponn tiegħu l-Kurunell William Savona kkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali li qatt saret f'Malta, dik tal-1921, is-sena li fiha ġiet adottata l-ewwel kostituzzjoni tas-'self-government' illi kienet ġiet imħejjija mill-Assemblea Nazzjonali. F'dik l-istess sena, Malta kisbet parlament bicamerali b'Senat (aktar tard abolit mill-Partit Laburista fis-snin 40) u Assemblea Leġiżlattiva eletta. Fl-elezzjoni tal-1921 il-partit kiseb 23% tal-voti u kiseb 7 Membri Parlamentari f'parlament ta' 32 Membru Parlamentari. Fil-15 ta' Marzu tal-istess sena, kienet saret l-ewwel laqgħa ġenerali tal-Partit Laburista, b'mod sinifikanti fid-data li fiha nzerta t-30 anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-enċiklika papali bl-isem ta' Rerum Novorum, illi kienet inkitbet u inħarġet minn Papa Ljun XIII, enċiklika papali li tiffoka fuq il-benesseri tal-ħaddiema. Fl-1922, inħatru l-ewwel Ministri Laburisti wara li l-Partit Laburista, b'kollaborazzjoni mal-l-Unione Politica Maltese, ifforma gvern ta' koalizzjoni għal disa' xhur. Il-Kurunell Savona baqa' jmexxi l-partit sal-1927, fejn f'dik is-sena Dr. Michael Dundon assuma l-irwol bħala mexxej tal-partit. Madankollu, it-tmexxija tiegħu ma damitx wisq minħabba r-riżenja ta' Dundon fis-sena ta' wara u b'hekk Dr. Pawlu Boffa sar il-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, pożizzjoni li okkupa għal 21 sena, mill-1928 sal-1949. Fl-artiklu li jmiss ser nagħtu ħarsa dwar kif il-partit sofra l-ewwel interdett fi żmien il-'Compact' u dwar l-ewwel snin ta' ħidma tal-Partit Laburista fis-snin ta' qabel t-Tieni Gwerra Dinjija...
Ikompli fl-artiklu li jmiss.

Comments