top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

GĦALFEJN INTI LABURIST? (4)

Updated: Aug 30, 2023


Fl-aħħar artiklu tkellimna dwar il-bidu tal-Partit Labursita u dwar l-għanijiet ewlenin tal-Partit tal-Ħaddiema. Rajna kif il-Partit Laburista sa mit-twaqqif tiegħu f'Ottubru tal-1920 dejjem kien il-vuċi ewlieni tal-ħaddiema Maltin fiż-żmien fejn il-ħaddiema kienu jsoffru minn nuqqas ta' drittijiet u rikonoxximent kawża tal-assenza tat-trejdunjoniżmu fis-soċjeta' Maltija. Illum ser nagħtu ħarsa dwar s-sehem tal-partit fis-snin tletin u fis-snin erbgħin. Is-snin tletin ma kien perjodu xejn sabiħ, kien perjodu fejn is-soċjeta' kienet mifnija bid-Dipressjoni l-Kbira kawża ta' kriżi ekonomika maġġuri li kienet bil-wisq agħar minn dik li sofriet id-dinja fl-2008. Minkejja li d-Dipressjoni l-Kbira kellha primarjament effetti mill-aktar qawwija fuq l-ekonomija tal-Istati Uniti, dawn l-effetti ma damux sabiex bdew jinħassu fil-kontinent Ewropew ukoll. F'dak il-perjodu fl-Istati Uniti biss, 25% tal-populazzjoni kienet qiegħda tirreġistra bla xogħol filwaqt li l-banek tal-pajjiż ikkrollaw. Kien perjodu fejn in-Nażismu u l-Faxxismu kienu fl-aqwa tagħhom u kien jinħass sewwa li d-dinja kienet fix-xifer li terġa' tesperjenza gwerra dinjija mill-ġdid u għalhekk it-tensjoni fil-kontinent Ewropew kienet waħda kbira.


F'Malta l-poplu kien għadu aljenat bil-kwistjoni tal-lingwa, fejn is-soċjeta' kienet konfuża dwar liema lingwa kellha tkun il-lingwa prinċipali ta' Malta. Għalhekk, is-soċjeta' spiċċat inqasmet f'żewġ fazzjonijiet: dawk Pro-Taljani li riedu l-lingwa Taljana li kienu jikkonsistu minn nobbli, l-avukati u l-kleru u dawk Pro-Ingliżi li riedu l-lingwa Ingliża li kienu jikkonsistu primarjament mill-awtoritajiet Brittaniċi u l-ammiraturi tagħhom li kienu ilhom sa mill-bidu tas-seklu dsatax jipprovaw jeliminaw l-influwenza Taljana minn Malta sabiex jinforzaw influwenza Brittanika fuq il-gżejjer. Forsi qegħdin tistaqsu intom u taqraw; ''Il-Malti min qabeż għalih?". L-ilsien Malti dak iż-żmien kien imkasbar mill-ipprivileġġjati, kienu jqisuh l-ilsien tal-foqra u jirreferu għalih bħala ''il-lingwa tal-kċina''. Minkejja l-pożizzjonijiet tal-partiti politiċi l-oħra li dak iż-żmien eliminaw mill-ħsieb tagħhom li jikkampanjaw favur il-lingwa Maltija u ntefgħu jappoġġjaw ilsien barrani, il-Partit Laburista mall-ewwel ħa pożizzjoni favur l-ilsien Malti. Il-Partit Laburista enfasizza li ma kienx ġust illi fil-qrati ma tintużax il-lingwa Maltija, fejn persuni li ma kienux jafu lingwa oħra għajr dik Maltija ma kellhomx aċċess għall-traduzzjonijiet tas-sentenzi tal-qrati li dak iż-żmien kienu jsiru bit-Taljan. Dan fiż-żmien fejn il-maġġoranza tal-poplu kien illiterat u bla edukazzjoni, għalhekk persuni kienu jispiċċaw jintbagħtu l-ħabs mingħajr lanqas ikunu fehmu r-raġuni għalfejn! Il-Partit Laburista appoġġja bis-sħiħ pubblikazzjoniet lingwistiċi ta' persuni bħal Ninu Cremona billi ressaq mozzjonijiet fil-parlament sabiex il-gvern jaċċetta li jippubblika l-pubblikazzjoni ta' dawn il-kitbiet filwaqt li l-partit ħadem ukoll sabiex il-lingwa Maltija tintuża fl-avviżi tal-gvern, fil-liġi elettorali, fiċ-ċitazzjonijiet tal-qorti u fir-regolamenti t-traffiku. Taħt it-tmexxija ta' Pawlu Boffa, li kien sar mexxej tal-Partit Laburista fl-1928, il-partit ħadem bis-sħiħ sabiex il-lingwa tal-qorti tkun dik Maltija. Bis-saħħa tal-Partit Laburista, l-ilsien Malti flimkien mal-lingwa Ingliża saru l-lingwa uffiċjali ta' Malta fl-1934, dan kien ifisser li l-lingwi kellhom jibdew jingħataw importanza daqs xulxin u kull pubblikazzjonijiet uffiċjali kellhom ikunu biż-żewġ lingwi. L-ilsien Malti aktar tard sar ukoll l-lingwa tal-qorti fl-1936 u ġie mnaqqax fil-Kostituzzjoni bħala l-unika lingwa nazzjonali ta' Malta. B'hekk sa fl-aħħar titwettaq ix-xewqa ta' Mikiel Anton Vassalli, li sa mis-seklu tmintax wera x-xewqa tiegħu li l-lingwa Maltija tkun il-lingwa nazzjonali ta' pajjiżna. Qabel ma saru dawn it-tibdiliet, il-lingwa Maltija kienet tiġi ċċensurata bla ħniena mill-Pro-Taljani li ma naqsu qatt milli juru l-elitiżmu tagħhom fl-istituzzjonijiet li huma kienu jkunu fihom. Meta Pawlu Boffa kien iggradwa mill-Universita' Rjali ta' Malta (illum l-Universita' ta' Malta), huwa kien għamel diskors fl-okkażjoni tal-gradwazzjoni tiegħu bil-Malti. Dan ma kienx intlaqa' tajjeb mill-Pro-Taljani fejn użaw il-vjolenza fuqu u waddbulu siġġu. Forsi b'mod inqas drammatiku, l-Perit Dom Mintoff bħala student ukoll għadda minn diskriminazzjoni minħabba li kien juża l-lingwa Maltija fejn huwa jirrakkonta din il-ġrajja:


Meta kont l-Università, sħabi tal-kors tax-xjenza, għażluni biex nirrappreżentahom fil-kumitat tal-istudenti. Aqtgħu lil min insib President? Lill-Capo Giorgio Borg Olivier! U kif dħalna hemm, insib li l-Viċi-President kien Ċensu Tabone! Meta dħalt għidtilhom: “X'hemm?”, u dawn lanqas kellmuni. Imbagħad qabeż wieħed minnhom u qalli, bit-Taljan: “Hawn trid titkellem bit-Taljan bilfors”. Jien għidtlu: “Imma jien Malti, kif tridni nitkellem bit-Taljan?” Għamilna nofs siegħa; huma ma jridux jibdew is-seduta għax jien nitkellem bil-Malti u huma jitkellmu bit-Taljan, mhux għax kienu jafu jitkellmu bit-Taljan aktar minni tafux! Iżda għax huma ma' Mussolini u jiena ma kontx ma' Mussolini. Is-seduta sfrattat u sfrattaw sewwa għax anki l-kumitat sfratta mbagħad. L-istess Capo spiċċa minn President, spiċċa għal kollox.


Il-Partit Laburista u l-membri tiegħu baqgħu jaħdmu attivament favur l-ilsien Malti, tant li għadd ta' kittieba u poeti Maltin kienu propjament membri tal-istess partit fosthom Anton Buttigieg, Ġuże' Ellul Mercer, Ġużè Bonniċi, Karmenu Vassallo, Lino Spitieri u Alfred Sant. Nixtieq li permezz tal-artiklu wieħed japprezza l-ħidma kbira li wettaq il-Partit Laburista f'isem l-ilsien Malti, partikolarment taħt it-tmexxija tat-tabib Pawlu Boffa. Dom Mintoff waqt diskors fil-parlament fl-1998, diċenji sħaħ wara l-kwistjoni tal-lingwa, kellu kliem ta' tifħir għall-mod kif Boffa ikkampanja favur l-ilsien Malti. Mintoff jgħid hekk dwar Boffa:


Il-Partit tal-Ħaddiema, li għandu rekords mill-iktar sbieħ, speċjalment Boffa ... Jekk hawn ħaġa li Boffa jistħoqqlu li jkollu statwa għaliha hija l-mod kif iddefenda l-ilsien Malti mill-bidu, biex ma noqogħdux insemmu Aquilinijiet. Aquilina veru kien bravu; ddefenda l-ilsien Malti u għamel għixjien minnu imma Boffa ddefenda l-ilsien Malti, medd għonqu u ħadem u ma ħa xejn minn dan kollu ħlief xebgħa mingħand il-gradwati sħabu tal-Universita'. Jien qed insemmi dawn l-affarijiet biex nuri kemm sofra dan il-bniedem.


Fis-snin għoxrin il-Partit Kostituzzjonali ta' Gerald Strickland u l-Partit Laburista ta' Pawlu Boffa ingħaqdu flimkien sabiex jifformaw gvern ta' koalizzjoni wara l-elezzjoni tal-1927. Boffa aċċetta li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-partit ta' Strickland fuq il-kundizzjoni li dan jgħaddi leġislazzjonijiet favur l-emanċipazzjoni u l-ivżilupp tal-qagħda soċjali tal-ħaddiema. Għalhekk din il-koalizzjoni bdiet tiġi msejħa bħala 'l-Compact'. B'dawn iż-żewġ partiti fil-gvern ittieħdu għadd ta' miżuri u proġetti li minnhom ibbenefikat is-soċjeta', b'mod partikolari l-klassi tal-ħaddiema fosthom l-introduzzjoni tal-'Compensation Act' li kienet tavvokka l-introduzzjoni ta' kumpens lill-ħaddiema li jweġġgħu fil-post tax-xogħol. Kien ukoll f'dan iż-żmien li beda l-bini tal-Isptar San Luqa li serva bħala sptar ġenerali għal għadd ta' snin, li mbagħad kompla jara tkabbir taħt amministrazzjonijiet Laburisti ta' Dom Mintoff. Minkejja dawn il-bidliet pożittivi, kienet evidenti li bdew iqumu tensjonijiet bejn il-kleru u l-Partit ta' Strickland minħabba li Strickland kien imħasseb dwar l-involviment tal-Knisja Kattolika fil-politika minħabba s-simpatiji li bdew juru lejn il-Partit Nazzjonalista. B'riżultat ta' dan fl-1930 l-Isqof ta' Malta Mauro Caruana u l-Isqof t'Għawdex Michael Gonzi (li aktar tard sar Arċisqof fl-1944) iddikjaraw li kull min kien jivvota u jagħti appoġġ lill-partiti tal-Compact, għalhekk il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit Laburista kien qiegħed jagħmel dan taħt dnub mejjet u għalhekk l-kleru għamel użu mis-sanzjonijiet kanoniċi (l-interdett). F'dan il-perjodu ż-żewġ partiti sofrew bil-kbir u saħansitra sar ukoll attentat fuq il-ħajja ta' Strickland ġewwa l-qorti. Kawża tal-interdett, l-elezzjoni tal-1932 kienet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista u għalhekk, issa kien il-partit fil-gvern. Dan ġara biss bl-għajnuna ta' kampanja qalila mill-kleru sabiex jiġi mmanipulat l-elettorat, li mbagħad irrepetiet ruħha fl-elezzjoni tal-1962 meta l-Partit Laburista kien mill-ġdid taħt interdett mill-kleru. Fl-elezzjoni tal-1932, il-Partit Laburista rnexxielu jakkwista siġġu wieħed biss li kien okkupat mit-tabib Boffa. Għalhekk il-partit kien f'riskju imminenti li jiġi eliminat mix-xena politika lokali u li jisfaxxa fix-xejn. Fil-Partit Nazzjonalista li issa kien rebaħ l-elezzjoni, kien hemm għadd ta' esponenti favur Mussolini u l-ideoloġija Faxxista tant li bdiet tissemma l-possibbilita' li Malta tingħata lil Mussolini sabiex din issir parti mill-Italja, dan seta' jsir billi Mussolini jrodd lill-Brittaniċi parti mill-Eritrea sabiex huma jieħdu l-Eritrea bil-kundizzjoni li l-Brittaniċi jgħaddu lil Malta f'idejn il-Faxxisti. L-awtoritajiet kolonjali li kienu mgħarrfa dwar is-simpatiji li l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista kellhom lejn l-Italja Faxxista, issospendew il-Kostituzzjoni fl-1933 u Malta mill-ġdid għaddiet għall-perjodu taħt it-tmexxija diretta mill-Brittaniċi. Il-Kostituzzjoni reġgħet ġiet attivata fis-snin ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija, preċiżament fl-1947. F'dik is-sena saru mill-ġdid l-elezzjonijiet ġenerali, illi rriżultaw f'vittorja kbira għall-Partit Laburista mmexxi mit-tabib Pawlu Boffa, elezzjoni li fiha huwa kiseb maġġoranza komda sabiex jiggverna wara li akkwista aktar minn 60,000 vot mill-elettorat. Għalhekk, it-tabib Pawlu Boffa sar l-ewwel mexxej Laburista li sar ukoll Prim Ministru ta' Malta. Fl-artiklu li jmiss ser nagħtu ħarsa profonda dwar għaliex il-Partit Laburista rnexxielu jikseb rebħa tant kbira. Ser nagħtu ħarsa wkoll lejn il-ħidma sfieqa ta' Pawlu Boffa bħala Prim Ministru u tal-ministri Laburisti fis-snin ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija u ser nifhmu aktar dwar x'wasal għall-qasma fil-Partit Laburista, li ġiet ikkawżata wara li nqala' diżgwid bejn Mintoff u Boffa, kif ukoll dwar x'ġara wara...


Ikompli fl-artiklu li jmiss.







84 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page