top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

GĦALFEJN INTI LABURIST? (5)

Updated: Aug 31, 2023

Dom Mintoff u Pawlu Boffa flimkien waqt attivita' politika tal-Partit Laburista fis-snin erbgħin.


Fl-aħħar artiklu minn din is-sensiela tkellimna dwar il-ġlieda li għamel il-Partit Laburista sabiex l-ilsien Malti jingħata d-dinjita' li jixraqlu, fi żmien fejn ħaddieħor twaħħad ma' ilsien barrani u ried jnessi lill-ilsien Malti akkost ta' kollox. Tkellimna wkoll dwar l-ewwel snin tat-tmexxija ta' Pawlu Boffa fi ħdan il-Partit Laburista, tmexxija li kienet ikkaratterizzata minn koalizzjoni mal-Partit Kostituzzjonali mmexxi minn Strickland, koalizzjoni li kienet magħrufa bħala l-'Compact'. Permezz ta' din il-koalizzjoni is-soċjeta' rat għall-ewwel darba fil-ġrajja ta' ġensna l-introduzzjoni ta' bosta riformi soċjali li javvokaw l-emanċipazzjoni u t-titjib fil-qagħda tal-ħaddiema Maltin, bħal ma kienet l-introduzzjoni tal-'Compensation Act'. Rajna wkoll kif il-Knisja Kattolika kienet determinata li teqred għal kollox il-partiti politiċi msieħba fil-'Compact' permezz tal-għotja tal-interdett qabel l-elezzjoni tal-1932, tant illi li kieku ma kinitx għall-ħidma ta' Boffa, il-Partit Laburista kif nafuh illum kien ikun ilu li sfaxxa mis-snin tletin! Illum se nagħtu ħarsa dwar il-ħidma sfieqa tal-Partit Laburista fil-kuntest drammatiku tas-snin erbgħin wara t-tbatija u s-sofferenza tat-Tieni Gwerra Dinjija, fi żmien fejn il-poplu kien għatxan għall-ħobż u għall-ħelsien. Se nagħtu ħarsa wkoll dwar kif seħħet il-firda bejn Pawlu Boffa u Dom Mintoff, firda li waslet sabiex il-Perit Mintoff isir il-mexxej tal-Partit Laburista fl-1949 u aktar tard Prim Ministru ta' Malta fl-1955. Wara li l-Kostituzzjoni kienet ġiet sospiża fl-1933, minħabba li l-Brittaniċi ma kinux kuntenti bis-simpatiji li beda juri l-Partit Nazzjonalista mal-Italja Faxxista ta' Mussolini, l-awtonomija provduta mill-Gvern Imperjali kienet saret pjuttost limitata u għalhekk l-aspirazzjonijiet politiċi tal-ġens Malti kellhom jitwaqqfu ħesrem. Wara li l-umanita' kienet diġa' esperjenzat id-diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li ġabu magħhom l-avvenimenti ħorox tal-Ewwel Gwerra Dinjija u tad-Dipressjoni l-Kbira, it-tensjoni bejn l-Alleati u l-Assi fil-kontinent Ewropew bdiet teskala, b'konsegwenza tal-politika żbaljata xprunata mill-ideoloġiji ħżiena tal-Faxxiżmu u tan-Nażiżmu. Wara l-invażjoni tal-Polonja fl-1939, kien evidenti li d-dinja kienet dieħla mill-ġdid għal Gwerra Dinjija oħra. Eventwalment, nhar l-10 ta' Ġunju 1940, l-Italja Faxxista ta' Mussolini ddikjarat gwerra fuq il-Gran Brittanja u għalhekk Malta issa kienet direttament involuta. Minkejja li fl-Ewwel Gwerra Dinjija pajjiżna kellu l-irwol limitat li jdewwi lit-truppi feruti, din id-darba il-ġżejjer tagħna kellhom irwol aktar dirett, tant li ġew milquta b'attakki u bumbardamenti ħarxa għal sentejn sħaħ, li waslu sabiex Malta kienet saret l-aktar post li laqat attakki u bumbardamenti mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-introduzzjoni tal-Faxxiżmu fil-gżejjer Maltin ma kienx jirċievi appoġġ u interess mill-Faxxisti Taljani biss, iżda kien jirċievi appoġġ u interess ukoll minn personaġġi prominenti fil-politika Maltija, tant li Nerik Mizzi, li aktar tard sar kap tal-Partit Nazzjonalista, kien juri l-interess u l-appoġġ tiegħu sabiex isseħħ l-amalgamazzjoni tal-gżejjer Maltin mal-Italja Faxxista ta' Mussolini.


Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Malta kellha rwol vitali minħabba li l-ġeografija tagħha fil-Baħar Mediterran kienet qiegħda toffri pożizzjoni strateġika għall-qawwiet tal-Alleati. It-tfassil ġeografiku tal-gżejjer, permezz tal-portijiet naturali tagħhom u minħabba li l-gżejjer Maltin jinsabu bejn l-Italja u dik li kienet il-kolonja tagħha; il-Libja, il-bażijiet militari tal-Brittaniċi f'Malta kienu joffri vantaġġi kbar għall-missjonijiet militari tal-qawwiet Alleati u żvantaġġi kbar għall-forzi tal-għadu. Minħabba li Malta kienet ta' ostaklu kbir għall-operazzjonijiet militari mwettqa mill-Assi fir-reġjun tal-Mediterran u minħabba li setgħet tfixxkel il-kummerċ bejn il-bażijiet tal-Assi stazzjonati fl-Afrika ta' Fuq u fl-Ewropa, il-forzi Nażisti u Faxxisti wettqu assedju aħrax fuq il-gżejjer għall-perjodu ta' aktar minn sentejn; mill-11 ta' Ġunju tal-1940 sal-20 ta' Novembru tal-1942. Minħabba li l-Italja Faxxista kienet ċediet nhar it-8 ta' Settembru 1943, li għalina jinzerta wkoll jum il-festa nazzjonali tal-Vitorja, l-attakki u l-bumbardamenti ħarxa mill-ajru fuq pajjiżna kienu waqfu għal kollox. Fil-perjodu iebes tal-gwerra, niżlu fuq pajjiżna 'l fuq minn 15,000 tunnellata ta' bombi waqt l-3,343 bumbardamenti mill-ajru rreġistrati fuq il-gżejjer Maltin. Madwar 1,581 ċittadin tilef ħajtu b'konsegwenza tal-gwerra filwaqt li 3,780 ċittadin ieħor safa midrub, dan apparti l-eluf ta' truppi li tilfu ħajjithom jew li sfaw midruba. Għall-ġranet u ljieli sħaħ, il-poplu Malti kellu jsib kenn u refuġju sulari taħt l-art f'xelters msawra fil-blat, fejn hemm bata l-ġuħ, l-għatx u l-uġiegħ mentali u fiżiku li ġġib magħha l-gwerra. Minħabba n-nuqqas ta' riżorsi fil-gżejjer, il-Brittaniċi kienu lesti li jċedu l-gżejjer għal kollox matul ix-xhur iebsa tas-sena 1942, f'dik is-sena ntlaħqet il-quċċata tal-attakki Nażisti u Faxxisti fuq il-gżejjer Maltin, tant li l-Italja u l-Ġermanja kienu diġa' approvaw l-possibbilita' li sseħħ invażjoni ta' Malta. Madwar 11,000 propjeta' sfaw milquta mill-attakki mill-ajru, b'uħud minnhom ikunu sfaw totalment mġarrfa. L-aktar żoni tal-pajjiż li sfaw milquta minn dawn il-bumbardamenti kienu l-inħawi tat-tarzna u tal-bażijiet avjazzjonali, għalhekk intlaqtu b'mod dirett il-lokalitajiet tal-Belt Valletta, l-Isla, il-Birgu, Bormla u Ħal Luqa. Dawn l-attakki waslu sabiex seħħ fenomenu ta' emigrazzjoni interna fil-gżejjer, fejn eluf ta' Maltin mill-inħawi tal-Port il-Kbir emigraw fl-irħula rurali, fosthom Birkirkara, il-Mosta u n-Naxxar. Dan wassal għal tibdil demografiku radikali, minħabba li sa dawk iż-żminijiet in-nies tal-ibliet ma kinux jitħalltu ħafna man-nies tal-kampanja. It-Tieni Gwerra Dinjija bidlet totalment id-destin ta' Malta u kien f'dan il-kuntest drammatiku li fih il-partiti politiċi ta' dak il-perjodu kellhom jipprovdu alternattiva u soluzzjonijiet għall-problemi soċjali u finanzjarji li Malta kellha ssoffri fis-snin erbgħin. Il-Partit Laburista taħt it-tmexxija għaqlija tat-tabib Pawlu Boffa kien kommess li jintroduċi fil-pajjiż ir-riformi u t-tibdiliet illi kienu meħtieġa sabiex Malta tkun tista' terġa' tibni lilha nfisha mill-ġdid fiżikament, soċjalment u finanzjarjament. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, is-soċjeta' Maltija kienet għadha qiegħda ssoffri mill-impatti negattivi tal-gwerra, minħabba żieda ta' persuni fil-qgħad, żieda fl-ammont ta' faqar, nuqqas ta' akkomodazzjoni, nuqqas ta' finanzi u nuqqas ta' xogħol. Għalhekk il-Partit Laburista beda jitħallat mas-soċjeta' fit-triqat u fl-imsieraħ, fejn hemmhekk il-partit ippriedka l-messaġġ tal-'Welfare', li javvoka l-introduzzjoni ta' servizzi soċjali, il-ħolqien ta' mpjiegi ġodda, l-għotja ta' drittijiet ġodda lill-emarġinati u għallem id-duttrina Soċjalista lill-poplu, duttrina li kienet tenfasizza li dawk li kienu f'qagħda b'saħħitha kellhom l-obbligu li jpprovdu lill-vulnerabbli. Għalhekk, fil-kuntest drammatiku tat-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-messaġġ niżel għasel mas-soċjeta', messaġġ li s-soċjeta' kienet ilha tistennieh għaliex kienet imxebba bis-sitwazzjoni miżera li sabet ruħha fiha. Ir-riformi u t-tibdiliet li ppropona l-Partit Laburista, li kienu influwenzati direttament mit-tagħlim Soċjalista, kienu meħtieġa sabiex Malta setgħet tibni lilha nfisha mill-ġdid mit-tifrik sabiex tiġi ttrasformata f'pajjiż modern u sabiex seta' jkun hemm aktar ġustizzja fis-soċjeta'. Il-ħtieġa għall-bidla radikali fis-soċjeta' kienet waħda kbira, bħalma huwa meħtieġ l-ilma f'ħalq suldat ferut fid-deżert. Fl-1939, meta Dom Mintoff kien għadu biss żagħżugħ ta' 23 sena, fil-ġurnal The Daily Chronicle huwa kien kiteb hekk rigward il-ħtieġa għat-trasformazzjoni ħolistika tas-soċjeta' Maltija;


'' Malta għandha bżonn membri ġodda b'ideat friski li jistgħu jgħaqqdu l-elementi progressivi kollha u jittrasformaw is-sistema soċjali medjevali f'sistema li tkun l-għira tal-kumplament tad-dinja. ''

Fl-elezzjonijiet għall-Kunsill tal-Gvern li seħħew f'Novembru 1945, meta l-attivita' politika reġgħet bdiet tieħu l-ħajja wara pawża li ġiet sforzata mill-gwerra, il-Partit Laburista żied 16,000 vot fuq l-3,100 vot li kien akkwista fl-elezzjonijiet ta' Lulju 1939 u għalhekk il-partit tella' disa' deputati fil-Kunsill tal-Gvern. F'dan il-perjodu kien ingħata d-dritt tal-vot għall-ewwel darba lill-irġiel kollha li kellhom 'l fuq minn 21 sena, bidla li kellha l-appoġġ tal-Partit Laburista. Qabel din il-bidla, id-dritt tal-vot kien jingħata biss lill-irġiel illi kienu jilħqu kriterji speċifiċi rigward l-ammont ta' ġid materjali u propjetajiet illi huma kienu jippossjedu u għalhekk id-dritt tal-vot kien jingħata biss lin-nobbli u lill-ipprivileġġjati. Fil-Kunsill tal-Gvern, il-Partit Laburista introduċa bosta riformi ġodda fosthom it-tneħħija tas-Senat, l-introduzzjoni ta' vot wieħed għal kull individwu u l-għotja tad-dritt tal-vot lin-nisa. Dawn ir-riformi kollha assiguraw repreżentazzjoni aktar ġusta u demokratika għall-poplu Malti, permezz tat-tneħħija tal-privileġġi li kellhom l-irġiel nobbli fuq il-bqija tal-popolazzjoni. Iżda l-bidliet u r-riformi, minkejja li jkunu tajbin u meħtieġa, xorta ser iniggżu lil xi ħadd! Filfatt hekk ġara, għaliex l-għotja tad-dritt tal-vot għal dawk iċ-ċittadini kollha li għandhom 21 sena 'l fuq intlaqgħet bi kritika iebsa u oppożizzjoni b'qawwa li kienet ġejja mill-forzi konservattivi tal-pajjiż; primarjament il-Knisja Kattolika u l-Partit Nazzjonalista, li bħalma hija l-prassi tal-istess forzi konservattivi dejjem ibeżżgħu bid-degredazzjoni tal-valuri tradizzjonali tas-soċjeta' Maltija. Fis-sena 1946, l-edukazzjoni primarja saret obbligatorja għat-tfal kollha, miżura li ttieħdet sabiex tibda l-ġlieda kontra l-faqar fis-soċjeta' u li sabet l-appoġġ tal-Partit Laburista, iżda sabet ukoll reżistenza mill-Knisja Kattolika. F'dik l-istess sena, id-disa' deputati li kien tella' l-Partit Laburista kienu rriżenzjaw bi protesta mal-Gvern Ingliż b'risposta għas-sensji li ngħataw lill-ħaddiema tat-tarzna u l-partit insista li Malta ken jixirqilha tingħata mill-ġdid Kostituzzjoni li toffri aktar setgħat lill-Maltin. Fis-sena 1947, Malta terġa' tingħata Kostituzzjoni ġdida wara li din kienet ġiet sospiża fis-snin tletin u għalhekk f'Ottubru ta' dik is-sena jsiru mill-ġdid elezzjonijiet ġodda. Din kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali li fiha kien ser jivvota kull persuna li kellu biżżejjed eta' sabiex ikun eleġibbli għad-dritt tal-vot, mingħajr ebda kundizzjonijiet. Kienet ukoll l-ewwel elezzjoni li ssejħet sabiex jittellgħu deputati parlamentari minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, minħabba li fiż-żewġ elezzjonijiet ta' qabel kienu qegħdin jittellgħu biss deputati fil-Kunsill tal-Gvern. Il-poplu Malti ħareġ bi ħġaru sabiex jivvota, u billi żamm f'moħħu l-messaġġ u l-wegħdiet illi kien saħaq fuqhom il-Partit Laburista fil-kampanja elettorali, aktar minn 63,000 votant ivvotaw lill-Partit Laburista u b'hekk il-partit kien kiseb 60% tal-voti kollha, rebħa kbira li waslet sabiex Pawlu Boffa jsir Prim Ministru ta' Malta. Fil-Parlament Malti, il-Partit Laburista tella' 24 deputat filwaqt li l-Partit Nazzjonalista tella' biss 7 deputati. Tliet partiti oħra li kkontestaw dik l-elezzjoni tellgħu bejniethom 9 deputati parlamentari oħra. F'dik l-elezzjoni storika titla' għall-ewwel darba l-ewwel deputata parlamentari mara, Agatha Barbara, li kienet ikkonstestat mal-Partit Laburista. Dom Mintoff, li kien ikkontesta dik l-elezzjoni, jgħid hekk dwarha waqt diskors fil-Parlament fl-1998:


Fl-1947 ma kienx hemm iktar skużi; il-partiti kollha ħarġu għan-nofs u din kienet l-ewwel elezzjoni fejn seta' jivvota kulħadd, anke n-nisa... Fil-fatt f'dik l-elezzjoni - hawn ta' min wieħed jirrimarka li dak iż-żmien kien hemm 40 Membru f'dan il-Parlament - il-Partit Laburista tella' 24 Membru filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet tellgħet 16-il Membru u għalhekk tistgħu timmaġinaw x'maġġoranza kellu l-Partit Laburista dak iż-żmien fil-Parlament; u bħal dik il-maġġoranza qatt ma kellna iktar. Jekk xi ħadd irid joqgħod jara ta' min kien il-credit, jien nista' ngħid li dakinhar il-leader kien Pawlu Boffa u ma kienx ħaddieħor. Veru li jien kont id-deputy leader tiegħu u veru li kien hemm miegħi Dr. Colombo, li kien għenni dak iż-żmien... Anke dakinhar fil-partit kien hemm il-left wing u kien hemm ir-right wing u filwaqt li Boffa kien fuq ir-right wing, kemm jien, kemm Dr. Colombo kif ukoll it-Tabib Schembri Adami - bħalissa nsejt x'kien jismu - konna fuq il-left wing.

Il-Partit Laburista fil-gvern beda jagħti prijorita' lill-emanċipazzjoni tal-ħaddiema u tal-vulnerabbli fis-soċjeta'. Ma kinitx leġislatura faċli sabiex wieħed jiggverna fiha, Malta kienet għadha fi stat iddisprat soċjalment u finanzjarjament minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija u l-partit issa kellu l-irwol diffiċli li jintroduċi r-riformi kollha li wiegħed filwaqt li jibni mill-ġdid il-pajjiż mit-tifrik li kien jinsab fih. F'dak il-perjodu, l-Partit Laburista sab l-appoġġ tal-'General Worker's Union', unjin tal-ħaddiema li kienet twaqqfet f'Ottubru tal-1943 bl-għan sabiex jitpoġġew fuq quddiem nett id-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema, għan simili li għalih kien twaqqaf il-Partit Laburista f'Ottubru tal-1920, tlettax-il sena qabel. Taħt il-gvern immexxi minn Boffa, Malta għaddiet minn perjodu ta' rikostruzzjoni totali ta' bosta inħawi li kienu ġġarfu wara l-gwerra, sabiex dawk li tilfu djarhom f'dak il-perjodu setgħu jingħataw akkomodazzjoni ġdida li f'dawk iż-żminijiet kienet meqjusa bħala moderna. Fost l-inħawi li fihom saru proġetti kbar ta' rikostruzzjoni nsibu l-ibliet ta' Bormla, il-Birgu, l-Isla (li kollettivament huma magħrufa bħala l-Kottonera), ibliet li sofrew ħafna ħsarat kbar mill-bumbardamenti tal-gwerra. Kien f'dan il-perjodu li l-Partit Laburista beda l-ewwel proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna, proġetti li offrew alternattiva għal dawk li kellhom akkomodazzjoni ta' kwalita' fqira jew saħansitra li kienu spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, u għalhekk nistgħu nqisu dawn il-proġetti kienu parti mill-istrateġija komprensiva tal-Partit Laburista sabiex jiġi eradikat il-faqar assolut f'Malta. Wieħed mill-akbar proġetti ta' rikostruzzjoni li għamel il-Partit Laburista f'dan il-perjodu kien ir-rikostruzzjoni taż-żona magħrufa bħala l-Mandraġġ, fil-Belt Valletta. Għal sekli sħaħ, din iż-żona kienet tilqa' fiha popolazzjoni ta' madwar 2,500 ruħ li kienu jgħixu f'kundizzjonijiet insanitarji u ġo faqar materjali kbir. L-istorja tal-Mandraġġ tmur lura għaż-żmien tal-Ordni ta' San Ġwann, fejn dan il-kwartier fil-Belt kellu jkun port imkenni għax-xwieni tal-Kavallieri, għalhekk kien beda ix-xogħol tat-tħaffir ta' ħofra li kellha tmiss mal-livell tal-baħar, li setgħet timtela bl-ilma baħar. Iżda l-proġett kien falla u l-ħofra tħalliet abbandunata, sakemm bosta persuni foqra bdew jibnu kmamar żgħar bħala r-residenzi tagħhom mingħajr ebda regolarizzazzjoni u għalhekk dan il-kwartier kien ġie ttrasformat f'ħofra bi kmamar li kienu jilqgħu fihom familji sħaħ f'kundizzjonijiet mill-ifqar u ssikkati ġo xulxin f'art ta' 10,000 metru kwadru. It-twaqqigħ u r-rikostruzzjoni totali tal-inħawi tal-Mandraġġ kienet fost l-akbar prijoritajiet tal-Perit Dom Mintoff, li kien il-Ministru tax-Xogħol u r-Rikostruzzjoni fil-gvern ta' Pawlu Boffa. Ix-xogħol tat-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid taż-żona beda f'Novembru tal-1948, u b'hekk il-Partit Laburista għamel dak illi l-ebda Gran Mastru u l-ebda Gvernatur illi ħakmu lil pajjiżna ma kienu kapaċi jagħmlu għal sekli sħaħ; dak illi joffri akkomodazzjonijiet xierqa lill-vulernabbli u lill-foqra. Għall-ewwel darba fl-istorja ta' pajjiżna, il-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta' Boffa waqqa' l-bassifondi u tella' l-oqsma residenzjali sabiex kulħadd ikollu akkomodazzjoni xierqa fejn jgħix.


Matul it-tmexxija ta' Boffa, Dom Mintoff kien afdat bl-irwol iebes u importanti ta' Ministru tax-Xogħlijiet u tar-Rikostruzzjoni, irwol illi kellu jħares ir-rikostruzzjoni ta' Malta wara t-tiġrif tal-gwerra. Minħabba li kien iggradwat ta' perit, bosta mill-proġetti li Mintoff wettaq bħala ministru kienu mfassla minnu stess. Mintoff żamm din il-kariga sa Settembru 1949.


Fl-ewwel leġislatura tiegħu fil-gvern, il-Partit Laburista introduċa għall-ewwel darba f'Malta t-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax) illi permezz tagħha l-partit seta' jintroduċi f'Malta l-ewwel forma ta' Servizzi Soċjali. Taħt it-tmexxija tal-gvern tat-tabib Boffa ġew introdotti f'Malta bosta programmi ta' għajnuna u benefiċċji soċjali li fosthom insibu l-għoti ta' pensjonijiet lill-anzjani, pensjonijiet lill-persuni li għandhom diżabbilita' u pensjonijiet lill-għomja. Is-servizzi soċjali għenu sabiex tinħoloq soċjeta' aktar ġusta u għenu sabiex bosta ħaddiema u l-familji tagħhom intrefgħu mill-miżerja tal-faqar. Qabel is-sena 1947, is-servizzi soċjali f'Malta kienu kważi ineżistenti, għajr għall-'Compensation Act', illi kien programm illi kien tħejja mill-Partit Laburista f'koalizzjoni mal-Partit Kostituzzjonali fl-1927 sabiex jingħata kumpens lill-ħaddiema li sfaw imweġġa' fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Li kieku ma kinitx għall-ħidma tal-Partit Laburista, ħidma li kienet ispirata minn ideali soċjalisti, l-għajnuna lill-emarġinati, lill-ħaddiema u lill-vulnerabbli ma kienet qatt tkun possibbli. Minħabba dawn ir-riformi Soċjalisti, li saru għaliex insistew fuqhom waħedhom il-Partit Laburista u l-'General Worker's Union', eluf ta' familji Maltin ma baqgħux fl-abbissi tal-faqar u t-tbatija, għalhekk eluf ta familji Maltin bdew jingħataw opportunitajiet ġodda ta' għijxien. L-ulied ma baqgħux jiġġerrew fit-toroq jitolbu għal xelin, issa l-ulied setgħu jingħataw opportunita' ta' edukazzjoni. Dawk li spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom u dawk li kienu jgħixu fil-bassifondi mudlama issa ngħataw saqaf fuq rashom f'kundizzjonijiet xierqa. Dawk li kellhom kundizzjonijiet mediċi jew xi forma ta' diżabbilita' ngħataw attenzjoni u għajnuna għall-ewwel darba fl-istorja. Id-dritt tal-vot ma baqax privileġġ lin-nobbli biss, iżda ngħata lill-adulti kollha, irrelevanti s-sess jew l-ammont ta' ġid materjali li għandhom. Fil-kuntest tal-lum, dawn huma ħwejjeġ pjuttost bażiċi, iżda fil-kuntest ta' Malta fis-snin erbgħin dawn kienu ħwejjeġ revoluzzjonarji li biddlu totalment l-qafas tas-soċjeta' Maltija. Qiegħed ngħid dan kollu għaliex huwa dnub kbir illi dan kollu jintesa, u bil-ftit riżorsi li jiena għandi disponibbli għalija rrid nagħmilha l-missjoni tiegħi li nesponi u nġib għall-attenzjoni tal-pubbliku l-ħidma u l-ġid kbir li għamel il-Partit Laburista mal-ġens Malti, ħidma li sfortunatament tintesa jew li tintefa' fid-dell ta' interpretazzjonijiet żbaljati tal-istorja.


Fil-bidu tal-leġislatura, il-Prim Ministru Boffa u l-Ministru Mintoff kienu jikkollaboraw ħafna ma' xulxin, bosta eks-Ministri Laburisti jsostnu li r-relazzjoni tagħhom kienet tixbah relazzjoni ta' bejn missier u ibnu! It-tnejn li huma kienu jaqsmu l-istess passjoni, dik li jgħollu l-klassi tal-ħaddiema u li jimplimentaw ir-riformi soċjali li tant kienu meħtieġa f'dak il-perjodu. Boffa kien konxju ħafna tal-popolarita' ta' Mintoff, irridu niftakru li fl-ewwel elezzjoni tiegħu, Mintoff irnexxielu jakkwista l-aktar ammont ta' voti mill-kandidati kollha. Iżda matul il-leġislatura bdew joħorġu fil-beraħ id-differenzi kbar li kellhom Mintoff u Boffa fuq kwistjonijiet jaħarqu. Boffa, illi kien għadda minn ħafna tbatija u sofferenza minħabba l-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-snin tletin, meta l-Knisja Kattolika kienet kważi farrket il-Partit Laburista wara l-elezzjoni tal-1932, kien ipprefera li jevita li jkollu kwistjonijiet mal-Knisja, tant illi fil-manifest elettorali tal-1947, il-Partit Laburista għall-ewwel darba mit-twaqqif tiegħu ma għamel l-ebda referenza għal reliġjon jew għal xi organizzazzjoni reliġjuża. Boffa kien jaf x'poter kellha l-Knisja Kattolika dak iż-żmien u kien jaf illi kellha l-mezzi tagħha sabiex tinfiltra anke fil-politika, jekk din fil-kuxjenza tagħha tħoss illi l-Partit Laburista qiegħed jheddidha. F'dak il-perjodu fl-Ewropa, it-tensjoni bejn ix-Xellugin u l-Knisja Kattolika kienet laħqet il-quċċata tagħha permezz tal-Gwerra Ċivili Spanjola, fejn in-Nazzjonalisti Spanjoli heddew id-demokrazija tal-pajjiż meta fis-sena 1936, dawn organizzaw kolp ta' stat u ħatfu l-pajjiż bil-forza mit-tmexxija tar-Repubblikani, minkejja li dawn kienu eletti b'mod demokratiku u korrett. Il-Knisja Kattolika ħaditha qatta bla ħabel kontra r-Repubblikani, billi dawn kellhom ideoloġija Soċjalista, u appoġġjat id-dittatorjat tal-Ġeneral Franco, dittatur Nazzjonalista li tul it-tmexxija tiegħu hedded il-minoritajiet f'bosta reġjuni Spanjoli, theddid li wassal sabiex inħoloq perjodu ta' terroriżmu u instabbilita' fil-pajjiż. Iżda l-Knisja ma kienx jinteressaha min kien elett demokratikament jew le, kien jinteressaha biss li dak li jkun fil-poter ma jiggvernax kontra l-interessi tagħha, u l-avvenimenti tal-Gwerra Ċivili Spanjola wrew illi l-Knisja kienet lesta li tassigura dan billi timponi bil-forza fuq is-soċjeta' u billi anke twaqqa' gvernijiet eletti bi proċess demokratiku. Fis-sena 1948, Mintoff u xi ħbieb oħra żgħażagħ iltaqgħu sabiex jorganizzaw festin ċkejken ġewwa San Pawl il-Baħar. Dakinhar ħabat ukoll l-Ewwel ta' Mejju, jum li huwa tant għal qalb ix-Xellugin kollha, iżda minħabba t-tensjoni li kienet preżenti f'dak il-perjodu, f'Malta ma kinux isiru ċelebrazzjonijiet fl-apert bħalma jsiru llum. L-Arċisqof Mikiel Gonzi ma kienx kuntent bl-imġiba u l-atteġġjament ta' Mintoff u sħabu, għaliex dan ingħata x'jifhem illi f'dan l-avveniment privat indaqqu innijiet Soċjalisti bħalma huwa L-'Internationale' u ġie allegat li ntqal xi diskors anti-klerikali. Din il-kwistjoni tant qajmet furur u tensjoni (minkejja li nqalgħet fuq raġunijiet daqstant banali) illi l-Prim Ministru Boffa, xprunat mill-biża' li l-Knisja setgħet terġa' tirrepeti dak li hija għamlet lill-Partit Laburista fis-snin tletin, talab lill-Ministru Mintoff sabiex jagħmel apoloġija fil-Parlament. Mintoff, illi kif nafu kellu karattru kuraġġuż, determinat u forsi anke xi naqra rasu iebsa, ma kienx ser jaċċetta li jiġi umiljat b'dan il-mod fil-Parlament, u minflok għamel apoloġija kif talbu Boffa, dan indirizza l-Parlament fejn qal pubblikament illi għalih dak li kien ġara kien sewwa u li hu ma kienx ser jagħmel l-ebda apoloġija. Nistgħu ngħidu li dan l-avveniment kien il-bidu tar-relazzjonijiet goffi bejn Dom Mintoff u l-Arċisqof Gonzi u wera wkoll id-differenza bejn l-atteġġjamenti ta' Boffa u Mintoff, għaliex nistgħu ngħidu li f'dak il-mument Mintoff wera l-kwalitajiet ta' mexxej li eventwalment kellu juża fil-karriera twila tiegħu; sod, ma jċedix, mhemmx kompromess u fuq kollox wera li kien determinat li jnaqqas il-poter li kellha l-Knisja f'materji politiċi sabiex l-ebda Xellugi ma kellu għalfejn jibża' juri l-prinċipji Soċjalisti tiegħu u jipprattikahom fix-xena politika.


F'Ġunju tal-1948, l-Istati Uniti tal-Amerika ntroduċiet programm ta' finanzjarjament u għajnuna lill-pajjiżi Ewropej, programm li ġie mmsejjaħ bħala l-'European Recovery Programme' (ERP) u beda jiġi mlaqqam ukoll bħala l-'Marshall Aid'. L-iskop ta' dawn il-benefiċċji u l-fondi kien sabiex il-pajjiżi Ewropej setgħu jibnu mill-ġdid l-infrastruttura mġarrfa tagħhom filwaqt li jiżviluppaw lilhom infushom soċjalment u ekonomikament, sabiex jikkumbattu d-diffikultajiet soċjali u finanzjarji li ġew ikkawżati minħabba l-avvenimenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-benefiċċji tal-'War Damage Funds', li kienu ngħataw mill-Gvern Ingliż, ma kienux biżżejjed sabiex Malta setgħet simultanjament tibni mill-ġdid l-infrastruttura mġarrfa tagħha u tiżviluppa lilha nfisha soċjalment u ekonomikament. Kienet ċara li dawn il-fondi ma kienux jirriflettu l-qagħda miżera li kien fiha pajjiżna fis-snin erbgħin. Minħabba li kellu l-irwol ta' Ministru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni, Mintoff ukoll xtaq li Malta tidħol f'din l-iskema finanzjarja. Mintoff kellu f'moħħu li huwa seta' jiddedika porzjon ta' dawk il-fondi sabiex jibni impjant tal-elettriku fuq l-Għolja tal-Ġiżwiti fil-Marsa, proġett li kien meħtieġ minħabba li l-impjant tal-elettriku li kien jinsab taħt it-Telgħa tal-Kurċifiss fil-Floriana ma kienx qiegħed jiġġenera biżżejjed elettriku għal Malta kollha, tant illi l-impjant kellu l-abbilita' limitata li jiġġenera l-elettriku għall-inħawi ta' Tas-Sliema, il-Ħamrun, il-Kottonera, il-Floriana u l-Belt Valletta. Iżda minħabba li Malta kienet Kolonja Ingliża, Malta ma kinitx intitolata sabiex tiggwadanja minn dan il-programm u kellha tikkonsla biss bil-fondi limitati li offra l-Gvern Ingliż. Il-kwistjoni tal-'Marshall Aid' kienet waslet sabiex Dom Mintoff u Pawlu Boffa argumentaw bil-kbir bejniethom, għaliex Mintoff kien jinsisti li Boffa kellu jżomm aktar iebes mal-Gvern Ingliż, sabiex Malta titħalla tidħol f’din l-iskema. Dan kollu wassal biex fl-1949, Boffa kellu jippreżenta memorandum miktub minn Mintoff lill-Gvern Ingliż, liema memorandum kien approvat unanimament mill-kabinett. F'dan il-memorandum, Malta heddet li jekk sat-22 t' Awwissu tal-istess sena, l-Ingilterra ma tkunx talbet għall-'Marshall Aid' f'isem Malta, il-Gvern Malti kien ser jistaqsi lill-Istati Uniti hu stess għall-din l-għajnuna. Id-delegazzjoni li sejħet dan l-ultimatum, kienet immexxija minn Mintoff flimkien mas-Sur Dwardu Ellul u l-Prim Ministru Boffa. Il-Gvern Ingliż irrifjuta li jiltaqa' mad-delegazzjoni Maltija jekk dawn ma jirtirawx il-memorandum, u għal din ir-raġuni, Boffa ddeċieda li ma jippreżentax il-memorandum. Min-naħa tiegħu, Mintoff ma aċċettax li jirtirah u dan wassal għall-problemi interni kbar, li eventwalment kienu waslu lil Mintoff sabiex jirtira u jirriżenja mill-kabinett. Dom Mintoff, li kien jaf li kellu s-sostenn ta' numru kbir ta' Laburisti beda jorganizza għadd ta' laqgħat fil-beraħ fejn beda pubblikament jikkritika lil Boffa u lill-kabinett tiegħu. Minħabba li dan kollu beda jikkawża instabbilita' politika kbira mhux biss fil-Partit Laburista iżda anke fil-pajjiż, nhar il-25 ta' Settembru 1949, ġiet organizzata il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista u beda jidher biċ-ċar li l-politika ta' Boffa bdiet tidher dgħajfa f'għajnejn ħafna Laburisti, għaliex ħafna ħassew li f'dak il-perjodu tant diffiċli, Malta kellha bżonn mexxej b'karattru sod u determinat, kwalitajiet li Boffa ma weriex fil-kwistjonijiet li kienet għaddejja minnhom Malta fis-snin erbgħin. Fid-9 t'Ottubru saret votazzjoni biex Boffa jirreżenja kemm minn Mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll minn Prim Ministru ta' Malta. Minn dawk preżenti, 244, ivvutaw favur din id-deċiżjoni, filwaqt li 141 ivvutaw kontra. Dan il-perjodu ta' diżgwid intern ħoloq qasma fil-Partit Laburista, għaliex filwaqt li l-maġġoranza baqgħet ma' Mintoff, kien hemm minoranza li baqgħet tappoġġja lil Boffa. Dom Mintoff inħatar mexxej tal-Partit Laburista fis-16 t'Ottubru 1949, kariga li baqa' jżomm sat-22 ta' Diċembru 1984. Boffa, li kien ilu jmexxi l-Partit Laburista sa mill-1921, iddeċieda li joħloq partit ieħor, il-'Malta Worker's Party', flimkien mas-sostenituri tiegħu. Dan il-partit irnexxielu jibqa' fil-gvern sas-sajf tal-1950, f'koalizzjoni magħmula minn ħafna partiti żgħar, għaliex minkejja li Boffa kien tneħħa minn mexxej tal-Partit Laburista, huwa xorta kien baqa' fil-kariga ta' Prim Ministru. Kien propju f'dan iż-żmien li Mintoff biddel l-isem tal-Partit Laburista, li issa beda jissemma bħala l-'Malta Labour Party'. F'dan l-istess perjodu, Dom Mintoff bħala mexxej tal-partit kompla jibni fuq il-prinċipji Soċjalisti li jħaddan il-partit filwaqt li beda juża slogans politiċi ta' ċertu qawwa fid-diskorsi tiegħu, fosthom il-famuża "Malta l-ewwel u qabel kollox", għajta li kellha tintuża ħafna fis-snin li segwew. Mintoff kien jemfasizza ħafna fuq il-ġlieda għall-libertà nazzjonali ta' Malta, bi frażijiet bħal "jew bħall-Ingliżi jew mhux mal-Ingliżi" u "aħna m'aħna ser inkunu qatt skjavi u servi f'pajjiżna stess". Diċenji wara dawn l-avvenimenti, bħala membru parlamentari fl-1998, Dom Mintoff innifsu jirrakonta hekk fi kliemu rigward il-qasma li kienet seħħet fil-Partit Laburista fis-snin erbgħin:


Dakinhar il-ġlieda mal-Gvern Ingliż dwar il-Marshall Aid konna ġġelidnieha weħidna. Issa meta qed ngħid "weħidna" qed nirriferi għal min kien baqa' fil-Labour Party u għal min kien fl-eżekuttiv tal-Labour Party u wara ħafna xhur iddeċieda li dawk huma l-veru soċjalisti. Biex niftehmu, il-konferenza ġenerali ħadet din id-deċiżjoni wara ħafna xhur u mhux mil-lum għal għada, malajr malajr, għax hemm il-makna taħdem. Il-konferenza ġenerali ddeċidiet u qalet lil Boffa: Jiddispjaċina imma m'għandniex iktar fiduċja fik. U din kienet tfisser xi ħaġa. Ara ma taħsbux li din ma kienet tfisser xejn! U kellu credentials Boffa. U kif kellu credentials għall-partit!... Ir-raġuni li għaliha l-partit ta' Boffa spiċċa mill-istorja ta' Malta kienet waħda, li dan ma baqax Laburista iktar. Bl-eċċezzjoni ta' Colombo, kollha reġgħu resqu lejn il-Partit Laburista b'xi mod, inkluż Boffa, għax Boffa ma baqax jiġġieled iktar lill-Partit Laburista fl-aħħar ta' ħajtu. Meta nħares lura lejn l-istorja jien illum forsi nħoss li għamilt xi dnub dakinhar; forsi qed ngħid għax ma nafx. Meta hu kien ried li joqgħod figurehead, imqar għal tliet xhur jew għal erba' xhur biex jidher u jiġi identifikat li baqa' mal-partit, jien bżajt - u din se ngħidha ċar u tond issa - li l-partit se jerġa' jinqasam, u ma ridtx li l-partit jerġa' jinqasam.

Eventwalment, ħafna mis-sostenituri ta' Boffa bdew jgħarfu l-potenzjal qawwi ta' Mintoff u dawn bdew jappoġġjaw il-'Malta Labour Party'. Għalhekk il-'Malta Worker's Party beda jisfaxxa fix-xejn u jitlef il-fiduċja tal-membri tiegħu stess. Minħabba li l-Gvern ta' Boffa tilef il-Vot tal-Budget, il-Gvernatur ta' Malta xolja l-Parlament f'Ġunju 1950. Kmieni f'Settembru 1950, issejħet elezzjoni ġenerali. F'din l-elezzjoni, l-ebda partit li kkontesta ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza tal-voti. Il-Partit Nazzjonalista, li kellu vantaġġ numeriku minħabba l-qasma bejn iż-żewġ partiti Xellugin, prova jikkonsulta maż-żewġ partiti sabiex wieħed minnhom jifforma gvern ta' koalizzjoni miegħu, iżda ż-żewġ partiti Laburisti ma aċċettawx, u għalhekk dan wassal sabiex il-Partit Nazzjonalista ifforma gvern ta' minoranza. Dan il-gvern kien magħmul biss minn deputati Nazzjonalisti taħt it-tmexxija tal-avukat Nerik Mizzi, li tliet xhur wara miet fil-kariga ta' Prim Ministru, nhar l-20 ta' Diċembru 1950. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista għadda immedjatament f'idejn it-tmexxija tal-avukat Ġorġ Borg Olivier. Madanakollu, il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Borg Olivier kien f'pożizzjoni dgħajfa ħafna, tant li f'Mejju tal-1951 kellha tissejjaħ mill-ġdid elezzjoni ġenerali oħra. Il-mewta ta' Nerik Mizzi kienet bħal sajjetta fil-bnazzi, u minkejja li kienu avversarji politiċi, Mintoff għamel diskors fil-Parlament illi fih apprezza l-ħidma ta' Mizzi għal Malta. Mintoff u Mizzi kellhom rispett kbir lejn xulxin, tant li Nerik Mizzi nnifsu fil-Parlement jistqarr li Malta għad tħaddan u tapprezza l-ħidma politika ta' Dom Mintoff. Fl-artiklu li jmiss ser nagħtu ħarsa dwar il-perjodu ta' instabbilita' politika fil-bidu tas-snin ħamsin, fejn l-ebda partit ma beda jkollu saħħa biżżejjed sabiex ikun jista' jiggverna fit-tul. Ser nagħtu ħarsa wkoll lejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-1951 u tal-1953, elezzjonijiet li rriżultaw fi gvern ta' koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-'Malta Worker's Party', iżda li fihom ntwera ċar li l-'Malta Labour Party' beda jikseb aktar appoġġ, li eventwalment waslet sabiex dan il-partit rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1955. Fl-artiklu li jmiss ser nagħtu ħarsa lejn il-ħidma soċjali u politika li wettaq il-'Malta Labour Party' fil-gvern bejn l-1955 u l-1958, u ser naraw ukoll għalfejn Mintoff u l-gvern tiegħu rriżenjaw bi protesta mal-Gvern Ingliż wara l-proposta tal-'Integration'...


Ikompli fl-artiklu li jmiss.

112 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page