top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

IŻ-ŻIJONIŻMU HUWA TERRORIŻMU: IR-REALTA' MOĦBIJA DWAR L-IŻRAEL.

Updated: Feb 18


L-użu ta' armamenti kimiċi fuq żoni ppopolati huwa meqjus mill-Konvenzjonijiet ta' Geneva bħala delitt kontra l-umanita'. Madanakollu, l-istat terrorista ta' Iżrael ma joqgħodx lura milli juża dawn l-armamenti fuq persuni ċivili f'inħawi ppopolati fit-territorji Palestinjani, fosthom Gaża.


L-Iżrael: Stat Mibni Fuq it-Terroriżmu.


Sa mit-twaqqif tal-istat Żijonista fis-sena 1948, l-Iżrael u movimenti Żijonisti appoġġjati minnu kienu direttament involuti fl-użu ta' terroriżmu fuq il-popolazzjoni Palestinjana, f'tentattiv evidenti sabiex il-proġett Żijonista jkompli jinfirex b'kwalunkwe mezz; anke jekk bl-użu tat-terroriżmu. It-pedamenti tal-istat ta' Iżrael huma mibnija fuq it-tixrid ta' demm illi kienu raw l-artijiet tal-Palestina fil-bidu tas-seklu għoxrin, hekk kif xprunati mill-ideoloġija radikali taż-Żijoniżmu, dawk illi jissejħu Iżraeljani kienu jinsabu determinati li jipprovaw jeqirdu għal kollox lill-popolazzjoni Palestinjana permezz ta' tindif etniku f'dawn l-artijiet, illi kien iffaċilitat permezz ta' massakri u l-eżilju sforzat tal-Palestinjani mill-artijiet tagħhom. L-avveniment tan-Nakba tas-sena 1948 huma xhieda ta' kif l-Iżrael huwa filfatt stat mibni fuq it-terroriżmu; stat illi huwa mibni fuq is-sofferenzi u t-tbatijiet tal-poplu Palestinjan illi għadu jinsab imċaħħad mill-iżjed drittijiet bażiċi. Għal dawn l-aħħar 75 sena sħaħ, l-Iżrael kisret b'mod kontinwu l-liġi internazzjonali u opponiet għexerien ta' riżoluzzjonijiet min-Nazzjonijiet Uniti li kkundannaw l-użu ta' terroriżmu fl-artijiet Palestinjani, hekk kif l-okkupazzjoni illegali ta' dawn l-artijiet u l-vjolenza li din iġġib magħha qiegħda tibqa' tippersisti. Waqt li l-Iżrael kien għaddej bl-offeniva militari tiegħu fuq il-Medda ta' Gaża fis-sena 2009, rapport tan-Nazzjonijiet Uniti magħruf bħala l-'Goldstone Report' jinnota kif l-istrateġija tal-militar Iżraeljan f'Gaża kienet maħsuba sabiex u nikkwota; ''tikkastiga, tumilja u titterrorizza popolazzjoni ċivili.'' Għaldaqstant, in-Nazzjonijiet Uniti stess fi kliemha ddeskriviet l-atti brutali u illegali tal-Iżrael bħala terroriżmu. Madanakollu, hekk kif b'mod evidenti l-Iżrael huwa konxju tal-implikazzjonijiet negattivi tal-azzjonijiet tiegħu, il-gvernijiet Iżraeljan b'mod konsistenti provaw jgħalqu ħalq organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkundannaw l-imġiba tal-Iżrael fil-konfront tal-poplu Palestinjan, tant illi fis-sena 1998, l-Iżrael kienet waħda mis-sitt pajjiżi minn madwar id-dinja li vvotaw kontra l-ħolqien tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (I.C.C.). Li kieku l-Iżrael mhijiex qiegħda tikser il-liġi internazzjonali, għalfejn għandha tibża' mill-ħolqien ta' entita' bħal din illi l-għan tagħha huwa li tikkundanna l-użu ta' terroriżmu u illegalitajiet oħrajn? Ir-risposta għal din il-mistoqsija hija waħda, għaliex l-Iżrael mhux biss qiegħed jikser il-liġi internazzjonali fir-rigward tal-okkupazzjoni Palestinjana, iżda huwa wkoll kompliċi fl-assistenza u l-appoġġ tiegħu lil pajjiżi oħrajn oppressivi sabiex bħalu jiksru l-liġi internazzjonali madwar id-dinja.


Hekk kif l-Iżrael jibqa' jiġi kkundannat b'mod konsistenti minħabba l-azzjonijiet barbari tiegħu ġewwa t-territorji Palestinjani okkupati minnu, b'mod evidenti, l-Iżrael huwa ddisprat sabiex jirċievi rikonoxximent u appoġġ mill-komunita' internazzjonali. Huwa għalhekk illi għal dawn l-aħħar diċenji, il-gvernijiet Iżraeljani stabbilixxew relazzjonijiet mill-qrib ma' kull min kien lest illi jagħti l-appoġġ u r-rikonoxximent tiegħu lill-Iżrael, saħansitra anke ma' gvernijiet oppressivi u reġimi dittatorjali li huma responsabbli għal atti bħal ġenoċidji, razziżmu istituzzjonalizzat, gwerer ċivili, oppressjoni politika u okkupazzjonijiet. Matul dawn l-aħħar diċenji, l-Iżrael mhux biss kien ipprovda appoġġ politiku lil dawn il-gvernijiet u reġimi, iżda saħansitra kien kompliċi fit-twettiq tal-atti vjolenti u illegali tagħhom, hekk kif l-Iżrael kien iffaċilita' t-twettiq tat-tali atti hekk kif kien beda jinvolva ruħu f'bejgħ u esportazzjonijiet ta' armamenti Iżraeljani li propju ntużaw sabiex jiġu maqtula, oppressati u kkastigati diversi popli madwar id-dinja. F'dan l-artiklu ser inkun qiegħed nittratta dwar ir-relazzjonijiet mill-qrib tal-gvern Iżraeljan ma' bosta gvernijiet oppressivi jew reġimi dittatorjali, b'analiżi ta' uħud mill-każijiet ta' terroriżmu mwettqa jew iffinanzjati mill-istat ta' Iżrael u/jew minn movimenti Żijonisti f'dawn il-pajjiżi jew territorji li ġejjin: il-Palestina, l-Eġittu, il-Libanu, l-Iraq, il-Gwatemala, El Salvador, in-Nikaragwa, il-Bolivja, it-Timor tal-Ilvant, l-Afrika t'Isfel, iċ-Ċili, il-Ħonduras, il-Kroazja, il-Bożnija-Ħerżegovina, l-Irwanda, il-Mjanmar, l-Etjopja, il-Jemen, l-Ażerbajġan u s-Saħara tal-Punent. F'dan l-artiklu mhux biss nagħmel referenzi fid-dettal rigward ir-relazzjonijiet intimi li kellu l-gvern Iżraeljan ma' bosta reġimi dittatorjali u gvernijiet oppressivi, iżda ser inkun qiegħed nagħmel referenza wkoll għall-bejgħ u l-esportazzjoni ta' armamementi Iżraeljani madwar id-dinja u kif dawn ġew użati matul is-snin. Għal kull każ differenti msemmi, ssir analiżi tal-involviment u l-kompliċita' tal-Iżrael fit-twettiq ta' delitti kontra l-umanita', inkluż reati gravi bħal ġenoċidji, u kif l-Iżrael iggwadanja mit-twettiq ta' dawn l-illegalitajiet b'mod politiku u finanzjarju.


Il-kontenut kollu li jidher f'dan l-artiklu huwa bbażat fuq fatti rriċerkati u studjajti, ikkonfermati minn iżjed minn sors informattiv wieħed u b'referenza mill-qrib għall-evidenza esklussiva minn dokumenti deklassifikati. Nagħti ħajr lil Database of Israeli Military and Security Export (www.dimse.info).


 

L-Involviment tal-Iżrael u ta' Movimenti Żijonisti f'Atti Terroristiċi.


Il-Gruppi Terroristiċi fil-Palestina: Wara l-kollass tal-Imperu Ottoman immedjatament wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Imperu Brittaniku kien ingħata mandat mill-Lega tan-Nazzjonijiet sabiex jiggverna u jaħkem lill-artijiet tal-Ġordan u tal-Palestina, mingħajr ebda konsultazzjoni mal-popolazzjonijiet Għarab li kienu jgħixu f'dawn l-artijiet. Dan il-mandat kien ingħata bl-għan aħħari li jinħoloq stat Żijonist għall-popolazzjoni Lhudija li kienet għadha mferrxa madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti. Din il-proposta li kienet sabet l-appoġġ sħiħ tal-Imperu Brittaniku permezz tad-Deklarazzjoni ta' Balfour fis-sena 1917, u kienet intweriet ix-xewqa li dan l-istat ġdid jinħoloq fl-art tal-Palestina. Madanakollu, din il-proposta wkoll kienet saret mingħajr ma kienet saret xi għamla ta' konsultazzjoni mal-poplu Palestinjan, u b'hekk din is-sitwazzjoni kienet qiegħda tikkawża tensjonijiet kbar fl-art tal-Palestina, illi diġa' kienu nazzjon illi ilu jaspira sabiex jikseb is-sovranita' tiegħu minn qabel id-Deklarazzjoni ta' Balfour. It-tensjonijiet bdew jiħraxu hekk kif bdew jiġu fformati insedjamenti minn gruppi ta' immigranti Lhud fil-Palestina, u b'hekk l-art kienet spiċċat bi preżenza ta' żewġ nazzjonijiet li kienu qegħdin jaspiraw għas-sovranita'. Billi l-popolazzjoni Lhudija kienet għadha f'minoranza kkumparati mal-popolazzjoni Għarbija, għadd ta' immigranti radikali ngħaqdu flimkien sabiex jifformaw gruppi militari fil-Palestina, gruppi li kienu ispirati mill-ideoloġija Żijonista u li kellhom l-għan aħħari li jgħelbu lill-ħakma kolonjali tal-Imperu Brittaniku u li jeżiljaw il-popolazzjoni Għarbija mill-art tal-Palestina, bl-għan illi tinkiseb is-sovranita' għan-nazzjon Lhudi li beda jikber fin-numri hekk kif iżjed immigranti Lhud bdew jsibu refuġju ġdid fil-Palestina bl-għan illi jsibu protezzjoni mill-persekuzzjoni u mill-esklużjoni soċjali li kienu qegħdin jiltaqgħu magħha fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fil-Palestina kienet pjuttost differenti, tant illi f'dawn l-artijiet il-komunitajiet ta' Insara, Musulmani u Lhud kienu jgħixu f'toleranza u fi sliem qabel l-avvenimenti tas-seklu Għoxrin, iżda dan ma kienx biżżejjed għar-radikalisti Żijonisti li riedu bilfors jiksbu sovranita' fuq l-art Palestinjana, u dan riedu jiksbuh b'kwalunkwe mezz illi kien disponibbli għalihom; inkluż il-vjolenza u t-terroriżmu fuq il-popolazzjoni Għarbija li kienet maġġoranza fuq il-minorita' Lhudija.


L-eżilju tal-Għarab mill-art tal-Palestina fis-sena 1948, magħrufa bħala n-Nakba.

Il-grupp militari Haganah kien ġie maħluq fis-sena 1920, bl-għan illi jipprovdi difiża għall-komunita' Lhudija fil-Palestina. Madanakollu, il-grupp beda jmur lil hinn milli jipprovdi difiża, u beda jinvolvi ruħu wkoll f'atti ta' vjolenza fuq il-popolazzjoni Għarbija fil-Palestina. Matul iż-żewġ diċenji ta' wara, il-grupp militari Haganah kien evolva u kien intuża bħala l-bażi għall-formazzjoni tal-forza militari uffiċjali tal-Iżrael, magħrufa bħala I.D.F., illi kellha rwol sinifikanti fil-formazzjoni tal-istat ta' Iżrael. Il-grupp Haganah kien responsabbli għall-għadd ta' attakki vjolenti, fosthom l-użu ta' bombi f'inħawi ppopolati fil-Palestina fosthom fil-belt ta' Ġerusalemm. Fis-sena 1931, ammont ta' membri fi ħdan il-Haganah kienu nfirdu mill-kumplament tal-grupp militari sabiex joħolqu l-grupp terrorista Irgun, illi kien inħoloq bl-għan speċifiku li jitterrorizza lill-poplu Palestinjan bil-mottiv illi jċedi u jirtira mill-artijiet tiegħu. Flimkien mal-grupp terroristiku Lehi, illi kien inħoloq fis-sena 1940, il-grupp Irgun kien responsabbli għall-massakkri u l-atti terroristiċi li twettqu f'insedjamenti Għarab fil-Palestina, illi kkaġunaw il-qtil ta' mijiet ta' Għarab u eluf oħrajn spostati mill-artijiet tagħhom. Fost dawn il-massakkri nsibu dak illi kien twettaq fl-irħajjel ta' Deir Yassin, illi kien ikkaġuna l-qtil ta' iktar minn mitt resident Palestinjan, fosthom nisa u tfal Palestinjani. Dawn il-gruppi militari kienu bdew jinvolvew ruħhom f'kampanja ta' vjolenza u forza eċċessiva fuq il-poplu Palestinjan, permezz ta' massakkri mmirati lejn l-eradikazzjoni ta' insedjamenti sħaħ u l-użu ta' bombi fuq persuni ċivili. Dawn ikkawżaw l-eżilju tal-Għarab mill-artijiet tagħhom, bl-għan illi jaħarbu mill-attakki terroristiċi Iżraeljani, u b'hekk il-poplu Palestinjan kien sar refuġjat fl-art tiegħu stess. Dan l-eżilju baqa' magħruf bħala n-Nakba, u kien ingħata bidu fl-1948, permezz tal-formazzjoni tal-istat ta' Iżrael fl-istess sena. L-oppressuri Żijonisti tal-Iżrael kienu ħadu vantaġġ minn fuq dan l-eżilju, u kienu sfuttaw mis-sitwazzjoni billi bdew jiżviluppaw insedjamenti Lhud fl-artijiet Palestinjani li kienu tbattlu, u dawn bdew iħeġġu l-immigrazzjoni ta' iżjed Lhud sabiex jimlew dawn l-insedjamenti. Il-gruppi Igrun u Lehi kienu responsabbli wkoll għall-assassinju ta' Folke Bernadotte, illi kienet medjatriċi mibgħuta min-Nazzjonijiet Uniti sabiex taħdem bl-għan illi tinkiseb il-paċi bejn il-Lhud u l-Għarab. Il-gruppi Lehi u Irgun kienu eventwalment ġew żarmati wara l-formazzjoni tal-istat ta' Iżrael, iżda l-effetti tal-azzjonijiet tagħhom għadhom jinħassu sal-lum, azzjonijiet illi huma evidenza li l-iżvilupp tal-istat ta' Iżrael huwa mibni fuq l-użu ta' terroriżmu li għadu qiegħed jintuża llum mill-Gvern Iżraeljan u l-forzi militari tiegħu permezz tal-okkupazzjoni illegali tat-tliet territorji Palestinjani; il-West Bank, il-medda ta' Gaża u Ġerusalemm tal-Ilvant. Huwa tajjeb illi wieħed isemmi l-fatt illi l-partit politiku tal-Prim Minisitru Iżraeljan preżenti, Benjamin Netanyahu, għandu l-oriġini tiegħu li jmorru lura għall-grupp terroristiku Irgun, u għaldaqstant mhuwiex ta' b'xejn illi Netanyahu addotta pożizzjonijiet radikali u li reġġgħu lura l-progress illi kien sar għaż-żamma tal-paċi bejn il-poplu Palestinjan u l-poplu Iżraeljan.


L-Attentati ta' Terroriżmu fl-Eġittu: Fis-sena 1956, il-mexxej Eġizzjan Gamal Abdel Nasser kien ħabbar in-nazzjonalizzazzjoni tal-Kanal ta' Swejż fl-Eġittu, illi sa dik is-sena kien għadu mmexxi u operat mis-Suez Canal Company, illi kienet amministrata minn investituri Franċiżi u Brittaniċi. Il-Kanal ta' Swejż huwa punt strateġiku sinifikanti għall-Eġittu, minħabba l-ammont konsiderevoli ta' bastimenti li jagħmlu użu minnu sabiex jiffaċilita l-kummerċ mill-Oċean Indjan għall-kontinent Ewropew. Billi l-Eġittu u l-Iżrael kienu rivali, l-aħbar illi l-qawwiet Ewropej kienu tilfu l-kontroll tal-Kanal ta' Swejż ma tantx kienet niżlet tajjeb mal-mexxej Iżraeljan David Ben-Gurion, tant illi huwa kien iddeċieda li jinvadi lill-Eġittu bl-għan illi jingħeleb il-gvern ta' Nasser, u kien ipperswada lir-Renju Unit u lill-Franza sabiex jassistu lill-qawwiet Iżraeljani f'din l-invażjoni. Din l-invażjoni kienet ta' umiljazzjoni kbira għall-Iżrael u għall-koalizzjoni Ewropea bejn il-Franċiżi u l-Brittaniċi, u kienet timmarka l-bidu tat-tnaqqis tal-influwenza li kellhom il-qawwiet kolonjali Ewropej fl-Ilvant Nofsani. L-istat ta' Iżrael ried akkost ta' kollox illi l-Kanal ta' Swejż jibqa' proprjeta' tal-investituri Ewropej u mhux tal-Eġittu, minħabba li dan kien ifisser illi l-flus mill-miżati li kellhom iħallsu l-bastimenti sabiex jgħaddu mill-kanal bdew imorru direttamenti fil-bwiet tal-Eġittu u mhux fil-bwiet tal-Ewropej. Il-gvern Iżraeljan kien lest sabiex jagħmel dak kollu li kien neċessarju sabiex iħeġġeġ lill-qawwiet tal-Punent sabiex iduru kontra it-tmexxija ta' Nasser u l-kontra l-kumplament tal-pajjiżi Għarab li jinsabu fir-reġjun, anke jekk dan kien ifisser eskalazzjoni ta' iżjed tensjonijiet fir-reġjun illi setgħu kkaġunaw iżjed gwerer u kunflitti. Sentejn qabel l-invażjoni Iżraeljana fuq l-artijiet Eġizzjani, grupp ta' Lhud Eġizzjani kienu ġew imħeġġa mill-forzi militari Iżraeljani sabiex iwettqu għadd ta' attakki bl-użu ta' bombi fuq proprjetajiet Eġizzjani, Amerikani u Brittaniċi, bl-għan speċifiku illi jingħata tort lill-Eġizzjani Komunisti u lill-membri tal-Fraternita' Musulmana. Dan kien jikkawża klima ta' vjolenza suffiċjenti u instabbilita' bl-għan illi jinċita lir-Renju Unit sabiex jibqa' jżomm kontroll u dominanza fuq il-Kanal ta' Swejż, bl-għan illi ma jiġix nazzjonalizzat mill-gvern Eġizzjan. Dan il-komplott kien falliment u ma kinux ikkaġunati mwiet, iżda l-ħsieb illi titwettaq operazzjoni bħal din hija xhieda ta' kemm hija manipulattiva l-politika tal-gvern Iżraeljan u kemm hija perikoluża l-aġenda Żijonista.


Il-Gruppi Terroristiċi fil-Libanu: L-ikbar biża' għaż-Żijonisti hija l-għaqda bejn il-pajjiżi Għarab u għaldaqstant l-istat ta' Iżrael beda jwettaq għadd ta' operazzjonijiet bl-għan illi jxewwex u jdawwar lill-Għarab kontra xulxin. Dan ġara fil-Libanu fil-bidu tas-snin tmenin, wara li l-forzi militari tal-Iżrael (I.D.F.) kienu ngħataw struzzjonijiet sabiex jeqirdu lill-Organizzazzjoni Palestinjana għal-Liberazzjoni (P.L.O.). Billi din l-organizzazzjoni kellha rabtiet qawwija mal-pajjiż tal-Libanu, kienet prijorita' għall-gvern Iżraeljan illi jġelled u jinċita vjolenza bejn il-popli tal-Libanu u tal-Palestina. L-istruzzjoni mogħtija lill-forzi militari Iżraeljana kienet u nikkwota: ''oqtluhom kollha'', dan b'referenza għall-P.L.O. u għal dawk kollha suspettati li kienu konnessi magħha. Għaldaqstant, il-militar Iżraeljan kien ifforma milizji fil-Libanu bl-għan illi jikkaġunaw kaos u vjolenza fost il-komunitajiet Sirjani u Palestinjani li kienu qegħdin jgħixu fi sliem fil-Libanu. L-operazzjonijiet kienu bdew fis-sena 1981 permezz ta' attakki fuq l-uffiċini tal-P.L.O. fil-belt ta' Bejrut, u r-responsabbilita' għall-attakki kienet intrefgħet fuq il-Front għal-Liberazzjoni tal-Libanu mill-Barranin (F.L.L.F), grupp terroristiku li kien ifformat minn aġenti Iżraeljani u li qatlu mijiet ta' persuni permezz ta' attakki terroristiċi bejn is-snin 1979 u 1983. L-attakki ta' dan il-grupp terroristiku Iżraeljan, illi kien mistoħbi wara isem finta bl-għan illi jinċita razziżmu u vjolenza fi ħdan il-komunitajiet Għarab tal-Libanu, kienu jimmiraw l-iktar lill-insedjamenti fil-Libanu li kienu ppopolati mis-Sirjani u mill-Palestinjani, permezz tal-użu ta' bombi mistoħbija f'karozzi u fiċ-ċentri ta' dawn l-insedjamenti. Eventwalment, l-Iżrael kien beda l-invażjoni tiegħu fil-Libanu fis-sena 1982, invażjoni li kienet baqgħet għaddejja sas-sena 1985 u li kienet ikkaġunat il-qtil ta' eluf ta' Palestinjani u Sirjani, filwaqt illi eluf oħrajn kienu sfaw feruti. Il-grupp terroristiku F.L.L.F. kien baqa' għaddej bl-attakki tiegħu sas-sena 1983, wara li f'dik l-istess grupp kien sfaxxa. Madanakollu, dawn l-attakki ħallew effetti negattivi fuq il-qagħda tal-Libanu, hekk kif dawn kienu l-preludju għall-invażjoni Iżraeljana tal-1982 u kienu kkaġunaw perjodu ta' instabbilita' fil-Libanu li kien ikkaratterizzat minn imwiet, feruti u tkissir ta' infrastruttura fil-pajjiż.


Il-kamp tad-detenzjoni ta' Ansar, fil-Libanu. Dan il-kamp laqa' fih eluf ta' ostaġġi Palestinjani.

L-Invażjoni Iżraeljana tal-Libanu: Fis-sena 1982, il-militar Iżraeljan kien wettaq offensiva militari li kienet fissret il-bidu tal-okkupazzjoni Iżraeljana fit-territorji fil-Libanu. Qabel il-bidu tal-invażjoni, il-gvern Iżraeljan kien diġa' beda iħejji tentattivi bil-moħbi sabiex jistabbilixxi influwenza dominanti fuq il-Libanu, l-iktar sabiex jipprova lill-qagħda tal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni Palestinjana (P.L.O.) billi din kellha preżenza u qagħda qawwija fil-Libanu. Minħabba li l-gvern Iżraeljan kien qiegħed jikkunsidra lill-P.L.O. bħala theddida, il-pożizzjoni tagħhom qrib il-fruntiera tal-Iżrael kienet meqjusa bħala waħda perikoluża, u għaldaqstant kienet ta' prijorita' għall-istess gvern li jisforza lill-P.L.O. 'il barra mil-Libanu, u jekk ikun possibbli anke jeliminaha għal kollox. Il-gvern Iżraeljan kien ukoll jinsab ikkonċernat mill-influwenza li kellha s-Sirja f'oqsma politiċi u ta' difiża fil-Libanu, influwenza li kienet meqjusa bħala ostaklu kbir għall-ambizzjonijiet politiċi li kellha l-Iżrael, illi kienu jinkludu l-installazzjoni ta' gvern Lebaniż b'aġenda pro-Iżraeljana. L-Iżrael kellu wkoll l-ambizzjoni li jistabbilixxi stat-separatist fin-Nofsinhar tal-Libanu, bl-għan illi jistabbilixxi żona ta' lqugħ mal-fruntiera bejn l-Iżrael u l-Libanu. L-espansjoni tat-territorju Iżraeljan 'l fuq mill-fruntiera Iżraeljana fit-Tramuntana ma kinitx xi ħaġa ġdida, tant illi mis-sena 1967 'il quddiem l-Iżrael kienet bdiet l-okkupazzjoni tagħha fl-Għoljiet tal-Golan fis-Sirja, okkupazzjoni li ġiet deskritta bħala waħda illegali min-Nazzjonijiet Uniti u li għadha għaddejja preżentament. Meta l-Iżrael kienet nediet l-invażjoni tagħha fil-Libanu, il-pajjiż kien ilu mis-sena 1975 maqbud fi gwerra ċivili. Il-Gwerra Ċivili Lebaniża, illi kienet baqgħet għaddejja sas-sena 1990, kienet tikkonsisti f'għadd ta' kunflitti armati b'sensiela ta' konfronti vjolenti bejn fi ħdan il-popolazzjoni; b'kollox il-kunflitti armati kienu kkaġunaw l-imwiet ta' 150,000 persuna. Il-kaġuni għall-Gwerra Ċivili Lebaniża huma varji, iżda l-iżjed kaġun prevalenti kien it-tibdil demografiku radikali li kien seħħ fi żmien relattivament qasir, tibdil illi kien xpruna l-eskalazzjoni ta' tensjonijiet etniċi li diġa' kienu qegħdin jgħollu rashom. Dan it-tibdil kien partikolarment xprunat min-Nakba; l-eżilju tal-popolazzjoni Palestinjana fis-sena 1948 illi fisser l-emigrazzjoni ta' iżjed minn 700,000 persuna mill-artijiet tagħhom, wara li kienu ġew sforzati 'l barra mill-moviment Żijonista u mill-emigranti Lhud. Għalhekk, ammont sostanzjali tal-popolazzjoni Palestinjana kienu spiċċaw refuġjati fil-pajjiżi Għarab illi kienu fil-qrib; fosthom il-Libanu, il-Ġordan, l-Eġittu u s-Sirja. Eventwalment, l-emigrazzjoni sforzata tal-Palestinjani mill-artijiet tagħhom fis-sena 1948 u mill-ġdid fis-sena 1967 kienu fatturi li kkontribwixxew għall-bidla demografika fil-Libanu, illi minn pajjiż b'maġġoranza Nisranija kien spiċċa pajjiż b'maġġoranza Musulmana. Madanakollu, ġara li l-istrutturi parlamentari u governattivi tal-Libanu kienet baqgħu jitmexxew b'mod illi kienu qegħdin jagħtu vantaġġ lill-popolazzjoni Nisranija fuq dik Musulmana, minkejja li l-popolazzjoni Nisranija kienet saret minorita'. L-oriġini għal dawn l-istrutturi politiċi jmorru lura għall-perjodu tal-ħakma Franċiża fil-Libanu bejn is-snin 1920 u 1943, wara li Franza kienet ingħatat mandat sabiex tammnisitra lil-Libanu wara l-waqa' tal-Imperu Ottoman. Il-ħakma Franċiża kienet implementat sistema li kienet talloka l-poteri politiċi skont l-affiljazzjoni reliġjuża, bl-għan speċifiku li tagħri vantaġġ lill-komunita' Nisranija tal-pajjiż, magħrufa bħala l-Maroniti. Dan minħabba li maġġoranza tal-Maroniti kienu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-preżenza Franċiża fil-Libanu, minħabba li għalihom din il-preżenza kienet tagħtihom vantaġġ fuq id-dominanza tar-reliġjon Musulmana fil-kumplament tal-Ilvant Nofsani. Min-naħa l-oħra, il-komunitajiet Musulmani kienu fil-maġġoranza tagħhom kontra l-preżenza Franċiża fil-Libanu, u kienu favur l-għoti tal-indipendenza għall-poplu Lebaniż illi kienet inkisbet fis-sena 1943 wara li kienet ntemmet il-ħakma Franċiża.


Il-gvern tal-Libanu, illi kien iddominat mill-komunita' tal-Maroniti, ma kienx laqa' ix-xewqa tal-popolazzjoni Musulmana li jiġu implimentati riformi fl-istrutturi parlamentari u governattivi fil-pajjiż, għaliex evidentament il-Maroniti bl-ebda mod ma riedu li l-poter politiku jitqassam b'mod iżjed demokratiku minħabba li dan kien ifisser it-tmiem tal-influwenza dominanti li kellhom l-Insara fil-Libanu. Dan ikkaġuna l-bidu ta' kriżi politika fil-pajjiż, illi kienet qiegħda twassal għal żieda fit-tensjonijiet bejn il-gruppi demografiċi fil-pajjiż minħabba id-differenzi reliġjużi ta' bejniethom. Minbarra d-differenzi reliġjużi, kien hemm anke d-differenzi rigward l-ideoloġiji politiċi fil-kuntest tal-Gwerra l-Bierda; għaliex filwaqt illi l-gvern Lebaniż kien jħaddan politika li kienet qiegħda tagħmel lil-Libanu iżjed allineata mal-Istati Uniti, il-partiti politiċi Musulmani kienu bdew juru l-appoġġ tagħhom għall-fazzjonijiet xellugin fil-Libanu li kienu jsejħu lill-gvern Lebaniż sabiex jallinea lilu nnifsu mal-Unjoni Sovjetika, bħalma kienu l-kumplament tal-pajjiżi Għarab fir-reġjun. Min-naħa l-oħra, l-maġġoranza Musulmana fil-pajjiż kienet qiegħda ssir iżjed emarġinata minħabba t-tqassim inugwali tal-ġid ekonomiku fil-pajjiż, illi kkaġunat inugwaljanzi ekonomiċi fir-reġjuni tal-Libanu li kienu qegħdin jiżvantaġġjaw lill-popolazzjoni Musulmana. Dawn l-inugwaljanzi kienu ikkaġunati mill-politika tal-gvern Lebaniż li kienet qiegħda intenzjonalment tivvantaġġja b'mod ekonomiku lir-reġjuni li kellhom popolazzjoni Nisranija. Min-naħa l-oħra, l-Iżrael kien beda jagħti għajnuna politika lill-gvern Lebaniż, filwaqt illi kien beda jassisti wkoll b'mod militari lil bosta fazzjonijiet estremisti u radikali mill-komunita' Maronita, illi kienu waqqfu milizzji u gruppi militanti li kienu bdew jitterrorizzaw lil-Lebaniżi Musulmani u lir-refuġjati Palestinjani fil-Libanu. F'April tas-sena 1975, grupp ta' militanti Maroniti affiljati mal-Partit Kataeb kienu wettqu attakk fiż-żona ta' Ain el-Rammaneh fiċ-ċentru ta' Bejrut, il-belt kapitali Lebaniża. Dan l-attakk kien intenzjonat sabiex jitterrorizza lill-folla Palestinjana li kienet preżenti fiż-żona waqt il-ħin tal-attakk, illi kien ikkaġuna il-qtil ta' 27 Palestinjan filwaqt illi 18-il Palestinjan ieħor kienet safa' ferut. Dan l-attakk kien baqa' magħruf bħala l-Massakru ta' Bejrut u kien immarka l-bidu ta' sensiela ta' kunflitti armati bejn il-komunitajiet Maroniti u Musulmani fil-Libanu. Il-komunitajiet Maroniti kienu affiljaw ruħhom ma' milizzji u gruppi militanti bħalma kienu l-Milizzja tat-Tigri u l-Partit Kataeb, illi kienu magħrufin ukoll bħala l-Falanġi. Min-naħa l-oħra, il-komunitajiet Musulmani kienu affiljaw ruħhom ma' koalizzjoni ta' partiti politiċi xellugin u pan-Arabisti li kienet magħrufa bħala l-Moviment Nazzjonali Lebaniż (L.N.M.) u mal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni Palestinjana (P.L.O.). Minn wara l-kwinti, il-gvern Iżraeljan kienu kkonsolida l-għajnuna u l-appoġġ tiegħu lill-komunita' Maronita, billi baqa' juri appoġġ politiku lill-gvern Lebaniż immexxi minn Suleiman Franjieh filwaqt illi l-forzi militari tal-Iżrael (I.D.F.) kienu baqgħu jagħtu assistenza militari lill-milizzji u l-gruppi militanti Maroniti bħall-Falanġi u l-Milizzji tat-Tigri permezz ta' għotjiet ta' armamenti, taħriġ militari u għajnuna finanzjarja. Min-naħa l-oħra, is-Sirja beda jagħti l-appoġġ tiegħu lil-L.N.M. u lill-P.L.O., u b'hekk kienet bdiet rivalita' bejn l-Iżrael u s-Sirja li kellhom ambizzjonijiet li jistabbilixxu influwenza dominanti fil-Libanu. Hekk kif it-tensjonijiet fil-pajjiż kienu baqgħu jippersistu, fis-sena 1976, il-militanti Falanġisti tal-Partit Kataeb kienu bdew koalizzjoni mal-Milizzja tat-Tigri li kienet magħrufa bħala l-Front Lebaniż, bl-għan illi jikkollaboraw flimkien sabiex iwettqu l-Massakru ta' Tel al-Zataar, illi kien jikkonsisti f'sensiela ta' attakki terroristiċi f'kampijiet ta' refuġjati Palestinjani fil-belt ta' Bejrut. Dan il-massakru kien ikkaġuna l-qtil ta' iżjed minn 3,000 refuġjat Palestinjan u kien xpruna l-involviment tas-Sirja fil-Gwerra Ċivili Lebaniża f'dik l-istess sena bl-għan illi twaqqaf l-eskalazzjoni ta' iżjed tensjonijiet fil-Libanu. Dan l-involviment kien ifisser opportunita' għas-Sirja sabiex tistabbilixxi influwenza fl-oqsma politiċi u ta' difiża tal-Libanu, u għaldaqstant fis-sena 1978, l-Iżrael kienet bdiet l-invażjoni tagħha fin-Nofsinhar tal-Libanu u b'hekk kien ingħata bidu għall-kunflitti armati bejn l-Iżrael u l-P.L.O., illi kellha preżenza sinifikanti f'dawn in-naħat. Dawn il-kunflitti armati kienu kontinwazzjoni tal-attakki mill-arju mill-militar Iżraeljan li kienu ilhom iseħħu fin-naħat t'isfel tal-Libanu sa minn diċenju qabel, preċiżament wara li bosta refuġjati Palestinjani kienu qasmu l-fruntiera bejn l-Iżrael u l-Libanu sabiex isibu refuġju wara li ttieħdu iżjed artijiet Palestinjani fis-sena 1967.


L-Assedju ta' Bejrut imwettaq mill-forzi Iżraeljani wara l-Invażjoni Iżraeljana tas-sena 1982.

Minħabba li s-Sirja kienet stabbilixxiet preżenza dominanti fil-Libanu, is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż kienet żviluppat b'mod illi kienet qiegħda thedded lill-interessi Iżraeljani, minħabba li l-preżenza Sirjana fil-pajjiż kienet bdiet tiġi meqjusa bħala tentattiv sabiex il-Libanu jiġi anness mas-Sirja u b'hekk issir espansjoni tat-territorju Sirjan. Minkejja li ma kien hemm l-evidenza li ssostni l-idea li s-Sirja kellha dawn l-ambizzjoni espliċita li tespandi t-territorju tagħha b'dan il-mod, l-Iżrael xorta waħda kien beda jikkunsidra l-involviment tas-Sirja fil-politika u fid-difiża tal-Libanu bħala theddida u li setgħet potenzjalment timplika li s-Sirja kienet possibbilment qiegħda taħseb sabiex tistabbilixxi kontroll fuq il-Libanu. Għaldaqstant, l-Iżrael kienet bdiet tagħti l-appoġġ tagħha għal militanti Lebaniżi fin-Nofsinhar tal-Libanu sabiex jifformaw grupp militanti magħruf bħala l-Armata tan-Nofsinhar tal-Libanu (S.L.A.). Dan il-grupp militanti kien alleat importanti għall-Iżrael, għaliex permezz tal-ħolqien tiegħu l-Iżrael seta' jifforma stat-separatista li jifred lil-Libanu minn mal-Iżrael u jservi bħala żona tal-lqugħ bejn il-fruntiera taż-żewġ pajjiżi, filwaqt illi kien beda jservi wkoll bħala opportunita' għall-Iżrael sabiex jipprova jistabbilixxi influwenza fil-Libanu li setgħet iġġib fix-xejn l-influwenza mis-Sirja. Waqt l-invażjoni tas-sena 1978, l-Iżrael kienet ikkoperat mill-qrib mal-S.L.A. sabiex tattakka u taħraq villaġġi u kampijiet ta' refuġjati f'dawn in-naħat tal-Libanu li kienu jilqgħu fihom bosta refuġjati Palestinjani, illi kienet ikkaġunat l-emigrazzjoni tal-komunitajiet Palestinjani min-naħat t'isfel għan-naħat ta' fuq tal-pajjiż. B'hekk, fis-sena 1979 il-militanti Lebaniżi kienu waqqfu stat-separatista magħruf bħala l-Istat tal-Libanu Ħielsa ('State of Free Lebanon'). Dan l-istat il-ġdid kien serva bħala punt ta' tluq għall-Invażjoni Iżraeljana tal-Libanu fis-sena 1982. Fis-sena 1980, il-mexxej tal-Partit Kataeb, Bachir Gemayel, kien għaqqad lill-gruppi militanti tal-Maroniti u tal-lemin taħt moviment wieħed illi kien magħruf bħala l-Forzi Lebaniżi. Min-naħa l-oħra, il-mexxej tal-S.L.A., Saad Haddad kienu beda jamministra lill-istat-separatista fin-Nofsinhar tal-Libanu bħala l-mexxej de-facto tal-istat. Iż-żewġ mexxejja kellhom aġenda pro-Iżraeljana u appoġġjaw bi sħiħ il-preżenza Iżraeljana fil-pajjiż, bl-għan illi tiġi mdgħajfa l-preżenza Sirjana partikolarment f'Bejrut. Fis-sena 1981, in-Nazzjonijiet Uniti kienet irnexxielha tinnegozja waqfien mill-ġlied fin-Nofsinhar tal-Libanu permezz tal-implementazzjoni ta' 'ceasefire', u għaldaqstant kien jidher illi kien hemm it-tama li s-sitwazzjoni f'dan ir-reġjun tal-Libanu kienet qiegħda tistabbilizza ruħha. Il-kunflitti armati bejn il-gruppi fin-Nofsinhar tal-Libanu kienu baqgħu wieqfa għal diversi xhur, iżda kienu reġgħu ssoktaw mill-ġdid wara li l-forzi Iżraeljani kienu reġgħu bdew mill-ġdid bl-attakki tagħhom fuq ir-refuġjati Palestinjani fil-Libanu. Għalhekk, il-kunflitti armati bejn il-P.LO. u l-I.D.F., illi kienu mgħejjuna mill-gruppi militanti Maroniti, kienu reġgħu tkomplew mill-ġdid. Ftit xhur wara li kien reġa' issokta l-ġlied, fis-sena 1982, l-Iżrael kien beda l-invażjoni tiegħu tal-Libanu bl-għan illi jkun jista' jkompli jikkonsolida u jsaħħaħ il-qagħda u l-preżenza tiegħu fil-pajjiż, b'kollaborazzjoni militari mal-alleati tagħha li kienu jinkludu lill-gruppi militanti tal-Maroniti u lill-Istat tal-Libanu Ħielsa. Il-bidu tal- Invażjoni Iżraeljana tkienet fissret il-bidu ta' gwerra oħra fil-Libanu fl-istess waqt illi kienet diġa' għaddejja gwerra ċivili; illi baqgħet magħrufa bħala l-Gwerra tal-Libanu. Min-naħat t'isfel tal-pajjiż, il-forzi Iżraeljani avvanzaw 'il fuq filwaqt illi attakkaw u kissru dak kollu li kien sabu quddiemhom sakemm waslu f'Bejrut. Għal perjodu ta' madwar tliet xhur, il-forzi iżraeljani wettqu imblokk ta' din il-belt filwaqt illi attakkawha mingħajr ebda ħniena, dan filwaqt illi l-persuni ċivili Lebaniżi kienu għadhom maqbudin f'nofs il-battalji bejn l-forzi invażivi tal-Iżrael, li kienu mgħejjuna mill-gruppi militanti Maroniti, u l-gruppi ta' reżistenza Lebaniżi li kienu mgħejjuna mill-P.L.O. u mis-Sirja. Hekk kif illi l-kunflitti armati kienu għadhom qegħdin jippersistu waqt l-Assedju ta' Bejrut, l-Iżrael kienet ħadet l-opportunita' li tisfrutta mis-sitwazzjoni instabbli fil-pajjiż sabiex tinstalla gvern pro-Iżraeljan, u b'hekk kienet influwenzat direttament proċess parlamentari li kien fisser it-tlugħ kontroverjali ta' Bachir Gemayel, il-mexxej tal-Partit Ketaeb, bħala l-President tal-Libanu. Minbarra indħil politiku min-naħa tal-Iżrael, kien hemm ukoll indħil politiku min-naħa tal-Istati Uniti, żewġ pajjiżi li kellhom l-interess illi jiġu sforzati 'l barra il-P.L.O. mill-Libanu, u għaldaqstant kienu appoġġjaw lil Gemayel billi huwa kien diġa' qiegħed jikkopera mal-interessi Iżraeljani sa mill-bidu tal-invażjoni Iżraeljana fil-Libanu. L-elezzjoni li biha ġie kien elett Gemayel kien fiha diversi nuqqasijiet, fosthom il-fatt illi f'dak il-perjodu ta' instabbilita' politika, il-parlament tal-Libanu kien nieqes minn rappreżentazzjoni demokratika. Minbarra dan, l-okkupazzjoni Iżraeljana li kienet għaddejja kienet fissret illi l-membri parlamentari kienu mhedda u intimidati sabiex jeleġġu lil Gemayel, filwaqt illi huwa xieraq illi wieħed isemmi l-fatt illi waqt il-ħin tal-votazzjoni ammont sostanzjali ta' membri parlamentari minn partiti xellugin u Musulmani kienu assenti. Kien f'dawn iċ-ċirkostanzi, marbutin mal-fatt illi l-Iżrael u l-Istati Uniti kienu qegħdin jagħtu appoġġ politiku, finanzjarju u militari lil Gemayel, illi l-Falanġisti rrappreżentati minn Gemayel xorta waħda kienu ħadu f'idejhom it-tmexxija tal-Libanu. B'mod evidenti, it-tmexxija ta' Gemayel ma kinitx ingħatat appoġġ mill-maġġoranza tal-Lebaniżi, l-iżjed minħabba li l-Falanġisti kienu qegħdin jiffaċilitaw u jassistu lill-forzi Iżraeljani waqt l-okkupazzjoni fil-pajjiż, u għaldaqstant kienu qegħdin jittradixxu lill-interessi Lebaniżi u jkunu servili lejn l-Iżrael. It-tensjonijiet politiċi baqgħu jiżdiedu sakemm Gemayel kien assassinat ftit ġimgħat wara li kien ġie elett. B'risposta għall-assassinju ta' Gemayel, il-Forzi Lebaniżi mgħejjuna minn truppi Iżraeljani tal-I.D.F. kienu daħlu f'kampijiet tar-refuġjati ġewwa Bejrut u wettqu l-Massakru ta' Sabra u Shatila, illi huwa maħsub illi brutalment ikkaġuna l-imwiet ta' 3,500 refuġjat Palestinjan u Lebaniż Musulman. Wara l-avvenimenti tal-Gwerra tal-Libanu fis-sena 1982, il-P.L.O. kienet sfurzata 'il barra mil-Libanu, u għalhekk, il-P.L.O. kienet marret it-Tuneżija fejn fetħet kwartieri ġodda minn fejn setgħet tibda tiffunzjona mill-ġdid. Ftit snin wara, fis-sena 1985, dawn il-kwartieri kienu fil-mira ta' attakk terroristiku mwettaq mill-militar Iżraeljan waqt il-bumbardamenti tiegħu fuq il-belt ta' Tunis, illi kienu ġew ikkundannati u meqjusa min-Nazzjonijiet Uniti bħala ksur tal-liġi internazzjonali, hekk kif dawn l-attakki kienu bdew jiġu meqjusa bħala theddida mill-Iżrael għas-sovranita' tat-Tuneżija.


It-tiġrif u d-devastazzjoni wara l-attakki u l-bumbardamenti tal-qawwiet Iżraeljani fil-Misraħ tal-Martri, fil-belt ta' Bejrut. Waqt l-Assedju ta' Bejrut, madwar 5,000 persuna ċivili sfat maqtula.


Fis-sena 1985, l-Iżrael kien irtira mill-okkupazzjoni tiegħu ta' Bejrut u tan-naħat ta' fuq tal-Libanu wara pressjoni, u b'hekk kienet ġiet fi tmiemha l-Gwerra tal-Libanu, illi hija maħsuba li kkaġunat madwar il-qtil ta' 19,000 persuna ċivili filwaqt illi 'l fuq minn 30,000 persuna ċivili oħra kienet sfat feruta. L-imwiet u l-feruti kienu jinkludu eluf ta Lebaniżi, Palestinjani u Sirjani li kienu fil-mira ta' attakki u massakri mill-militar Iżraeljan u mill-gruppi militanti Maroniti. Madanakollu, l-Iżrael kienet baqgħet tokkupa lin-naħat t'isfel tal-Libanu, fejn kienet daħlet f'konfronti ma' gruppi ta' reżistenza li kienu twaqqfu f'dan il-perjodu sabiex jirreżistu kontra l-okkupazzjoni Iżraeljana, fosthom il-gruppi militanti Ħeżbollaħ. Wara l-mewt ta' Haddad, il-mexxej tal-S.L.A., l-istat-separatista li kien twaqqaf fil-fruntiera bejn l-Iżrael u l-Libanu kien sfaxxa fix-xejn, u għaldaqstant kien evidenti li l-influwenza tal-Iżrael fuq il-Libanu kienet qiegħda tiddgħajjef. Matul l-okkupazzjoni tan-Nofsinhar tal-Libanu, il-militar Iżraeljan kien stabbilixxa għadd ta' kampijiet tad-detenzjoni, fosthom il-Kamp ta' Ansar, illi kien laqa' fih 15,000 ostaġġ f'kundizzjonijiet inumani fejn dawk miżmuma kienu suġġetti għal tortura mit-truppi Iżraeljani u nuqqas ta' ikel u xorb. Dawk miżmuma kienu jinkludu ostaġġi Palestinjani u Lebaniżi Musulmani, illi kienu jinżammu ġo tined maħmuġin bi spazju ta' disa' metri kwadri. Waqt strajk tal-ġuħ illi kien sar fil-kamp fis-sena 1983, it-truppi Iżraeljani kien fetħu n-nar fuq l-ostaġġi u qatluhom. Fis-sena 1985, il-Kamp ta' Ansar kien ingħalaq, hekk kif 1,200 ostaġġ mill-ammont totali ta' ostaġġi li kienu qegħdin jinżammu fih kienu ttieħdu f'ħabsijiet u kampijiet tad-detenzjoni simili ġewwa l-Iżrael. Bl-għajnuna tal-Lega Għarbija, fis-sena 1989 kien tfassal il-Ftehim ta' Taif wara li kien intlaħaq kompromess bejn il-Maroniti u l-Musulmani li kien ifisser rappreżentazzjoni iżjed ugwali fl-istrutturi parlamentari u governattivi tal-Libanu u t-tmiem tal-preżenza tat-truppi Sirjani fil-pajjiż, u b'hekk fis-sena 1990 kienet ġiet fi tmiemha l-Gwerra Ċivili tal-Libanu. Diċenju wara t-tmiem tal-gwerra ċivili, it-truppi Iżraeljani kienu sa fl-aħħar irtiraw mill-preżenza tagħhom fin-Nofsinhar tal-Libanu fis-sena 2000, iżda il-kunflitt armat bejn il-militar Iżraeljan u l-grupp militanti Ħeżbollah għadu attiv preżentament fil-fruntiera bejn l-Iżrael u l-Libanu. L-effeti tal-okkupazzjoni Iżraeljana fil-Libanu għadhom jinħassu sal-lum, mhux biss minħabba l-ammont ta' imwiet u feruti li kienu ġew kkaġunati direttament mill-kunflitti armati, iżda anke minħabba l-impatt katastrofiku fuq l-ekonomija tal-pajjiż, illi għadha ma rkupratx sal-lum il-ġurnata minħabba l-piż finanzjarju sinifikanti li kienet ġabet magħha il-Gwerra tal-Libanu għal raġunijiet ta' rikostruzzjoni tal-bini mġarraf, għajnuniet umanitarji lill-persuni ċivili affettwati u telf ta' dħul finanzjarju għall-pajjiż minħabba effetti negattivi fuq industriji bħat-turiżmu, illi huwa ta' importanza sinifikanti għal-Libanu. Minbarra l-impatti fuq l-ekonomija u l-infastruttura, l-okkupazzjoni kkaġunat bosta tibdiliet demografiċi fil-pajjiż, hekk kif huwa maħsub illi iżjed minn 80% tal-pajjiż huwa f'riskju ta' faqar, sitwazzjoni li xprunat emigrazzjoni kontinwa tal-popolazzjoni Lebaniża, illi kienet ingħatat spinta 'l quddiem wara l-bidu tal-gwerer. Matul l-okkupazzjoni Iżraeljana fil-Libanu, il-gvern Iżraeljan kien kompliċi u responsabbli fit-twettiq ta' sensiela ta' delitti kontra l-umanita', fosthom l-użu ta' armamenti kimiċi bħall-'white phosphorus' fuq żoni ppopolati u anke l-involviment tal-militar Iżraeljan fit-twettiq ta' għadd ta' massakri brutali, fosthom il-Massakru ta' Sabra u Shatila; illi kien ġie deskritt bħala ġenoċidju min-Nazzjonijiet Uniti.


L-Attakki Terroristiċi f'Baghdad: Kemm qabel u kemm wara l-ħolqien tal-istat ta' Iżrael fis-sena 1948, il-moviment Żijonista kien beda jippromwovi u jħeġġeġ l-emigrazzjoni tal-Lhud bl-għan illi l-popolazzjoni Iżraeljana tkompli tikber fl-ammont fi żmien qasir sabiex l-Iżrael tkun tista' tippopola lill-artijiet meħuda mill-Palestinjani b'ċittadini Iżraeljani. Din il-prassi kienet essenzjali għat-twettiq tal-proġett Żijonista, illi huwa bbażat fuq atti ta' 'settler-colonialism'. Fil-każ tal-ħolqien tal-Iżrael, dawn l-atti jirreferu għal mod kif il-moviment Żijonista ħeġġeġ u ppromwova l-emigrazzjoni tal-Lhud lejn il-Palestina bl-għan illi jġib f'minorita' lill-popolazzjoni Għarbija. Din l-emigrazzjoni kienet iffaċilitat t-teħid ta' artijiet Palestinjani, hekk kif il-bini ta' insedjamenti ġodda li kienu meħtieġ sabiex jibdew jabitaw fihom l-emigranti kienet stabbiliet b'mod iżjed permamenti lill-istat ta' Iżrael fuq dawn l-artijiet. Il-moviment Żijonista kien jaspira li jġib fl-Iżrael il-popolazzjoni Lhudija li kienet mifruxa 'l barra mill-Iżrael, inkluż il-komunitajiet illi kienu bbażati f'pajjiżi Għarab madwar l-Ilvant Nofsani. Fost l-ikbar minn dawn il-komunitajiet kien hemm il-Lhud fl-Iraq, illi kienu jammontaw għal madwar 156,000 Lhudi sas-sena 1947. Din il-popolazzjoni kienet waħda mill-ikbar minoritajiet fl-Iraq u waħda mill-ikbar popolazzjoni Lhudija fl-Ilvant Nofsani. B'kollaborazzjoni mal-gvern Iżraeljan ta' Ben Gurion, il-movimenti Żijonisti fil-pajjiżi Għarab bdew jinkoraġġixxu lil-Lhud sabiex jemigraw lejn l-Iżrael f'tentattiv sabiex isaħħu l-ammont ta' popolazzjoni Lhudija fl-Iżrael. Madanakollu, dan l-inkoraġġiment mhux dejjem kien suċċess, tant illi fil-każ tal-komunita' Lhudija fil-Jemen, l-Iżrael kellha tagħmel talba lill-awtoritajiet Jemeniti sabiex jeżiljaw b'mod sforzat lil-Lhud. L-awtoritajiet Jemeniti ma aċċettawx din it-talba u b'riżultat t'hekk, l-Iżrael kellha twettaq operazzjonijiet sigrieti sabiex tittrasporta lill-Jemeniti Lhudin lejn l-Iżrael bejn is-sena 1949 u s-sena 1950. Mal-wasla tagħhom fl-Iżrael, din il-komunita', illi kienet tammonta għal madwar 50,000 persuna, kellha ssofri minn diskriminazzjoni u nuqqas ta' tolleranza mingħand komunitajiet oħrajn Lhudin illi kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Punent, fosthom mill-kontinent Ewropew u mill-Istati Uniti. Il-gvern Iżraeljan kien naqas milli jipproteġi lill-Jemeniti Lhudin mid-diskriminazzjoni li kienu qegħdin jiltaqgħu magħha.


Il-wasla mill-Jemen tal-emigranti Lhudin f'kamp tar-refuġjati fl-Iżrael. Bejn is-snin 1949 u 1951, iżjed minn 1,000 tifel u tifla tal-emigranti Jemeniti li kienu f'dawn il-kampijiet kienu sparixxew, fi żmien fejn il-Jeminiti Lhudin kienu qegħdin jiltaqgħu ma' diskriminazzjoni kbira miż-Żijonisti.


Fl-Iraq, il-maġġoranza tal-komunita' Lhudija kienet tgħix fil-belt ta' Baghdad, illi kienet tikkonsisti f'porzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tal-belt kapitali Iraqina; ftit inqas minn 20% tal-popolazzjoni totali. Wara l-ħolqien tal-istat ta' Iżrael fis-sena 1948, il-gvern Iraqin kien ikkundanna liż-Żijoniżmu u introduċa projbizzjoni għall-emigrazzjoni lejn l-Iżrael, illi kienet immirata sabiex iżżomm lill-Iraqini Lhudin fl-Iraq. Il-gvern Iżraeljan kien jikkunsidra t-tali projbizzjoni bħala ostaklu kbir għall-proġett Żijonista, billi dan kien ifisser illi ma kinitx possibbli għal waħda mill-ikbar komunitajiet ta' Lhud 'il barra mill-Iżrael sabiex tingħaqqad mal-popolazzjoni Lhudija dejjem tikber fl-Iżrael. Bl-għan illi jippromwovu u jħeġġu l-emigrazzjoni tal-Iraqini Lhudin xorta waħda, l-aġenzija tas-servizzi sigrieti Iżraeljana, magħrufa bħala l-Mossad, kienet daħlet f'taħdidiet ma' emissarji Żijonisti fl-Iraq sabiex iħejju komplott illi jikkonsisti fit-twettiq ta' attakki terroristiċi bl-għan illi jbeżżgħu, jitterrorizzaw lill-Iraqini Lhudin 'il barra mill-Iraq, f'tentattiv sabiex dawn jemigraw lejn l-Iżrael. Fis-sena 1949, għadd ta' movimenti Żijonisti fl-Iraq kienu bdew jiffaċilitaw l-emigrazzjoni irregolari tal-Iraqini Lhudin lejn l-Iżrael, b'rata ta' 1,000 emigrant fix-xahar. Madanakollu, il-maġġoranza tal-komunita' tal-Lhud fl-Iraq kienet xorta waħda baqgħet turi x-xewqa li jibqgħu fl-Iraq, partikolarment minħabba r-rabta u l-konnessjoni storika tagħhom mal-pajjiż. B'risposta għal dan, il-movimenti Żijonisti kienu bdew jipproponu metodi ġodda sabiex jaċċelleraw ir-rata ta' emigrazzjoni lejn l-Iżrael, metodi li kienu jvarjaw minn kampanja ta' propaganda reliġjuża għat-tixrid ta' xnigħat sabiex jinħolqu biżgħat fi ħdan l-Iraqini Lhudin sabiex ibiddlu fehmthom. B'mod anonimu, il-movimenti Żijonisti fl-Iraq kienu bdew jippubblikaw u jibgħatu twissijiet fid-djar u f'binjiet iffrekwentati mill-komunita' Lhudija li kienu jinkludu theddid espliċitu b'sentimenti anti-Semitiċi. Dawn it-twissijiet mhux biss kienu komplew joħolqu biża' fi ħdan il-komunita' Iraqina, iżda kienu parti minn kampanja sigrieta sabiex jinħoloq sentiment negattiv kontra l-gvern Iraqin mill-pajjiżi tal-Punent, l-iktar mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit. Sabiex jitħaffef il-proċess ta' emigrazzjoni lejn l-Iżrael, fazzjonijiet Żijonisti li kienu jappartjenu għal moviment fl-Iżrael bħall-Aliyah Bet, magħruf ukoll bħala l-Moviment għall-Immigrazzjoni Illegali, kienu bdew jorganizzaw sensiela ta' attakki terroristiċi f'Baghdad bejn is-snin 1950 u 1951.


Dawn l-attakki terroristiċi kienu jikkonsistu fl-użu ta' bombi ġewwa binjiet pubbliċi li kienu jappartjenu għall-komunita' Lhudija fl-Iraq, inkluż sinagogi. L-attakki kkaġunaw erba' imwiet u wasslu sabiex kienu sfaw għexieren ta' persuni, u baqgħu jseħħu b'mod konsistenti għal għaxar xhur sħaħ. Eventwalment, l-Iżrael kienet tefgħet pressjoni fuq l-Istati Uniti u fuq ir-Renju Unit sabiex jimponu sanzjonijiet fuq l-Iraq jekk dan jibqa' ma jħallix lil-Lhud Iraqini sabiex jemigraw lill-Iżrael bl-għan illi ''jsibu refuġju'' mill-attakki terroristiċi li kienu qegħdin iseħħu f'Baghdad, minkejja li dawn l-attakki kienu qegħdin jitwettqu minn esponenti Żijonisti stess. Hekk kif il-pressjoni kienet xprunat lill-gvern tal-Iraq sabiex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq l-emigrazzjoni, l-Iżrael organizzat sensiela ta' operazzjonijiet bl-ajru sabiex tittrasporta lill-Iraqini Lhud lejn l-Iżrael. B'reazzjoni għall-attakki terroristiċi f'Baghdad, l-Ambaxxata Ingliża fl-Iraq kienet ikkonkludiet illi kienet possibbilita' li grupp ta' Żijonisti kienu wettqu l-istess attakki bl-għan illi jħaffu l-proċess ta' emigrazzjoni lejn l-Iżrael. Uħud mill-Iraqini Lhud illi kienu sabu ruħhom fl-Iżrael kienu wkoll jinsabu konvinti li l-bombi kienu parti mill-komplott taż-Żijonisti sabiex jiġu sforzati 'l barra mill-Iraq, tant illi l-Iraqini Lhudin kienu laqgħu l-arrest u l-eżekuzzjoni ta' żewġ aġenti Żijonisti li kienu nstabu ħatja minn qorti fl-Iraq illi kienu wara l-isplużjonijiet. Fl-Iżrael, l-Iraqini Lhudin kienu ltaqgħu ma' diskriminazzjoni u nuqqas ta' tolleranza qabel ma integraw mal-bqija tal-popolazzjoni, minħabba li uħud mill-Iraqini Lhudin kienu baqgħu jesprimu sentimenti negattivi lejn l-Iżrael u lejn movimenti Żijonisti. L-involviment tal-Iżrael u ta' gruppi Żijonisti fit-twettiq ta' dawn l-isplużjonijiet kienet ikkonfermata Wilbur Crane Eveland, eks-uffiċjal għoli tal-aġenzija C.I.A. li kiteb pubblikament dwar min kien ikkaġuna l-attakki terroristiċi. L-informazzjoni tiegħu kienet preżumibbilment ibbażata fuq l-investigazzjoni uffiċjali tal-Iraq, illi kienet kondiviża mal-ambaxxata tal-Istati Uniti. Fil-ktieb tiegħu Ropes of Sand huwa kiteb; "F'tentattiv sabiex jagħtu l-perċezzjoni li l-Iraqini kienu anti-Amerikani u li kienu qegħdin jitterrorizzaw lil-Lhud, iż-Żjonisti kienu poġġew bombi fil-Librerija tas-Servizz tal-Informazzjoni tal-Istati Uniti u fis-sinagogi. Ma damux ma bdew jidhru fuljetti li jħeġġu lil-Lhud sabiex jaħarbu lejn Iżrael... il-biċċa l-kbira tad-dinja emmnet rapporti li t-terroriżmu Għarbi kien il-mottiv wara t-trasportazzjoni tal-Lhud Iraqini li ż-Żjonisti kienu ‘salvaw’, meta kien mottiv biss sabiex tiżdied il-popolazzjoni Lhudija ta' Iżrael.'' F'rapport illi deher pubblikament fil-gazzetta Iżraeljana Ha'aretz kien intqal; ''Xi ħadd bilfors kellu jieħu azzjoni, u ttieħdet l-azzjoni ġustifikata fiż-żmien illi kien meħtieġ. Għaliex kienu biss atti bħall-isplużjonijiet illi setgħu jġibu lill-Iraqini Lhud lejn l-Iżrael. Kull min fehem il-politika u l-iżviluppi fl-Iżrael kienu ilu konxju ta' dan.'' L-azzjonijiet terroristiċi mwettqa mill-emissjonarji Żijonisti, mgħejjuna minn aġenziji tal-gvern Iżraeljan bħall-Mossad, huma evidenza ċara ta' kemm huwa perikoluż l-estremiżmu li jġib miegħu ż-Żijoniżmu, illi saħanistra kien intuża sabiex jiġu tterrorizzati l-Lhud stess fil-każ tal-attakki terroristiċi f'Baghdad.


Il-Ġenoċidju fuq il-Maja fil-Gwatemala: Matul il-Gwerra Ċivili li kienet prevalenti fil-Gwatemala bejn is-snin 1960 u 1996, ir-reġim dittatorjali tal-Gwatemala, illi kien immexxi minn Rios Mont u bl-appoġġ tal-pajjiżi tal-Punent, kien wettaq il-ġenoċidji fuq il-komunitajiet indiġeni tal-Maja fil-pajjiż. Qiegħed ngħid bl-appoġġ tal-pajjiżi tal-Punent minħabba l-fatt li matul is-seklu għoxrin, l-Istati Uniti u l-alleati tagħha kienu jagħtu l-appoġġ tagħhom lir-reġimi dittatorjali f'dawn il-pajjiżi li kienu jiksbu l-poter permezz ta' kolpi ta' stati li kienu jsiru bl-appoġġ ta' esponenti tal-pajjiżi tal-Punent, fosthom l-aġenzija Amerika C.I.A., bl-għan illi jiġu megħluba gvernijiet xellugin li kienu jħaddnu s-Soċjaliżmu minħabba l-biża' li dawn setgħu jintroduċu l-Komuniżmu fl-Amerika t'Isfel. Din kienet biża' fiergħa, u r-realta' kienet illi l-Istati Uniti kienet tibża li dawn il-gvernijiet setgħu jwettqu riformi li kienu jħallu effetti negattivi fuq in-negozji kapitalisti tagħhom, illi kienu jissekwestraw għadd ta' artijiet mill-popolazzjoni ta' dawn il-pajjiżi sabiex igawdu mir-riżorsi ta' dawn l-artijiet. Dan kien jikkaġuna faqar estrem fil-pajjiż u instabbilita' politika li ħafna drabi kienet twassal għall-vjolenza u kunflitti. Sabiex jingħelbu l-gvernijiet xellugin fl-Amerika t'Isfel, l-Istati Uniti kien jinċita t-tneħħija bil-forza tal-mexxejja eletti b'mod demokratiku u kien jappoġġja l-installazzjoni ta' reġimi dittatorjali li kienu jħaddnu ideoloġiji tal-lemin estrem u japplikaw stil ta' politika li kellu fih elementi Faxxisti.


Il-ġenoċidju fuq il-Maja kien ingħata appoġġ sostanzjali mill-Iżrael, tant illi kien iffaċilita t-twettiq tiegħu.
''Is-sehem tal-Iżrael sabiex jipprovdi lill-Gwatemala b'konsulenti militari u assistenza permezz tal-għotjiet ta' armamenti lir-reġim ta' Rios Mont jista' jiġi meqjus bħala appoġġ u assistenza għal Gwatemala sabiex iwettaq ġenoċidju u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali.'' - middleeastmonitor.com


Il-Gwatemala kien ilu b'reġim dittatorjali mis-sena 1954, wara kolp ta' stat illi fih kien tneħħa l-mexxej Jacobo Arbenz, minħabba li l-gvern tiegħu beda jintroduċi għadd ta' miżuri ġodda bl-għan illi jittieħdu l-artijiet mill-korporazzjonijiet Amerikani sabiex dawn setgħu jitqassmu lill-popolazzjoni fqira tal-pajjiż. Kif tistgħu taħsbu, dan ir-riformi ma kinux niżlu tajjeb mal-Istati Uniti, u għaldaqstant l-aġenzija C.I.A. kienet orkestrat kolp ta' stat illi permezz tiegħu kien ingħata bidu għar-reġim dittatorjali ta' Castillo Armas. Mis-sena 1954 'il quddiem, il-poplu tal-Gwatemala kien taħt il-kontroll assolut ta' tmexxija dittatorjali li kienet bdiet taħqar lil niesha stess permezz ta' bosta kampanji ta' oppressjoni u vjolenza, illi kienet ikkaġunat każijiet ta' ksur tad-drittijiet umani. L-Istati Uniti kienet konxja minn dan kollu, iżda dan ma waqqafhiex milli tipprovdi iżjed appoġġ lir-reġim dittarojali, billi permezz tiegħu kienu qegħdin jistgħanew il-korporazzjonijiet u n-negozjanti Amerikani, fosthom il-United Fruit Company, illi baqgħet tissekwestra iżjed artijiet minn idejn il-poplu sabiex tikseb iżjed riżorsi. Dan kollu kien dak illi wassal għall-bidu tal-Gwerra Ċivili tal-Gwatemala, illi kienet ikkaġunat il-qtil ta' 200,000 persuna, fosthom 166,000 persuna li kienu jappartjenu għall-Maja. Il-komunitajiet indiġeni tal-Maja kienu fost l-iktar illi sofrew minn persekuzzjoni mir-reġim dittatorjali, illi ried jeradika u joppressa lill-minoritajiet fil-pajjiż. Ir-reġim ta' Mont kien determinat illi jeqred lill-Maja, minħabba li dawn kienu qegħdin jokkupaw għadd ta' artijiet rurali li kienu ta' ostakolu kbir għall-espansjoni ta' iżjed industriji Amerikani li riedu jisfruttaw iżjed lir-riżorsi tal-Gwatemala, u għaldaqstant il-forzi militari tal-pajjiż b'kooperazzjoni mar-reġim dittatorjali kienu bdew jwettqu ġenoċidju fuq il-Maja, illi kien deskritt minn ħafna bħala ''l-olokawst silenzjuż'', minħabba l-effetti katastrofiċi li dan il-ġenoċidju kien ikkawża fuq il-popolazzjoni indiġena. L-atroċitajiet kienu jinkludu massakkri, tortura u l-għibien sforzat tal-popolazzjoni tal-Maja, flimkien ma' kampanji ta' oppressjoni sabiex tiġi meqruda l-kultura tal-Maja. Minbarra l-ammont brutali ta' imwiet illi kkawża dan il-ġenoċidju, dan kien ikkaġuna wkoll iktar minn 1,000,000 persuna spostata mill-komunitajiet tal-Maja. Dan kollu kien responsabbli għalih ir-reġim dittatorjali ta' Mont u l-forza militari tiegħu, illi kienu mgħejjuna mill-Istati Uniti u mill-alleati tagħha. Fost il-pajjiżi li kienu qegħdin jappoġġjaw lir-reġim tal-Gwatemala nsibu lill-Iżrael, illi kien ipprovda ammont ta' armamenti u liċenzji għall-użu tal-istess armamenti sabiex jintużaw fuq il-komunitajiet tal-Maja. L-Iżrael kien kollaboratur ewlieni tar-reġim dittatorjali tal-Gwatemala u kien baqa' jiffinanzja t-terroriżmu tiegħu fuq niesu sal-aħħar. L-istat ta' Iżrael huwa mibni fuq l-eżilju u l-eradikazzjoni tal-poplu Palestinjan, u għaldaqstant mhijiex b'kumbinazzjoni li l-Iżrael kien ipprovda tant appoġġ u għajnuna lil dan ir-reġim dittatorjali sabiex jeqred lill-popli indiġeni ta' pajjiżu. Skont l-Istitut għall-Paċi ta’ Stokkolma, Iżrael ipprovda lill-Gwatemala b’armi li kellhom valur ta’ 38,000,000 Dollaru Amerikan matul il-perjodu tal-gwerra ċivili. Dan kien jinkludi għotjiet ta' ajruplani militari tat-tip Arava, biċċiet tal-artillerija u dgħajjes militari. L-ixkubetta tal-assalt Galil hija arma magħmula mill-Iżrael u kienet intużat b'mod kontinwu mill-armata tal-Gwatemala f'dan il-perjodu, filwaqt illi l-faċilita' tal-produzzjoni tal-armamenti f'Alta Verapaz kienet tipproduċi l-munizzjon tagħha taħt liċenzja Iżraeljana. Tabilħaqq, is-sehem ta' bosta intrapriżi korporattivi Iżraeljani fil-Gwatemala kien wieħed mill-aspetti li kien xpruna l-involviment tal-Iżrael fil-Gwerra Ċivili tal-Gwatemala, b'numru ta' ditti Iżraeljani li għadhom attivi sal-lum il-ġurnata fl-ekonomija tal-Gwatemala, illi jipprovdu servizzi li jvarjaw minn tagħmir militari għal sistemi ta' kontroll tar-radar għal proġetti ta' żvilupp ta' infrastruttura fil-pajjiż. B'hekk, wieħed jista' jikkonkludi li l-Iżrael kien kollaboratur ewlieni tar-reġim estremist illi kien jiggverna lill-Gwatemala, u għaldaqstant l-Iżrael kien iffaċilita ġenoċidju brutali. Waqt ir-reġim dittatorjali tal-Ġeneral Lucas Garcia, illi kien id-dittatur predeċessur ta' Rios Mont, l-Iżrael kienet ukoll ipprovdiet armamenti u assistenza militari lill-Gwatemala, anke wara li l-forzi militari tal-pajjiż kienu wettqu l-Massakru ta' Panzos tas-sena 1978, illi kien ikkaġuna l-qtil ta' 106 persuna indiġena waqt protesta paċifika. Bħala legat għar-relazzjonijiet mill-qrib bejn il-gvernijiet Iżraeljani u r-reġimi dittatorjali tal-Gwatemala, dan il-pajjiż huwa wieħed mill-erba' pajjiżi li għandhom l-ambaxxata tagħhom ġewwa Ġerusalemm, u għaldaqstant jirrikonoxxu lil Ġerusalemm bħala l-belt kapitali tal-Iżrael. Minbarra l-Gwatemala, il-pajjiż ġirien tal-Ħonduras huwa wkoll wieħed minn dawn l-erba' pajjiżi, xhieda tar-relazzjonijiet mill-qrib li kienu eżistenti bejn ir-reġimi dittatorjali ta' dan il-pajjiż u l-Iżrael matul is-snin.


Il-Gwerra Ċivili ta' El Salvador: Il-Gwerra Ċivili f'El Salvador, illi kienet bdiet fis-sena 1979 u li baqgħet attiva sas-sena 1992, kienet ikkaġunata minħabba l-instabbilita' ekonomika li kien għaddej minnha l-pajjiż f'dan il-perjodu. Simili għal kif kienet is-sitwazzjoni fil-Gwatemala, il-politika lokali ta' El Salvador kienet iddominata minn industriji u negozjanti mill-Istati Uniti li kienu qegħdin jippossedju abbundanza ta' artijiet illi kienu ttieħdu mill-poplu. Dan kien ikkaġuna każijiet rampanti ta' inġustizzji soċjali u faqar estrem fi ħdan il-popolazzjoni, bil-kompliċita' tal-gvern ta' Humberto Romero li baqa' jirreżisti milli jwettaq riformi fid-distribuzzjoni tal-artijiet, minħabba li kellu l-biża' li l-Istati Uniti setgħet għażlet illi torkestra kolp ta' stat fil-konfront tiegħu jekk dan kellu jwettaq miżuri li kienu jmorru kontra l-interessi tal-kumpaniji Amerikani, u għaldaqstant kienu jiġu meqjusa bħala miżuri Komunisti. Il-poplu kien imxebba b'din is-sitwazzjoni u kien ingħaqqad mal-oppożizzjoni Soċjalista sabiex jegħlbu lill-gvern ta' Romero bl-għan illi jitwettqu riformi politiċi ġodda li setgħu jikkombattu lill-istaġnar ekonomiku u lill-problemi soċjali li kienu qegħdin jiltaqgħu magħhom il-poplu ta' El Salvador. Is-Soċjalisti kienu ngħaqdu flimkien sabiex ifformaw il-Front Farabundo Marti għal-Liberazzjoni Nazzjonali (F.M.L.N.) illi kienu gruppi magħquda bl-għan illi jegħlbu lill-gvern ta' Romeros billi dan kellu simpatiji lejn ideoloġiji tal-lemin u billi kien ukoll akkużat bi ksur ta' drittijiet umani. It-tensjonijiet fil-pajjiż baqgħu jiżdiedu, tant illi s-sitwazzjoni kienet eskalat fi gwerra ċivili bejn ix-xellugin u l-gvern ta' El Salvador, illi beda juża l-forzi militari tiegħu sabiex jimmina lill-avvanzi tal-gruppi xellugin. Bħalma ġara fil-Gwatemala, il-gvern u l-forzi militari tal-pajjiż kienu ngħataw l-appoġġ tal-Istati Uniti u tal-alleati tagħha, inkluż l-Iżrael, illi kienet responsabbli għal iżjed minn 80% tal-importazzjoni totali ta' armamenti fil-pajjiż. Dawn l-armamenti kien pprovduti mill-Iżrael sabiex jintużaw mill-gvern u mill-forzi militari tiegħu sabiex joppressaw lill-oppożizzjoni, filwaqt illi kienu pprovdew konsulenti militari, piloti għall-missjonijiet militari u sistemi avvanzati ta' moniteraġġ. Il-kunflitt armat kien ikkawża l-qtil ta' iżjed minn 65,161 persuna ċivili fil-pajjiż, filwaqt illi iżjed minn 5,292 ġew irrapportati nieqsa. Il-Gwerra Ċivili kienet ikkaġunat iżjed problemi soċjali u ekonomiċi fil-pajjiż, tant illi iżjed minn 500,000 persuna kellhom jemigraw lejn pajjiżi oħrajn. Fost l-għotjiet militari li kienu saru mill-gvern Iżraeljan lill-gvern ta' Romeros kien hemm l-għotja ta' 49 ajurplan militari li 25 minnhom ikunu tat-tip Arava, 200 armi tan-nar tat-tip Uzi, munizzjoni u anke missilli. Uħud mill-ftehimiet militari li kienu saru bejn iż-żewġ gvernijiet kien hemm dak tas-sena 1983, illi kien jitlob lill-Iżrael sabiex tipprovdi iżjed assistenza militari filwaqt li El Salvador kellu jirriloka l-ambaxxata tiegħu f'Ġerusalemm, u b'hekk ikun qiegħed b'mod de-facto jirrikonoxxi lil din il-belt bħala l-kapitali tal-Iżrael. Fis-sena 1981 biss, l-Iżrael kienet għamlet għotjiet militari li kellhom il-valur ta' 'il fuq minn 21,000,000 Dollaru Amerikan, wara li kienet mitluba sabiex tagħmel dan mill-gvern Amerikan ta' Reagan sabiex jevita milli jressaq din l-għotja għall-approvazzjoni quddiem il-Kungress. Madanakollu, l-Iżrael kienet ċaħdet illi għandha relazzjonijiet militari ma' El Salvador.


Ir-Reġim Dittatorjali fin-Nikaragwa: Fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-Istati Uniti bdiet tistabbilixxi preżenza qawwija militari fin-Nikaragwa, illi kienet baqgħet okkupata mill-forzi militari Amerikan għal perjodu ta' iżjed minn għoxrin sena, bejn is-sena 1912 u s-sena 1933. Din l-okkupazzjoni kellha l-għan illi toppressa lill-poplu tan-Nikaragwa sabiex l-Istati Uniti setgħet tisfrutta lir-riżorsi ta' dan il-pajjiż għall-vantaġġ tagħha. L-Istati Uniti kienet bdiet turi interess f'dan il-pajjiż minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu, illi kien tagħmel lin-Nikaragwa bħala post ideali għall-kostruzzjoni ta' kanal illi seta' jgħaqqad lill-Baħar Karribew mal-Oċean Paċifiku. Eventwalment, dawn il-pjanijiet kienu ġew abbandunati u iktar tard kien inbena kanal fil-Panama fis-sena 1904. Hawnhekk tajjeb illi nsemmu li l-kisba tal-indipendenza għall-Panama kienet immottivata mill-fatt illi l-Istati Uniti ried jibni kanal f'dan il-pajjiż, illi sa dak iż-żmien kien għadu maqgħud mal-Kolombja. L-Istati Uniti ma kinitx laħqet qbil mal-Kolombja rigward il-bini tal-Kanal ta' Panama, minħabba li l-gvern Kolombjan ried illi jingħata kumpens finanzjarju għall-kostruzzjoni tiegħu. L-Istati Uniti ma aċċettatx din it-talba u għaldaqstant kienet ħeġġet lill-provinċja ta' Panama sabiex tikseb l-indipendenza tagħha bl-għan illi l-gvern Amerikan ikun jista' jinnegozja ftehim ġdid għall-kostruzzjoni tal-kanal illi kienu jagħtu iżjed vantaġġ lill-Istati Uniti. Għalhekk, nistgħu ngħidu li kien bis-saħħa tal-firda bejn il-Panama u l-Kolombja, illi l-Istati Uniti kienet issoktat bil-bini tal-kanal. Minkejja li l-kanal ma kienx inbena fin-Nikaragwa, minħabba li kellu topografija pjuttost diffiċli, dan il-pajjiż kien xorta baqa' ta' importanza sinifikanti għall-Istati Uniti, tant illi għadd ta' korporazzjonijiet Amerikani bdew jaħtfu għadd ta' artijiet minn idejn il-popolazzjoni tal-pajjiż sabiex jistabbilixxu l-industriji tagħhom u jisfruttaw ir-riżorsi tal-pajjiż. Fost dawn l-industiji nsibu lill-United Fruit Company, illi kienet tiddomina lill-politika tal-Amerika t'Isfel bl-appoġġ kontinwu tal-gvern Amerikan, illi kien jorkestra kolpi ta' stati u operazzjonijiet militari kontra dawk il-gvernijiet li kienu jipproponu restrizzjonijiet fuq il-firxa ta' dawn l-industriji. Meta l-gvernijiet tal-Amerika Ċentrali bdew jintroduċu miżuri sabiex jassistu lill-popli tagħhom li kienu spiċċaw jgħixu fil-faqar u mingħajr artijiet minħabba l-firxa tal-industriji kapitalisti Amerikani, l-Istati Uniti għamlet sensiela ta' kampanji ta' oppressjoni fil-konfront tal-popli ta' dawn il-pajjiżi li baqgħu magħrufa bħala ''il-Gwerer tal-Banana''. Dawn il-kampanji kienu mezz għall-Istati Uniti sabiex tindaħal fil-politika ta' dawn il-pajjiżi permezz ta' għadd ta' interventi li kienu jikkonsistu f'okkupazzjonijiet militari. Dawn l-interventi kkaġunaw effetti negattivi fuq il-qagħda ta' dawn il-pajjiżi, u kienu il-kaġun ta' instabbilita' politika u ekonomika li għadha tinħass sal-lum.


L-Amerika Ċentrali kienet oppressata mill-Istati Uniti bl-appoġġ tal-alleati tagħha, fosthom l-Iżrael.

Bejn is-sena 1927 u 1933, ir-revoluzzjonarju xellugi Augusto Sandino kien qiegħed imexxi moviment ta' resistenza bl-għan illi l-poplu tan-Nikaragwa jiġi lliberat mill-okkupazzjoni tal-forzi militari Amerikani li kienu ilhom qegħdin joppressaw lill-pajjiż u lil niesu għal iktar minn żewġ diċenji. Il-moviment immexxi minn Sandino kien baqa' jirreżisti b'qawwa lill-forzi Amerikani, illi ma kellhomx triq oħra ħlief dik illi jirtiraw il-preżenza militari tagħhom min-Nikaragwa, għaliex minkejja li l-moviment ta' Sandino kien ċkejken fl-ammont u limitat fir-riżorsi, dan kien xorta waħda rnexxielu jżomm sod fil-pożizzjoni tiegħu sabiex in-Nikaragwa setgħet terġa' tikseb is-sovranita' tagħha lura. Id-deċiżjoni li t-truppi Amerikani jċedu kienet ġiet ittieħdet fis-sena 1933 mill-mexxej Amerikan Franklin D. Roosevelt, illi kien konxju tal-oppożizzjoni li kienet qiegħda tintwera minn Sandino u mill-ammiraturi tiegħu u għaldaqstant kien induna li ma kinitx sejra tkun daqstant faċli għall-Istati Uniti sabiex tibqa' teżerċita l-preżenza tagħha fil-pajjiż mingħajr ma jkollha tiltaqa' ma' reżistenza qawwija. It-tmiem tal-okkupazzjoni militari Amerikana fil-pajjiż kienet ta' rebħa sinifikanti għall-moviment ta' Sandino u għall-poplu tan-Nikaragwa. Madanakollu, l-Istati Uniti kienet xorta waħda baqgħet tikkunsidra lill-moviment ta' Sandino bħala wieħed vjolenti li jħaddan ideali li jmorru kontra l-interessi tal-Istati Uniti, filwaqt illi korporazzjonijiet u esponenti mill-gvern Amerikani kienu għadhom irrabjati għall-mod kif il-moviment ta' Sandino kien irnexxielu jegħleb lit-truppi Amerikani li kienu preżenti fin-Nikaragwa. Għaldaqstant, l-Istati Uniti tefgħet għajnejha fuq Anastasio Somoza Garcia, kurunell radikali li kellu simpatiji lejn ideali li kienu meqjusa bħala anti-Komunisti u għalhekk favur l-interessi Amerikani. L-Istati Uniti direttament appoġġjat lil Somoza u għenitu sabiex jikseb iżjed poter u ammirazzjoni fi ħdan il-forzi militari tan-Nikaragwa, u baqgħet turi dan l-appoġġ anke wara li Somoza kien għamel komplott sabiex jitwettaq il-ħtif u l-assasinju ta' Sandino fis-sena 1934. Dan il-komplott kien irnexxa u għaldaqstant Sandino kien safa maqtul flimkien ma' ħafna mill-ammiraturi tiegħu li flimkien magħhom kienu huwa kien waqqaf il-moviment ta' liberazzjoni ftit tas-snin qabel. Permezz ta' kolp ta' stat illi kien ingħata appoġġ mill-Istati Uniti fis-sena 1936, Somoza kien ħa kontroll assolut fuq in-Nikaragwa u stabbilixxa reġim dittatorjali li baqa' jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra fi ħdan il-familja Somoza. Ir-reġim dittarojal ta' Somoza kien frekwentament isikket lill-oppożizzjoni kontrih, jinstiga lill-armata sabiex tuża vjolenza eċċessiva fuq il-poplu u kien akkużat bi ksur ta' drittijiet umani. In-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tar-reġim sabiex jingħeleb il-faqar fil-pajjiż permezz ta' distribuzzjoni iktar ġusta tal-artijiet kienet xprunata mill-fatt illi r-reġim kien servili għall-interessi tal-Istati Uniti, tant illi l-gvern Amerikan u gvernijiet oħrajn tal-Punent kienu baqgħu jappoġġjaw b'mod konsistenti lir-reġim ta' Somoza, minkejja li kien qiegħed jaħqar lill-poplu tan-Nikaragwa. L-Iżrael kien wieħed mill-iktar pajjiżi li wrew lealta' u appoġġ lejn ir-reġim dittatorjali ta' Somoza, u kienu baqgħu b'mod konsistenti jissupplixxu lir-reġim b'ammont ta' armamenti li kienu jintużaw sabiex titwettaq persekuzzjoni sħiħa kontra dawk kollha li kienu juru oppożizzjoni lejn Somoza. Wara li r-reġim kien ordna bosta truppi sabiex jiftħu n-nar fuq mijiet ta' persuni waqt protesta kontra d-dittatorjat fis-sena 1978, ġrajja li hija magħrufa bħala l-Massakru ta' Managua, l-oppożizzjoni Soċjalista kienet mexxiet lill-poplu sabiex seta' jingħeleb ir-reġim ta' Somoza fis-sena 1979. L-appoġġ tal-Iżrael lir-reġim ta' Somoza kien xprunat mill-fatt illi r-reġim kien ipprovda għadd ta' armamenti lill-grupp militari Haganah, qabel il-formazzjoni tal-istat ta' Iżrael fis-sena 1948. Fis-sena 1956, l-Iżrael kien għamel għotja ta' 45 vettura militari li kienu ssekwestrati mill-Eġittu waqt l-invażjoni Iżraeljana fl-istess sena, filwaqt illi fid-diċenji ta' wara l-Iżrael baqa' juri l-appoġġ tiegħu permezz tal-għotjiet ta' mijiet ta' armamenti u tagħmir militari, li kienu jinkludu żewġ ajruplani militari tat-tip Arava u l-għotja ta' 450 missilla. Matul is-snin sebgħin, 98% tal-armamenti importati fil-pajjiż mir-reġim ta' Somoza kienu esportati mill-Iżrael, illi hija xhieda ta' appoġġ sħiħ min-naħa tal-Iżrael. Ir-relazzjonijiet intimi bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael kienet xprunat l-indħil tal-gvern Iżraeljan f'tentattiv ta' għajnuna lill-gvern Amerikan fl-impenn tiegħu sabiex jassisti b'mod politiku, finanzjarju u militari lir-reġimi dittatorjali fin-Nikaragwa u fil-pajjiżi l-oħrajn mifruxa mal-Amerika Ċentrali.


Ir-Reġim Dittatorjali fil-Bolivja: Fis-sena 1970, il-Bolivja kien iggvernat mill-mexxej Soċjalista Juan Jose Torres, illi kien qiegħed jaspira li jintroduċi għadd ta' riformi sabiex setgħet tiġi megħluba l-instabbilita' politika li kienet tikkaratterizza lill-pajjiż fil-perjodu, illi kellu jgħaddi taħt it-tmexxija ta' bosta reġimi radikali li kienu allineati ma' ideoloġiji tal-lemin estrem. Torres kien qiegħed jaspira sabiex iwettaq bosta miżuri ġodda fil-pajjiż, fosthom l-implimentazzjoni ta' kunsilli għall-ħaddiema, illi kien magħrufa bħala Asamblea del Pueblo. Permezz ta' dawn il-kunsilli, il-ħaddiema tal-pajjiż bdew jingħataw iżjed rikonoxximent u repreżentazzjoni iktar ġusta fit-tmexxija tal-pajjiż. Il-gvern Soċjalista kien ukoll beda jagħti iżjed saħħa lit-trejdunjins, illi sa ftit tas-snin qabel kienu tneżżgħu mill-poteri tagħhom. Dawn il-miżuri u riformi xellugin, flimkien mad-deċiżjoni li jiġu nazzjonalizzati l-proprjetajiet tal-kumpanija Gulf Oil, kienu xprunaw lill-Istati Unti sabiex jissuspettaw illi l-gvern ta' Torres kellu l-għan illi jittrasforma lill-Bolivja f'pajjiż Komunista. Għal dan il-għan, l-aġenzija C.I.A. b'kollaborazzjoni mal-gvern Amerikan ta' Nixon, kienu orkestraw kolp ta' stat sabiex seta' jingħeleb il-gvern demokratiku ta' Torres, illi kien sforzat illi jirriżenja u jsib refuġju fl-Arġentina, fejn iktar tard huwa kien ġie assasinat minn esponenti tal-lemin estrem fil-pajjiż. Il-kolp ta' stat kien wassal għall-bidu tar-reġim dittatorjali ta' Hugo Banzer, illi kien mexxa rivolta militari kontra l-gvern Soċjalista. Ir-reġim dittatorjali ta' Banzer kien ingħata appoġġ sħiħ mill-Istati Uniti, u kien introduċa mill-ġdid miżuri sabiex l-industriji Amerikani jingħataw iżjed privileġġi fil-pajjiż sabiex jisfruttaw ir-riżorsi tiegħu, filwaqt illi gruppi ta' minoritajiet kienu bdew jiltaqgħu ma' persekuzzjoni sħiħa illi kienet qiegħda toppressa lill-għadd ta' komunitajiet indiġeni fil-pajjiż. Dawn il-komunitajiet indiġeni kienu fil-mira diretta ta' oppressjoni min-naħa tar-reġim, illi kien qiegħed jikkaġuna l-iżgrumbrament sforzat ta' dawn il-komunitajiet bl-għan illi l-art mittieħda tingħata lill-industriji tal-Istati Uniti li riedu jisfruttaw mir-riżorsi ta' dawn l-artijiet. B'mod simili, il-ħaddiema u l-politiċi xellugin kienu wkoll sofrew minn persekuzzjoni, bl-għan illi l-oppożizzjoni tkun kontinwament imsikkta. Il-ħakma tar-reġim kienet ikkaratterizzata minn oppressjoni brutali li kienet tikkostitwixxi fi ksur ta' drittijiet fundamentali ta' bniedem, fosthom l-użu tat-tortura u l-qtil ta' avversarji politiċi u dawk illi kienu jagħtuhom l-appoġġ tagħhom. Ir-reġim vjolenti ta' Banzer, illi kien baqa' jsaddad sas-sena 1978, kien ingħata appoġġ konsistenti mill-gvern Iżraeljan, illi kien involvu ruħu f'kooperazzjoni militari mar-reġim, minkejja li kien konxju tat-tmexxija dittatorjali ta' Banzer. Iżda għall-Iżrael u għall-Istati Uniti, il-poter politiku kien jieħu preċedenza fuq dak illi huwa ġust u demokratiku, ironika minn żewġ pajjiżi li jagħmlu tant storbju fuq il-fatt illi huma pajjiżi hekk imsejħa demokratiċi filwaqt illi kienu appoġġjaw u saħansitra assistew b'mod militari lil reġimi dittatorjali bħal dawk ta' Banzer fil-Bolivja. Bħalma kien ġara fil-każ ta' bosta pajjiżi oħra fl-Amerika t'Isfel, l-Iżrael kienet kompliċi fl-atti neo-kolonjalistiċi li wettqet l-Istati Uniti, illi kienu twettqu għad-detriment taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi li kienu oppressati u maħqura minn reġimi pro-Punent matul il-perjodu tal-Gwerra l-Bierda.


It-Timor tal-Ilvant kien taħt okkupazzjoni illegali Indoneżjana bejn is-snin 1975 u 2002.

Il-Ġenoċidju fit-Timor tal-Ilvant: Fis-sena 1965, l-Indoneżja esperjenzat waħda mill-iktar ġrajjet brutali fl-istorja tagħha. F'dik is-sena, gruppi ta' truppi mill-militar Indoneżjan wettqu sensiela ta' massakri fuq membri tal-Partit Komunista tal-Indoneżja (P.K.I.) u fuq dawk kollha li kienu suspettati li kellhom xi affiljazzjoni magħhom, fosthom persuni ateji, komunitajiet ta' Ċiniżi etniċi, komunitajiet tal-Abangan u membri tal-Gerwani, illi kienet għaqda feminista storikament affiljata mal-P.K.I. u b'simpatiji lejn ideoloġiji xellugin. Huwa maħsub illi dan il-massakru kkaġuna l-qtil ta' 1,200,000 persuna, illi kienu allegatament iħaddnu twemmin Komunista jew illi kellhom tendenzi li juru appoġġ politiku lill-Partit Komunista tal-Indoneżja. Dan il-massakru kien twettaq mill-Armata Indoneżjana, illi kienet taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Suharto. L-azzjonijiet brutali ta' Suharto u tat-truppi mmexxija minnu kienu sabu appoġġ u assistenza mill-pajjiżi tal-Punent, illi ma kinux sodisfatti bit-tmexxija tal-President Sukarno, minħabba li dan kien addotta pożizzjonijiet anti-imperjalisti illi ma kinux konformi mal-politika tal-Punent, fosthom l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi intimi mal-Unjoni Sovjetika. Kien għal dan il-għan illi l-Istati Uniti bdiet tħeġġeġ il-formazzjoni ta' fazzjoni ġdida fi ħdan l-Aramata Indoneżjana, u b'hekk sal-aħħar tas-sena 1965 l-istess grupp militari kien maqsum f'żewġ fazzjonijiet; il-fazzjoni ta' Sukrano li kienet favur il-Komunisti u l-fazzjoni ta' Suharto li kienet kontra l-Komunisti. Il-preżenza ta' dawn iż-żewġ fazzjonijiet ħolqot instabbilita' politika fil-pajjiż, u eventwalment il-fazzjoni ta' Suharto kienet ħadet kontroll assolut fuq l-Armata Indoneżjana u wettqet l-massakri fuq il-Komunisti f'dik l-istess sena. Il-massakri kienu xhieda ta' kif il-President Sukarno kien tilef il-kontroll fuq il-militar tiegħu stess u għaldaqstant l-irwol tiegħu ta' mexxej tal-Indoneżja kien iddgħajjef għal kollox, dan kien ifisser illi Sukarno ma kellux triq oħra ħlief illi jwarrab mit-tmexxija tal-pajjiż. B'Sukarno mneħħi mill-poter, l-Indoneżja għaddiet minn tranżizzjoni politika li kienet laħqet il-qofol tagħha bil-ħatra ta' Suharto bħala President tal-Indoneżja fis-sena 1968. Il-ħatra ta' Suharto kienet fissret iktar minn tliet diċenji ta' tmexxija dittatorjali u awtokratika li kienet ikkaratterizzata minn oppressjoni, vjolenza u abbużi ta' drittijiet umani. Minkejja li kien hemm għarfien l-azzjonijiet brutali tar-reġim dittatorjali ta' Suharto, ir-reġim baqa' jingħata appoġġ u assistenza kontinwa mill-pajjiżi tal-Punent, b'mod partikolari mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit. Dawn iż-żewġ pajjiżi sabu għajnuna mingħand l-Iżrael, illi ffaċilitat l-esportazzjoni ta' armamenti Armerikani u Brittaniċi għall-Indoneżja, bħala turija ta' sostenn lir-reġim dittatorjali ta' Suharto. Permezz ta' dokumenti deklassifikati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżrael, huwa magħruf illi l-gvern Iżraeljan kien ilu mis-snin ħamsin jittama għat-tneħħija ta' Sukarno mill-poter, filwaqt illi wera l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ġeneral Suharto. Il-gvern Iżraeljan baqa' b'mod konsistenti jipprovdi taħriġ militari lit-truppi Indoneżjani u anke jibgħat armamenti u apparat militari lil Suharto, għotjiet illi bdew jingħataw minn qabel il-ħatra ta' Suharto bħala mexxej tal-Indoneżja. Matul is-snin sittin, l-Iżrael baqa' jistabbilixxi relazzjonijiet sigrieti mar-reġim u jassistih b'mod militari, saħansitra anke waqt it-twettiq tal-massakri fuq il-Komunisti fis-sena 1965. Il-gvern Iżraeljan kien assista lill-Indoneżja f'kampanja internazzjonali sabiex setgħu jiġu mistura u mnessija l-brutalitajiet tal-massakri tas-snin sittin u l-każijiet ta' priġunerija indefinita u mingħajr proċessi ġudizzjarji li kienu ngħataw lil attivisti xellugin. Il-kollaborazzjoni bejn il-gvern Iżraeljan u Suharto baqgħet tissaħħaħ wara l-ħatra ta' Suharto bħala mexxej awtokratiku tal-Indoneżja.


Il-massakri ta' Santa Cruz fit-Timor tal-Ilvant kienu kkaġunaw il-mewt ta' iżjed minn 250 Timoriż illi kienu qegħdin jipprotestaw kontra l-okkupazzjoni illegali tal-Indoneżja fit-Timor tal-Ilvant.


It-Timor tal-Ilvant kienet iddikjarat awtonomija fis-sena 1975, wara li kienet ilha sekli maħkuma bħala kolonja Portugiża. It-Timor tal-Ilvant tinsab fuq ix-xaqliba tal-Ilvant tal-gżira ta' Timor, illi kienet inqasmet f'żewġ kolonji permezz ta' fruntiera li kienet ġiet stabbilita mill-qawwiet kolonjali Ewropej; il-kolonja Portugiża u l-kolonja Olandiża, illi iktar tard kienet saret parti mill-Indoneżja. Minħabba din il-qasma fil-gżira, it-Timor tal-Ilvant kienet żviluppat kultura u identita' li kienet separata minn dik tal-Indoneżja li kienet tinsab fuq ix-xaqliba tal-Punent tal-istess gżira. Minkejja li kemm it-tmexxija ta' Sukarno u kemm it-tmexxija ta' Suharto kienu ddikjaraw illi m'għandhomx interess illi jamalgamaw lit-Timor tal-Ilvant mat-territorji Indoneżjani, ir-relazzjonijiet bejn l-Indoneżja u t-Timor tal-Ilvant kienu bdew jieħdu bixra negattiva minħabba l-biżgħat tal-pajjiżi tal-Punent illi l-formazzjoni ta' territorju awtonomu ġdid jista' jħalli lok għall-ħolqien ta' tmexxija Komunista ġdida fix-Xlokk tal-Asja. Billi dan kien ikun ta' theddida għall-interessi tal-Punent fir-reġjun, l-Istati Uniti u r-Renju Unit bdew iħeġġu lir-reġim ta' Suharto sabiex jinvadi lit-Timor tal-Ilvant, filwaqt illi wiegħdu li jipprovdu assistenza militari u finanzjarja sabiex tkun tista' tiġi mwettqa l-istess invażjoni. Bl-iskuża tal-firxa tal-Komuniżmu, l-Indoneżja bdiet l-invażjoni tagħha fit-Timor tal-Ilvant ftit jiem biss wara li l-pajjiż kien iddikjara awtonomija, u b'hekk kien ingħata bidu għall-okkupazzjoni brutali Indoneżjana fit-territorju, li kienet fisset 'il fuq minn żewġ diċenji ta' oppressjoni għall-poplu Timoriż. Minkejja li l-okkupazzjoni kienet ġiet deskritta bħala waħda illeġittima u illegali minn organizzazzjonijiet internazzjonali, ir-reġim ta' Suharto kien baqa' jingħata assistenza militari u finazjarja li ffaċilitaw it-twettiq tal-istess okkupazzjoni. Matul dan il-perjodu, l-Armata Indoneżjana wettqet ġenoċidju li kkaġuna l-qtil ta' iżjed minn 300,000 Timoriż, illi kien twettaq mill-istess truppi Indoneżjani permezz ta' massakri brutali u l-firxa rampanti ta' mard u ġuħ illi kienet preżenti matul l-okkupazzjoni. Dan il-perjodu kien ikkaratterizzat ukoll minn abbużi ta' drittijiet umani u oppressjoni politika, illi ħonqu l-aspirazzjonijiet u d-drittijiet fundamentali tan-nazzjon Timoriż. Il-gvern Iżraeljan kien baqa' jiffaċilita t-trasportazzjoni ta' armamenti Amerikani u Brittaniċi għar-reġim ta' Suharto, illi kienu bdew jintużaw mill-Armata Indoneżjana matul l-okkupazzjoni militari fuq it-territorju Timoriż. L-istess gvern Iżraeljan kien ipprovda ajruplani militari lid-dittatjorjat Indoneżjan illi kienu ntużaw matul l-okkupazzjoni militari tal-pajjiż. Minbarra l-ġenoċidju, l-Armata Indoneżjana kienet sforzat migrazzjoni interna fi ħdan it-territorju, użat il-forza kontra għaqdiet umanitarji li provaw jassistu lit-Timoriżi b'għajnuna umanitarja, ħadet 'il fuq minn 4,000 itfal bħala ostaġġi minn familthom u kienet stabbilixxiet skjavitu' sesswali għal nisa Timoriżi. Wara li t-tensjonijiet kienu bdew jiħraxu wara t-twettiq tal-massakri ta' Santa Cruz, illi kienu kkaġunaw il-qtil ta' mijiet ta' Timoriżi li kienu qegħdin jipprotestaw kontra l-okkupazzjoni, il-brutalita' tal-okkupazzjoni bdiet tingħata iżjed attenzjoni globali u ġabet il-kundanna tan-Nazzjonijiet Uniti. Għaldaqstant, kienet ntefgħet pressjoni fuq il-pajjiżi tal-Punent sabiex jirtitraw mill-assistenza militari u finanzjarja tagħhom għar-reġim ta' Suharto. Fis-sena 1998, ir-reġim dittatorjali ta' Suharto kien ikkollassa u b'hekk reġgħet tfaċċat it-tama li n-nazzjon Timoriż jista' jerġa' jikseb is-sovranita' li kienet insterqitlu għal kwart ta' seklu. Hekk kif il-moviment għall-indipendenza beda jikber, it-Timor tal-Ilvant iddikjarat l-indipendenza tagħha fis-sena 2002, wara t-tmiem tal-okkupazzjoni illegali u wara r-referendum illi kien sar tliet snin qabel illi fih il-maġġoranza assoluta tat-Timoriżi kienu wrew ix-xewqa għall-kisba ta' sovranita'.


Ir-Reġim Apartheid fl-Afrika t'Isfel: It-terminu 'apartheid' ifisser segregazzjoni u diskriminazzjoni razzjali mill-istat illi tintuża fil-konfront ta' grupp etniku partikolari. Din is-sistema preżentament qiegħda tintuża fit-tliet territorji Palestinjani li jinsabu okkupati mill-Iżrael, u huwa evidenti li dawn il-metodi huma ispirati u mnebbħa minn sistema simili li ntużat fl-Afrika t'Isfel matul is-seklu għoxrin. Għal sekli sħaħ, l-Afrika t'Isfel kienet kolonja ta' żewġ qawwiet Ewropej, l-Imperu Olandiż u iżjed tard l-Imperu Brittaniku. Dawn iż-żewġ ħakkiema kienu ħeġġew il-migrazzjoni tal-popli tagħhom lejn l-Afrika t'Isfel sabiex setgħtet tiġi stabbilita dominanza Ewropea fuq il-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni li kienet tikkonsisti f'Afrikani indiġeni. Fis-seklu sbatax, l-Imperu Olandiż introduċa gruppi etniċi Ewropej fl-Afrika t'Isfel għall-ewwel darba, illi kienu bdew jiġu magħrufa bħala l-Buweri. Il-Buweri bdew jisfruttaw ir-rirżorsi u l-minerali abbundanti li kienet tipprovdi l-art, u kienu wkoll stabbilixxew insedjamenti u industriji u artijiet illi kienu ppopolati minn gruppi indiġeni. Dan kollu kien ħalla lok għall-bidu ta' diskriminazzjoni razzjali kontra dawn il-gruppi indiġeni, illi kienet tkompliet wara li l-Imperu Brittaniku kienu stabbilixxa preżenza fl-Afrika t'Isfel. L-Imperu Brittaniku kien ukoll ħeġġeġ l-migrazzjoni ta' Ewropej fil-kolonja, illi kienet fissret iż-żieda ta' tensjonijiet bejn il-gruppi Ewropej u l-gruppi indiġeni. Is-sejbiet ta' riżervi ta' minerali prezzjuż bħal deheb u djamanti mill-kolonizzaturi Ewropej kienet fissret iż-żieda ta' inugwaljanza bejn il-gruppi etniċi fil-kolonja, tant illi l-Imperu Brittaniku kien iddikjara gwerra fuq il-Buweri fl-aħħar snin tas-seklu dsatax, bir-riżultat ikun il-waqa' tal-kolonji Olandiżi u l-espansjoni tal-kolonjaliżmu Brittaniku fl-Afrika t'Isfel. Fis-sena 1910, l-Imperu Brittaniku kien stabbilixxa l-Unjoni tal-Afrika t'Isfel, illi kienet tikkonsisti f'kolonji Brittaniċi u eks-kolonji Olandiżi. Fil-bidu tas-seklu għoxrin, il-gruppi etniċi Ewropej kienu mgħejjuna mill-Imperu Brittaniku sabiex jokkupaw u jistabbilixxu insedjamenti fuq artijiet ta' gruppi indiġeni, permezz ta' leġislazzjoni li illegalizzat is-segregazzjoni tal-art u li pprovdiet 7.5% biss tal-art totali tal-Afrika t'Isfel għall-popolazzjoni indiġena, minkejja li l-Afrikani indiġeni kienu maġġoranza.


Eżempju ta' segregazzjoni razzjali fl-Afrika t'Isfel, illi saħansitra kienet tilliminta l-użu tal-bajjiet.

Il-preżenza tal-gruppi etniċi Ewropej kellha rwol prominenti fl-istabbiliment ta' liġijiet u regolamenti li kienu jinforzaw inugwaljanzi u diskriminazzjoni kontra l-gruppi indiġeni Afrikani. Eventwalment, id-dixxendenti tal-Buweri u tal-Brittaniċi kienu bdew ukoll jinfiltraw ix-xena politika tal-Afrika t'Isfel, tant illi kienu ġew imwaqqfa għadd ta' partiti politiċi li kellhom ideoloġiji radikali u li kienu jħaddnu ideali razzisti. Minkejja li d-diskriminazzjoni razzjali kienet ilha preżenti fl-Afrika t'Isfel għal sekli sħaħ, din kienet ingħatat spinta 'l quddiem wara li l-Partit Nazzjonali kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali fis-sena 1948. F'din l-elezzjoni setgħet tivvotaw u tipparteċipa biss il-popolazzjoni Ewropea, u għaldaqstant id-dritt għall-vot u l-parteċipazzjoni kien ġie mċaħħad għal kollox lill-popolazzjoni Afrikana. Dan kien ifisser illi l-Afrika t'Isfel kienet amministrata minn gvern illi ma kienx akkwista mandat mingħand il-maġġoranza tal-popolazzjoni sabiex jivvota, hekk kif madwar 68% tal-popolazzjoni totali ma kinitx ingħatat id-dritt illi tivvota jew illi tipparteċipa fl-elezzjoni minħabba li l-popolazzjoni indiġena kienet eskluża minn kwalunkwe opportunita ta' rappreżentazzjoni politika. Din l-esklużjon kienet ġiet wara l-approvazzjoni ta' sensiela ta' leġislazzjonijiet u liġijiet illi kienu maħluqa sabiex b'mod intenzjonat jimminaw l-aspirazzjonijiet politiċi li kellha l-popolazzjoni indiġena. B'hekk, il-gruppi etniċi Afrikani kienu tneżżgħu minn kwalunkwe dritt uman bażiku ġewwa arthom stess, f'tentattiv mill-kolonizzaturi Ewropej sabiex jistabbilixxu dominanza u influwenza fl-Afrika t'Isfel. Għaldaqtant, dawn setgħu jibqgħu jisfruttaw mir-riżorsi u l-minerali abbundanti tal-art sabiex jissodisfaw l-interess tagħhom stess għas-skapitu' tal-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni. Ir-reġim razzista tal-Partit Nazzjonali kien waqqaf is-sistema magħrufa bħala 'apartheid', illi tinvoka l-użu ta' razziżmu u diskriminazzjoni istituzzjonalizzat fit-tmexxija tal-pajjiż, illi kienet tfisser iżjed inugwaljanzi fil-pajjiż. Ir-reġim tal-Partit Nazzjonali baqa' jintroduċi sensiela ta' regolamenti u liġijiet diskriminatorji illi kienu jikkumplimentaw lill-prattiċi li kienu diġa' ġew introdotti mill-qawwiet kolonjali Olandiżi u Brittaniċi fis-sekli ta' qabel. Dawn il-prattiċi kienu jinkludu l-projbizzjoni tal-moviment ħieles għall-poplu Afrikan, il-projbizzjoni tas-sjieda tal-art u n-nuqqas ta' rappreżentazzjoni ġusta fit-tmexxija tal-pajjiż. Is-sistema 'apartheid' kienet tfisser l-introduzzjoni ta' atti li jimponu segregazzjoni f'postijiet pubbliċi, fl-edukazzjoni, fl-akkomodazzjoni, fiż-żwieġ u fl-opportunitajiet ta' xogħol; dan kollu kien ifisser opportunitajiet soċjali u ekonomiċi iktar inferjuri għall-popolazzjoni Afrikana. L-istess reġim kien jagħmel użu minn atti ta' vjolenza u oppresjoni kontra dawk kollha li kienu jopponu s-sistema 'apartheid', atti li kienu jinkludu l-użu ta' tortura, arresti mingħajr proċeduri ġudizzjarji u każijiet ta' qtil politiku sabiex jiġu msikkta gruppi u movimenti ta' liberazzjoni li kienu qegħdin jopponu lir-reġim razzista tal-Partit Nazzjonali.


L-Iżrael kellu relazzjonijiet mill-iktar intimi mar-reġim razzista tal-Afrika t'Isfel, tant illi l-Iżrael kienet waħda mill-imsieħba kummerċjali importanti għal dan ir-reġim wara l-inforzar ta' embargo min-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Afrika t'Isfel fis-sena 1977. Anke wara l-inforzar ta' dan l-embargo, l-Iżrael marret kontra din id-deċiżjoni billi baqgħet tissupplixxi lir-reġim b'armamenti, bil-kundizzjoni li r-reġim jipprovdi lill-militar Iżraeljan siti fejn seta' jwettaq numru ta' testijiet nukleari. L-għotjiet ta' dawn l-armamenti kienu meħtieġa għar-reġim sabiex seta' jibqa' jinforza s-sistema 'apartheid' billi juża l-forza sabiex isikket l-oppożizzjoni. L-Iżrael kienet waħda mill-ftit pajjiżi li rrifjutat milli tieħu sehem fis-sanzjonijiet internazzjonali li kienu ġew imposti fuq ir-reġim, tant illi l-gvern Iżrael kien offra armamenti nukleari u kemikali lir-reġim sabiex isaħħaħ il-qagħda militari tiegħu. Fis-snin tmenin l-Iżrael kienet baqgħet tipprovdi teknoloġija militari, taħriġ militari u servizzi ta' konsulenza. Fis-sena 1988, l-gvern Iżrael u r-reġim tal-Afrika t'Isfel iffirmaw ftehim illi kien ifisser l-għotja ta' assistenza militari b'valur ta' 1,700,000,000 Dollaru Amerikan. L-Iżrael irrifjutat milli tikkundanna l-atti razzisti u diskriminatorji tar-reġim, u minflok kienet tikkunsidra lil persuni bħal Nelson Mandela, illi kien skonta sentenza ta' 27 sena fil-ħabs talli oppona lir-reġim, bħala persuni terroristi. Fis-sena 1994, ir-reġim razzista fl-Afrika t'Isfel kien ikkollassa u l-pajjiż beda jittrafsorma ruħu minn reġim għal demokrazija. Il-liġijiet diskriminatorji u s-sistema 'apartheid' kienu ġew eradikati wara t-tlugħ ta' Nelson Mandela fit-tmexxija tal-pajjiż, wara li kien ġie elett bħala President fl-elezzjoni ġenerali li kienet saret fis-sena 1994. Manadakollu, l-Istati Uniti u l-Iżrael kienu fost dawk il-pajjiżi tal-Punent illi baqgħu jikkunsidraw lil Mandela bħala terrorist għal diċenji sħaħ, xhieda tal-appoġġ tagħhom għas-sistema 'apartheid' li kienet tmexxiet biha l-Afrika t'Isfel għal perjodu ta' ħames diċenji sħaħ.


Fabbrika tal-armi nukleari fid-deżert ta' Negev, l-Iżrael.
''L-Iżrael bagħat lill-Afrika t'Isfel 30 gramma ta' tritju, li jagħti lill-armi termonukleari l-ispinta lill-qawwa splussiva tagħhom. Il-kunsinna kienet biżżejjed biex jinbnew diversi bombi atomiċi, kif l-Afrika t'Isfel kienet filfatt għamlet.'' - TheGuardian

Ir-Reġim Dittatorjali fiċ-Ċili: Fis-sena 1973, iċ-Ċili kien taħt it-tmexxija tal-gvern Soċjalista ta' Salvador Allende, illi kien elett b'mod demokratiku bħala president tliet snin qabel. Il-gvern ta' Allende kien ippropona għadd ta' miżuri u riformi li kellhom iġibu l-bidla tant meħtieġa fil-pajjiż, illi kien mifni bi problemi bħal distribuzzjoni inugwali tal-ġid, faqar rampanti fl-inħawi urbani u nuqqas ta' edukazzjoni aċċessibbli. Il-miżuri u r-riformi proposti mill-gvern ta' Allende kienu jinkludu riformi fid-distribuzzjoni tal-ġid, illi kienet tikkonsisti fi tqassim iktar ugwali tal-art lill-popolazzjoni fqira u l-introduzzjoni ta' servizzi soċjali. Qabel it-tlugħ ta' Allende fil-poter, ħafna mill-faqar fiċ-Ċili kien ikkaġunat min-nuqqas ta' ugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-artijiet, illi fil-maġġoranza tagħhom kienu proprjeta' ta' korporjazzjonijiet barranin illi kienu jisfruttaw ir-riżorsi u l-minerali tal-pajjiż, fosthom ir-ram. Għalhekk, il-gvern ta' Allende beda jinnazzjonalizza bosta intrapriżi u industriji fil-pajjiż bl-għan illi jelimina din l-inġustizzja ma' niesu. Il-gvern ta' Allende beda jmur lil hinn mill-mudelli kapitalisti tal-Punent u minflok beda jiggverna permezz ta' mudell illi kien jagħti prijorita' lill-qagħda tal-klassi tal-ħaddiema. Minkejja li l-inizzjattivi tal-gvern ta' Allende kienu suċċess, it-tmexxija xellugija tal-pajjiż kienet meqjusa bħala theddida għall-interessi tal-Istati Uniti fir-reġjun, u kienet meqjusa bħala tmexxija b'simpatiji lejn ideoloġiji Komunisti. Bħalma ġara fil-każ ta' pajjiżi oħrajn fl-Amerika t'Isfel, l-Istati Uniti ddeċidiet illi tħejji komplott illi bih setgħtet twaqqa l-gvern ta' Allende. Dan il-komplott kien jinkludi t-twettiq ta' kolp ta' stat fil-pajjiż bl-appoġġ tal-aġenzija C.I.A., illi kien ifisser it-tlugħ ta' Augosto Pinochet fil-poter. Pinochet kien membru tal-Armata Ċilena li kien diġa' involut f'movimenti anti-xellugin fil-pajjiż, u għaldaqstant Pinochet kien stabbilixxa lilu nnifsu bħala kollaboratur tal-Istati Uniti. Bl-għajnuna tal-Istati Uniti, Pinochet mexxa fazzjoni mill-Armata Ċilena waqt kolp ta' stat illi kien sar fis-sena 1973, illi kien fisser it-tmiem tat-tmexxija ta' Allende u t-tlugħ ta' Pinochet bħala d-dittatur taċ-Ċili. Il-ġunta militari mmexxija minn Pinochet kienet ingħatat armamenti u taħriġ militari mill-Istati Uniti ftit tax-xhur qabel ma kien twettaq il-kolp ta' stat, filwaqt illi l-Istati Uniti kienet għenet b'mod finanzjarju lill-oppożizzjoni sabiex ixxerred propaganda kontra l-gvern ta' Allende. Ir-reġim dittatorjali ta' Pinochet kien ukoll iggwadanja minn għajnuna mill-Iżrael, tant illi l-gvern Iżraeljan kien ipprovda lir-reġim b'armamenti, missilli, bastimenti militari, ajruplani militari, bombi u sistemi tar-radar. Din l-għajnuna militari kompliet tissaħħaħ, tant illi fis-sena 1976, l-Iżrael kienet l-iżjed pajjiż illi kien jesporta armamenti għaċ-Ċili, armamenti li kienu bdew jintużaw mir-reġim sabiex joppressa lill-oppożizzjoni u lil niesu stess. Ir-reġim ta' Pinochet kien responsabbli għall-qtil ta' iżjed minn 3,000 persuna, filwaqt illi kien responsabbli għall-użu ta' metodi ta' tortura fuq 30,000 persuna li kienu miżmuma mir-reġim għal raġunijiet politiċi. Il-perjodu tad-dittatorjat huwa wieħed mill-iktar perjodi koroh fl-istorja taċ-Ċili, perjodu ikkaratterizzat minn ksur ta' drittijiet umani, brutalita' sistematika mill-pulizija u mill-armata u żieda fl-inugwaljanzi fil-pajjiż. Il-pulizija tar-reġim ta' Pinochet kienu joperaw għadd ta' kampijiet tal-konċentrament madwar il-pajjiż, illi kienu jintużaw sabiex jinżammu priġuniera politiċi li kienu maħsuba li kellhom ideoloġiji xellugin. F'dawn il-kampijiet ammont mhux magħruf ta' Ċileni kienu maqtula jew ttorturati, filwaqt illi oħrajn kienu 'sparixxew'. Il-pulizija tar-reġim ta' Pinochet, illi kienu reponsabbli għall-azzjonijiet imwettqa f'dawn il-kampijiet tal-konċentrament, kienu mgħejjuna mill-Iżrael permezz ta' armamenti u taħriġ militari.


L-għajnuna militari mogħtija mill-Iżrael lill-grupp tal-Contras kienet ta' vantaġġ sinfikanti għall-grupp.

Ir-Reġim Dittatorjali fil-Ħonduras: Fis-sena 1972, il-Ħonduras kien taħt it-tmexxija tal-President Ramon Ernesto Cruz, illi kien elett b'mod demokratiku permezz ta' elezzjoni ġenerali li kienet saret fis-sena ta' qabel. F'dak il-perjodu, il-Ħonduras kien għaddej minn żmien ta' instabbilita' politika li kienet bdiet tikkaġuna għadd ta' problemi fl-ekonomija tal-pajjiż, sitwazzjoni li kienet bdiet thedded il-qagħda tal-popolazzjoni li sa dak iż-żmien kienet relattivament fqira u dipendenti fuq l-agrikultura. Ftit tas-snin qabel, il-Ħonduras kienu għadu kif esperjenza kolp ta' stat illi kien jikkonsisti f'intervent militari mmexxi mill-Ġeneral Oswaldo Lopez Arellano, illi sab l-appoġġ tal-Istati Uniti permezz ta' assistenza mingħand l-aġenzija C.I.A.. Dan il-kolp ta' stat kien wassal għall-installazzjoni ta' reġim dittatorjali fil-Ħonduras fis-sena 1963. Ir-reġim dittatorjali beda jitmexxa mill-Ġeneral Arellano, illi kien ħataf il-poter minn idejn il-President Ramon Villeda Morales, il-mexxej xellugi li kien elett b'mod demokratiku ftit tas-snin qabel. Il-gvern ta' Morales kellu l-għan illi jintroduċi sensiela ta' riformi ġodda bl-għan illi jittrasformaw b'mod pożittiv il-qagħda tal-pajjiż illi sa dak iż-żmien kien mifni b'rati allarmanti ta' faqar u staġnar ekonomiku. Ir-riformi proposti minn Morales kienu jinkludu l-introduzzjoni ta' bosta liġijiet tax-xogħol progressivi, riformi fil-politika agrarja u riformi fit-tqassim tal-artijiet. Din tal-aħħar kienet intenzjonata sabiex tiġi mdgħajfa l-influwenza qawwija li kellhom kumpaniji u industriji Amerikani fil-pajjiż, fosthom l-United Fruit Company, illi kienet ħadet taħt idejha ammont eżorbitanti ta' artijiet għall-produzzjoni tal-prodotti tagħha. Ħafna minn dawn l-artijiet kienu jibqgħu mhux maħduma jew kkultivati, u għaldaqstant il-gvern ta' Morales kien jikkunsidra lil din is-sitwazzjoni bħala inġustizzja fid-dawl tal-faqar preżenti fil-pajjiż. Minħabba dawn ir-riformi, il-gvern ta' Morales kien meqjus bħala theddida għall-interessi tal-pajjiżi tal-Punent fl-Amerika Ċentrali minħabba li r-riformi li kien qiegħed jipproponi kienu meqjusa bħala riformi li kienu jaspiraw għat-trasformazzjoni tal-Ħonduras bħala pajjiż Komunista. Għaldaqstant, l-Istati Uniti assistiet b'mod militari lill-gruppi tal-oppożizzjoni u lill-fazzjonijiet tal-lemin estrem fil-pajjiż bl-għan illi jingħeleb il-gvern ta' Morales. Din l-assistenza militari kienet tinkludi għotja ta' armamenti u taħriġ ta' truppi ftit tax-xhur biss qabel ma kien twettaq il-kolp ta' stat. Ir-reġim dittatorjali ta' Arellano kien fisser l-introduzzjoni ta' tmexxija awtokratika li kienet ikkaratterizzata minn persekuzzjoni politika u sensiela ta' inċidenti li kienu jinvolvu ksur ta' drittijiet umani b'mod sistematiku mill-istat. F'dan il-perjodu, ammont mhux magħruf ta' dissidenti li kienu jopponu lir-reġim kienu 'sparixxew', waħda mit-tentattivi tar-reġim sabiex jiċċensura lill-oppożizzjoni u sabiex joħnoq il-liberta' tal-espressjoni. Wara l-kollass tal-ewwel reġim fil-bidu tas-snin sebgħin, Arellano reġa' akkwista mill-ġdid il-poter wara li mexxa kolp ta' stat fis-sena 1972, illi wassal għat-tneħħija ta' Ramon Ernesto Cruz mill-poter. Dan il-kolp ta' stat kien mill-ġdid appoġġjat mill-Istati Uniti, billi din kienet tikkunsidra lil Arellano bħala mexxej servili lejha. Madanakollu, hekk kif il-qagħda tal-Ħonduras kienet baqgħet sejra għall-agħar, ir-reġim ta' Arellano kien sforzat illi jintroduċi uħud mir-riformi li kien ippropona l-gvern ta' Morales fis-snin sittin; fosthom ir-riformi li kienu jirregolarizzaw l-artijiet fil-pajjiż. Arellano għamel dan bl-għan illi jintogħġob mal-poplu tal-Ħonduras, illi kien diġa' beda juri reżistenza u diżapprovazzjoni għar-reġim militari. L-introduzzjoni ta' dawn ir-riformi kienet laqtet b'mod negattiv lill-qagħda tal-kumpaniji u industriji Amerikani fil-pajjiż u b'hekk Arellano kien tilef l-appoġġ tal-gvern Amerikan. Wara li Arellano kien tilef il-fiduċja tal-gvern Amerikan, l-istess gvern kien beda jħeġġeġ lill-poplu tal-Ħonduras sabiex jirribella kontra r-reġim billi beda jikxef attentati ta' tixħim li kienet għamlet il-United Brand Company mar-reġim ta' Arellano; skandlu li kien qajjem kontroversja u furur kbir fil-pajjiż. Fis-sena 1975, il-pajjiż kien esperjenza mill-ġdid kolp ta' stat ieħor illi wassal għall-kollass tat-tieni reġim ta' Arellano u għat-tlugħ tar-reġim dittatorjali ta' Juan Melgar Castro. Tliet snin wara, dan ir-reġim kien ikkollassa wkoll wara kolp ta' stat illi wassal għat-tlugħ ta' Policarpo Paz Garcia bħala l-mexxej ta' reġim dittatorjali ieħor fil-Ħonduras. L-involviment tal-Istati Uniti fil-politika tal-Ħonduras kien bla ebda dubju fattur illi xpruna l-instabbilita' politika kontinwa f'dan il-pajjiż, partikolarment minħabba l-influwenza qawwija tal-kumpaniji u l-industriji Amerikani, illi kelhom poter sinifikanti,


Fis-sena 1979, ir-reġim dittatorjali fil-pajjiż ġirien tan-Nikaragwa kien għadu kif ikkollassa wara li l-oppożizzjoni xellugija, illi kienet tikkonsisti f'movimenti magħrufa bħala Sadinisti, kienet irnexxielha tegħleb lir-reġim dittatorjali ta' Somoza wara dittatorjat li oppressa lill-pajjiż għal diċenji sħaħ. Il-waqa' tar-reġim ta' Somoza kien xhieda li l-influwenza tal-Istati Uniti fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u t'Isfel kienet bdiet tiddgħajjef, u għaldaqstant dan kien ifisser iż-żieda ta' sentimenti pro-xellugin u anti-Amerikani f'dawn il-pajjiżi, wara diċenji sħaħ ta' interventi militari u ndħil politiku mill-gvern Amerikan illi fissru biss iżjed sfruttament, tbatija u snin imċaħħda mid-demokrazija għall-popli ta' dawn il-pajjiżi. F'paniku, l-Istati Uniti bdiet tibgħat armamenti u tipprovdi taħriġ militari għall-gruppi fin-Nikaragwa li kienu anti-Sadinisti, illi kienu magħrufin bħala l-Contras. F'dan il-perjodu, ir-reġim dittatorjali tal-Ħonduras kien ipprovda bażijiet għal dawn il-gruppi bl-għan illi jkunu jistgħu jniedu l-offensivi militari tagħhom waqt il-Gwerra tal-Contras fin-Nikaragwa, illi kienet ikkaġunata wara li l-Istati Unti kienet instigat lill-gruppi anti-Sadinisti sabiex jopponu lill-gvern Soċjalista tal-pajjiż. Sabiex tgħin lill-Istati Uniti, l-Iżrael kienet bdiet tassisti b'mod militari permezz ta' għotjiet ta' armamenti lir-reġim dittatorjali tal-Ħonduras u kienet ukoll esportat bosta armamenti lill-gruppi anti-Sadinisti bbażati fil-Ħonduras waqt it-taqbida tagħhom mal-gvern tan-Nikaragwa. Is-Sadinisti kienu meqjusa bħala alleati tal-Organizzazzjoni Palestinjana għal-Liberazzjoni (P.L.O.) u għaldaqstant kienu meqjusa bħala għedewwa tal-aġenda Żijonista. Il-bejgħ ta' armamenti Iżraeljani lir-reġimi dittatorjali tal-Ħonduras kien partikolarment prevalenti fis-snin sebgħin u fil-bidu tas-snin tmenin, u kien jinkludi ajruplani militari tat-tip Arava u oħrajn tat-tip Kfir, armi tan-nar tat-tip Galil, tankijiet, missilli u taħriġ militari mogħti lit-truppi anti-Sadinisti. Matul il-Gwerra tal-Contras, il-gruppi mgħejjuna mill-Istati Uniti u mill-Iżrael kienu responsabbli għall-użu ta' vjolenza u għat-twettiq ta' atti terroristiċi kontra l-popolazzjoni ċivili li kienu fil-viċinanzi tal-fruntiera bejn il-Ħonduras u n-Nikaragwa, konfronti li waslu għal każijiet ta' imwiet u spostament tal-popolazzjoni. Matul it-tenatattivi tal-Istati Uniti sabiex tiddomina lill-politika tal-Amerika Ċentrali u t'Isfel, l-assistenza politika u militari tal-Iżrael kien fattur illi kkontribwixxa għat-twettiq ta' dawn it-tentattivi. Bħala legat għar-relazzjonijiet mill-qrib bejn il-gvernijiet Iżraeljani u r-reġimi dittatorjali tal-Ħonduras, dan il-pajjiż huwa wieħed mill-erba' pajjiżi li għandhom l-ambaxxata tagħhom ġewwa Ġerusalemm, u għaldaqstant jirrikonoxxu lil Ġerusalemm bħala l-belt kapitali tal-Iżrael. Minbarra l-Ħonduras, il-pajjiż ġirien tal-Gwatemala huwa wkoll wieħed minn dawn l-erba' pajjiżi, xhieda tar-relazzjonijiet mill-qrib li kienu eżistenti bejn ir-reġimi dittatorjali ta' dan il-pajjiż u l-Iżrael matul is-snin.


Il-Ġenoċidju fil-Bożnija u l-Kroazija: Matul il-maġġoranza tas-seklu għoxrin ir-reġjun tal-Balkani kien iddominat mill-preżenza tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja, illi kienet tikkonsisti f'sitt repubbliki konstitwenti; is-Serbja, il-Montenegro, Bożnija-Ħerżegovina, il-Kroazija, is-Slovenja u l-Maċedonja. Dawn is-sitt repubbliki konstitwenti kellhom differenzi kulturali kbar minn xulxin, minħabba l-preżenza ta' lingwi, reliġjonijiet u gruppi etniċi varjati. Minkejja din id-diffikulta', il-Jugoslavja kien magħqud bħala pajjiż unit u kienet tikkonsisti f'soċjeta' multikulturali li kienet tgħix flimkien f'paċi relattiva minħabba li kienet maqgħuda taħt identita' komuni; il-Komuniżmu. Il-gvern Komunista tal-pajjiż, partikolarment taħt it-tmexxija ta' Josip Broz Tito, kien ilu jistabbilixxi spirtu ta' unita' u għaqda bejn is-sitt repubbliki għal perjodu ta' iżjed minn erba' diċenji. Madanakollu, dan il-perjodu ma kienx nieqes mid-diffikultajiet kbar li bdiet tiltaqa' magħhom it-tmexxija tal-pajjiż waqt l-isforzi tagħha sabiex toppressa u tipprova twaqqaf il-firxa ta' Nazzjonaliżmu fost il-gruppi etniċi tal-pajjiż. Oriġinalment, it-territorju li fuqu twaqqaf il-Jugosalvja kien jikkonsisti fir-Renju tas-Serbja u l-Imperu tal-Awstrija-Ungerija, illi kienu ddiżintegraw wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija fis-sena 1918. F'dik l-istess sena, ir-Renju tas-Serbja ngħaqad mal-Istat tas-Sloveni, Kroati u s-Serbi sabiex ġie fformat ir-Renju tal-Jugoslavja, illi kien iddiżintegra mill-ġdid wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija u mwaqqaf mill-ġdid bħala federazzjoni Komunista bl-isem tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugosalvja fis-sena 1945. Maż-żmien, il-pajjiż beda jesperjenza żieda rampanti ta' Nazzjonaliżmu li kienet xprunata mix-xewqa ta' iżjed awtonomija għar-repubbliki konstitwenti u mid-diffikultajiet ekonomiċi li beda jiltaqa' magħhom il-pajjiż, b'rati allarmanti ta' dejn finanzjarju u inflazzjoni. Il-mewt ta' Tito fis-sena 1980 kienet fissret il-mewt ta' figura nazzjonali kienet żżomm stabbilita' u dixxiplina fost ir-repubbliki konstitwenti; mexxej illi kien irnexxielu jżomm il-bilanċ bejn l-interessi tal-grupp etniċi bl-għan illi ma jkunx hemm grupp etniku dominanti fil-pajjiż. Għaldaqstant, il-mewt ta' Tito kienet fattur li żiedet it-tensjonijiet bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż, minħabba li l-gvern tal-pajjiż kien tilef l-abbilita' li jibbilanċja l-interessi tal-gruppi etniċi u li jikkontamina l-firxa perikoluża tan-Nazzjonaliżmu fil-pajjiż. Fattur ieħor illi kkontribwixxa għaż-żieda fit-tensjonijiet fil-pajjiż kienet id-diżintegrazzjoni tal-Komuniżmu fl-Ewropa fis-snin tmenin u disgħin, illi waslet sabiex għall-ħolqien ta' fazzjonijiet anti-Komunisti fi ħdan il-populazzjoni u fit-tmexxija tal-Jugosalvja, illi bdew jirreġettaw l-ideoloġija tal-Komuniżmu u l-identita' komuni Jugoslava li kienet żviluppat fil-pajjiż.


Binja mġarrfa wara l-attakki mill-Armata Serbjana fil-belt ta' Sarajevo, fil-Bożnija.

It-tensjonijiet u l-vjolenza bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż kienu baqgħu jgħollu rashom wara l-ħatra ta' Slobodan Milosevic bħala l-President tar-Repubblika Soċjalista tas-Serbja fis-sena 1989. Milosevic kien irreġetta l-ideoloġija tal-Komuniżmu u minflok kien iħaddan ideoloġija Nazzjonalista. Din l-ideoloġija kienet l-ispirazzjoni ewlenija għall-politika tiegħu; politika radikali li kienet ibbażata fuq l-interessi u l-aspirazzjonijiet tal-poplu tas-Serbja għad-detriment tal-qagħda tal-gruppi etniċi oħrajn illi kienu preżenti fil-Jugosalvja. Il-politika ta' Milosevic kienet waħda mill-fatturi ewlenin illi kkaġunat id-diżentegrazzjoni tal-Federazzjoni tal-Jugoslavja u kienet xprunat iż-żieda ta' sentimenti ta' Nazzjonaliżmu estrem fost il-poplu Serbjan. Milosevic kellu l-għan illi jistabbilixxi dominanza Serbjana fi ħdan l-Federazzjoni tal-Jugosalvja billi jintroduċi miżuri u riformi radikali li kellhom l-għan illi jagħtu vantaġġ ekonomiku u soċjali għall-poplu Serbjan fuq il-kumplament tal-popli l-oħrajn tal-Jugosalvja, filwaqt illi ried jistabbilixxi lis-Serbja bħala l-qawwa ewlenija tal-Federazzjoni permezz ta' tentattivi sabiex jiċċentralizza l-poter fil-belt kapitali tas-Serbja, Belgrad. Il-mexxej Serbjan kien sejjaħ ukoll għall-integrazzjoni ta' għadd ta' reġjuni Bożnijaċi u Kroati fi ħdan it-territorju tas-Serbja, billi dawn kellhom popolazzjoni sinifikanti ta' gruppi etniċi Serbjani. Għalhekk, Milosevic beda jappoġġja b'mod militari u politiku lil għadd ta' movimenti estremisti ta' Serbjani Nazzjonalisti li kienu mxerrda ġewwa r-reġjuni Serbi fil-Bożnija u l-Kroazija, fejn hemmhekk kienu stabbilixxew żewġ stati ġodda; ir-Repubblika Srpska fil-Bożnija u r-Repubblika tal-Krajina Serbjana fil-Kroazja. Il-firda ta' dawn ir-reġjuni minn mar-repubbliki konstitwenti rispettivi tagħhom kienet parti mill-ħsieb ta' Milosevic sabiex jifrex id-dominanza tal-influwenza Serbjana fit-tmexxija tal-Jugoslavja, billi jfgħajjef il-qagħda tar-repubbliki l-oħrajn. L-azzjonijiet radikali ta' Milosevic kienu ħolqu sentiment ta' rabja fi ħdan il-popolazzjoni tal-bqija tal-Jugoslavja, illi bdew isejħu għal iżjed awtonomija għar-repubbliki tagħhom. Fis-sena 1991, il-Federazzjoni tal-Jugosalvja kienet bdiet tikkollassa wara li r-repubbliki tas-Slovenja, il-Maċedonja u l-Kroazja kienu ddikjaraw l-indipendenza tagħhom mill-Federazzjoni, filwaqt illi fis-sena ta' wara l-Bożnija-Ħerżegovina kienet ukoll għażlet illi tiddikjara l-indipendenza tagħha. B'risposta għal dawn id-dikjarazzjonijiet, is-Serbjani Nazzjonalisti kienu daħlu f'kunflitti ma' gruppi etniċi oħrajn fil-Kroazija, fis-Slovenja u fil-Bożnija, kunflitti vjolenti li kienu ttrasformaw ruħhom fi gwerer brutali u fuq skala li l-Ewropa kienet ilha ma tesperjenza mis-snin erbgħin. Bl-appoġġ ta' Milosevic u tal-Armata Serbjana, is-Serbjani Nazzjonalisti fformaw gruppi militari sabiex jieħdu sehem f'konfronti militari ma' gruppi etniċi ta' Bożnijaċi, Kroati u Albaniżi waqt is-sensiela ta' gwerer illi twettqu fil-Bożnija, fil-Kroazija u fil-provinċja ta' Kosovo matul il-Gwerer Jugoslavi fis-snin disgħin.


''Ir-risposta tal-Avukat tal-Istat Iżraeljan u ċ-ċaħda mill-Qorti Suprema tal-petizzjoni huma ammissjoni de-facto mill-Iżrael li kkooperat mal-ġenoċidju tal-Bożnija: jekk il-gvern ma kellu xejn x'jaħbi, id-dokumenti li qed jiġu diskussi ma joħolqu l-ebda theddida għar-relazzjonijiet barranin.'' - +972 Magazine

Dawn is-sensiela ta' gwerer imxerrda fir-reġjun tal-Balkani kienu kkaġunaw iżjed minn 140,000 imwiet filwaqt illi madwar 130,000 persuna oħra kienu sfaw feruti. Addizzjonalment, il-gwerer kienu ikkaġunat l-emigrazzjoni ta' 'il fuq minn 4,400,000 persuna, illi kienu spiċċaw refuġjati jew illi kienu sforzati li jemigraw internament fir-reġjun. Bl-appoġġ tal-gvern Serbjan, l-Armata Serbjana flimkien ma' gruppi militari ta' Nazzjonalisti Serbjani kienu wettqu attakki f'għadd ta' ibliet Bożnijaċi u Kroati, fosthom Sarajevo u Vukovar, filwaqt illi huma responsabbli għat-twettiq ta' kampanji ta' tindif etniku fir-reġjun u għat-twettiq ta' bosta massakri brutali ta' grupp etniċi ta' Bożnijaċi, Kroati u Albaniżi fil-Kosovo, illi huma meqjusa bħala atti ta' ġenoċidju. Fost waħda mill-iktar ġrajjiet brutali fil-Gwerer Jugoslavi kien il-Ġenoċidju ta' Srebrenica tas-sena 1995, illi kien twettaq mis-Serbi Nazzjonalisti u kkaġuna l-qtil ta' iżjed minn 8,000 Bożnijaċi Musulmani. Il-Ġenoċidju ta' Srebrenica kien parti minn kampanja ta' tindif etniku mwettaq mis-Serbi Nazzjonalisti fil-Kroazja u fil-Bożnija, illi kkaġunat il-qtil jew it-tkeċċija sforzata ta' iżjed minn 250,000 Musulman. Waqt din il-kampanja ta' tindif etniku, eluf oħrajn kienu sfaw feruti, stuprati jew miżmuma f'kampijiet tal-konċentrament fejn kienu jiġu miżmuma f'kundizzjonijiet inumani fejn hemmhekk sofrew minn torturi u minn ġuħ rampanti. L-involviment tal-Iżrael fil-Gwerer Jugoslavi jikkonsisti f'assistenza militari sigrieta li kienet ingħatat lill-Armata Serbjana ta' Milosevic u lill-gruppi militari tas-Serbjani Nazzjonalisti, assistenza li kienet tinkludi bejgħ ta' armamenti u munizzjoni flimkien ma' taħriġ militari mogħti lit-truppi Serbjani. Waqt illi kien għaddej bi proċessi fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, il-Ġeneral Ratko Mladic kien għamel referenza b'mod esplitiċu għar-relazzjonijiet militari intimi bejn l-Iżrael u s-Serbja waqt it-twettiq tal-massakri fil-Kroazja u l-Bożnija. Mladic, illi kien alleat ewlieni ta' Milosevic u l-mexxej tal-Armata tar-Repubblika Srpska, instab ħati ta' twettiq ta' delitti kontra l-umanita' fis-sena 2017. Il-Qorti Suprema tal-Iżrael ordnat illi d-dettalji dwar ir-relazzjonijiet militari bejn l-Iżrael u s-Serbja jibqgħu mistura mill-pubbliku, minħabba li d-deklassifikazzjoni ta' dawn ir-relazzjonijiet tista' tħalli riperkussjonijiet negattivi fuq ir-reputazzjoni tal-Iżrael. Tliet diċenji wara, għadha ma twettqet l-ebda prosekuzzjoni kontra membri tal-gvern Iżraeljan għall-appoġġ militari u politiku li ngħata lis-Serbja anke wara li kien ġie nforzat 'embargo' min-Nazzjonijiet Uniti u wara li kienu ġew ippubblikati testimonjanzi li kkonfermaw it-twettiq ta' ġenoċidji u l-preżenza ta' kampijiet tal-konċentrament. Għalhekk, huwa evidenti li l-gvern Iżraeljan kien konxju u mgħarraf dwar l-azzjonijiet brutali li kienu twettqu fl-istess waqt illi kien stabbilixxa kooperazzjoni militari mal-Armata Serbjana u mas-Serbjani Nazzjonalisti. B'mod konsistenti bejn is-snin 1991 u 1995, il-gvern Iżraeljan baqa' jesporta bil-moħbi għadd ta' armamenti li kienu jinkludu missilli, bombi u armi tan-nar tat-tip Uzi, illi huma magħmula minn industriji Iżraeljani għall-manifattura tal-armi. Fost il-ftehimiet sigrieti li kienu saru, l-Iżrael kienet ipprovdiet taħriġ militari lit-truppi Serbjani bil-kundizzjoni li tiġi evakwata l-komunita' Lhudija fil-belt ta' Sarajevo fil-Bożnija, illi kienet qiegħda tiġi assedjata. Preżentament, uħud mis-Serbjani Nazzjonalisti li huma responsabbli għall-massakri fil-Bożnija u l-Kroazja ingħataw ċittadinanza Iżraeljana sabiex ifittxu refuġju minn prosekuzzjoni għad-delitti kontra l-umanita' li twettqu minnhom. Il-kooperazzjoni bejn il-gvern Iżraeljan u n-Nazzjonalisti Serbjani waqt il-ġrajjiet brutali tal-Gwerer Jugoslavi u huma xhieda ta' kemm huma perikolużi l-ideoloġiji radikali tan-Nazzjonaliżmu u ż-Żijoniżmu. Huwa inaċettabbli l-Iżrael għadha qiegħda tipprova taħbi u żżomm mistura l-involviment tagħha fit-twettiq ta' ġenoċidji u massakri kontra minoritajiet fil-Balkani.


Waqt il-Ġenoċidju tal-Irwanda, iżjed minn 5,000 persuna kienu mmassakrati fil-knisja Kattolika ta' Ntarama.

Il-Ġenoċidju tal-Irwanda: Is-sena 1994 kienet waħda mill-iktar snin koroh fl-istorja riċenti Afrikana. F'dik is-sena, iż-żieda ta' tensjonijiet bejn gruppi etniċi fl-Irwanda kienu eskalaw u żviluppaw f'ġenoċidju mdemmi li kkaġuna l-qtil ta' madwar 800,000 persuna f'perjodu ta' mitt ġurnata biss. L-oriġini tal-kunflitt bejn il-gruppi etniċi fl-Irwanda jmorru lura għal bidu tas-seklu għoxrin, u minkejja li diżgwid bejn il-gruppi etniċi ma kinitx okkurenza illi ma kinitx komuni, kien filfatt il-kolonjaliżmu Ewropew illi kkaġuna s-separazzjoni distinta bejn dawn il-gruppi li eventwalment kienet xprunat l-eskalazzjoni tal-kunflitt. L-ewwel kolonizzaturi fl-Irwanda kienu l-Ġermaniżi, iżda eventwalment il-kolonja kienet waqgħet f'idejn il-Belġjum waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-ħakkiema Belġjani kienu bdew jimponu segregazzjoni razzjali bejn iż-żewġ gruppi etniċi ewlenin illi jabitaw lill-Irwanda; it-Tutsi u l-Ħutu. Il-kolonizzaturi Ewropej kienu introduċew politika li kienet tagħri privileġġi speċjali u pożizzjonijiet ta' poter lit-Tutsi, minħabba li dawn kellhom aspetti fiżiċi li kienu iżjed simili għal dawk tal-Ewropej. Apparti minn hekk, it-Tutsi kienu jappartjenu għall-klassi soċjali iżjed għanja mill-Ħutu. Minkejja li ż-żewġ gruppi etniċi kienu jħaddnu lingwa, reliġjon u kultura simili, il-politika li kienu jħaddnu l-ħakkiema Belġjani kienet ibbażata fuq il-ħolqien ta' distinzjonijiet soċjali u ekonomiċi bejn iż-żewġ gruppi. L-amministrazzjoni kolonjali kienet imponiet liġi li kienet titlob lill-Irwandani sabiex jirreġistraw l-oriġini etnika tagħhom u ġew introdotti karti tal-identita' speċifikament sabiex il-ħakkiema Belġjani jkunu jistgħu jagħmel differenza bejn persuni taż-żewg gruppi. Fost il-privileġġi li kienu ta' vantaġġ għat-Tutsi wieħed seta' jsib żieda fl-opportunitajiet ta' xogħol b'pagi għoljin u ż-żieda fil-kwalita' tal-edukazzjoni mogħtija. Dan kollu kien fattur illi xpruna l-inugwaljanzi bejn iż-żewġ gruppi etniċi, illi eventwalment kienu eskalaw f'irvellijiet mill-Ħutu li kkaġunaw il-qtil ta' 20,000 Tutsi fis-sena 1959. Ftit snin wara, l-Irwanda kienet iddikjarat l-indipendenza tagħha mill-ħakma Belġjana u l-Ħutu kienu stabbilixxew kontroll fuq il-pajjiż, filwaqt illi eluf ta' Tutsi kienu sforzati li jemigraw 'il barra lejn artijiet fil-qrib, fosthom l-Uganda. Fil-bidu tas-snin digħin, il-qagħda ekonomika tal-Irwanda kienet sejra għall-agħar u għaldaqstant il-komunita' tat-Tutsi fl-Uganda kienet waqqfet il-Front Patrijottiku Rwandan, illi kellhom l-għan illi jirritornaw lura fl-Irwanda sabiex ikunu jistgħu jwettqu kolp ta' stat sabiex jingħeleb il-gvern tal-Ħutu. F'tenattiv sabiex jistabbilixxu kontroll tal-pajjiż, il-Front Patrijottiku Rwandan beda l-invażjoni tiegħu tal-Irwanda fis-sena 1990. Fis-snin ta' wara, il-gvern tal-Ħutu beda kampanja ta' vjolenza kontra t-Tutsi, u eventwalment kien ġie fformat il-grupp militari Interahamwe minn għadd ta' Ħutu estremisti. Is-sitwazzjoni kienet eskalat f'ġenoċidju brutali bejn iż-żewġ gruppi etniċi, illi kien intemm biss wara li l-Front Patrijottiku Rwandan kien mgħejjun minn truppi militari mill-Uganda sabiex jaħtfu lill-belt kapitali, Kigali, u b'hekk it-Tutsi kienu ddikjaraw rebħa u stabbilixxew kontroll mill-ġdid tal-Irwanda. Minħabba f'hekk, madwar 2,000,000 Ħutu kienu emigraw lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fejn għadhom hemmhekk preżentament. Issa, l-istess nies illi wettqu l-Ġenoċidju tal-Irwanda qegħdin jistabbilixxu gruppi ta' ribelli li qegħdin iwettqu ġenoċidju ieħor fuq il-poplu tal-Kongo sabiex jieħdu kontroll tar-riżorsi u l-minerali abbundanti tal-pajjiż. Preżentament, il-ġenoċidju fir-R.D. tal-Kongo għadu qiegħed jikkaġuna ammont mhux magħruf ta' imwiet, persuni feruti u persuni spostati madwar il-pajjiż. L-Iżrael kienet stabbilixxiet kkoperazzjoni b'mod militari mal-Irwanda sa mis-snin sittin, fejn bdiet tieħu sehem fl-esportazzjoni ta' armamenti lejn l-Irwanda filwaqt illi offriet taħriġ militari lit-truppi militari tal-Forzi Difensivi tal-Irwanda. B'mod sigriet, l-Iżrael kienet bdiet tesporta wkoll għadd ta' armamenti lir-ribelli tal-Ħutu maqbudin fl-Uganda fis-snin sebgħin, u baqgħet tieħu sehem fil-bejgħ ta' armamenti kemm lir-ribelli tal-Ħutu u kemm lill-gvern tat-Tutsi. Iktar tard, fost l-armamenti użati waqt il-Ġenoċidju tal-Irwanda kien hemm armi tan-nar, munizzjoni u 'grenades' magħmulin ġewwa l-Iżrael. Matul l-esportazzjoni ta' dawn l-armamenti, l-Iżrael kienet konxja tal-massakri mwettqa kontra t-Tutsi fis-sena 1959 u kienet konxja tal-perikli li kienu qegħdin iġibu magħhom il-qasmiet etniċi fil-pajjiżi. Madanakollu, il-gvern Iżraeljan kien ħa vantaġġ mill-qasmiet etniċi billi beda esportazzjoni ta' armamenti lejn esponenti taż-żewġ grupp etniċi, bejgħ illi kkontribwixxa għall-eskalazzjoni tal-kunflitt. Il-gvern Iżraeljan għadu sal-lum jaħbi u jżomm mistura d-dettalji dwar l-involviment tiegħu fil-Ġenoċidju tal-Irwanda, illi huwa rikonoxxut bħala l-agħar ġenoċidju fis-snin riċenti. Madanakollu, bosta gvernijiet ta' pajjiżi tal-Punent, inkluż l-Iżrael, irrifjutaw u naqsu milli jirrikonoxxu l-massakri bħala ġenoċidju. Preżentament, dawk l-istess ribelli tal-Ħutu li kienu ngħataw armamenti u taħriġ militari mill-Iżrael huma dawk ir-ribelli li jinsabu jiddistabilizzaw lill-qagħda tar-R.D. tal-Kongo.


Il-Ġenoċidju fil-Mjanmar: Fis-sena 1962, fazzjoni mill-forzi militari tal-Mjanmar, magħrufa bħala t-Tatmadaw, kienu orkestraw kolp ta' stat illi kien fisser il-waqa' tal-gvern demokratiku tal-pajjiż u l-installazzjoni ta' ġunta militari li baqgħet fil-poter sas-sena 2011. Fil-bidu, il-ġunta militari kienet immexxija taħt il-Ġeneral Ne Win, illi kien baqa' fil-poter bħala mexxej awtokratiku tal-pajjiż għal perjodu ta' iżjed minn żewġ diċenji. Dan il-perjodu kien ikkaratterizzat minn ksur ta' drittijiet umani, tnawwir tad-demokrazija u ż-żieda ta' tensjonijiet bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż, illi kienet ikkaġunata mill-politika diskriminatorja li kien iħaddan il-ġunta militari. Il-Mjanmar huwa magħmul minn bosta gruppi etniċi li huma mxerrda f'reġjuni speċifiċi fil-pajjiż; fosthom il-grupp etniku tar-Roħinġja, illi huwa meqjus bħala minorita', u l-grupp etniku tal-Burmiżi, illi huwa l-iktar wieħed dominanti fil-pajjiż. L-oriġini tat-tensjonijiet bejn dawn il-gruppi etniċi fil-Mjanmar imorru lura għall-perjodu kolonjali Brittaniku, fejn bħalma kien ġara fl-Irwanda, il-kolonizzaturi bdew iħaddnu politika ta' segregazzjoni razzjali li żergħet il-firda bejn dawn il-gruppi. Din il-politika kienet tinkludi ċensimenti li kienu jiddifferenzjaw bejn il-popolazzjoni tal-kolonja abbażi tar-reliġjon u tal-oriġini etniċi. Ir- Roħinġja huwa grupp bi preżenza twila fil-Mjanmar, iżda dan il-grupp għandu bosta differenzi minn mal-gruppi l-oħrajn; fosthom oriġini etniċi, lingwa u kultura. Minbarra dawn id-differenzi, filwaqt illi l-Mjanmar huwa fil-maġġoranza tiegħu Buddista, ir-Roħinġja jħaddan reliġjon Musulmana, fattur illi baqa' jagħmel lil dan il-grupp iżjed emarġinat u mċaħħad mill-istess drittijiet tal-gruppi l-oħrajn. Il-ħakkiema Brittaniċi naqsu milli jassiguraw illi jipprovdu opportunitajiet ugwali għall-gruppi kollha fil-kolonja u milli jipproteġu lill-minoritajiet fil-pajjiż minn diskriminazzjoni, tant illi l-ħakkiema Brittaniċi kellhom tendenzi li jaħtru mexxejja minn gruppi etniċi speċifiċi biss u billi kienu ħolqu diviżjoni fil-kolonja permezz tal-għotja ta' artijiet speċifiċi lill-gruppi differenti, illi kien fattur li baqa' jixpruna d-differenzi u l-firda bejn il-gruppi fil-kolonja billi ċertu reġjuni kienu iktar vantaġġjati minn oħrajn. Hekk kif il-poplu tal-Mjanmar beda jirreżisti lill-kolonjaliżmu fis-seklu għoxrin, il-Burmiżi kienu ħolqu movimenti Nazzjonalisti li kienu jeskludu lill-minoritajiet bħar-Roħinġja, billi kienu bdew jippromwovu l-viżjoni ta' Mjanmar indipendenti u Buddista; u għalhekk din kienet tfisser esklużjoni għar-Roħinġja li huma Musulmani. Anke wara li l-Mjanmar kiseb l-indipendenza tiegħu fis-snin erbgħin, ir-Roħinġja kienu esklużi milli jirċievu rikonoxximent ta' wieħed mill-gruppi indiġeni tal-pajjiż, kontinwazzjoni tad-diskriminazzjoni li kien isofri dan il-grupp waqt il-perjodu kolonjali. It-tlugħ fil-poter tal-ġunta militari ta' Ne Win kien ifisser iżjed diskriminazzjoni kontra dan il-grupp etniku, tant illi fis-snin tmenin il-ġunta militari kien ressaq 'il quddiem liġi li speċifikament emarġinat u eskludiet lir-Roħinġja mid-dritt taċ-ċittadinanza; b'hekk dawn kienu spiċċaw mingħajr il-protezzjoni tal-istat (state-less) u baqgħet issostni l-idea razzista li r-Roħinġja huma biss 'barranin'.


Kamp tar-refuġjati tar-Roħinġja fil-viċinanzi tal-fruntiera bejn il-Mjnamar u l-Bangladexx.

Id-diskriminazzjoni kontra r-Roħinġja kienet prevalenti waqt il-perjodu tat-tmexxija tal-ġunta militari, u kienet tikkonsisti f'xogħol iebes sforzat, arresti inġusti f'kampijiet tad-detenzjoni u kampanji ta' tindif etniku li kkaġunaw l-ispostjar ta' 'l fuq minn 720,000 Roħinġja u każijiet ta' ksur ta' drittijiet umani. Ir-Roħinġja huma mċaħħda milli jgawdu minn għadd ta' drittijiet u bosta neċessitajiet bażiċi, fosthom id-dritt għall-aċċessibbilita' ta' kura tas-saħħa u edukazzjoni ta' kwalita'. Fis-sena 2017, b'risposta għar-reżistenza li ntweriet minn gruppi militanti tar-Roħinġja, il-forzi militari tal-Mjanmar bdew offensiva brutali kontra l-popolazzjoni tar-Roħinġja fil-pajjiż. Din l-offensiva kienet fissret il-bidu ta' ġenoċidju mdemmi u persekuzzjoni vjolenti kontra dan il-grupp etniku, tant illi f'perjodu ta' xahar sfaw maqtula madwar 7,000 Roħinġja, illi jinkludu 'il fuq minn 700 tifel u tifla taħt l-eta' ta' ħames snin. Waqt din l-offensiva, l-azzjonijiet tat-Tatmadaw kienu jinkludu qtil, tortura, stupru, persekuzzjoni u atti inumani oħrajn illi jinkludu ċ-ċaħda ta' provvisti tal-ikel u mediċini aċċessibbli. Il-forzi tat-Tatmadaw għadha sal-lum il-ġurnata twettaq tindif etniku fir-reġjun, illi jinkludi t-tiksir u l-ħruq ta' insedjamenti u villaġġi tar-Roħinġja bħala parti mill-isforzi tagħhom sabiex iħeġġu u l-emigrazzjoni sforzata tal-popolazzjoni lejn il-Bangladexx, fejn diġa' hemm 740,000 refuġjati Roħinġja bl-għan illi jsibu refuġju mill-azzjonijiet brutali tal-forzi militari tal-Mjanmar. Madanakollu, ir-refuġjati fil-Bangladexx xorta waħda jkollhom jgħixu f'kundizzjonijiet ta' faqar rampanti b'nuqqas ta' neċessitajiet bażiċi u ambjent sanitarju, filwaqt illi xorta waħda jinsabu vulnerabbli għall-ġenoċidju mwettaq mit-Tatmadaw minħabba moviment restritt għar-refuġjati. 'Il fuq minn 4,500 refuġjat jinsab maqbud fil-funtiera bejn il-Bangladexx u l-Mjanmar, fejn huma esposti għar-riskju li jisfgħu maqtula, maħtufa, abbużati, stuprati u ttorturati. Huwa maħsub li fil-Mjanmar għad hemm madwar 600,000 Roħinġja, li jinsabu vulnerabbli għall-ġenoċidju li sas-sena 2018 kien diġa' ikkaġunat madwar 25,000 imwiet. Mis-snin disgħin 'il quddiem, l-Iżrael kien kollaboratur ewlieni tal-ġunta militari tal-Mjanmar, anke fid-dawl tal-inforzar ta' 'embargo' u sanzjonijiet mill-komunita' internazzjonali b'risposta għall-azzjonijiet tal-ġunta. L-armamenti Iżraeljani esportati lejn il-Mjanmar jinkludu vetturi militari, dgħajjes militari, ajruplani militari, tankijiet u armi tan-nar. Minkejja li l-maġġoranza tal-esportazzjoni kienet twettqet bejn is-snin disgħin u l-bidu tas-snin elfejn, huwa mifhum illi fis-snin ħamsin l-Iżrael kienet diġa' esportat 29 ajruplan tat-tip Spitfire lejn il-Mjanmar. Il-bejgħ ta' armamenti Iżraeljani lejn dan il-pajjiż tkompla anke wara l-bidu ta' ġenoċidju mdemmi li għadu għaddej sal-lum, minkejja li l-Iżrael hija konxja tal-atti brutali mwettqa fil-konfront tar-Roħinġja Musulmani; atti li jċaħdu d-drittijiet bażiċi tal-bniedem u li huma meqjusa bħala delitti kontra l-umanita' skont il-liġi internazzjonali. L-appoġġ militari sigriet illi l-Iżrael qiegħda tipprovdi lill-Mjanmar fid-dawl tal-ġenoċidju preżenti huwa tassew inaċċettabbli u kkundannabbli, u rridu niftakru li uħud mill-armamenti f'idejn dawk it-truppi li qegħdin joqtlu b'mod indiskriminat lir-Roħinġja huma armamenti mogħtija mill-Iżrael. Fis-sena 2019, in-Nazzjonijiet Uniti akkużat lill-Iżrael illi kienet waħda mis-seba' pajjiżi li kienet qiegħda tassisti b'mod militari lill-Mjanmar, sentejn sħaħ wara l-bidu tal-massakri tar-Roħinġja. F'dik l-istess sena, kien sar magħruf illi uffiċjali għoljin tal-Mjanmar kienu tħallew iżuru 'expo' tal-armamenti li kienet saret f'Tel Aviv, minkejja li kienu diġa' ġew imposti għadd ta' sanzjonijiet internazzjonali. F'tentattiv ta' appoġġ lill-gvern tal-Mjanmar, il-gvern Iżraeljan kien irrifjuta iktar minn darba li jirrikonoxxi t-twettiq tal-ġenoċidju fuq ir-Roħinġja.


Il-Gwerra Ċivili fl-Etijopja: Fl-aħħar xhur tas-sena 2020, il-gvern Etjopjan taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Abiy Ahmed kien beda offensiva militari brutali fil-konfront tal-grupp etniku magħruf bħala t-Tigraj. Din l-offensiva, bis-sehem tal-forzi militari tal-Etjopja, kienet tnediet bl-għan illi tisforza 'l barra lil dan il-grupp etniku mir-reġjun tat-Tigraj, fl-Etjopja. Il-kaġuni ewlienin għal dan il-kunflitt huma l-inugwaljanzi politiċi, soċjali u ekonomiċi li huma prevalenti bejn il-gruppi etniċi diversi li jabitaw bosta reġjuni differenti ġewwa l-Etjopja; inugwaljanzi illi kienu xprunaw iż-żieda ta' rivalita' u tensjonijiet bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż. L-oriġini għal dawn l-inugwaljanzi jmorru lura għall-perjodu tal-ħakma twila tal-Imperu Etjopjan, illi kien ilu jaħkem lill-Etjopja sa mis-seklu tlettax. Hekk kif il-kontinent Afrikan kien beda jiġi kkolonizzat minn bosta qawwiet kolonjali Ewropej, l-iktar fl-aħħar diċenji tas-seklu dsatax. l-Etjopja kien wieħed mill-ftit pajjiżi fil-kontinent illi kienu rnexxielhom jippreservaw lill-awtonomija tagħhom quddiem l-imperjaliżmu Ewropew. Fis-sena 1895, ir-Renju ta-Italja kien beda l-invażjoni tiegħu ġewwa l-Etjopja, hekk kif il-qawwiet Taljani kellhom l-għan illi jgħelbu lill-monarkija sabiex istabbilixxu kontroll fuq il-pajjiż, u b'hekk ikunu jistgħu jwaqqfu kolonja ġewwa l-Etjopja. Madanakollu, il-poplu Etjopjan kien ingħaqad wara l-monarkija u wera reżistenza persistenti fil-konfront tal-ambizzjonijiet kolonjali li kellu r-Renju tal-Italja; reżistenza li kienet illi laħqet il-quċċata tagħha waqt il-magħrufa Battalja ta' Adowa fis-sena 1896. F'din il-battalja, il-perseveranza tal-poplu Etjopjan kienet waslet sabiex ġew megħluba l-forzi Taljani, illi b'mod umiljanti kienu sfaw telliefa wara sensiela ta' konfronti militari bejnhom u bejn il-forzi reżistivi li kienu taħt it-tmexxija tal-Imperatur Menelik II. Ir-rebħa tal-Imperu Etjopjan fuq ir-Renju tal-Italja kienet assigurat il-preservazzjoni tal-awtonomija tal-poplu tal-Etjopja. Matul il-perjodu tal-ħakma tal-Imperu Etjopjan, bosta imperaturi kienu introduċew miżuri u riformi li kellhom l-għan illi jgħaqqdu lill-gruppi etniċi preżenti fl-pajjiż taħt identita' nazzjonali komuni. Minkejja li dawn il-miżuri u riformi kellhom l-għan illi jippromwovu għaqda bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż, sabiex jipprevjenu l-possibbilita' ta' instabbilita' li setgħet tiġi kkaġunata miż-żieda ta' tensjonijiet etniċi fir-reġjuni, l-introduzzjoni ta' dawn il-miżuri u riformi kienet fissret il-bidu ta' diskriminazzjoni istituzzjonalizzata mill-mexxejja imperjali. Din id-diskriminazzjoni kienet evidenti f'diversi oqsma fl-Etjopja, u kienet tikkonsisti f'inugwaljazni politiċi, soċjali u ekonomiċi. F'pajjiż fejn m'hemmx abbundanza ta' riżorsi naturali u minerali prezzjużi bħalma hemm fil-kumplament tal-kontinent Afrikan, il-popolazzjoni kienet totalment dipendenti fuq l-agrikultura u fuq is-sjieda tal-art bħala mezzi ta' għajxien u ta' dħul finanzjarju. Matul iż-żmien, il-politika li tħaddnet minn uħud mill-imperaturi li ħakmu lill-Etjopja kienet fissret illi uħud mir-reġjuni fil-pajjiż kienu ġew vantaġġjati fuq oħrajn, hekk kif żewġ gruppi etniċi, it-Tigraj u tal-Amħara, kienu ngħataw vantaġġ sinifikanti fuq gruppi etniċi oħrajn, hekk kif familji aristokratiċi li kienu jappartjenu għall-gruppi etniċi tat-Tigraj u l-Amħara kellhom kontroll fuq is-sjieda tal-maġġoranza tal-artijiet mifruxa mla-pajjiż; u għaldaqstant din l-inugwaljanza kienet tfisser illi r-reġjuni ppopolati mit-Tigraj u l-Amħara kienu iżjed influwenti fl-oqsma politiċi tal-pajjiż, bħalma kienu l-qorti imperjal, il-militar u l-amministrazzjoni. Minħabba f'hekk, dawn ir-reġjuni kellhom qagħda ekonomika li kienet iżjed b'saħħitha minn ta' reġjuni oħrajn illi kienu ppopolati minn gruppi etniċi differenti. Fl-istess waqt, filwaqt illi l-kulturi u l-lingwi tat-Tigraj u tal-Amħara kienu ngħataw rikonixxment uffiċjali mill-Imperu Etjopjan, il-kulturi u l-lingwi tal-gruppi etniċi oħrajn preżenti fil-pajjiż kienu ġew emarġinati u oppressati b'mod istituzzjonalizzat. Din sitwazzjoni kienet fissret illi l-identitajiet tat-Tigraj u tal-Amħara kienu ngħataw preċedenza fuq l-indentitajiet tal-gruppi etniċi oħrajn fl-Etjopja, sitwazzjoni li kienet ikkaġunat eġemonija kulturali.


Ir-reġim tad-Derg kien irċieva għajnuna militari sostanzjali mingħand l-Iżrael, illi kienet tikkonsisti f'bejgħ ta' armamenti u taħriġ militari lit-truppi tar-reġim. L-istess għajnuna militari għadha tingħata lill-Prim Ministru Abiy Ahmed, illi huwa akkużat illi b'ġenoċidju kontra l-grupp etniku tat-Tigraj.


Hekk kif l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni fost il-gruppi etniċi fl-Etjopja kienu baqgħu prevalenti, it-tensjonijiet u r-rivalita' bejn il-popolazzjoni Etjopjana kienet baqgħu jgħollu rashom u jiħraxu, l-iktar waqt l-okkupazzjoni Taljana bejn is-snin 1936 u 1941. Hekk kif ir-Renju tal-Italja kien diġa' jippossjdi tliet kolonji Taljani fl-Afrika, il-qawwiet Taljani baqgħu juru interess illi jistabbilixxu kolonja Taljana ġewwa l-Etjopja, minħabba li dan il-pajjiż jinsab f'pożizzjoni bejn l-Eritrea u s-Somalja, illi diġa' kienu żewġ kolonji Taljani. Għalhekk, fis-sena 1936, l-Italja Faxxista kienet nediet l-invażjoni ġewwa l-Etjopja, illi mmarkat il-bidu ta' okkupazzjoni li baqgħet sejra għal perjodu ta' ħames snin. Waqt din l-okkupazzjoni, l-Etjopja kienet ġiet amalgamata mas-Somalja u mal-Eritrea sabiex setgħet ġiet ifformata kolonja waħda bl-isem ta' Afrika tal-Ilvant Italjana. Matul dan il-perjodu, l-imperatur Haile Selassie kien ġie eżiljat u għaldaqstant l-okkupanti Taljani kienu stabbilixxew kontroll fuq l-Etjopja. Matul l-okkupazzjoni, l-okkupanti Taljani kienu bdew joppressaw il-lingwi u l-kulturi tal-gruppi etniċi fl-Etjopja billi jisforzaw il-lingwa u l-kultura Italjana fuq il-popolazzjoni, filwaqt illi bdew jamministraw lill-kolonja permezz ta' tattiċi magħrufa bħala 'divide and rule', billi kienu bdew jintroduċu iżjed riformi u miżuri li kkaġunaw iżjed firda fost il-gruppi etniċi bħala mezz sabiex iżommu l-poter fil-pajjiż. Il-ħakkiema Taljani introduċew propaganda diviża sabiex iħeġġu iżjed diżgwid bejn ir-reġjuni u kienu bdew jivvantaġġjaw gruppi etniċi li kienu iżjed servili lejn il-ħakkiema Taljani, dan għad-detriment ta' gruppi etniċi oħrajn illi kienu qegħdin juru iżjed reżistenza. Matul l-okkupazzjoni, reġjuni ppopolati minn gruppi etniċi bħall-Oromo u s-Sidama kienu bdew igawdu minn iżjed attivita' ekonomika u ngħataw pożizzjonijiet għoljin fit-tmexxija tal-kolonja, minħabba li dawn iż-żewġ gruppi kienu iżjed leali lejn l-okkupazzjoni, filwaqt illi gruppi etniċi oħrajn kienu ġew iddiskriminati għal kollox. Eventwalment, il-kolonji Taljani fl-Ilvant tal-Afrika kienu kkollassaw fis-sena 1941 wara kampanja reżistiva li kienet suċċess, u b'hekk l-Etjopja kienet mill-ġdid amministrata mill-Imperu Etjopjan. Fis-sena 1974, fazzjonijiet u attivisti xellugin fil-pajjiż kienu bdew jorganizzaw sensiela ta' demostrazzjonijiet kontra l-monarkija Etjopjana u s-sistema fewdali li biha kien għadu amministrat il-pajjiż, illi kienu laħqu l-quċċata tagħhom waqt kolp ta' stat illi kien sar fl-istess sena li fisser it-tmiem tal-ħakma monarkika fil-pajjiż. Mal-waqa' tal-ħakma tal-Imperatur Selassie, l-Etjopja kienet bdiet tiġi amministrata minn reġim Marxista-Leninista magħruf bħala d-Derg. Ir-reġim tad-Derg, immexxi mill-Kurunell Mengistu Haile Miriam, kien beda jintroduċi miżuri u riformi bl-għan illi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni li kienet prevalenti fost il-gruppi etniċi fil-pajjiż; billi introduċa riformi fit-tqassim tal-artijiet, elimina d-distinzjonijiet bejn il-gruppi etniċi u r-reġjuni tagħhom u billi rrevoka l-privileġġi li kellhom l-aristokraziji u n-nobbli tat-Tigraj u l-Amħara. Mat-tlugħ tar-reġim tad-Derg fil-poter, s-soċjeta' tal-Etjopja kienet bdiet tittrasforma lilha nfisha bħala soċjeta' Komunista, u b'hekk fis-sena 1987, ir-reġim tad-Derg kien ipproklama t-twaqqif tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Etjopja (P.D.R.E.). Hekk kif l-Etjopja kienet qiegħda tagħmel tranżizzjoni lejn l-Komuniżmu, l-identitajiet u l-kulturi tal-gruppi etniċi kienu bdew jiġu oppressati mir-reġim tad-Derg, illi kellu l-ħsieb illi jgħaqqad il-popolazzjoni kollha taħt l-ideali komuni tal-Komuniżmu. B'reazzjoni għal din l-oppressjoni, bosta gruppi etniċi bħat-Tigraj, l-Amħara u l-Oromo kienu ħolqu grupp militanti sabiex jirreżistu lir-reġim tad-Derg waqt il-Gwerra Ċivili tal-Etjopja, illi kienet intemmet fis-sena 1991 mal-kollass tar-reġim tad-Derg. Għaldaqstant, it-tmexxija tal-pajjiż kienet għaddiet f'idejn il-Front Demokratiku Revoluzzjonarju tal-Poplu tal-Etjopja (E.P.R.D.F), illi kienet koalizzjoni ta' partiti politiċi li kienu jappartjenu għall-gruppi etniċi Etjopjani. F'dan il-perjodu, il-Front tal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigraj (T.P.L.F.) kien stabbilixxa pożizzjoni politika dominanti fit-tmexxija tal-pajjiż, illi kienet tfisser l-introduzzjoni ta-sistema ta' federaliżmu etniku fit-tmexxija politika tal-pajjiż, illi kienet baqgħet prevalenti sas-sena 2018. F'dik is-sena, il-Prim Ministru Abiy Ahmed kien elimina s-sistema ta' federaliżmu etniku u beda jagħmel tentattivi sabiex inaqqas u jdgħajjef il-poter politiku li kellhom ċerti gruppi etniċi, fosthom it-Tigraj.


Minħabba l-gwerra fir-reġjun tat-Tigraj, iżjed minn 4,380,000 persuna kienet sfat refuġjata.

Hekk kif il-grupp etniku tat-Tigraj kien beda jiġi iżjed emarġinat mix-xena politika tal-Etjopja, it-tensjonijiet bejn il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Ahmed u bejn it-T.P.L.F. kienu baqgħu jippersistu, sitwazzjoni li kienet eskalat hekk kif il-grupp etniku tat-Tigraj kien baqa' jirreżisti t-tentattivi tal-gvern ċentrali sabiex jiċċentralizza l-poter tar-reġjuni tal-pajjiż, illi kienet tfisser tnaqqis fl-awtonomija diġa' restritta li kienet disponibbli għal dawn ir-reġjuni. It-T.P.L.F., li kien forza politika b'saħħitha fil-gvern ta' koalizzjoni tal-E.P.R.D.F., ra lill-influwenza tiegħu tiddgħajjef taħt it-tmexxija ta' Ahmed, illi kien beda jopponi d-dominanza li kellu l-grupp etniku tat-Tigraj fuq il-kumplament tal-gruppi etniċi l-oħra fil-pajjiż. It-tensjonijiet bejn il-gvern ċentrali u t-T.P.L.F. kienu baqgħu jiħraxu hekk kif bdew joqorbu l-elezzjonijiet ġenerali tas-sena 2020, l-iżjed minħabba nuqqas ta' qbil dwar riformi politiċi, governanza, u kwistjonijiet relatati mal-federaliżmu etniku u l-awtonomija tar-reġjuni tal-pajjiż. It-tensjonijiet kienu laħqu l-quċċata tagħhom meta l-gvern kien ippospona l-elezzjonijiet ġenerali, deċiżjoni li kienet ġiet deskritta bħala waħda mhux kostituzzjonali mill-oppożizzjoni u għaldaqstant kienet ikkaġunat kriżi politika fil-pajjiż. B'reazzjoni għall-posponiment tal-elezzjonijiet, it-T.P.L.F. kienet xorta waħda organizzat l-elezzjonijiet fir-reġjun tat-Tigraj; deċiżjoni li kienet ġiet meqjusa mill-gvern ċentrali bħala dikjarazzjoni ta' gwerra. Min-naħa tiegħu, il-gvern ċentrali kien beda jwettaq sensiela ta' arresti u t-tkeċċija ta' individwi li kienu f'pożizzjonijiet politiċi jew fil-militar; jekk ikun instab illi dawn kienu assoċjati mat-T.P.L.F. jew ma' fazzjonijiet oħrajn tal-oppożizzjoni. Dawn l-azzjonijiet kienu fost it-tentattivi sabiex il-poplu tat-Tigraj jiġi ddiskriminat għal kollox b'mod istituzzjonalizzat mill-gvern ċentrali. Fl-istess waqt, il-gvern ċentrali kien beda jillimita d-dħul ta' riżorsi u servizzi lejn ir-reġjun tat-Tigraj permezz ta' imblokk illi kien beda jaffettwa d-dħul ta' riżorsi bażiċi bħal ikel, xorb u mediċini, filwaqt illi l-aċċessibbilita' għal servizzi ta' komunikzzjoni kienet ingħalqet għal kollox. Hekk kif grupp ta' militanti assoċjati mat-T.P.L.F. kienu bdew jattakkaw bażijiet militari tal-gvern ċentrali, il-Prim Ministru Ahmed kien ordna lill-forzi militari tal-pajjiż sabiex jibdew offensiva militari fir-reġjun tat-Tigraj, illi kienet fissret il-bidu ta' okkupazzjoni brutali li għadha għaddejja preżentament fir-reġjun. Eventwalment, l-Eritrea kienet iddikjarat illi kienet se tassisti lill-gvern Etjopjan fl-offensiva tiegħu, hekk kif truppi mill-Eritrea kienu bdew l-invażjoni tagħhom fir-reġjun. L-offensiva militari kkaġunat 378,000 imwiet, illi ġew ikkawżati minn vjolenza relatat mal-kunflitt jew minħabba nuqqas ta' aċċess għal riżorsi; nuqqas illi kkaġuna ġuħ rampanti u mwiet relatati man-nuqqas ta' ammont suffiċjenti ta' mediċini. Huwa maħsub illi 13,000,000 persuna għadha qiegħda tinsab f'qagħda ta' faqar estrem, tant illi teħtieġ għajnuna umanitarja sabiex ikollha aċċess għal ikel u xorb. Huwa maħsub illi wieħed minn kull tliet itfal fir-reġjun huma mitmugħa ammont ta' ikel mhux suffiċjenti. Il-kriżi umanitarja fir-reġjun ikkaġunat l-ispostjar ta' iżjed minn 4,380,000 persuna li spiċċaw refuġjati fil-pajjiżi tal-madwar sabiex jaħarbu mill-kunflitti armati u fil-persekuzzjoni fir-reġjun. Il-gvernijiet tal-Etjopja u tal-Eritrea huma akkużati b'reati kontra l-umanita', illi jinkludu saħansitra massakri u ġenoċidji li qegħdin jitwettqu bħala parti mit-tentattivi tat-tmexxija ta' Ahmed sabiex iwettaq kampanji ta' tindif etniku fir-reġjun. Minkejja li l-gwerra fir-reġjun kienet intemmet fis-sena 2022, wara li kien tfassal ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn il-gvern Etjopjan u t-T.P.L.F., it-truppi Eritreani għadhom qegħdin jokkupaw lir-reġjun tat-Tigraj; sitwazzjoni li ġiet deskritta bħala tentattiv mill-Eritrea sabiex tannessa lir-reġjun. Il-grupp etniku tat-Tigraj għadu sal-lum imċaħħad minn aċċess għal għajnuna umanitarja minħabba imblokk mit-truppi Eritreani. Minħabba l-okkupazzjoni, il-popolazzjoni li għadha tgħix fir-reġjun tat-Tigraj għadha esposta għal każijiet ta' vjolenza u ksur ta' drittijiet umani li qegħdin jitwettqu mit-truppi Eritreani, illi huma responsabbli għal atti brutali bħal qtil, torturi, stupri, arresti inġusti u t-tkissir ta' insedjamenti.


Matul is-snin, gvernijiet Iżraeljani ma kinux qagħdu lura milli jipprovdu l-appoġġ militari tagħhom lil gvernijiet fil-kontinent Afrikan bl-għan illi jespandu l-interessi tagħhom fil-kontinent, u għaldaqstant l-Etjopja kienet fost dawk il-pajjiżi li ġew vantaġġjati b'mod militari mill-Iżrael. Il-kollaborazzjoni militari bejn l-Iżrael u l-Etjopja kienet ingħatat bidu fis-snin sittin, hekk kif kienet faqqgħet il-Gwerra Eritreana għall-Indipendenza. Matul dan il-perjodu, l-Iżrael kien ipprovda taħriġ militari, biegħ bosta armamenti u kien beda jassisti lill-Imperu Etjopjan fil-kampanji mdemmija tiegħu sabiex joppressa lil movimenti Eritreani li kienu bdew jikkampanjaw għall-indipendenza tal-Eritrea minn mal-Etjopja, fosthom il-Front Eritrean għal-Liberazzjoni (E.L.F.). Fis-sena 1966, fl-Etjopja kien hemm preżenza ta' xejn inqas minn 100 konsulent militari Iżraeljan. Fis-snin sebgħin, il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kienet baqgħet għaddejja anke wara t-tlugħ tar-reġim tad-Derg, minkejja li l-Etjopja kienet irrinunzjat l-appoġġ tagħha lill-Iżrael wara l-Gwerra ta' Yom Kippur fis-sena 1973. Għall-Iżrael, l-għajnuna tiegħu lill-Etjopja kienet ta' vantaġġ politiku, hekk kif il-pożizzjoni ta' dan il-pajjiż kienet tfisser illi pajjiżi Għarab ostili għall-Iżrael ma setgħux jeżerċitaw kontroll sħiħ fuq il-Baħar l-Aħmar. Waqt il-kunflitt militari bejn is-Somalja u l-Etjopja bejn is-snin 1977 u 1978, l-Iżrael mill-ġdid kien l-esportatur ewlieni ta' tagħmir militari għall-Etjopja, illi kien jinkludi armamenti, ajruplani militari u vetturi militari. Fis-sena 1978, wara li l-gvern Iżraeljan kien ammetta li kien qiegħed jipprovdi din l-assistenza, ir-reġim tad-Derg kien issosspenda lill-konsulenti Iżraeljani bl-għan illi jippreserva r-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi Għarab, iżda l-għajnuna militari mill-Iżrael kienet xorta waħda baqgħet għaddejja minn wara l-kwinti. Fis-snin tmenin, l-Etjopja kienet irċievet għajnuna militari b'valur ta' iżjed minn 103,000,000 Dollaru Amerikan, illi kienet tinkludi bejgħ ta' munizzjoni u armamenti, flimkien mal-għotja ta' 300 konsulent militari. F'dan il-perjodu, 38 pilota mill-Etjopja kien ingħata taħriġ militari ġewwa l-Iżrael, filwaqt illi fil-bidu tas-snin disgħin, ftit snin biss qabel il-waqa' tar-reġim tad-Derg ta' Mengistu, il-forzi militari Etjopjani kienu baqgħu jingħataw iżjed armamenti, fosthom 150,000 arma tan-nar u ammont mhux magħruf ta' bombi u missilli. Fi snin riċenti, l-Iżrael baqgħet tassisti lill-Etjopja bil-bejgħ ta' 'drones' militari, illi kienu fost it-tagħmir militari mogħti mill-Iżrael li b'mod evidenti kienu ntużaw riċentament mit-truppi Etjopjani waqt l-offensiva militari fir-reġjun tat-Tigraj. Filwaqt illi l-Iżrael kellha tipprovdi għajnuna militari lill-Etjopja, l-Etjopja min-naħa tagħha kellha tassisti lill-Iżrael fl-operazzjonijiet tagħha sabiex tiġi trasportata l-popolazzjoni Lhudija f'dan il-pajjiż għal ġol-Iżrael, bħala parti mit-twettiq tal-proġett Żijonista. Permezz ta' dawn il-ftehimiet, bejn is-snin 1984 u 1991, iżjed minn 25,000 Etjopjan Lhudi kien ġie trasferit lejn l-Iżrael, filwaqt illi waqt il-perjodu tal-kunflitt armat fir-reġjun tat-Tigraj, kienu ġew trasportati 2,000 Etjopjan Lhudi ieħor lejn l-Iżrael, bi ftehim bejn il-gvern Etjopjan u l-gvern Iżraeljan.


Il-Gwerra Ċivili fil-Jemen: Il-Gwerra Ċivili Jemenita, li kienet ingħatat bidu fis-sena 2014, ġiet meqjusa ta' spiss bħala l-agħar kriżi umanitarja ta' żmienna. Iżda biex wieħed ikun jista' jifhem din is-sitwazzjoni traġika u kkumplikata, wieħed għandu jifli l-oriġini tal-kunflitt armat, illi jmorru lura għall-perjodu tal-preżenza kolonjali fil-pajjiż. Minħabba l-qagħda strateġika tagħha fil-parti t'isfel tal-Peniżola Għarbija, illi tinsab bejn ir-rotot marittimi importanti tal-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan, bosta qawwiet kolonjali u superpotenzi kienu bdew jistabbilixxu kolonji jew jistabbilixxu influwenza politika fil-Jemen; fosthom kien hemm l-Imperu Brittaniku u l-Imperu Ottoman. Il-preżenza ta' dawn iż-żewġ qawwiet kolonjali kienet fissret il-bidu ta' firda politika fil-Jemen, hekk kif filwaqt illi t-Tramuntana tal-pajjiż kienet ilha kkolonizzata mill-Imperu Ottoman sa mis-seklu sittax, in-Nofsinhar tal-pajjiż kien waqa' f'idejn l-Imperu Brittaniku fis-sena 1839, is-sena li fiha kienet ġiet stabbilita Protettorat Brittaniku fil-port ta' Aden, illi eventwalment kienet saret kolonja. L-interessi politiċi u l-attivitajiet kummerċjali tal-Imperu Brittaniku fil-Baħar l-Aħmar u l-Jemen kienu ġew intensifikati sostanzjalment fis-sena 1869, minħabba l-ftuħ tal-Kanal ta' Swejż fl-Eġittu f'dik is-sena, illi kienet xprunat lill-Brittaniċi sabiex jespandu t-territorju tagħhom lil hinn mill-port ta' Aden, u eventwalment stabbilixxew protettorati fin-Nofsinhar tal-Jemen. Permezz ta' din l-espansjoni, il-Brittanċi setgħu jipproteġu iżjed lill-interessi tagħhom fir-reġjun minn imperi rivali bħall-Imperu Ottoman, illi kellu preżenza fit-Tramuntana tal-Jemen. Mat-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija, fis-sena 1918 kienet intemmet ukoll il-ħakma Ottomana fit-Tramuntana tal-Jemen, illi kien tfaċċa bħala pajjiż awtonomu b'monarkija, u b'hekk kien twaqqaf l-Imperu Mutawakkalit tal-Jemen. Fin-Nofsinhar tal-Jemen, illi sadanittant kien baqa' kolonja Brittanika, il-poplu Jemenit kien beda jitlob għal iżjed awtonomija. Kien għalhekk illi maż-żmien dawn il-protettorati kienu bdew jikkonsistu fi ħmistax-il stat maqgħuda taħt federazzjoni waħda fis-sena 1962 magħrufa bħala l-Federazzjoni tal-Arabja t'Isfel, filwaqt illi sitt stati oħrajn kienu ingħaqdu taħt il-Protettorat tal-Arabja t'Isfel; żewġ entitajiet separati iżda xorta waħda taħt l-Imperu Brittaniku. Fis-sena 1963, il-poplu Jemenit kien beda jirribella kontra l-ħakma Brittanika permezz tat-twaqqif ta' movimenti xellugin u anti-imperjalisti bħal-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni (N.L.F.) u l-Front għal-Liberazzjoni tan-Nofsinhar tal-Jemen Okkupata (F.L.O.S.Y.), illi eventwalment kienet waslet sabiex l-entitajiet kolonjali separati fin-Nofsinhar tal-Jemen kienu ġew amalgamati f'pajjiż awtonomu wieħed magħruf bħala r-Repubblika tan-Nies tan-Nofsinhar tal-Jemen, illi kiseb l-indipendenza tiegħu mill-ħakma Brittanika fis-sena 1967 u twaqqaf bħala stat Marxista-Leninista. Fis-sena 1962, kolp ta' stat fit-Tramuntana tal-Jemen kien ikkaġuna l-bidu tal-Gwerra Ċivili tat-Tramuntana tal-Jemen, illi kienet waslet għat-twaqqif tar-Repubblika Għarbija tal-Jemen f'dik l-istess sena u għall-waqa' tal-Imperu Mutawakkalit fis-sena 1970. Ir-revoluzzjonarji Jeminiti li kienu ġġieldu kontra l-Imperu Mutawakkalit fit-Tramuntana u iktar tard kontra l-ħakma Brittanika fin-Nofsinhar, kienu ispirati mill-ideoloġija tal-pan-Arabiżmu u ammiraturi tal-mexxej Eġizzjan Nasser, illi kien waqqaf ir-Repubblika Għarbija Unita fl-1958 bl-għan illi jgħaqqad lid-dinja Għarbija. Kien għalhekk illi matul il-Gwerra Ċivili fit-Tramuntana tal-Jemen, dawn ir-revoluzzjonarji kienu bdew jiġu mgħejjuna b'mod militari mill-Eġittu. Fil-perjodu tal-Gwerra l-Bierda, kienu ġew stabbiliti differenzi kruċjali bejn iż-żewġ pajjiżi Jemeniti, hekk kif filwaqt illi l-Jemen tat-Tramuntana kienet allineata mal-Punent, il-Jemen tan-Nofsinhar kienet allineata mal-Ilvant. Minbarra d-differenza fl-alleanzi tagħhom, iż-żewġ pajjiżi kellhom bosta karatteristiċi distinti; filwaqt illi l-Jemen tat-Tramuntana kienet soċjeta' Kapitalista u b'ekonomija bbażata fuq attivitajiet agrarji, il-Jemen tan-Nofsinhar kienet soċjeta' Komunista u b'ekonomija ċentralizzata. Matul iż-żmien, iż-żewġ pajjiżi kienu nvoluti fi gwerer u kunflitti armati ma' xulxin bl-appoġġ tal-alleati rispettivi tagħhom mill-Punent jew mill-Ilvant, illi kienu kkaġunaw għadd ta' diffikultajiet ekonomiċi għaż-żewġ pajjiżi. Eventwalment, dawn id-diffikultajiet kienu waslu għall-ħolqien ta' sentimenti Nazzjonalisti fi ħdan il-poplu Jemenit, u għalhekk iż-żewġ pajjiżi bdew jesprimu l-ambizzjonijiet tagħhom sabiex il-Jemen tiġi amalgamata f'pajjiż wieħed permezz tal-unifikazzjoni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Jemen.


Minkejja l -unifikazzjoni taż-żewġ stati Jemeniti, il-firda bejn in-naħat ta' fuq u t'isfel tal-Jemen hija xorta waħda prevalenti.

Ix-xewqa għall-unifikazzjoni taż-żewġ pajjiżi kienet xprunata l-iżjed minħabba fatturi politiċi u ekonomiċi fiż-żewġ pajjiżi. Hekk kif il-Gwerra l-Bierda kienet qiegħda tintemm u l-Unjoni Sovjetika kienet bdiet tikkollassa, l-istat Komunista fil-Jemen tan-Nofsinhar kien beda jsofri minn ekonomija staġnata u kien qiegħed isib diffikulta' sabiex jibqa' jikkonserva s-sistema politika tiegħu wara gwerra ċivili fil-pajjiż illi kienet saret fis-sena 1986. Min-naħa l-oħra, il-Jemen ta' Fuq kien ukoll għaddej minn bosta diffikultajiet ekonomiċi, illi kienu xprunati mill-instabbilita' politika li kienet prevalenti fil-pajjiż wara sensiela ta' attentati sabiex jitwettaq kolp ta' stat fil-pajjiż minn bosta fazzjonijiet militari. Minbarra dawn id-diffikultajiet, iż-żewġ pajjiżi kienu bdew jesperjenzaw il-qawmien ta' bosta movimenti Nazzjonalisti li bdew isejħu għall-unifikazzjoni tal-poplu Jemenit. Iż-żewġ pajjiżi kienu ngħaqdu sabiex setgħet ġiet ifformata r-Repubblika tal-Jemen fis-sena 1990. Il-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi għall-unifikazzjoni kien intlaħaq bi qbil bejn iż-żewġ mexxejja Jemeniti Ali Abdullah Saleh u Ali Salim al-Beidh, illi kienu l-Presidenti tal-Jemen tat-Tramuntana u tal-Jemen tan-Nofsinhar rispettivament. Fis-sena 1993, Saleh kien ġie elett bħala l-ewwel President tar-Repubblika tal-Jemen f'elezzjoni demokratika li kienet saret f'dik is-sena. Minkejja li kien hemm it-tama li l-unifikazzjoni kienet se ġġib magħha għaqda fost il-poplu Jemenit, fis-sena 1994 kienet faqqgħet il-Gwerra Ċivili Jemenita, illi kienet ikkaġunata minħabba l-inugwaljanzi politiċi u ekonomiċi li kienu għadhom prevalenti bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż. Gruppi xellugin u separatisti min-Nofsinhar tal-pajjiż kienu bdew iħeġġu għall-firda mill-ġdid tal-pajjiż, hekk kif il-poplu fin-Nofsinhar tal-pajjiż kien beda jiġi emarġinat politikament u żvantaġġjat ekonomikament, u għaldaqstant fis-sena 1994 kien twaqqaf stat-separatista fin-Nofsinhar tal-pajjiż; ir-Repubblika Demokratika tal-Jemen, illi kien infired mill-kumplament tal-pajjiż. It-twaqqif ta' dan l-istat kien wassal għall-bidu ta' kampanji ta' oppressjoni u massakri tax-xellugin fil-pajjiż, u għaldaqstant l-ambizzjonijiet għall-firda mill-ġdid fil-Jemen kienet ġiet suppressata. Din il-gwerra ċivili, illi kkaġunat 'il fuq minn 10,000 imwiet, kellha bosta implikazzjonijiet negattivi fuq il-pajjiż, u kienet il-prekursur ta' gwerra ċivili oħra li faqqgħet għoxrin sena wara, fis-sena 2014. Preżentament, din il-gwerra ċivili għadha għaddejja. Il-kaġun ewlieni għal din il-gwerra ċivili kienu s-sensiela ta' protesti u l-qawmien ta' movimenti rivoluzzjonarji li kienu ispirati mir-Rebbiegħa Għarbija, u għaldaqstant fis-sena 2011 kien ingħata bidu għar-Rivoluzzjoni tal-Jemen; hekk kif il-poplu Jemenit kien beda jsejjaħ għal riformi fil-governanza, riformi kontra l-korruzzjoni u titjib fl-għajxien tiegħu. Il-firda bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Jemen ukoll kellha rwol importanti f'dawn il-protesti, hekk kif bosta movimenti separatisti, fosthom il-Ħirak, kienu qegħdin isejħu għall-għotja mill-ġdid ta' awtonomija, u għalhekk qasma mill-ġdid fil-Jemen, hekk kif il-poplu Jemenit tan-naħa t'isfel kien baqa' jħossu iżjed emarġinat mill-gvern ċentrali. Ir-Rivoluzzjoni kienet ikkaġunat il-bidu ta' kriżi politika, tant illi fis-sena 2012, il-gvern tal-President Saleh kien ikkollassa u għaldaqstant it-tmexxija tal-pajjiż kienet għaddiet f'idejn Abd-Rabbu Mansour Hadi, illi baqa' fil-pożizzjoni sas-sena 2022. Hekk kif il-pajjiż kien għadu f'qagħda instabbli minħabba l-movimenti separatisti fin-Nofsinhar tal-pajjiż, il-grupp militanti magħruf bħala l-'Houthi' kien tfaċċa bħala moviment ribelluż influwenti fil-pajjiż. Fis-sena 2014, il-'Houthi' kien wettaq kolp ta' stat bħala attentat sabiex jieħu f'idejh il-poter, illi fissret il-bidu ta' battalja mal-gvern ta' Hadi f'attentat sabiex jaħtaf lil Sanaa, il-belt kapitali tal-Jemen. Fis-sena 2015, il-'Houthi' kienu rriżultaw rebbieħa u għaldaqstant kienu stabbilixxew kontroll mhux biss ta' Sanaa imma saħansitra kienu stabbilixxew kontroll tat-territorju kollu tat-Tramuntana tal-Jemen, illi b'mod de-facto timplika li preżentament il-governanza fil-Jemen tinsab mill-ġdid mifruda, minkejja li l-gvern Jemenit għadu jisħaq illi t-territorju totali tar-Repubblika tal-Jemen hija b'mod de-jure taħt it-tmexxija tiegħu. Madanakollu, il-gvern Jemenit ġie sforzat sabiex jamministra lill-parti 'isfel biss tal-pajjiż, fejn hemmhekk qiegħed jiltaqa' ma' oppożizzjoni mingħand movimenti separatisti li qegħdin isejħu għall-indipendenza tan-Nofsinhar tal-Jemen; bl-iżjed moviment dominanti minnhom ikun il-Kunsill Tranżizzjonali tan-Nofsinhar (S.T.C.), illi minbarra li qiegħed jitlob għall-qasma mill-ġdid fil-Jemen, qiegħed ukoll jopponi lill-preżenza tal-'Houthi' fit-Tramuntana tal-Jemen. Għaldaqstant, mis-sena 2014 'il quddiem, il-Jemen baqa' kontinwament maqbud f'kunlitt armat bejn il-gvern Jemenit, 'Houthi' u l-S.T.C.; sitwazzjoni li mhux irriżultat f'kunflitt imdemmi iżda anke kkaġunat dik illi ġiet meqjusa min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja. Preżentament, il-Gwerra Ċivili tal-Jemen ikkaġunat l-imwiet ta' madwar 400,000 persuna, u huwa stmat illi 295,000 persuna minnhom kienu tfal taħt l-eta' ta' ħames snin illi mietu minħabba l-ġuħ rampanti li qiegħed jaħkem lill-pajjiż. Huwa maħsub illi 65% tal-popolazzjoni Jemenita, 'il fuq minn 18,000,000 persuna, tinsab f'kundizzjonijiet ta' faqar estrem, u għaldaqstant m'għandhomx aċċess sigur għal riżorsi bażiċi bħal ikel, xorb u akkomodazzjoni, primarjament minħabba l-imblokk kontra l-'Houthi' fit-Tramuntana tal-Jemen. Minbarra n-nuqqas ta' riżorsi bażiċi, il-poplu Jemenit jinsab ukoll mhedded mill-firxa ta' mard u epidemiji fil-pajjiż, tant illi fis-sena 2017, kienu ġew irrapportati iżjed minn 200,000 każ ta' kolera. Sas-sena 2016, il-kunflitt armat kien diġa' wassal għall-ispostjar ta' iżjed minn 2,400,000 persuna, b'120,000 minnhom ikollhom isibu refuġju 'l barra mill-pajjiż. Minħabba n-nuqqas ta' mediċini, huwa stmat illi iżjed minn 9,800,000 persuna tinsab imċaħħda milli taċċessa mediċini u kura meħtieġa. Hekk kif il-kunflitt armat qiegħed jibqa' jeskala, il-kriżi umanitarja fil-Jemen baqgħet waħda prevalenti u perikoluża għall-popolazzjoni Jemenita.


In-Nazzjonijiet Uniti u diversi gruppi ewlenin favur tid-drittijiet tal-bniedem qegħdin jiddiskutu il-possibbilta' li setgħu twettqu delitti kontra l-umanita' mill-Arabja Sawdita u mill-Emirati Għarab Maqgħuda matul kampanji ta' bumbardamenti bl-ajru fuq insedjamenti fit-Tramuntana tal-Jemen.


Minħabba allegazzjonijiet illi l-grupp militanti 'Houthi' huwa alleat tal-Iran, il-preżenza kontinwa ta' dan il-grupp militanti kienet bdiet tiġi meqjusa bħala theddida għal waħda mir-rivali ewlenin tal-Iran fir-reġjun; l-Arabja Sawdita. Hekk kif it-Tramuntana tal-Jemen tinsab fil-kontroll tal-'Houthi', dan ifisser illi dan il-grupp militanti għandu l-abbilita' li jimblokka l-istrett ta' Bab-el-Mandeb, illi huwa l-aċċess ewlieni għall-attivita' marittima mill-Oċean Indjan, għall-Baħar l-Aħmar u eventwalment għall-Baħar Mediterran. Għaldaqstant, dan l-istrett importanti għandu l-irwol illi jgħaqqad lill-kontinent Asjatiku ma' dak Ewropew, u għalhekk l-attivita' marittima kienet bdiet tiġi affettwata għal kollox bil-preżenza tal-'Houthi', illi kienu strumentali sabiex l-Iran setgħet tistabbilixxi influwenza fir-reġjun. Min-naħa l-oħra, il-preżenza tal-'Houthi' kienet ġiet ukoll meqjusa bħala theddida mill-Istati Uniti, mhux biss minħabba l-qrubija ta' dan il-grupp militanti mal-Iran iżda anke minħabba l-fatt illi alleat ewlieni tal-Istati Uniti; l-Iżrael. Il-preżenza tal-'Houthi' mhux biss timplika periklu għas-sigurta' tal-Iżrael minħabba l-qrubija tagħhom għall-Iran, iżda timplika wkoll illi l-attivita' marittima lejn dan il-pajjiż setgħet tiġi mfixkla jew saħansitra mwaqqfa għal kollox minħabba l-possibbilita' ta' offensiva militari jew imblokk fl-isrett ta' Bab-el-Mandeb. Għal din ir-raġuni, fis-sena 2015, l-Arabja Sawdita kienet nediet koalizzjoni militari flimkien mal-Emirati Għarab Maqgħuda (U.A.E.), illi sabet l-appoġġ ta' bosta pajjiżi tal-Punent, fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u anke l-Iżrael. Minkejja li l-Arabja Sawdita għadha ma stabbilietx relazzjonijiet formali mal-Iżrael, matul is-snin kienu saru tentattivi bejn iż-żewġ pajjiżi sabiex jibdew jikkollaboraw flimkien; anke b'mod militari, sabiex jgħelbu lill-influwenza Iranja fir-reġjun, inkluż il-'Houthi' fil-Jemen. Min-naħa l-oħra, fis-sena 2020, l-Iżrael u l-U.A.E. kienu ffirmaw il-Ftehimiet ta' Abraham, ftehimiet illi kienu ġew xprunati 'l quddiem mill-Istati Uniti bl-għan illi tħeġġeġ lill-pajjiżi Għarab sabiex jirrikonoxxu lill-Iżrael u jiżviluppaw relazzjonijiet diplomatiċi mal-Iżrael, minkejja li fis-Summit ta' Bejrut kien ġie maqbul b'mod unanimu li l-ebda pajjiż Għarbi ma kellu jirrikonoxxi lill-Iżrael qabel ma tieqaf l-okkupazzjoni illegali fit-territorji Palestinjani. Madanakollu, l-U.A.E. għażlet illi tmur lura minn dak illi kien ġie maqbul fil-Lega Għarbija u xorta waħda nnormalizzat ir-relazzjoni tagħha mal-Iżrael, filwaqt illi l-Arabja Sawdita potenzjalment tista' tagħmel l-istess pass. Hekk kif kienu ġew stabbiliti r-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-U.A.E., iż-żewġ pajjiżi kienu bdew jistabbilixxu wkoll kollaborazzjoni militari estensiva, tant illi fis-sena 2022, l-esportazzjoni tal-armamenti Iżraeljani kienet laħqet il-quċċata tagħha. F'dik is-sena, madwar 25% tal-armamenti totali mibjugħa mill-Iżrael, illi b'kollox kienu jammontaw għas-somma eżorbitanti ta' 12,500,000,000 Dollaru Amerikan, kienu ġew esportati lejn tliet pajjiżi Għarab illi kienu għadhom kif bdew jistabbilixxu relazzjonijiet mal-Iżrael sentejn biss qabel; l-U.A.E., il-Baħrejn u l-Marokk. Il-gvern tal-Istati Uniti qiegħed jittama li jkun jista' jffinalizza n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Arabja Sawdita, bl-għan illi jipprova jgħaqqad lil dawn iż-żewġ pajjiżi tradizzjonalment għedewwa taħt għan komuni; dak illi jgħelbu lill-'Houthi' fil-Jemen u lis-sostenituri tiegħu; inkluż l-Iran. L-Istati Uniti wiegħdet illi tgħin lill-Arabja Sawdita billi tassisti fl-iżvilupp ta' armamenti nukleari, billi tipprovdi iżjed għajnuna militari permezz ta' żieda fl-għotjiet ta' armamenti u billi tibqa' tipprovdi protezjoni lill-familja rjali Sawdita, diment illi l-Arabja Sawdita taċċetta li tinnormalizza r-relazzjonijiet tagħha mal-Iżrael u li tirrikonoxxi lill-eżistenza tal-istess pajjiż.


L-armamenti mibjugħa mill-Iżrael lill-U.A.E. jinkludu sistemi sofistikati ta' missilli, hekk kif hemm interess illi l-U.A.E. jixtru mingħand l-Iżrael is-sistema difensiva magħrufa bħala l-'Iron Dome', illi hija sistema li kienet ġiet żviluppata esklussivament għall-Iżrael. Huwa magħruf illi fis-sena 2015, kien hemm tentattivi sabiex din is-sistema Iżraeljana tiġi mogħtija lill-Aarabja Sawdita, minkejja li ż-żewġ pajjiżi għad m'għandhomx relazzjonijiet stabbiliti. Madanakollu, dan ma waqqafx lil kumpaniji Iżraeljani sabiex iwettqu tentattivi sabiex jinfiltraw is-swieq tal-armamenti fl-Arabja Sawdita. Min-naħa l-oħra, dawn il-kumpaniji diġa' infiltraw is-swieq tal-armamenti fl-U.A.E., hekk kif illi bosta kumpaniji Iżraeljani kienu pparteċipaw f''expo' tal-armamenti ġewwa Abu Dhabi fis-sena 2021, filwaqt illi fl-istess sena, il-forzi militari ta-żewġ pajjiżi kienu bdew ukoll sensiela ta' taħriġ militari flimkien. L-għajnuna militari u l-appoġġ politiku lill-Arabja Sawdita u lill-U.A.E. mingħand l-Iżrael timplika involviment Iżraeljan fil-Gwerra Ċivili Jemenita, hekk kif dawn l-iżviluppi qegħdin iseħħu fil-kuntest tal-koalizzjoni militari li għadha tinsab attiva ġewwa l-Jemen. Dokumenti deklassifikati jixhdu li fis-sena 2017, l-Iżrael kienet tat struzzjonijiet lill-korpi diplomatiċi tagħha sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Arabja Sawdita u lill-U.A.E., minkejja li b'mod evidenti, il-koalizzjoni militari ta' dawn iż-żewġ pajjiżi kienet qiegħda tikkaġuna delitti kontra l-umanita' fil-konfront tal-poplu tal-Jemen. Il-koalizzjoni mmexxija miż-żewġ pajjiżi hija responsabbli għal-użu kontinwu ta' bombi u missilli fuq insedjamenti ppopolati fil-Jemen, illi kkaġunaw bosta imwiet, feruti u ħsarat maġġuri fl-infrastruttura tal-pajjiż, l-iżjed fin-naħat amministrati mill-'Houthi'. In-Nazzjonijiet Uniti allegat illi l-azzjonijiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdita u mill-U.A.E. kienu qegħdin jixprunaw l-eskalazzjoni tal-kriżi umanitarja fil-Jemen, hekk kif l-offensiva militari kienet qiegħda taffettwa b'mod intenzjonat lid-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja lill-poplu Jemenit. Permezz tal-inforzar ta' imblokk u permezz anke ta' attakki intenzjonati fuq infrastruttura essenzjali għall-għajxien tal-poplu Jemenit, l-involviment tal-koalizzjoni militari kienet qiegħda tixpruna u tiffaċilita iżjed tbatija u sofferenza fuq il-popolazzjoni fil-Jemen, hekk kif bosta riżorsi bażiċi bħall-ikel, xorb u mediċini ma setgħux jitwasslu ġewwa t-Tramuntana tal-Jemen. Barra minn hekk, il-koalizzjoni militari, illi kif għidna hija appoġġjata mill-pajjiżi tal-Punent, hija wkoll responsabbli għat-twettiq ta' abbużi ta' drittijiet umani, fosthom massakri, torturi u stupri, filwaqt illi ammont mhux magħruf ta' persuni ġew rrapportati nieqsa. Hekk kif dan il-kunflitt armat għadu għaddej preżentament, huwa evidenti li l-involviment tal-koalizzjoni militari Sawdita u Emirata fil-Jemen mhux biss ikkaġunat kriżi umanitarja u ġabet magħha t-twettiq ta' delitti kontra l-umanita', iżda kkontribwixxiet ukoll għall-eskalazzjoni tal-kunflitt armat għad-detriment tal-poplu Jemenit. Minkejja s-sensiela ta' akkużi serji fil-konfront tal-Arabja Sawdita u l-U.A.E., dawn iż-żewġ pajjiżi xorta waħda għadhom qegħdin jingħataw appoġġ sostanzjali mill-pajjiżi tal-Punent, fosthom l-Iżrael, illi qegħdin jipprovdu appoġġ militari u anke politiku li qiegħed jiffaċilita it-twettiq ta' iżjed ksur ta' drittijiet umani għad-detriment tal-Jemeniti.


L-Invażjoni ta' Nagorno-Karabakh: Ir-reġjun ta' Nagorno-Karabakh huwa reġjun ippopolat minn grupp etniku ta' Armeni li jinsab fl-Ażerbajġan. Sas-sena 1991, l-Armenja u l-Ażerbajġan kienu żewġ repubbliki Sovjetiċi li flimkien ma' tlettax-il repubblika oħra kienu jifformaw l-Unjoni ta' Repubbliki Sovjetiċi Soċjalisti, jew magħrufa aħjar bħala l-Unjoni Sovjetika. L-oriġini tal-kunflitt imorru lura għas-seklu għoxrin, wara li l-mexxej Sovjetiku Joseph Stalin kien iddeċieda li jinkorpora dan ir-reġjun mar-Repubblika Sojevtika Soċjalista tal-Ażerbajġan, deċiżjoni li fissret il-bidu tal-kunflitt bejn l-popolazzjoni Armena tar-reġjun u l-Ażerbajġan. Madanakollu, l-eżistenza tal-Unjoni Sovjetika għenet sabiex iżżomm paċi relattiva bejn iż-żewġ partijiet u għaldaqstant it-tensjonijiet ma kinux daqstant għoljin. Wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika fil-bidu tas-snin disgħin, ir-repubbliki Sovjetiċi tal-Armenja u l-Ażerbajġan kienu ddikjaraw l-indipendenza tagħhom. Mingħajr l-Unjoni Sovjetika sabiex iżżomm stabbilita' u unita' bejn iż-żewġ partijiet, il-kunflitt eskala fi gwerra bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja li kkontestaw l-istatus tat-territorju u l-fruntieri li kienu ġew stabbiliti. L-Ewwel Gwerra ta' Nagorno-Karabakh kienet ingħatat bidu fis-sena 1988 u kienet intemmet fis-sena 1994, wara li kien ġie ffirmat ftehim bejn iż-żewġ partijiet illi kien fissser it-tmiem tal-kunflitt militari b'mod temporanju. Madanakollu, iż-żewġ partijiet naqsu milli jistabbilixxu ftehim ta' paċi permanenti sabiex jintemm il-kunflitt, u għaldaqstant it-tensonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan kienu reġgħu eskalaw u wasslu għall-bidu tat-Tieni Gwerra ta' Nagorno-Karabakh fis-sena 2020. Ir-Repubblika ta' Artsakh kien twaqqaf fis-sena 1994 u kien l-amministratur de-facto tar-reġjun u pajjiż indipendenti li kien infired mit-territorju tal-Ażerbajġan bl-għan illi l-grupp etniku Armen tar-reġjun jintegra lilu nnifsu fi ħdan l-Armenja. Fis-sena 2023, l-Ażerbajġan bdiet offensiva fir-reġjun illi kisret il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u li fissret il-bidu ta' tindif etniku fir-reġjun, li wassal għall-bidu tal-eżilju ta' iżjed minn 100,000 Armen minn Nagorno-Karabkh. Dan l-eżilju kien xprunat mit-theddid tal-forzi Ażerbajġani li heddew li jwettqu ġenoċidju fuq il-popolazzjoni Armena jekk dawn ma jirtirawx mit-territorju, filwaqt illi mponiet imblokk ta' riżorsi ta' ikel, fjuwil u mediċini bħala parti mill-isforz tal-Ażerbajġan sabiex jerġgħu jistabbilixxu kontroll fuq Nagorno-Karabkh. L-Iżrael hija waħda mill-esportaturi ewlenin ta' armamenti għall-Ażerbajġan u pprovdiet assistenza militari u appoġġ politiku għall-okkupazzjoni Ażerbajġana fir-reġjun. Il-gvern Iżraeljan pprovda armamenti li jammontaw għal madwar 70% tal-qawwa militari totali tal-Ażerbajġan, filwaqt illi l-Ażerbajġan huwa t-tieni l-ikbar konsumatur għall-industriji Iżraeljani tal-armamenti, tant illi bejn is-snin 2015 u 2019 l-Ażerbajġan kienet xtrat 17% tal-armamenti totali li kienu ġew immanifatturati mill-Iżrael. Minbarra armamenti tal-kumbatt, it-tagħmir militari mogħti mill-Iżrael jinkludi missilli, 'drones', vetturi militari. Ġimgħat biss qabel ma l-Ażerbajġan beda l-aħħar offensiva tiegħu fir-reġjun, bosta ajruplani tal-ġarr tal-merkanzija militari ttajru bejn bażijiet militari fl-Ażerbajġan u l-Iżrael, u għalhekk wieħed jingħata x'jifhem illi l-Iżrael kien qiegħed jissupplixxi lil dawn l-ajruplani b'armamenti sabiex jintużaw mill-forzi militari tal-Ażerbajġan waqt l-offensiva tas-sena 2023. Għaldaqstant, huwa fatt illil-Iżrael hija kollaboratur ewlenija tal-Ażerbajġan u qiegħda tassistiha preżentament kemm militarment u kemm politikament sabiex tkun tista' tiġi stabbilita okkupazzjoni Ażerbajġana f'Nagorno-Karabakh. Il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tmur lura lejn il-perjodu tal-Ewwel Gwerra fir-reġjun, fejn minkejja li kien ġie inforzat 'embargo' min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Organizzazzjoni għas-Sigurta' u l-Kooperazzjoni Ewropea (O.S.C.E.), l-Iżrael irrifjuta milli jikkopera u minflok baqa' jesporta armamenti u joffri assistenza militari lill-Ażerbajġan. L-Iżrael mhux biss tirrifjuta milli tirtira mill-appoġġ tagħha għat-tindif etniku tal-Armeni f'Nagorno-Karabakh, iżda tirrifjuta wkoll milli tirrikonoxxi l-eżistenza tal-Ġenoċidju Armen illi kien ikkaġuna l-qtil ta' iżjed madwar 1,000,000 Armen. F'perjodu li jestendi mis-sena 1988 sal-lum, il-kunflitt f'Nagorno-Karabakh ikkaġuna 'l fuq minn 40,000 imwiet, filwaqt illi kkaġuna l-emigrazzjoni sforzata ta' iżjed minn 500,000 Armen.


L-Iżrael qiegħed jipprovdi armamenti lill-Marokk bħala assistenza għall-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent.

L-Okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent: Is-Saħara tal-Punent huwa territorju Afrikan li għadu sal-lum ikkontestat minħabba l-okkupazzjoni Marokkina fit-territorju. Is-Saħara tal-Punent kien wieħed mill-kolonji li kellu l-Imperu Spanjol fil-kontinent Afrikan, b'ħakma Spanjola li kienet bdiet fis-seklu dsatax. Fis-sena 1975, Spanja kienet irtirat mill-preżenza tagħha fit-territorju wara l-ħolqien ta' bosta movimenti ta' reżistenza li bdew jopponu l-preżenza Spanjola fit-territorju, filwaqt illi wrew ix-xewqa għal iżjed awtonomija. Fost dawn il-movimenti kien hemm il-Front ta' Polisario, illi kien beda isejjaħ għall-ħolqien ta' stat indipendenti fit-territorju bl-isem ta' Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Inizzjalment, l-Front ta' Polisario kien ġie fformat bħala moviment nazzjonalist, iżda eventwalment il-moviment kien beda jinvolvi ruħu f'konfronti militari mat-truppi Spanjoli preżenti fit-territorju u kien ġie stabbilit bħala moviment ta' liberazzjoni għall-poplu indiġenu tat-territorju, illi huma magħrufa bħala Saħrawi. Sena wara li t-tluq tal-forzi militari Spanjoli mill-pajjiż, it-territorju kien formalment ipproklama l-indipendenza tiegħu minn Spanja u għalhekk kienet twaqqfet ir-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Madanakollu, Spanja ma kinitx irrikonixxiet lill-indipendenza tat-territorju, billi l-Ftehimiet ta' Madrid kienu jinvokaw id-diviżjoni tat-territorju bejn żewġ pajjiżi ġirien; il-Marokk u l-Mawritanja, mingħajr ma kienet saret ebda konsultazzjoni mal-poplu Saħrawi dwar l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan kien immarka l-bidu tal-okkupazzjoni tal-Marokk u tal-Mawritanja fit-territorju; bil-parti tat-Tramuntana tkun okkupata mill-forzi Marokkini filwaqt illi l-forzi Mawritanjani okkupaw il-parti tan-Nofsinhar tal-istess territorju. Din l-okkupazzjoni kienet fissret il-bidu ta' kunflitt armat bejn il-pajjiżi okkupanti u l-Front ta' Polisario, kunflitt illi għadu għaddej preżentament mal-Marokk. Bejn is-snin 1975 u 1991, il-Front ta' Polisario u l-forzi Marokkini kienu involuti fil-Gwerra tas-Saħara tal-Punent, gwerra illi kienet twaqqfet biss wara ftehim ta' paċi maqbul bejn iż-żewġ naħat sabiex jitwaqqfu l-konfronti militari. Madanakollu, il-Marokk għadu sal-lum jokkupa t-territorju tas-Saħara tal-Punent għad-detriment tal-poplu Saħrawi li għadu mċaħħad mill-aspirazzjonijiet tiegħu għal awtonomija.


Minħabba r-reżistenza li ntweriet mill-Front ta' Polisario u minn movimenti oħrajn ta' liberazzjoni minn fost il-poplu Saħrawi, il-forzi Mawritanjani kienu sforzati li jirtiraw mill-preżenza tagħhom fit-territorju. Madanakollu, il-forzi Marokkini li kienu qegħdin jokkupaw il-parti tat-Tramuntana tat-territorju ħadu l-opportunita' sabiex jinvadu l-parti tat-territorju li kienet tal-Mawritanja, sabiex b'hekk il-Front ta' Polisario ma kienx jieħu vantaġġ mill-preżenza ta' territorju vakanti li fuqu seta' jistabbilixxi l-fruntieri għar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Għalhekk, il-Marokk kienet marret kontra dak illi kien ġie maqbul fil-Ftehimiet ta' Madrid billi wettqet espsanjoni tat-territorju tagħha b'mod illegali permezz tal-okkupazzjoni tal-parti tan-Nofsinhar tat-territorju. Preżentament, 80% tat-territorju totali huwa okkupat filwaqt illi 20% biss huwa kkontrollat mill-Front ta' Polisario. Il-Marokk għadu sal-lum jiddikjara sovranita' fuqit-territorju kollu tas-Saħara tal-Punent, minkejja li t-tali dikjarazzjoni hija meqjusa bħala waħda illeġittima minn esponenti internazzjonali bħalma hija n-Nazzjonijiet Uniti. L-okkupazzjoni illegali kienet fissret l-eżilju ta' 180,000 Saħrawi lejn l-Alġerija, illi preżentament jinsabu ġewwa kampijiet ta' refuġjati u mċaħħda milli jirritornaw lejn l-art tagħhom. Il-popolazzjoni Saħrawija li tabita t-terrtitorju okkupat jinsabu oppressati mill-forzi Marokkini, tant illi demostrazzjonijiet u kwalunkwe attivitiżmu politiku li jopponu lill-okkupazzjoni huma mrażżna. Fis-sena 2020, il-Marokk u l-Iżrael iffirmaw ftehim ta' normalizzazzjoni, illi fissret ir-rikonixximent tal-Iżrael min-naħa tal-Marokk filwaqt illi fissret żieda ta' esportazzjoni ta' armamenti Iżraeljani lejn il-Marokk. Filfatt, bejn is-snin 2020 u 2022, l-Iżrael kienet esportat armamenti lejn il-Marokk illi kellhom valur totali ta' 1,200,000,000 Dollaru Amerikan. Dawn l-armamenti, illi jinkludu 'drones' militari, qegħdin jintużaw preżentament mill-forzi Marokkini fis-Saħara tal-Punent sabiex ikunu jistgħu jikkonsolidaw l-okkupazzjoni tagħhom fit-territorju. Huwa maħsub illi l-kunflitt ikkaġuna iktar minn 20,000 imwiet, filwaqt illi eluf oħrajn sfaw feruti jew ġew iddikjarati bħala mitlufa.


 

Nikkombattu liż-Żijoniżmu: Nikkombattu lit-Terroriżmu.


Matul dawn l-aħħar diċenji, l-Iżrael mhux biss kienet involuta b'mod dirett fit-twettiq ta' oppressjoni ġewwa t-territorji Palestinjani, iżda kienet involvuta anke fit-twettiq ta' oppressjoni fuq popli oħrajn madwar id-dinja. Għalhekk wieħed jasal għal konklużjoni waħda; il-ġlieda Palestinjana għall-ħelsien u l-liberazzjoni tal-poplu Palestinjan hija maqgħuda u konnessa ma' ġlidiet oħrajn ta' popli madwar id-dinja, għaliex oppresuri bħall-Iżrael mhumiex biss joppressaw nazzjon wieħed, iżda dejjem iridu li joppressaw iżjed nazzjonijiet. Għalhekk, huwa meħtieġ illi nikkombattu lill-ideoloġija radikali taż-Żijoniżmu, mhux biss sabiex il-poplu Palestinjan jiġi lliberat u meħlus mit-tirannija Iżraeljana, iżda wkoll sabiex l-istat Iżraeljan jieqaf milli jiffaċilita l-oppressjoni ta' popli oħrajn madwar id-dinja. Iż-Żijoniżmu hija ideoloġija li mhux biss hija mibnija fuq in-Nazzjonaliżmu estrem u r-razziżmu, iżda hija ideoloġija li tixpruna 'l quddiem oppressjoni u terroriżmu. Għalhekk, huwa meħtieġ illi jkun hemm sforz ġenwin sabiex nikkombattu bl-aħrax liż-Żijoniżmu sabiex verament ikun hemm lok għall-paċi fl-Ilvant Nofsani u fil-kumplament tad-dinja. Din il-ġlieda qatt m'għandha tkun kontra l-poplu Lhudi, il-ġlieda għandha tkun kontra l-Iżrael illi jinqeda bil-poplu Lhudi sabiex ikun jista' jipprova jiġġustifika l-proġett Żijonista, proġett illi huwa mibni fuq it-tixrid ta' demm, oppressjoni u li jgħix bit-terroriżmu. Dan mhux biss minħabba li l-Iżrael qiegħda jitterrorizza lill-poplu Palestinjan, iżda anke minħabba li l-Iżrael huwa direttament involut sabiex jassisti lil gvernijiet u reġimi oħrajn oppressivi sabiex jitterrorizzaw lil popli oħrajn imjassra. Għalhekk l-Iżrael huwa stat terrorista.


Kif l-Iżrael u l-pajjiżi tal-Punent illi tant jappoġġjawha jistgħu jkunu kredibbli meta jiftaħru li huma demokraziji fl-istess waqt illi qegħdin jappoġġjaw u jiffinanzjaw l-użu ta' terroriżmu fil-Palestina u anke lil hinn minnha? Din hija l-verita' dwar l-Iżrael, u din l-istess verita' hija wkoll xhieda tar-realta' tas-soċjeta' ipokrita tal-pajjiżi tal-Punent. Determinat illi nibqa' nesponi fil-beraħ din l-ipokrezija.


 

Iż-Żijoniżmu huwa Terroriżmu;

Palestina Ħielsa!


***


AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.





236 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page