top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

KARMENU MIFSUD BONNICI (1933-2022).

Updated: Nov 6, 2023


Karmenu Mifsud Bonnici jindirzza l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista - 16 t'Ottubbru 1981.


Daħla.


Fil-5 ta' Novembru ta' sena ilu, Malta tilfet lil wieħed minn binha li kien serva lilha u lill-poplu tagħha fil-kariga ta' Prim Ministru. L-aħbar illi Karmenu Mifsud Bonnici ħalla lil din id-dinja fl-eta' ta' 89 sena kienet aħbar li ħasdet u niktet lil ħafna, minkejja li kien ilu magħruf illi saħħtu kienet sejra lura. Bħal donnu mal-mewt ta' dan il-bniedem infetaħ kapitlu ġdid għall-istorja tiegħu, kienu bosta persuni li ħadmu fil-qrib tiegħu, anke avversarji, illi ħarġu mid-dlam għadd ta' rakkonti u stejjer mill-ħajja ta' dan il-bniedem li juru tant aspetti pożittivi mill-karattru tiegħu li baqgħu mistoħbija għal tant snin. L-istorja qatt ma kienet ġusta ma' Karmenu Mifsud Bonnici; ħafna jiftakru biss fih bħala dak il-persuna kontroversjali fi żmien ta' tensjoni politika, iżda Karmenu kien ħafna iktar minn hekk. Sabiex wieħed jista' jifhem u japprezza b'mod aħjar lil Dott. Mifsud Bonnici, jew Karmenu kif kienu jsejħulu b'tant għożża, wieħed m'għandux iħares lejh bħala Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista biss, iżda għandu jmur lil hinn minn dawn l-aspetti sabiex ikun jista' jifhem lil dan il-persunaġġ politiku.


It-tfulija ta' Karmenu Mifsud Bonnici.


Karmenu Mifsud Bonnici twieled nhar is-17 ta' Lulju 1933, fi Sqaq Srejdek f'Bormla, tefa' ta' ġebla 'l bogħod mill-Knisja Kolleġġjata ta' din il-belt. Karmenu twieled fil-familja Mifsud Bonnici, familja li hija magħrufa sewwa mal-komunita' minħabba persuni prominenti u ta' skola li ħarġu minnha, illi fosthom insibu membri tal-kleru, membri mlaħħqa fil-ġudikatura u anke persuni mlaħħqa fil-politika. Huwa kien iben Dott. Lorenzo Mifsud Bonnici u Catherine nee' Buttigieg, illi minbarra lil Karmenu huma kellhom ukoll ħamest ulied oħra, tliet subien u żewġ ibniet, b'Karmenu jkun it-tielet wild. Missieru Lorenzo kien magħruf bħala tabib tal-komunita' benevolanti li matul ħajtu uża l-professjoni tiegħu sabiex jassisti lill-inqas persuni xxurtjati fis-soċjeta', filwaqt illi huwa kien ukoll it-tabib tas-saċerdot qaddis Ġorġ Preca u ħabib tat-tabib qaddis Naplitan, Giuseppe Moscati. Ommu Catherine kienet għalliema fi skola tal-gvern. Fi kliem Karmenu nnifsu, il-familja Mifsud Bonnici kienet familja maqgħuda ħafna, għaliex minbarra l-ġenituri tiegħu u sitt ulied, fid-dar Bormliża kien jgħixu wkoll tliet qraba oħra, iz-ziju ta' Lorenzo flimkien ma' ħu u omm Catherine, u għaldaqstant kienet familja pjuttost kbira, tipika ta' kif kienu magħmula l-familji Maltin fis-snin tletin. Fuq dan il-perjodu ta' tfulija, Karmenu dejjem irrefera għalih b'għożża u sostna li dan il-perjodu kellu influwenza kbira fuq il-formazzjoni tal-karattru tiegħu. Meta Karmenu kellu biss sebgħa snin, f'Malta kienet faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u għaldaqstant ħafna t-tfulija ta' Karmenu kienet inbiddlet minn lejl għal nhar. Bħall-kumplament tal-ibliet tal-Kottonera, Bormla kienet milquta sewwa mill-bumbardamenti tal-Assi li ħallew bosta nħawi mġarrfa u kkaġunaw għadd ta ' feruti u mwiet. Għaldaqstant bħal eluf ta' Maltin oħrajn illi kienu spiċċaw refuġjati, il-familja Mifsud Bonnici emigraw mill-Kottonera għall-Ħamrun, fejn l-effetti tal-gwerra kienu inqas drammatiċi. Waqt il-perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-familja Mifsud Bonnici kienet tgħix f'dar illi kienet faċċata tal-Knisja ta' San Gejtanu, fejn illum insibu l-każin tal-Partit Labursita ta' dan il-lokal. Iktar tard il-familja Mifsud Bonnici reġgħet iċċaqalqet u marret tgħix f'dar oħra fil-Ħamrun, din id-darba fil-viċinanzi tal-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, id-dar fejn nistgħu ngħidu li Karmenu baqa' jgħix fiha għall-kumplament ta' ħajtu. Karmenu kkunsidra dan il-perjodu bħala ''ħames snin tat-tfulija mitlufa'', ħames snin li huwa bħala tifel kellu jqatta' jiem u ljieli fix-xelters. Karmenu ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola tas-Sorijiet ta' San Ġużepp f'Raħal Ġdid, fl-iskola primarja tal-Ħamrun u mbagħad fil-liċeo, fejn huwa għamel tliet snin fil-Ħamrun u wara kompla jistudja fil-Belt. Fil-liċeo, Karmenu tħarreġ f'għadd ta' suġġetti akkademiċi li kienu jinkludu xjenzi u lingwi, iżda huwa tħarreġ l-iktar fil-Latin u t-Taljan, illi kienu s-suġġetti rekwiżiti sabiex wieħed seta' jistudja l-liġi. Billi kien ġej minn familja b'reputazzjoni prestiġjuża, Karmenu kien imħeġġeġ mill-ġenituri tiegħu sabiex huwa wkoll jagħżel professjoni, iżda huwa kien iqis illi d-deċiżjoni li jagħżel il-professjoni ta' avukat kienet għażla personali li huwa għamel minn jeddu.


Karmenu Mifsud Bonnici attiv maż-żgħażagħ u l-istudenti.


Bħala żagħżugħ, Karmenu kompla l-istudji tiegħu fl-Universita' Rjali ta' Malta, fejn minbarra li beda jitħarreġ fil-liġi, huwa kien jinvolvi ruħu wkoll f'bosta għaqdiet ta' studenti u żgħażagħ illi kienu jħallu impatt fis-soċjeta' permezz tal-attiviżmu tagħhom. Għaldaqstant, dan l-attiviżmu kien beda jimbotta lil Karmenu bħala student sabiex jieħu interess fi problemi soċjali f'Malta u anke lil hinn. Fi kliemu, l-iktar kwistjoni li baqgħet timpressjonah kienet l-Invażjoni tal-Ungerija fis-snin ħamsin, illi matulha hu u bosta studenti oħrajn kienu jħabbtu bieb bieb fi djar fl-irħula sabiex setgħu jinġabru donazzjonijiet u ħwejjeġ bħala turija ta' solidarjeta' mal-poplu Ungeriż. Fis-sena 1954, Karmenu kien iggradwa mill-Universita' wara li kien temm b'suċċess il-kors tal-liġi, fejn għażel illi jispeċjalizza fil-liġi industrijali. Il-liġi industrijali kienet għal qalbu wisq, l-iktar il-qasam tat-trejdunjomiżmu, tant illi huwa kien ibbaża t-teżi tiegħu fuq l-istess qasam legali. Ir-rabta ta' Karmenu mal-Universita' ma waqfitx hemm, tant illi huwa kien qatta' bosta snin fl-Universita' jgħallem il-liġi industrijali bħala lettur. Huwa kien ġie magħżul bħala lettur wara li kien mar jistudja fl-Universita' ta' Londra, fejn hemmhekk huwa kompla jistudja l-liġi industrijali filwaqt illi speċjalizza wkoll fil-liġi fiskali u t-tassazzjoni. Huwa temm l-istudji tiegħu wara perjodu ta' ftit iktar minn sena, wara li ggradwa mill-istess universita' fis-sena 1968. Karmenu kellu mħabba kbira lejn l-istudenti, tant illi bħala lettur huwa kien ta' sikwit kien joħroġhom ħarġiet u jorganizzalhom ikliet, naturalment kollox minn but Karmenu! Il-kuntatt ta' Karmenu maż-żgħażagħ ma kienx jieqaf mal-ħajja universitarja, iżda kien imur lil hinn. Fis-snin sittin, Karmenu kien ukoll membru ta' bosta għaqdiet reliġjużi affiljati mal-Knisja, fosthom iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, illi tagħhom huwa kien il-konsulent legali u kif ukoll l-editur tal-ġurnal tal-għaqda bl-isem Il-Ħaddiem. F'dak iż-żmien partikolari, dawn l-għaqdiet kienu affiljati ma' dik illi kienet tissejjaħ bħala l-'Ġunta Djoċesana' illi kienu qegħdin f'kunflitt mal-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff. Iżda wara li beda jinvolvi ruħu fil-qasam tat-trejdunjoniżmu, Karmenu beda jinvolvi ruħu wkoll fil-General Worker's Union, illi eventwalment waslitu sabiex beda jkollu wkoll iktar kuntatt mal-Partit Laburista matul is-snin sebgħin. Meta jħares lura lejn dan il-perjodu, Karmenu kien jistqarr b'għożża li minkejja li huwa kien Nazzjonalist mit-twelid, minħabba li kien ġej minn familja b'għeruq fil-Partit Nazzjonalista, iktar tard matul ħajtu kien għażel illi jkun Laburista b'konvinzjoni.


Karmenu Mifsud Bonnici u l-kuntatt mal-ħaddiem.


Folla mdaqqsa ta' ħaddiema tat-tarzna b'kartelluni li juru appoġġ għal Karmenu Mifsud Bonnici.


Billi l-familja tiegħu kellha reputazzjoni ta' familja b'qalb soċjali kbira, ma kinitx kumbinazzjoni li Karmenu għażel illi jiddedika ħajtu bħala difensur tad-drittijiet tal-ħaddiema. Matul il-ħajja tiegħu, Karmenu beda juri interess lejn ideoloġiji xellugin bħas-Soċjaliżmu li xprunawh sabiex jiżviluppa mħabba lejn l-unjins tal-ħaddiema u lejn il-ħaddiema nfishom. Fis-sena 1969, Karmenu kien intagħżel sabiex ikun il-konsulent legali tal-General Worker's Union, irwol illi Karmenu wżah sabiex seta' jiġġieled kontra l-emendi fl-Industrial Relations Bill li kienu proposti mill-Gvern Nazzjonalista, illi fost l-emendi kien hemm propost ukoll illi jiġi revokat id-dritt għall-istrajk, illi kienet tfisser illi l-ħaddiema kienu jiskontaw sentenza ta' ħabs jekk dawn kienu jistrajkjaw. Effettivament, din il-liġi kienet se teqred l-effiċjenza u tillimita l-impatt illi setgħu jħallu l-unjins tal-ħaddiema u għaldaqstant il-Partit Laburista flimkien mal-General Worker's Union kienu ġġieldu bil-qawwa kontra din l-emenda proposta. Bħala konsulent tal-General Worker's Union, Karmenu kellu rwol importanti f'din il-ġlieda, tant illi kien hawnhekk meta huwa beda jikkopera mal-Partit Laburista u eventwalment beda jinvolvi ruħu fl-istess partit. F'dan il-perjodu, l-avukat Karmenu kellu sehem sinifikanti sabiex jiddefendi għadd ta' ħaddiema li kieu jsofru minn bosta inġustizzji u li kienu ppersegwitati fuq il-post tax-xogħol. F'każ partikolari fis-snin sittin, meta kien instab illi Ministru tal-Gvern Nazzjonalista kien keċċa b'mod ġust 21 ħaddiem mill-Isptar Ġenerali ta' San Luqa, Karmenu bħala avukat tal-General Worker's Union kien irappreżenta lil dawn il-ħaddiema quddiem it-Tribunal Industrijali u eventwalment rebaħ il-kawża, li waslet sabiex il-ħaddiema kienu reġgħu ġew impjegati mill-ġdid. Karmenu kellu stima kbira lejn il-General Worker's Union illi tagħha huwa kien baqa' konsulent legali sas-snin tmenin. Minbarra li Karmenu kien avukat ta' ħila kbira u b'għarfien tal-liġi, huwa kellu wkoll stima kbira lejn ix-xogħol tiegħu, xogħol illi kien iżommu f'kuntatt dirett man-nies illi tant kien iħobb. Min jaf kemm-il darba marru persuni għandu sabiex huwa jħallsilhom kontijiet u spejjeż oħra fosthom mediċini fl-uffiċju legali tiegħu fejn huwa kien iqatta' ljieli jisma' l-problemi legali u soċjali tan-nies. Il-flus għalih ma kienu jfissru xejn, tant illi meta kien jirbaħ kawża qatt ma kien jippretendi lill-klijenti sabiex iħallsuh, li hija karatteristika li probabbli wiret minn missieru, illi bħala tabib kien saħansitra jikkura persuni mingħajr ħlas. Karmenu kien imur anke pass oltre minn hekk u kien saħansitra jħallas minn butu l-ispejjeż tal-avversarji tiegħu waqt il-kawża, illi magħhom dejjem tħabat b'mod diliġenti sabiex jiddefendi lill-klijenti tiegħu. Matul il-ħidma tiegħu ta' avukat, Karmenu kien f'kull ħin iħaddan valuri etiċi li kienu jmexxuh f'kull kawża li kien ikollu, fejn huwa kien jħaddem l-intellett filosofiku tiegħu flimkien mal-imħabba tiegħu lejn l-umanita' sabiex jirraġuna u eventwalment jirbaħ il-kawża. Fi ftit żmien, huwa kien stabilixxa ruħu bħala persuna ta' integrita', empatija u ta' umilta' kbira, aspetti pożittivi tiegħu li huwa dejjem prova jrawwem fl-istudenti li kienu jipprattikaw fl-uffiċju legali tiegħu, fejn huwa kien jara tant klijenti kuljum. Hemmhekk, Karmenu kien jagħti attenzjoni individwali mingħajr ebda riżervi għal kull klijent, jifhimhom u jipprovdilhom soluzzjonijiet għall-inkwiet personali tagħhom. Mix-xogħol tiegħu, Karmenu qatt ma akkwista somom kbar ta' flus, iżda minflok akkwista rispett u stima mill-klijenti u anke mill-kollegi tiegħu fil-Qorti, fejn ta' sikwit kien jidħol bi ħġaru b'dik il-famuża bagalja antika dejjem f'idejh. Billi kien persuna ta' qalb tajba u ta' kapaċita' kbira fix-xogħol tiegħu, Karmenu Mifsud Bonnici kien wieħed minn dawk l-avukati dejjem għamlu ġieħ lill-professjoni tal-avukatura, illi baqgħet tant għal qalbu għal ħajtu kollha. Huwa kien il-bniedem illi ġenwinament xtaq illi jinżel skaluni mis-sellum soċjali sabiex jinżel fit-tajn fejn kien hemm l-iktar persuni vulnerabbli tas-soċjeta', sabiex ikun il-vuċi tagħhom u sabiex jassistihom. Naħseb illi dik kienet l-ambizzjoni ta' ħajtu, iktar milli jidħol il-politika jew illi jkun avukat. Madanakollu, fil-pożizzjoni ta' avukat u iktar tard ta' politiku, huwa rnexxielu li jutilizza dawn l-irwoli bħala mezz sabiex ikun jista' jibqa' jgħin lil min huwa fil-bżonn, b'mod partikolari lill-ħaddiema u lill-fqar.


Karmenu Mifsud Bonnici jingħata karigi fil-Partit Laburista.


Nisimgħu ħafna li jgħidu li Karmenu ma kienx maqtugħ għall-politika, u hawnhekk forsi kellhom raġun. Karmenu qatt ma xtaq ikun fil-politika għaliex kellu karattru kwiet, riżervat u sempliċi, u għaldaqstant ma kienx iħobb jidher jew ikun fil-quċċata, u għalhekk mistgħu ngħidu li Karmenu daħal fil-politika bi żball. Fil-bidu tas-snin tmenin, il-Prim Ministru Dom Mintoff kien diġa' ilu tletin sena jmexxi lill-Partit Laburista u għaldaqstant kien Mintoff innifsu li xtaq illi jċedi postu mill-kariga tiegħu ta' mexxej u ta' Prim Ministru. Madanakollu, Mintoff kien konxju wkoll illi kien hemm diġa' persuni mill-Kabinett tiegħu li kellhom ambizzjonijiet għoljin għat-tmexxija tal-partit u tal-pajjiż, u għaldaqstant huwa xtaq illi s-suċċessur tiegħu ikun wieħed illi mhuwiex ġej minn fi ħdan il-partit, bl-għan illi dan seta' jmexxi lill-Partit Laburista filwaqt illi jkun strument ta' għaqda fl-istess partit, sabiex il-partit seta' jibqa' stabbli u maqgħud. Is-suċċessur tiegħu kellu jkun ukoll dak illi kellu jservi għal xi żmien fil-kariga ta' Prim Ministru u għaldaqstant Mintoff ried illi s-suċċessur tiegħu jkun magħżul b'kunsiderazzjoni għaqlija. Billi Mintoff kien jaf bil-kwalitajiet pożittivi ta' Karmenu u bil-ħidma sfieqa tiegħu li kien qiegħed jagħmel bħala konsulent legali tal-General Worker's Union, kien iddeċieda li jikkunsidrah bħala suċċessur tiegħu. Darba minnhom, Mintoff kien sejjaħ lil Karmenu fl-uffiċju tiegħu ta' Prim Ministru fejn hemmhekk huwa kien talbu sabiex ikun id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Karmenu, maħsud b'dak illi kien qalu Mintoff, iddeċieda li jaċċetta din it-talba u għaldaqstant kienet tressqet 'il quddiem in-nomina ta' Karmenu għal din il-pożizzjoni. F'Mejju tas-sena 1980 huwa kien inħatar bħala d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, ħatra li kienet ġiet approvata b'mod unanimu waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. F'din il-kariga, Karmenu kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tas-sena 1981, elezzjoni li kienet intrebħet mill-istess partit skont il-liġijiet elettorali fil-Kostituzzjoni. FOttubru ta' dik l-istess sena, huwa kien ġie maħtur bħala mexxej designate tal-Partit Laburista, mozzjoni li kienet ġiet imressqa quddiem il-Konferenza Ġenerali tal-istess partit u li reġgħet ġiet approvata b'mod unanimu. Fl-ewwel indirizz tiegħu quddiem il-folla ta' delegati tal-Partit Laburista u tal-General Worker's Union, ftit mumenti biss wara l-ħatra tiegħu f'din il-kariga, huwa kien tenna:


'' Inbaxxi rasi għar-rieda tagħkom; ħuti delegati tal-Partit u tal-Union. U meta nagħmel dan inkun qiegħed nifhem li għal darb’oħra nkun qiegħed inwiegħed li nkun ta’ servizz komplet, sħiħ u bla riżervi lill-ħaddiem Malti u Għawdxi. ''

Wara r-riżenja tal-Membru Parlamentari Laburista Pawlu Xuereb, f'Mejju tas-sena 1982, Karmenu Mifsud Bonnici kien ġie co-opted fil-Parlament Malti u b'hekk huwa kien inħatar bħala Membru Parlamentari, ħatra li kienet qanqlet lil bosta Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista sabiex jgħaddu kummenti dispreġjattivi fil-konfront tiegħu. Madanakollu, billi Karmenu kien persuna ta' karattru sod, huwa qatt ma kien iħalli dawn il-kummenti jfixxkluh fil-ħidma politika tiegħu. F'dan il-perjodu, Karmenu kien inħatar ukoll bħala Ministru tax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali, filwaqt illi minħabba li huwa kien mexxej designate tal-Partit Laburista, huwa kien qiegħed jiġi afdat bir-responsabbilita' li jmexxi affarijiet interni tal-istess partit u sabiex imexxi xi laqgħat tal-Kabinett. Dan kollu kien parti mill-proċess gradwali ta' tibdiliet fit-tmexxija tal-Partit Laburista u tal-Gvern Malti sabiex b'hekk Dom Mintoff seta' jċedi postu għal Karmenu Mifsud Bonnici. Fis-sena 1983, Karmenu kien ġie maħtur bħala Deputat Prim Ministru Anzjan u bħala Ministru tal-Edukazzjoni. Bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Karmenu kellu rwol sinifikanti fl-introduzzjoni tal-edukazzjoni b'xejn għal kulħadd, miżura soċjali li kellha għan pożittiv iżda li ma kinitx intlaqgħet minn kulħadd, b'mod partikolari minn uħud mis-sidien tal-iskejjel privati, fosthom il-Knisja Kattolika. Karmenu kien determinat illi jġiegħel lill-Knisja sabiex ma tibqax tuża l-iskejjel bħala mezz ta' qligħ, sabiex b'hekk id-dritt għall-edukazzjoni seta' jkun aċċessibbli għal kulħadd f'kwalunkwe skola; kemm dawk illi huma tal-gvern u kemm dawk illi huma privati. Immexxi bil-famuża għajta ''jew b'xejn jew xejn'', Karmenu kien daħal f'taħdidiet mal-Knisja f'Malta sabiex jitneħħew il-miżati li kellhom iħallsu l-ġenituri li jibgħatu lil uliedhom fl-iskejjel tagħha. Il-Gvern Malti kien saħanistra qiegħed joffri sussidji lil dawk l-iskejjel tal-knisja li kienu qegħdin joperaw b'xejn filwaqt illi kien lest illi jagħmel l-istess ma' dawk l-iskejjel reliġjużi li ġenwinament ma kellhomx mezzi sabiex jiffinanzjaw lit-tagħlim fl-iskejjel tagħhom. Madanakollu, Karmenu kien qiegħed jisħaq li billi l-Knisja kellha fil-pussess tagħha għadd ta' assi, fosthom artijiet, hija kellha tutilizza dawn l-assi sabiex tiffinanzja lit-tagħlim fl-iskejjel, iżda kien evidenti li l-Knisja ma kinitx daqstant lesta li tutilizza l-ġid tagħha għal dan l-għan. Il-Gvern Malti qatt ma kellu l-intenzjoni li jagħlaq l-iskejjel tal-Knisja, iżda xtaq illi l-prinċipju tat-tagħlim b'xejn jiġi aċċettat u sostnut permezz ta' distribuzzjoni aħjar tal-ġid tal-Knisja. Karmenu kien sostna wkoll illi dak kollu li kien qiegħed jagħmel il-Partit Laburista fil-Gvern kien skont it-twemmin ġenwin u veru tal-Knisja Kattolika u mhux kontra t-twemmin ta' Kristu. Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat kienu ħadu bixra negattiva u eventwalment il-każ kien ġie għall-attenzjoni tal-Vatikan, illi kien qabel ma' dak illi kien ippropona l-Gvern Malti, iġġifieri ċensiment tal-ġid tal-Knisja u mal-prinċipju tal-għażla ħielsa fit-tagħlim, illi setgħet tkun effettiva biss jekk l-edukazzjoni tkun offruta mingħajr ħlas. Minkejja l-pożizzjoni tal-Vatikan, il-Knisja Maltija baqgħet topponi lil din ir-riforma bil-qawwa kollha għaliex riedet illi żżomm il-ħlas għat-tagħlim, tiddeċiedi hi kemm ikun il-ħlas u tiddeċiedi hi fuq l-għażla tal-istudenti, illi kienet qiegħda tħalli lok għal diskriminazzjoni. Matul din il-kwistjoni, il-Knisja Maltija kellha l-appoġġ tal-forzi konservattivi, tal-Partit Nazzjonalista u tal-ġurnali tal-lemin. Madanakollu, ġara li l-Gvern Malti kien ingħata raġun mill-Vatikan u b'hekk kien konkluż ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Knisja Maltija illi permezz tiegħu, l-iskejjel tal-Knisja kienu saru b'xejn għall-kulħadd, ftehim illi baqa' jiġi osservat anke minn gvernijiet Nazzjonalisti, minkejja li inizzjalment il-Partit Nazzjonalista kien oppona bil-qawwa l-introduzzjoni ta' edukazzjoni b'xejn fl-iskejjel privati.


Il-ħidma ta' Karmenu Mifsud Bonnici bħala Prim Ministru.


Nhar it-22 ta' Diċembru 1984, Dom Mintoff kien irriżenja minn Prim Ministru sabiex ħalla spazju għas-suċċessur tiegħu; Karmenu Mifsud Bonnici. Wara d-diskors twil ta' iktar minn siegħa li kien għamel Mintoff fil-Parlament Malti, ingħatat bidu għaċ-ċerimonja qasira li permezz tagħha Karmenu ħa l-ġurament tal-leata' bħala Prim Ministru. Viżibbilment komoss u b'dik l-umilta' tiegħu, huwa ġie maħtur bħala Prim Ministru fil-preżenza ta' Dom Mintoff u tal-President tar-Repubblika Agatha Barbara. Bħala Prim Ministru, Karmenu Mifsud Bonnici kien responsabbli miċ-Ċittadinanza, l-Istabbilimenti, l-Uffiċċju Elettorali, l-Esplorazzjoni taż-Żejt, it-Telegrafija Wireless, ix-Xandir, l-Avjazzjoni Ċivili, il-Portijiet u t-Tbaħħir. Bħala Ministru tal-Intern kien responsabbli mill-Forzi Armati, il-Pulizija, l-Ajruport (Sigurtà), l-Immigrazzjoni u l-Ħabs, filwaqt li bħala Ministru tal-Edukazzjoni huwa kien responsabbli għall-Edukazzjoni, il-Libreriji Pubbliċi, Xandir Malta, id-Diviżjoni tal-Informazzjoni u l-Affarijiet ta' Għawdex. Fiż-żmien qasir tiegħu bħala Prim Ministru, Karmenu baqa' bl-istess Kabinett ta' Dom Mintoff u baqa' jimxi fuq linja politika simili li kellu l-mexxej ta' qablu. Għaldaqstant, huwa baqa' jagħti importanza lill-iżviluppi fl-infrastruttura tal-pajjiż u lir-relazzjonijiet diplomatiċi ta' Malta ma' pajjiżi oħra. Il-Gvern ta' Mifsud Bonnici kompla jwettaq xogħlijiet infrastrutturali madwar il-bażi fosthom bini ta' toroq, tkabbir f'żoni industrijali u t-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Karmenu kompla jisħaq l-importanza tas-servizzi soċjali u kompla jintroduċi miżuri soċjali li għenu lil bosta familji billi ma jintefgħux piżijiet finanzjarji fuqhom. Fost dawn il-miżuri nsibu l-intervent b'mod dirett min-naħa tal-Gvern sabiex ma jgħolewx il-prezzijiet ta' prodotti essenzjali fid-dawl tal-inflazzjoni li kienet affettwat mhux ftit lis-snin tmenin. Matul dan il-perjodu baqgħu jsiru iżjed investimenti f'intrapriżi nazzjonali tal-pajjiż sabiex dawn setgħu jibqgħu javvanzaw u jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ekonomija. Karmenu kien jemmen illi l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna huwa l-ħaddiem, u għaldaqstant huwa ried illi jnaqqas il-qagħad u jintroduċi iżjed ħaddiema fil-forza tax-xogħol. Karmenu baqa' jsaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi ta' pajjiżna ma' għadd ta' pajjiżi Ewropej u mid-dinja Għarbija, relazzjonijiet illi permezz tagħhom ġie introdott iżjed investiment fil-pajjiż. Karmenu għen fit-tentattivi ta' tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja, bl-għan illi jsir progress sabiex setgħet tintemm it-tilwima li kienet inqagħlet rigward l-esplorazzjoni taż-żejt fl-ibħra bejn iż-żewġ pajjiżi. Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tjiebu ħafna, tant illi f'April tas-sena 1986, kien Karmenu li avża personalment lill-mexxej Libjan Gaddafi li l-militar Amerikan kien se jattakka lil Tripli. Li kieku Karmenu ma avżax lil Gaddafi b'dan l-attakk, il-mexxej Libjan kien jisfa' maqtul mill-bumbardamenti tal-militar Amerikan u għaldaqstant kienet it-twissija ta' Karmenu li salvatlu ħajtu. Probabbli din kienet l-iktar deċiżjoni importanti li qatt ittieħdet minn Karmenu matul ħajtu. Il-politika tan-newtralita' li kien iħaddan b'konvinzjoni kienet tixprunah sabiex ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi ta' pajjiżna filwaqt illi jaħdem attivament għaż-żamma tal-paċi fil-Mediterran fil-kuntest ta' tensjoni kkawżata mill-Gwerra l-Bierda, permezz tas-sehem illi huwa kien ikollu f'konferenzi internazzjonali u laqgħat ma' mexxejja barranin. Karmenu baqa' sal-aħħar jisħaq fuq l-importanza li Malta tibqa' pajjiż newtrali u non-allineament, iġġifieri li ma tkunx affiljata ma' alleanzi militari u li ma jkollhiex fuqha preżenza ta' bażijiet militari. Fil-kuntest tal-Gwerra l-Bierda huwa kien jopponi l-preżenza ta' bastimenti militari Amerikani u Sovjetiċi fil-Baħar Mediterran u kien dejjem jisħaq fuq l-importanza tad-diżarmament. F'Jannar tas-sena 1987, Karmenu Mifsud Bonnici kellu sehem importanti sabiex setgħu ġew introdotti żewġ klawżoli importanti fil-Kostituzzjoni ta' Malta, waħda minnhom tkun il-klawżola tan-newtralita' ta' Malta u l-oħra tkun l-klawżola li kienet ġiet imħejjija bl-għan li tiġi emendata l-liġi elettorali ta' Malta, sabiex min ikollu l-maġġoranza tal-voti jkun dak illi jista' jiggverna, fil-kuntest tat-tensjoni u l-instabbilita' politika li kien ikkawża r-riżultat tal-elezzjoni tal-1981, fejn minkejja li l-Partit Laburista kien ġab inqas voti mill-Partit Nazzjonalista, huwa kien akkwista l-maġġoranza ta' siġġijiet fil-Parlament. Billi l-Kostituzzjoni kienet tistabilixxi li l-partit li jiggverna jeħtieġ illi jkollu l-maġġoranza ta' siġġijiet, kien jeħtieġ illi tinbidel il-Kostituzzjoni. Wara għadd ta' inċidenti, attentati ta' tfixkil u anke żmien ta' taqtigħ ta' qalb, iż-żewġ klawżoli kienu ġew approvati u b'hekk kien assigurat illi ntlaħaq kompromess bejn iż-żewġ partiti politiċi. Minkejja li s-snin tmenin kien perjodu iebes għall-politika, Karmenu qatt ma kien jinstiga vjolenza politika u dejjem ried illi l-pajjiż jibqa' f'qagħda politika stabbli, tant illi waqt l-elezzjoni tas-sena 1987, huwa kien osserva l-proċess elettorali kollu bl-għan illi ma jkunx hemm wisq skossi u instabbilita' waqt il-perjodu ta' tibdil fil-gvern. Karmenu baqa' fil-kariga ta' Prim Ministru sat-12 ta' Mejju 1987, billi l-elezzjoni ta' dik is-sena kienet ġiet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista bis-saħħa tal-emendi fil-liġijiet elettorali li kienu mressqa 'l quddiem bl-appoġġ ta' Karmenu. Kien ukoll bis-saħħa tiegħu li pajjiżna laqa' fi ħdanu l-Malta Summit, illi kien jikkonsisti f'laqgħat bejn il-mexxejja tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Sovjetika, bl-għan illi jitnaqqsu t-tensjonijiet ikkawżati mill-Gwerra l-Bierda. Qiegħed ngħid dan għaliex kien filfatt Karmenu li appoġġja mill-bidu lill-politika tan-newtralita' u non-allineament li għamlet lil pajjiżna bħala l-post ideali għad-djalogu għall-paċi.


Il-ħidma ta' Karmenu Mifsud Bonnici fl-Oppożizzjoni.


Karmenu Mifsud Bonnici flimkien mal-predeċessur u ħabib tiegħu Dom Mintoff waqt konferenza.


Bħalma bħala Prim Ministru huwa kellu jmexxi lill-pajjiżna fi żminijiet diffiċli, hekk ukoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Karmenu kellu jmexxi lill-Partit Laburista fi żminijiet diffiċli. Minkejja li l-vjolenza politika kienet baqgħet tippersisti anke sa wara l-elezzjoni tal-1987, fejn saru attakki fuq il-każini u binjiet li kienu proprjeta' tal-Partit Laburista, Karmenu mill-ġdid qagħad lura milli jinstiga kwalunkwe vjolenza jew ritaljazzjoni, minflok huwa dejjem appella għall-għaqda, mhux biss fi ħdan il-pajjiż iżda anke fi ħdan il-Partit Laburista waqt żmien ta' taqtigħ ta' qalb jew waqt kwitsjonijiet li kienu inqalgħu internament, bħalma kienet il-kwistjoni bejn Lorry Sant u Dom Mintoff. Quddiem l-isfidi kollha, Karmenu kien jara li jagħmilha ta' medjatur bl-għan illi dejjem tinstab soluzzjoni sabiex il-Partit seta' jibqa' maqgħud u b'saħħtu, dan l-impenn wassal sabiex Karmenu seraq il-qalb ta' membri tal-Partit illi apprezzaw kif b'kalma u b'għaqal kien dejjem lest li jaffontra d-diffikultajiet kollha. Forsi l-iktar ġrajja importanti li Karmenu kellu sehem fiha bħala Kap tal-Oppożizzjoni kienet l-Imblokk tal-Portijiet Maltin f'Ġunju tas-sena 1988. Il-Gvern Nazzjonalista li kien għadu kif rebaħ l-elezzjoni tas-sena ta' qabel, kien diġa' wera li huwa ma jaqbilx mal-politika ta' newtralita' u non-allineament li kien jisħaq fuqha il-Partit Laburista, u li mbagħad kienet ġiet imnaqqxa fil-Kostituzzjoni sabiex seta' jintlaħaq kompromess bl-għan illi tinbidel il-Kostitzzjoni qabel l-elezzjoni tas-sena 1987. Il-Prim Ministru Fenech Adami ma kienx jaqbel mal-politika ta' newtralita' għaliex kien jgħid illi din tmur kontra l-interessi tal-pajjiż u ried illi pajjiżna jkollu iktar relazzjonijiet fil-qrib u kooperazzjoni militari mal-qawwiet militari tal-Punent, b'mod partikolari l-alleanza tan-NATO. Għaldaqstant, il-Gvern Malti ried illi jilqa' bastiment militari Brittaniku, magħruf bħala Ark Royal, fil-Portijiet Maltin, mingħajr ma jagħti ebda garanzija li dan il-bastiment ma kienx ser iġorr fuqu armamenti nukleari, illi apparti li kienu jmorru l-prinċipju ta' diżarmament li kien jisħaq fuqha il-Partit Laburista, dawn kienu wkoll ta' periklu. Għaldaqstant, Karmenu, flimkien mal-kumplament tal-Partit Labusrita u l-General Worker's Union, kienu opponew bil-qawwa d-daħla ta' dan il-bastiment. Mal-Oppożizzjoni kienu ngħaqdu wkoll għadd ta' ħaddiema Maltin, l-iktar il-ħaddiema tat-tarzna, illi bħalma dejjem kienu fl-imgħoddi, kienu fuq ta' quddiem nett sabiex ikunu ta' appoġġ għall-movimenti Soċjalisti f'Malta. Il-ħaddiema tat-tarzna, illi tant kienu għeżież għal Karmenu u li Karmenu tant kien għażiż għalihom, ingħaqdu ma' ħaddiema oħrajn sabiex organizzaw għadd ta' protesti madwar Malta, fosthom l-azzjoni tal-imblokk fiżiku tal-Port il-Kbir permezz tal-użu ta' żewġ bastimenti kbar illi kienu sorġuti fit-tarzna. Imblokk simili kien sar ukoll fil-Port ta' Marsaxlokk, billi tpoġġew għadd ta' braken bħala sinjal ta' protesta. Billi ż-żewġ portijiet kienu mblukkati, l-azzjonijiet tal-ħaddiema Maltin taħt id-direzzjoni tal-Partit Laburisa mmexxi minn Karmenu kienu suċċess, għaliex b'hekk il-bastiment militari Brittaniku ma setax jidħol fil-Portijiet Maltin. Din il-ġrajja hija waħda minn dawk il-ġrajjiet li turi kemm Karmenu kien jemmen fil-potenzjal tal-ħaddiema Maltin, illi huma kienu tant leali lejh. Din l-azzjoni tant kellha relevanza li l-azzjonijiet tal-ħaddiema Maltin kienu ta' ispirazzjoni għal azzjonijiet simili f'pajjiżi oħra, fejn l-istess bastiment militari Brittaniku reġa' ma tħallhiex jidħol fil-portijiet wara protesti simili.


Bħala membru fin-naħa tal-Oppożizzjoni, Karmenu kien dejjem jibqa' f'kull seduta, kultant kważi waħdu, jistaqsi u jiddiskuti kull klawżola tal-liġijiet illi jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati. Karmenu ma kienx jagħmel dan bl-għan illi jkisser dak illi jkun qiegħed jipproponi l-Gvern, iżda bl-għan illi jsaħħaħ. F'dan kollu Karmenu kienu juri għerf u kompetenza liema bħalha, fejn bosta drabi Ministri Nazzjonalisti kienu jbaxxu rashom għal dak illi huwa jkun qiegħed jipproponi. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Karmenu qatt ma kien diviżiv, iżda dejjem mexa b'maturita' u b'rispett illi kienet tiddistingwih minn politiċi oħra. Dan kollu wassal sabiex Karmenu rċieva rispett minn kull naħa tal-politika, inkluż mill-avversarji tiegħu. Karmenu mexxa lill-Partit Laburista waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tas-sena 1992, iżda din l-elezzjoni kienet reġgħet intrebħet mill-Partit Nazzjonalista. Wara r-riżultat tal-elezzjoni, Karmenu kien ħabbar ir-riżenja tiegħu minn mexxej tal-Partit Laburista għaliex huwa kien ħass minn jeddu li huwa obbligat li jċedi postu għal persuna oħra li setgħet tgħin fir-ristrutturar u t-tiġdid tal-istess partit. Ħafna membri tal-Partit ma rieduhx li jitlaq għaliex Karmenu kien maħbub u rispettat minn kulħadd; mill-iżgħar żagħżugħ sal-ikbar anzjan. Iżda Karmenu kien jemmen illi l-Partit kien jeħtieġ illi jimmodernizza ruħu, u għaldaqstant, huwa kien qiegħed iwitti t-triq għal dan bir-riżenja tiegħu. Karmenu sellem lill-Partit Laburista bħala mexxej tiegħu għall-aħħar darba nhar is-6 ta' Marzu 1992, waqt mass meeting fil-Gżira, fejn b'qalbhom maqsuma l-partitarji Laburisti sellmu għall-aħħar darba lil Karmenu bħala l-mexxej tagħhom, u infexxu f'ċapċipa kbira bid-dmugħ f'għajnejhom. Għalihom, Karmenu kien dak illi mexxa lil-Partit Laburista fl-iktar żminijiet diffiċli, kien dak illi għamlilhom kuraġġ u żammhom magħuqdin; ta' dan Karmenu kien maħbub. Wara elezzjoni interna li kienet saret fi ħdan il-Partit Laburista, Alfred Sant kien ġie maħtur bħala mexxej tal-Partit, u għaldaqstant il-kapitlu ta' Karmenu bħala mexxej Laburista ntemm wara perjodu ta' ftit iktar minn seba' snin. Madanakollu, Karmenu xorta waħda baqa' attiv fil-Parlament Malti bħala backbencher fl-Oppożizzjoni fejn huwa kompla bil-ħidma politika tiegħu f'din il-pożizzjoni sas-sena 1996. Huwa ma reġax ikkontesta elezzjoni ġenerali oħra u minflok huwa għażel illi jerġa' lura għall-imħabba oriġinali tiegħu, dik illi jipprattika ta' avukat. Minkejja li Karmenu ma baqax daqstant attiv fil-politika u fil-Partit Laburista, huwa xorta baqa' leali lejn il-Partit sal-aħħar tant illi baqa' jagħti s-sehem tiegħu u jipparteċipa fil-konferenzi tal-Partit bħala delegat sakemm ippermettietlu saħħtu.


Kontroversji dwar Karmenu Mifsud Bonnici.


Il-karriera politika ta' Karmenu Mifsud Bonnici hija wkoll imtappna minn ġrajjiet sfortunati li ħallew dell ikrah b'mod inġust fuq Karmenu. Nhar it-28 ta' Settembru 1984, wara dimostrazzjoni organizzata minn ħaddiema Maltin li għaliha kien attenda Karmenu, kien hemm inċident li fih kienu tkissru partijiet mill-bini tal-Kurja tal-Arċisqof. Dan l-inċident kien seħħ fil-kuntest tal-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knisja, kwistjoni li minnha nfisha kienet diġa' qanqlet kontroversja minħabba l-atteġġjament tal-Gvern mal-Knisja. Hawnhekk għandna nsemmu li din l-azzjoni kienet ġabet il-kundanna tal-Gvern Malti u li l-ħaddiema ma kienux instigati sabiex jagħmlu din l-azzjoni, tant illi fit-tmiem tad-dimostrazzjoni, Karmenu kien ħeġġeġ lill-ħaddiema sabiex imorru lura fil-post tax-xogħol tagħhom. Matul il-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knisja, il-Partit Labursita qatt ma kien ippromwova xi għamla ta' vjolenza fil-konfront tal-Knisja. Madanakollu, dan kien inċident illi kien qanqal kontroversja illi kien tefgħet lil Karmenu f'dell ikrah. Okkażjoni oħra li kienet qanqlet kontroversja kienet il-mod kif kienet ġiet trattata l-kwistjoni tal-hijack tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Eygptair, nhar it-23 ta' Novembru 1985. Dakinhar, grupp ta' terroristi kienu ħatfu lill-ajruplan u niżżlu bih fl-ajruport ta' Ħal Luqa bl-għan illi jipperswadu lill-awtoritajiet Maltin sabiex jagħtuhom provvista ta' fjuwil. Iżda bħala negozzjatur ewlieni, Karmenu Mifsud Bonnici assuma r-responsabbilita' għan-negozjati u kien insista li l-Gvern Malti ma kienx ser jagħti fjuwil qabel ma jiġu meħlusin l-ostaġġi kollha. Iż-żewġ partijiet ma kinux lesti li jċedu t-talbiet tagħhom u għaldaqstant in-negozjati bejn il-Gvern Malti u t-terroristi ma kinux qegħdin jirnexxu, tant illi qawwiet militari tal-Punent kienu qegħdin jitfgħu pressjoni fuq il-Gvern Malti sabiex iħallihom jintervjenu. Taħt pressjoni kbira, Karmenu kien awtorizza l-indħil ta' persunal militari Eġizzjan, illi kien intqal illi kienu ngħataw taħriġ speċjalizzat mit-taqsima militari tal-Istati Uniti magħrufa bħala Delta Force. It-truppi Eġizzjani kienu ġew imwissja sabiex qabel ma jagħmlu kwalunkwe forma ta' intervent, dawn kellhom jingħataw il-permess mill-Gvern Malti. Minkejja li kienu mogħtija din it-twissija, it-truppi Eġizzjani ma kinux ikkoperaw mal-Gvern Malti u minflok kienu għażlu li jattakkaw lill-ajruplan minkejja li kien għadd hemm il-passiġġieri fih. Il-Ministru Joe Grima jirrakonta kif meta huwa kien maġenb Karmenu Mifsud Bonnici waqt il-ħin tal-attakk, l-ewwel kliem ta' Karmenu kien ''daħku bina''. L-attakk kien ikkaġuna l-imwiet ta' sittin mid-disgħin passiġġier illi kienu abbord l-ajruplan. Dan l-inċident kien ukoll tefa' dell ikrah fuq il-persuna ta' Karmenu, minkejja li huwa kien għamel dak kollu li seta' fil-pożizzjoni tiegħu sabiex jiġu evitati l-imwiet. Din il-ġrajja kienet niktet ħafna lill-Karmenu, tant illi li kieku ma kinitx għall-pressjoni tal-Kabinett, huwa xtaq illi jirriżenzja. Każ ieħor li kien qanqal ħafna kontroversja kien il-każ tal-mass meeting fi Triq tal-Barrani fiż-Żejtun, minħabba li l-Gvern Malti ma kienx awtorizza li dan isir minħabba l-biża' li setgħu jinqalgħu inċidenti ta' vjolenza. Ġara iżda li l-mass meeting kien sar xorta waħda nhar it-30 ta' Novembru 1986. Hawnhekk kienet tqanqlet tensjoni li kkaġunat il-konfronti aggressivi bejn partitarji politiċi, konfronti li Karmenu ried jevita milli jsiru akkost ta' kollox għas-sigurta' ta' dawk preżenti. Dawn kienu ftit miċ-ċirkostanzi diffiċli li kellu jiltaqa' magħhom Karmenu Mifsud Bonnici matul iż-żmien tiegħu fil-politika, illi kien bniedem illi kellu jmexxi lill-pajjiżna waqt perjodu tant diffiċli li kien ikkaratterizzat minn instabbilita' politika u inċidenti. Jista' jkun li seta' aġixxa b'mod aħjar f'dawn iċ-ċirkostanzi, iżda naħseb li għandna nżommu f'moħħna li huwa ġenwinament kien għamel dak kollu li huwa ħaseb illi kien fl-interess tal-pajjiż. Irridu niftakru li dan kien il-bniedem illi kellu jidħol f' pożizzjoni li jmexxi lill-pajjiż bħala Prim Ministru eżattament bejn żewġ ġganti fil-politika Maltija; Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami, filwaqt illi kellu jagħmel dan waqt perjodu ikrah illi kien fisser tensjoni politika rampanti fil-pajjiż illi kkaġunat firdiet kbar. Wieħed jista' jargumenta li Karmenu kien ineffettiv quddiem dan kollu, iżda l-verita' hija li l-impenn sabiex jissolvew il-kriżijiet politiċi kienu jeħtieġ sehem minn kulħadd, Karmenu waħdu ma setax jikkontrolla l-vjolenza politika li kienet qiegħda titwettaq minn persuna radikali fiż-żewġ partiti. Faċli li wieħed jiġġudika, iżda naħseb li wieħed irid jikkunsidra ċ-ċirkostanzi ta' dak il-perjodu sabiex huwa jkun jista' verament jgħaddi ġudizzju ġust fuq id-deċiżjonijiet tiegħu. Nemmen li fuq Karmenu Mifsud Bonnici għad irid jinkiteb u jintqal ħafna iżjed, u b'hekk il-ħidma u l-ħajja tiegħu jkunu jistgħu jiġu ġġudikati b'mod iżjed ġust.


It-twemmin b'konvinzjoni ta' Karmenu Mifsud Bonnici.


Karmenu Mifsud Bonnici jieħu l-ġurament bħala Prim Ministru ta' Malta - 22 ta' Diċembru 1984.


Minkejja li jista' jingħad ħafna fuqu, żgur illi ħadd ma jsib oġġezzjoni sabiex jammetti li Karmenu kien persuna mogħni b'diversi prinċipji li baqa' leali lejhom sal-aħħar, anke meta ħaddieħor kien abbandunahom u warrabhom. Karmenu kien persuna li kien jemmen b'konvinzjoni fit-twemmin personali tiegħu u f'dak illi huwa jkun ikun qiegħed jagħmel u jgħid. Karmenu ma ddejjaq xejn jieħu pożizzjonijiet kontroverjali u li tefgħuh f'dell ikrah; bħalma meta wera ħbiberija ma' mexxejja ta' pajjiżi Għarab, meta wera l-appoġġ tiegħu mingħajr ebda riżervi għall-kawża tal-Palestina, meta kien isostni li huwa favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis u meta wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-indħil militari tal-qawwiet tal-Punent fl-Iraq, fl-Afghanistan u fil-Libja. Ħafna kienu jqisuh bħala bniedem illi ma jafx xi jgħid jew bħala bniedem radikali, iżda f'kull pożizzjoni li ttieħdet minnu matul ħajtu rigward varjeta' ta' kwistjonijiet differenti, Karmenu kien jemmen bis-sħiħ fil-pożizzjonijiet tiegħu u kien juża kwalunkwe mezzi disponibbli għalih, anke meta kien irtira mill-politika, sabiex iħaddimhom fil-prattika. L-ikbar passjoni li kellu f'ħajtu Karmenu kienet it-twemmin soċjalista, illi kienet tixprunah sabiex jieħu pożizzjoni kontra l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u favur iż-żamma tal-politika tan-newtralita' u non-allineament. Karmenu kien jemmen illi d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien jimmina l-poter u s-supremazija tal-Kostituzzjoni ta' Malta, għalih is-sħubija ta' kienet tfisser illi pajjiżna tilef l-Indipendenza u l-Ħelsien tiegħu minħabba li l-poter tal-Gvern Malta kien ġie limitat għaliex dan ikollu jiggverna skont il-poteri limitati li kienet tipprovdi l-Kostituzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Huwa kien jemmen illi l-Unjoni Ewropea kienet qiegħda timmina lis-sovranita' tal-istati membri filwaqt illi kien jisħaq illi l-Unjoni Ewropea kienet qiegħda tiġi wisq militarizzata, minħabba l-qrubija tagħha lejn l-alleanza militari tan-NATO. Karmenu kien jemmen ukoll illi billi l-Unjoni Ewropea hija unjoni Liberali, din kienet thedded lill-prinċipji ekonomiċi tas-Soċjaliżmu u għaldaqstant l-Unjoni tiffavorixxi miżuri Kapitalisti fuq miżuri Soċjalisti. Għalih, l-Unjoni Ewropea kienet se tiżvantaġġja lil pajjiżna b'diversi modi, l-iktar minħabba l-fatt illi pajjiżna kien ser ikollu joqgħod għal dak illi jiddeċiedu l-pajjiżi membri tal-Unjoni, anke jekk dan mhuwiex fl-interess ta' pajjiżna. Huwa kien voċiferu wkoll favur it-tisħiħ tal-politika tan-newtralita' ta' Malta u tan-non-allineament, tant illi kien kritiku ħafna tas-sehem illi kellu l-Gvern Malti fl-interventi militari li kienu qegħdin isiru fl-Iraq u fil-Libja, fejn kien qal illi pajjiżna kien kompliċi fit-twettiq ta' dawn l-interventi billi ħalliet bastimenti u ajruplani militari jużaw lit-territorju tagħha. Huwa kien voċiferu wkoll kontra s-sħubija ta' Malta fil-programm tal-alleanza tan-NATO magħruf bħala Partnership for Peace, għaliex huwa qiegħed isostni li dan imur kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta. Huwa kien kontinwament jitħadded fuq l-importanza li Malta tibqa' strument ta' paċi, bl-għan illi pajjiżna jkun jista' jgħin fiż-żamma tal-paċi fil-Mediterran, tant illi huwa sostna li n-newtralita' tfisser illi pajjiżna għandu jaħdem sabiex titwitta t-triq għad-diżarmament tal-pajjiżi. Karmenu kien waqqqaf il-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali (CNI), organizzazzjoni li kellha l-għan speċifiku sabiex taħdem għall-konservazzjoni tan-newtralita u sabiex topponi s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Flimkien ma' Dom Mintoff huwa kien waqqaf ukoll il-Front Maltin Inqumu (FMI) sabiex ikun jista' jiġġieled għall-istess kawżi.


Minkejja li Karmenu ma kienx għad baqa' daqstant attiv fix-xena politika, huwa xorta waħda kien irnexxielu li jħalli impatt sinifikanti fl-istess xena politika; l-iktar meta huwa kien ressaq il' quddiem 86 emenda dwar il-liġi industrijali u tal-impjiegi f'isem il-General Worker's Union, illi minnhom kienu ġew aċċettati 82 emenda mill-Partit Nazzjonalista. Dan effettivament ifisser illi l-liġi industrijali u tal-impjiegi li għandna preżentament tfasslet permezz tal-ħidma sfieqa ta' Karmenu li baqa' sal-aħħar konvint illi jibqa' jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Kien l-istess Karmenu li ressaq mozzjoni 'l quddiem waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista sabiex dan ma jieħux pożizzjoni favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, għaliex huwa kien sostna li billi l-Unjoni Ewropea kellha teoriji li jmorru kontra s-Soċjaliżmu, il-Partit Laburista ma setax jibqa' jimxi fuq it-twemmin Soċjalista jekk dan jieħu pożizzjoni favur is-sħubija. Karmenu kien ukoll saħaq fuq l-importanza li l-istatut tal-Partit Laburista jistqarr b'mod ċar illi l-Partit huwa wieħed Soċjalista-Demokratiku u mhuwiex wieħed Soċjal-Demokratiku. Karmenu baqa' jgħożż lill-Partit Laburista sal-aħħar u għaldaqstant huwa ma ddejjaq xejn illi jipproponi jew anke jikkritika pożizzjonijiet tal-Partit bl-għan illi jsaħħaħ u jtejjeb lill-istess partit sabiex dan ikun jista' jibqa' jiġġedded filwaqt illij jirrispetta lill-għeruq Soċjalisti tiegħu.


Il-karattru personali ta' Karmenu Mifsud Bonnici.


Karmenu Mifsud Bonnici kellu mħabba kbira lejn l-iktar vulnerabbli tas-soċjeta', inkluż l-anzjani.


Kif ġie stipulat qabel, Karmenu qatt ma xtaq illu jkun fil-politika. Anzi, huwa stqarr illi jiddispjaċih illi minħabba l-karriera politika tiegħu huwa kellu jispiċċa jwarrab aspetti mill-ħajja privata tiegħu. Karmenu kien bniedem sempliċi li kien jieħu gost bl-iktar affarijiet sempliċi; huwa kien jieħu gost iqatta' ħin mal-ħbieb tiegħu, inaqqar il-ħelu, jimxi passiġġati twal u jaqra diversi kotba, l-iktar dawk rigward politika u storja. L-ikbar ħabib ta' Karmenu kien bla dubju l-predeċessur tiegħu, Dom Mintoff. Meta Karmenu kien jitħadded fuqu għajnejh kienu jixgħelu; għalih Mintoff kien dak il-persuna li għallem lill-poplu Malti joqgħod fuq saqajh u l-persuna li fih sab ħabib personali. Min jaf kemm-il darba Karmenu kien imur fir-residenza ta' Dom Mintoff, l-Għarix, fejn kienu jiltaqgħu u jagħmlu ikliet flimkien ma' ħbieb oħrajn. Anke fi żmien meta Dom Mintoff kien ġie iżolat fl-aħħar snin ta' ħajtu, Karmenu baqa' dejjem hemmhekk għalih, xhieda tal-lealta' li dan il-bniedem kellu lejn ħbiebu, lealta' li ntweriet minnu wkoll fil-mod kif huwa mexxa lill-Partit Laburista u lill-pajjiż. Karmenu kien persuna ta' umilta' kbira, tant illi minkejja li kien ġab bosta bidliet fix-xena lokali, huwa qatt ma kien jagħmel wisq storbju fuqhom. Huwa qatt ma ħalla l-poter jitla' għal rasu, baqa' dak il-bniedem kwiet u sinċier illi kien qabel ma nħatar f'karigi pubbliċi. Mhux talli ma kienx iħalli l-poter jitla' għal rasu, iżda talli ħafna drabi kien jikser protokolli formali; mhux l-ewwel darba li telaq mill-uffiċju tiegħu ta' Prim Ministru sad-dar tiegħu fil-Ħamrun, anke bil-lejl, filwaqt illi meta seta' huwa dejjem baqa' jsuq il-karozza personali tiegħu, Volkswagen. Meta huwa kien Prim Ministru, huwa kien iħalli ċ-ċavetta tal-karozza tiegħu lill-pulizija għassa mad-dar tiegħu sabiex joqgħod fiha minflok jibqa' barra. Jekk filgħodu kien isibu rieqed ma kienx iqajmu, iżda kien jitlaq lejn il-Belt bil-mixi. Mhux l-ewwel darba li Karmenu kien jirrifjuta l-paga ta' Prim Ministru sabiex ikun jista' jqassamha ma' ħaddieħor, simili għal kif huwa ma kienx jaċċetta li jitħallas tas-servizzi tiegħu ta' avukat. Karmenu kellu għal qalbu lill-Unversita' u lill-istudenti, meta huwa kien lettur ġewwa l-Universita' huwa dejjem prova jgħaddi l-valuri u l-prinċipji tiegħu lill-istudenti li kienu jitgħallmu mingħandu. Karmenu kien bniedem ta' intellett straordinarju, speċjalment fejn tidħol il-liġi industrijali u fiskali li tagħhom huwa kien nistgħu ngħidu espert. Huwa qatt ma uża dan l-għerf għall-vantaġġ personali tiegħu iżda użah sabiex seta' jgħin lil ħaddieħor, l-iktar lill-ħaddiema Maltin. Ftit xhur qabel ma miet, huwa kien għamel donazzjoni ġeneruża ta' għadd ta' kotba personali tiegħu lill-Universita' ta' Malta, f'tentattiv ieħor sabiex jaqsam l-għerf tiegħu ma' ħaddieħor. Mingħajr dubju, Karmenu kien rispettat minn kulħadd għaliex huwa juri l-istess rispett ma' kulħadd; l-umilta' u l-umanita' tiegħu kienet waslet sabiex Karmenu daħal fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Min jaf kemm-il darba żar anzjani fl-isptarijiet, u min jaf kemm-il darba għen b'mod finanzjarju lil persuni sabiex iħallsu spejjeż tagħhom; Karmenu kien jagħmel għadd ta' opri ta' karita' minn wara l-kwinti ma' bosta familji u persuni, l-iktar fl-inħawi tal-Ħamrun u Santa Venera. Hemm ħafna rakkonti li huma prova ta' dan, saħanistra huwa anke ħallas funerali ta' persuni li ma kien ikollhom lil ħadd preżenti waqt il-funeral. Karmenu kien persuna li kellu fidi kbira fit-twemmin Kattolika; mhux biss meta kien f'għaqdiet reliġjużi iżda matul ħajtu kollha. Anke meta kien avvanzat sewwa fl-eta', huwa kien imur frekwenatment jipparteċipa fil-quddies fil-knisja tal-patrijiet Karmelitani f'Santa Venera, fejn saħanistra kien iqum minn bilqiegħda u joffri postu lill-ħaddieħor. Nemmen illi apparti l-konvinzjoni tiegħu fl-ideoloġija Soċjalista, kienet ukoll il-fidi fir-reliġjon Kattolika li kienet tixprunah sabiex jagħmel tant atti filantropiċi għall-ġid tal-komunita' ta' madwaru. Ħaddieħor uża l-politika u l-professjonijiet tiegħu sabiex jistgħana, iżda Karmenu baqa' jgħix fl-istess dar flimkien ma' ħutu, illi kienu tant jirrispettaw lil ħuhom. Billi Karmenu kien għażeb, għalih il-familja kienet importanti wisq u qatt ma ħalla lill-politika sabiex tifirdu minn familtu, minkejja li ma kienux jaqblu miegħu politikament. Ħaddieħor uża l-politika sabiex ikisser lill-avversarji tiegħu, Karmenu uża l-politika sabiex jipprattika dak li jemmen fih u sabiex jagħmel ġid lil pajjiżu li huwa tant kien jgħożż u li għalih Karmenu kien iddedika ħajtu.


" Jiddispjaċini ħafna li l-ħajja nbidlet kompletament. Qatt ma xtaqt li nkun daqshekk fil-limelight, dejjem xtaqt li ma nkunx magħruf u ma nkunx qed niġbed l-attenzjoni ta’ ħadd... meta nista’ naħrab għal rasi u nsuq il-karozza jien, il-Volkswagen u kuntent biha. "

- Karmenu Mifsud Bonnici.


Għeluq.


Karmenu Mifsud Bonnici ħalla din id-dinja fl-eta' ta' 89 sena. Anke f'mewtu xtaq illi jkun ta' eżempju, għaliex b'xhieda ta' umilta' liema bħala huwa talab illi ma jingħatax funeral statali, minflok huwa xtaq funeral sempliċi u mingħajr wisq pompa. Madanakollu, għall-funeral tiegħu kienu attendew mijiet ta' persuni minn Malta u Għawdex, xhieda ta' kemm dan il-poplu huwa grat lejn dan il-ħidma u l-ħajja ta' dan il-bniedem. Karmenu kien dak il-bniedem li kellu jmexxi lill-pajjiżna fl-iktar żminijiet diffiċli fl-istorja moderna tiegħu. Meta huwa kien inħatar bħala Prim Ministru, pajjiżna kien għadu kif ingħata b'mod riċenti l-ikbar kisbiet fl-istorja ta' ġensna; l-Indipendenza fl-1964, ir-Repubblika fl-1974 u l-Ħelsien fl-1979. Dawn il-kisbiet kienu ddeterminaw il-bidu ta' era ġdida għal Malta, bidu li ma kienx nieqes minn sfidi u diffikultajiet; ħadd ma kien konvint illi pajjiżna seta' jimxi għal rasu u li ġensna seta' jkollu rajh f'idejh. Fl-istess waqt, inqalgħu għadd ta' kwistjonijiet politiċi fil-pajjiż li żgur illi ma għenux lill-qagħda ta' pajjiżna, minflok dawn ħolqu diviżjonijiet insensati bejn il-poplu. Kien f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli li fihom Karmenu kellu jmexxi lill-poplu Malti, filwaqt illi kellu wkoll jiltaqa' ma' sfidi u diffikultajiet interni fil-Partit Laburista, fl-istess waqt huwa kellu jaffronta Oppożizzjoni li bl-ebda mod ma riedet illi tiddjaloga miegħu, anzi, kienet iżżebilħu u tinsulentah. Lil Karmenu ħafna jispiċċaw jinsewh, jew jekk niftakru fih, iqisuh biss bħala dak il-Prim Ministru li dam sentejn u ftit xhur bejn Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami. Uħud jagħżlu li jassoċċjawh ma' inċidenti politiċi partikolari li tappnu r-reputazzjoni immakulata li kellu dan il-bniedem, għaliex nadif daħal fil-politika u nadif ħareġ. Nittama li nitgħallmu li napprezzaw iżjed lil dawn il-persunaġġ, għaliex minnu għandna ħafna x'nistgħu nitgħallmu. M'hemmx ombra ta' dubju li Karmenu kien bniedem onest, ġenwin u umli, bniedem ta' prinċipju li kellu konvinzjoni f'dak illi kien jemmen u jipprattikka, bniedem illi dejjem poġġa lill-ħaddiem l-ewwel u lilu nnifsu fl-aħħar post. Jiena ninsab konvint illi l-irjieħat tal-istorja xi darba għad iridu jagħmlu ġustizzja ma' Karmenu Mifsud Bonnici, irjieħat illi ser jaqilgħu minn fuq isem dan il-persunaġġ dak kollu li ħsibna li huwa minnu u jagħtuna perċezzjoni iktar reali ta' min kien Karmenu. B'hekk biss illi l-poplu Malti u Għawdxi jkun jista' japprezza b'mod iżjed ġust lil dan il-persunaġġ politiku, illi f'dak kollu li għamel, huwa dejjem poġġa lil Malta l-ewwel u qabel kollox.


Jistrieħ fis-sliem.


***


Dan l-artiklu ġie ppubblikat fl-okkażjoni ta' għeluq is-sena mill-mewt ta' Karmenu Mifsud Bonnici.


126 views0 comments

Recent Posts

See All

ความคิดเห็น


Post: Blog2_Post
bottom of page