L-INĠUSTIZZJI MWETTQA FIL-ĠŻEJJER MARXALL.
- Eman Farrugia
- Jun 18, 2023
- 13 min read
Updated: Jan 22, 2024

Il-koppla ta' Runit fuq l-atoll ta' Enewetak. Il-koppla taħżen fiha materjal radjoattiv u hija għaxar darbiet aktar radjoattiva minn Chernobyl.
Introduzzjoni ġenerali.
Il-Ġżejjer Marxall, (Marshall Islands) li uffiċjalment huma magħrufa bħala r-Repubblika tal-Ġżejjer Marxall (Republic of the Marshall Islands) huma katina ta' ġżejjer żgħar li jinsabu fir-reġjun tal-Mikroneżja li jinsab fl-Oċean Paċifiku. Il-Gżejjer Marxall jikkonsistu minn 29 atoll u 5 gżejjer u ġew ifformati mill-attivita' sismika li nsibu f'dan ir-reġjun. Il-gżejjer għandhom popolazzjoni ta' madwar 42,000 ruħ, bil-maġġoranza assoluta tagħhom ikunu residenti fil-belt kapitali Majuro u fil-gżira ta' Ebeye, li huma l-akbar insedjamenti urbani fuq il-gżejjer. Fl-1979 ġie fformat gvern sabiex jiggverna lill-gżejjer b'mod awtonomu u fl-1986 il-gżejjer saru formalment pajjiż indipendenti u sovran. Il-Gżejjer Marxall ffirmaw il-'Compact of Free Association' fl-1983 li jagħti jedd lill-Istati Uniti sabiex hija tkun tista' tuża lil dawn il-gżejjer bħala bażijiet militari bil-kundizzjoni li l-poplu tal-Gżejjer Marxall ikollhom id-dritt li jgħixu u jaħdmu fl-Istati Uniti mingħajr bżonn ta' 'visa'.
Minkejja ċ-ċokon u l-pożizzjoni ġeografika pjuttost remota tagħhom, dawn il-gżejjer kellhom sehem attiv waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u waqt il-Gwerra l-Bierda fejn ġew użati bħala bażijiet militari minn bosta qawwiet militari tal-Punent, fosthom l-Istati Uniti u l-Ġappun. Fis-sekli ta' qabel, il-Gżejjer Marxall sabu ruħhom ukoll maħkuma mill-Ispanjoli u aktar tard mill-Ġermaniżi li stabillixxew il-kolonji tagħhom fuq dawn il-gżejjer sabiex jiksbu vantaġġ militari u politiku fl-inħawi.
F'dan l-artiklu ser inkunu qegħdin nagħtu ħarsa dwar kif dawn il-gżejjer ġew sfruttati u abbużati kawża tal-preżenza ta' dawn il-bażijiet militari li waslu sabiex twettqu inġustizzji u atti li jmorru kontra d-dinjità umana. Ser nagħtu ħarsa wkoll dwar kif il-preżenza militari ġo dawn il-gżejjer waslet sabiex issir ħsara irreparabbli li ser tkompli tgħakkes lill-poplu tal-Ġżejjer Marxall għal diċenji sħaħ.
Il-qawwiet barranin li ħakmu lill-Ġżejjer Marxall.

Tul il-preżenza militari tagħha, l-Istati Uniti wettqet xejn inqas minn 67 test nukleari fuq il-Gżejjer Marxall.
L-ewwel residenti fil-Gżejjer Marshall waslu fit-Tieni Millenju Q.K., madwar elfejn sena ilu mill-inħawi tal-Mikroneżja. Il-poplu tal-Gżejjer Marxall kienu primarjament baħħara b'ħiliet kbar u żviluppaw kultura u indentita' unika li tinkludi anke lingwa li għadha mitkellma fuq dawn il-gżejjer sal-lum il-ġurnata. Is-soċjeta' tal-gżejjer kienet mibnija fuq ir-rispett u t-tolleranza bejn il-klassijiet soċjali tal-gżejjer u bosta familji bdew jistabilixxu l-propjetajiet tagħhom fuq l-artijiet mifruxa fl-arċipelagu. Skont it-tradizzjoni indiġena, l-art tal-familja hija oġġett sagru u ta' valur kbir, dan minħabba ċ-ċokon tal-gżejjer u l-iskarsita' tal-art. Dawn l-artijiet bdew jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Wara sekli sħaħ mingħajr ebda kuntatt mal-Ewropa, fis-sena 1529 l-esploraturi Spanjoli waslu fuq dawn il-ġżejjer li aktar tard saru kolonja Spanjola. L-Ispanjoli damu jippossjedu l-Gżejjer Marxall sas-seklu dsatax fejn il-gżejjer saru protettorat Ġermaniża. Ma jidhirx li kien hemm xi reżistenza mill-Ispanjoli sabiex dan ma jsirx u t-tranżizzjoni minn kolonja Spanjola għall-kolonja Ġermaniża kienet pjuttost paċifika minkejja li kien hemm diżgwid bejn iż-żewġ imperi rigward sjieda territorjali. Il-Gżejjer Marxall saru formalment protettorat Ġermaniża fl-1885 wara li l-Ġermaniżi xtrawhom minn taħt idejn l-Ispanjoli. Minkejja li l-poplu tal-gżejjer gawda minn żieda qawwija fil-kummerċ, il-poplu ma kellu l-ebda immunita' kontra mard mill-kontinent Ewropew u għalhekk bosta residenti mietu kawża ta' dan.
L-inġustizzji mwettqa mill-Ġappuniżi.
Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Ġappun bdiet tokkupa u tinvadi għadd ta' kolonji tal-Ġermanja fir-reġjun tal-Mikroneżja, fosthom il-Gżejjer Marxall. Wara t-Trattat ta' Versailles il-gżejjer sabu ruħhom taħt okkupazzjoni Ġappuniża mingħajr ebda konsultazzjoni mar-residenti indiġeni. Taħt il-ħakma Ġappuniża l-identita' u l-kultura tal-gżejjer kienet mhedda b'mod sistematiku fejn bdew jiġu proposti riformi li kienu ser jisforzaw is-sistema soċjali Ġappuniża sabiex tieħu post is-sistema soċjali Marxalliża. Uħud minn dawn ir-riformi kienu jipproponu li l-gżejjer jadottaw sistema patrijarkali Ġappuniża, liema riforma qatt ma seħħet. Minkejja dan, il-Ġappuniżi rnexxielhom b'suċċess jisforzaw it-tagħlim tal-lingwa Ġappuniża, bdew jintroduċu l-kultura Ġappuniża u bdew jgħallmu lir-residenti indiġeni fi skejjel Ġappuniżi li bdew jitwaqqfu. L-istrateġija li twettqet mhux biss fil-Ġżejjer Marxall iżda fil-kumplament tal-Mikroneżja saret bl-iskop speċifiku li jiġu abbandunati l-kulturi u l-indentitajiet indiġeni sabiex dawn jiġu mibdula mal-kultura u l-identita' Ġappuniża b'mod sforzat.
Waqt il-ħakma Ġappuniża, r-residenti indiġeni kienu wkoll esposti għall-vjolenza mit-truppi Ġappuniżi fejn f'każ partikolari ġew maqtula tmien persuni indiġeni fost każijiet oħra ta' massakri mwettqa. Il-Marxalliżi ġew miċħuda mill-artijiet tagħhom li kienu ntirtu minn ġenerazzjonijiet sħaħ sabiex ikunu jistgħu jinbnew il-bażijiet militari tal-armata Ġappuniża mingħajr ebda għotja ta' kumpens. Il-Marxalliżi ġew mitfugħa l-ħabs mingħajr ma kien hemmm smigħ tal-każijiet tagħhom u ħadmu bħala skjavi għat-truppi Ġappuniżi. Il-Ġappuniżi ġabu wkoll għadd ta' skjavi Koreani sabiex jibnu uħud mill-bażijiet militari fil-gżejjer, li aktar tard ġew immassakrati fis-seklu għoxrin. Testimonjanzi tal-Marxalliżi jiddeskrivu l-abbuż u l-isfruttament imwettaq mill-Ġappuniżi fil-konfront tal-poplu indiġenu li ġie mneżża' mid-drittijiet umani tiegħu u miċħud mill-identita' unika tiegħu.
L-inġustizzji mwettqa mill-Istati Uniti.
Wara li l-Ġappuniżi wettqu l-attakk fuq Pearl Harbor fl-istat tal-Ħawaj, l-Istati Uniti immedjatament iddikjaraw gwerra kontra l-Ġappun f'Diċembru tal-1941 u bdiet twettaq attakki fil-konfront tal-Ġappun u t-territorji li l-Ġappuniżi kienu jippossjedu fir-reġjun tal-Mikroneżja fl-Oċean Paċifiku, inkluż ukoll il-Gżejjer Marxall. Għalhekk, il-Marxalliżi b'mod intortament daħlu fi gwerra minħabba li kienu kolonja tal-Ġappun u b'konsegwenza ta' dan batew minn nuqqas ta' riżorsi bażiċi u sfaw maqbuda fil-gżejjer mingħajr ebda protezzjoni. Matul il-gwerra, kemm l-Istati Uniti u kemm il-Ġappun kienu responsabbli għall-qtil tal-Marxalliżi, kawża ta' massakri min-naħa tat-truppi Ġappuniżi u ibbumbardjar mill-ajru min-naħa tat-truppi Amerikani. Il-Marxalliżi kellhom isofru minn ġuħ rampanti u ġew sforzati 'l barra mir-residenzi tagħhom li issa kienu saru l-grawnd tal-battalja bejn iż-żewġ armati. Waqt l-invażjoni mill-Istatu Uniti kienet saret ħsara konsiderevoli fl-infrastruttura tal-gżejjer u nqatlu mijiet ta' persuni indiġeni filwaqt li ħafna oħrajn sfaw feruti kawża tal-attakki. L-attakki laħqu l-qofol tagħhom fi Frar tal-1944 waqt il-famuża Battalja ta' Kwajalein.
Wara li l-kampanja tal-Istati Uniti kienet irriżultat f'suċċess, il-Ġappuniżi ċedew u għaddew il-ġżejjer f'idejn l-Istati Uniti li issa bdew jokkupaw u jammnisitraw il-Gżejjer Marxall. Il-Gżejjer Marxall ġew rikonoxxuti bħala territorju Amerikan fis-sena 1947 u għalhekk mill-ġdid il-poplu Marxalliż spiċċa maħkum mingħajr il-kunsens tiegħu. Wara li ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, kien evidenti li l-armi nukleari kien ser ikollhom irwol importanti fil-Gwerra l-Bierda. L-Istati Uniti, minkejja li rat l-impatti diżastrużi li ħallew dawn l-armi waqt l-attakki ta' Hiroshima u Nagasaki, xorta waħda baqgħet turi interess fl-użu ta' dawn l-armi u kellha l-interess li jwettqu għadd ta' testijiet nukleari b'risposta għall-avvanzi li bdew jitwettqu fl-armi tal-qerda tal-massa min-naħa tal-Unjoni Sovjetika. Mis-sena 1946 sas-sena 1958, l-Istati Uniti wettqet xejn inqas minn 67 test nukleari fuq il-gżejjer li waslu għal għadd ta' problemi soċjali u ambjentali. Kawża tal-okkupazzjoni Amerikana, bosta residenti indiġeni ġew imkeċċija u sforzati 'l barra mill-gżejjer li kienu jsejħu bħala d-dar tagħhom li issa ġew meħuda mit-truppi Amerikani sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-bażijiet militari tagħhom jew sabiex ikunu jistgħu jesperimentaw b'armamenti nukleari fuq dawn l-artijiet. Uħud mill-aktar inħawi milquta mit-testijiet nukleari li twettqu fil-Gżejjer Marxall kienu ż-żewġ atolli ta' Enewetak u ta' Bikini.

Ritratt minn satellita li juri l-ħsara fuq l-atoll ta' Enewetak li fih jidhru żewġ krateri fejn darba kien hemm il-gżira ta' Elugelab, liema gżira ġiet eliminata totalment kawża tat-testijiet nukleari.
Waqt it-testijiet nukleari, l-ambjent tal-gżejjer u kif ukoll il-baħar tal-madwar ġew ikkontaminati kawża tal-materjal radjoattiv mill-esperimenti nukleari. Kawża tal-bombi nukleari użati, ġew meqruda u eliminati totalment gżejjer sħaħ li darba laqgħu fihom bijodiversità u residenti indiġeni. Bosta Marxalliżi ġew sforzati jsibu refuġju mir-radjazzjoni fuq ġżejjer oħra fl-arċipelagu, fosthom fuq il-gżira ta' Ebeye filwaqt li residenti indiġeni oħrajn ġew abbandunati totalment mit-truppi Amerikani u tħallew maqbuda fuq ġżejjer b'nuqqas ta' riżorsi bażiċi u jsofru l-ġuħ. Il-Marxalliżi ġew stuprati mid-dinjità umana tagħhom fejn ġew miċħuda mill-propjetà, mir-riżorsi u mis-saħħa tagħhom.
Waqt it-test nukleari tal-bomba 'Castle Bravo' f'Marzu tal-1954, it-truppi Amerikani naqsu milli jevakwaw ir-residenti tal-atolli ta' Rongerik u Rongelap qabel ma sar it-test nukleari u dawn ir-residenti ġew evakwati jiem sħaħ wara li kien twettaq it-test meta r-radjazzjoni kienet diġa' bdiet tagħmel l-effetti tagħha fuq ir-residenti u fuq l-ambjent tal-gżejjer. Il-bomba nukleari kellha saħħa ta' ħmistax-il megatunellata ta' TNT u kienet madwar elf darba aktar b'saħħitha mill-bomba 'Little Boy' li ntużat f'Hiroshima. Ir-radjazzjoni nfirxet fuq medda ta' bosta kilometri u ħonqot lill-gżejjer tal-madwar li waqt id-detonazzjoni kienu għadhom abitati. Ir-radjazzjoni saħansitra nfirxet madwar id-dinja kollha u spiċċat anke laqtet lill-Istati Uniti u lill-Ewropa. Id-detonazzjoni ta' din il-bomba nukleari qajmet diskussjoni internazzjonali dwar l-użu tal-armi nukleari u waslet sabiex jiġi ffirmat trattat f'Moska fis-sena 1963 li pprojbixxa parzjalment l-użu tan-nukleari fuq l-art, fl-ibħra u fl-ispazju. Minkejja l-importanza dan it-trattat, fid-dinja tal-lum xorta waħda teżisti t-theddida tal-użu tal-armi tal-qerda tal-massa minħabba l-fatt li qatt ma sar impenn sabiex il-pajjiżi kollha jiġu żarmati minn dawn it-tip ta' armi perikolużi. L-Istati Uniti hija waħda mit-tmien pajjiżi li għadha sal-lum tirrifjuta li tirratifika it-Trattat Komprensiv sabiex iċċedi l-armi nukleari tagħha
Il-koppla ta' Runit inbniet fuq l-atoll ta' Enewetak fis-snin sebgħin wara attentat mill-awtoritajiet Amerikani sabiex inaddfu u jiġbru l-iskart radjoattiv u tossiku li kien tħalla għal madwar tletin sena mifrux fuq l-atolli u l-gżejjer. Minkejja li l-koppla tal-konkrit taħżen fiha madwar 73,000 metru kubu ta' materjal radjoattiv, huwa maħsub li ma tneħħiex l-ammont totali ta' materjal transuraniku fl-atoll. Wara t-tbatija kollha li sofra l-poplu Marxalliż kawża tan-negliġenza mill-awtoritajiet Amerikani, l-Istati Uniti kellha l-għardir li tittrasporta iżjed skart radjoattiv mill-istat ta' Nevada fl-Istati Uniti għall-Ġżejjer Marxall u spiċċat użat l-koppla ta' Runit bħala miżbla sabiex tordom l-iskart radjoattiv tagħha u taħbi dnubietha, f'istruttura li qiegħda titmermer. Minkejja li l-koppla ta' Runit tinsab madwar 7,000 mil il-bogħod mill-belt kapitali tal-Istati Uniti, dik ta' Washington D.C., din tinsab madwar 650 mil biss il-bogħod minn Majuro, il-belt kapitali tal-Ġżejjer Marxall. Waqt il-kostruzzjoni tal-koppla ta' Runit, bosta truppi Amerikani mietu jew mardu kawża tar-radjazzjoni qawwija mill-iskart radjoattiv. Minkejja dan, il-Gvern Amerikan irrifjuta li jagħti kumpens finanzjarju b'riparazzjoni ta' dawn l-imwiet u l-mard. Sadanittant, il-koppla ta' Runit żviluppat bosta ħsarat strutturali serji matul is-snin u għalhekk teħtieġ intervent urġenti sabiex il-koppla ma ċċediex għal ġol-baħar li huwa biss ftit metri l-bogħod, dan b'konsegwenza tal-livelli tal-baħar li dejjem qegħdin jgħolew b'rata allarmanti kawża tat-tibdil fil-klima. Jekk dan iseħħ, huwa maħsub li jista' jseħħ diżastru ekoloġiku fl-inħawi li jista' jħalli impatt negattiv fuq il-ħajja marittima, fuq is-saħħa tar-residenti tal-Gżejjer Marxall u anke fuq is-saħħa tal-ġnus tal-pajjiżi fil-viċinanzi tar-reġjun tal-Mikroneżja.

Ir-residenti tal-atoll ta' Bikini jiġu sforzati u mkeċċija'l barra mit-truppi Amerikani.
Wara li fis-sena 1988 sar il-ħolqien ta' tribunal internazzjonali sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-poplu tal-Ġżejjer Marxall, it-tribunal ingħata fond ta' madwar 150 miljun USD sabiex jitqassmu ma' dawk li spiċċaw affettwati għal għomorhom b'mard serju kawża tar-radjazzjoni. Eventwalment il-fond kien kważi tbattal mill-fondi kollha u l-Istati Uniti rrifjutat li tkompli tiffinanzja dan il-fond ta' għajnuna. Minħabba li l-Gvern Marxalliż ma setax ilaħħaq mas-somom kbar ta' finanzi li kellhom jingħataw lill-vittmi għal dawn il-każijiet, bosta kien dawk li spiċċaw laħqu mietu mingħajr qatt ingħataw xi kumpens. Fis-snin disgħin il-president Amerikan Bill Clinton ittermina programm ta' għajnuna medika li kienet bdiet tingħata lill-poplu Marxalliż bħala riparazzjoni għall-esperimenti nukleari fil-Ġżejjer Marxall, deċiżjoni li kompliet iżżid l-isfidi ta' saħħa li l-poplu Marxalliż għadu jrid jaffaċċja kawża tal-armamenti użati matul l-okkupazzjoni Amerikana. Din id-deċiżjoni ġiet irtirata kważi tletin sena wara fis-sena 2021. Wara li l-Ġżejjer Marxall iffirmaw il-ftehim tal-'Compact of Free Association', il-Marxalliżi ġew mwiegħda li kienu ser jingħataw is-somma ta' 2 biljun USD bħala riparazzjoni tal-ħsarat ambjentali u soċjali li ġarrbu r-residenti tal-ġżejjer kawża tal-esperimenti nukleari fuq l-atolli ta' Enewetak u ta' Bikini. Minkejja dan, sa issa hija biss is-somma ta' 4 miljun USD li ingħatat għall-gżejjer u għalhekk il-Gvern Marxalliż spiċċa b'nuqqas ta' finanzi u għajnuna meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra il-problemi li ħolqilhom ħaddieħor fil-ġżejjer tagħhom stess.
Sal-lum il-ġurnata, bosta atolli u gżejjer għadhom inabitabbli kawża tar-radjazzjoni u uħud minnhom huma għaxar darbiet aktar radjoattivi mill-impjant ta' Chernobyl. Minkejja li saru bosta attentati sabiex ir-residenti jirritornaw lura f'dawn il-gżejjer, dawn l-attentati għamlu impatt aktar negattiv milli pożittiv għaliex ir-residenti mill-ġdid bdew jiġu esposti għar-radjazzjoni u kellhom jiġu rilokati mill-ġdid fi ġżejjer oħra. Bosta esperti internazzjonali innotaw in-negliġenza tal-awtoritajiet Amerikani meta stqarru li l-gżejjer huma siguri sabiex jkunu abitabbli mill-ġdid u ħallew għadd ta' residenti sabiex jirritornaw, liema residenti kollha spiċċaw mardu b'mard serju kawża tar-radjazzjoni.
Konsegwenzi li ħallew impatt permanenti.

Il-ġżira ta' Ebeye li tagħmel parti mill-atoll ta' Kwajalein. Din il-gżira għandha s-sitt l-ogħla densità ta' populazzjoni ġo gżira fid-dinja.
Meta il-Marxalliżi kellhom jiġu rilokati fi gżejjer oħra fl-arċipelagu sabiex isibu refuġju mir-radjazzjoni, uħud minn dawn il-gżejjer saru ffollati wisq u kawża ta' hekk uħud minn dawn il-gżejjer li darba kienu pittoreski u idilliċi saru bassifondi traskurati bi problemi soċjali kbar. Eżempju ta' dan hija l-gżira ta' Ebeye li tinsab fuq l-atoll ta' Kwajalein. Il-gżira hija t-tieni l-akbar insedjament urban fil-ġżejjer u hija t-tieni l-aktar insedjament ippopolat fil-gżejjer. Il-ġżira spiċċat magħrufa bl-isem ta' "Il-Bassifond tal-Paċifiku" (The Slum of the Pacific) minħabba l-faqar u l-kundizzjonijiet ħżiena ta' għijxien fuq din il-gżira. Kienu mijiet ta' Marxalliżi li sabu refuġju fuq din il-gżira ċkejkna li hija mifruxa biss fuq żona ta' 0.36 kilometru kwadru, dan wara li kellhom jitilqu mill-atolli u l-gżejjer li kienu jirrisjedu fihom minħabba li dawn ittieħdu mill-Istati Uniti sabiex jinbnew bażijiet militari jew sabiex isiru esperimenti nukleari. Minħabba n-nuqqas ta' għajnuna u riżorsi li kellhom il-Marxalliżi f'dak il-perjodu diffiċli għalihom, bosta refuġjati spiċċaw bnew djar traskurati b'materjali inadegwati u mingħajr ebda regolarizzazzjoni. Ir-riżultat ta'dan kien dak ta' ġżira iffollata f'ambjent b'nuqqas ta' iġene u nuqqas ta' kundizzjonijiet sanitarji. B'konsegwenza t'hekk it-tixrid ta' mard fuq il-gżira ta' Ebeye huwa rampanti u b'kawża t'hekk ir-rata ta' mortalità fost it-trabi hija waħda għolja ħafna. Waqt li l-Marxalliżi bdew jgħixu b'mod inġust f'dan il-faqar kbir, l-Istati Uniti ħadet għaliha bosta atolli fejn bniet insedjamenti u bażijiet militari għat-truppi tagħha li għadhom sal-lum stazzjonati u preżenti fil-Gżejjer Marxall.
Ir-radjazzjoni fuq uħud mill-atolli u l-gżejjer għadha maħsuba li ser tkompli tibqa' waħda qawwija u għalhekk huwa impossibli għall-Marxalliżi sabiex jirritornaw lura fl-artijiet li huma wirtu minn missirijiethom. Kif semmejt aktar kmieni f'dan l-artiklu, dawn l-artijiet għandhom valur sentimentali u sagru kbir għall-Marxalliżi u għalhekk wieħed jista' jimmaġina l-vjolenza psikoloġika li kellhom isofru r-residenti meta raw t-truppi Amerikani jeqirdu il-ġżejjer u l-artijiet tagħhom li wirtu minn missirijiethom darba għal dejjem. Minħabba li bosta minn dawn l-atolli u l-gżejjer ser jibqgħu jesperjenzaw livelli għoljin ta' radjazzjoni għal bosta snin, il-Marxalliżi ma jistgħux jirritornaw lura fl-artijiet tagħhom b'mod sigur u għalhekk huma sforzati li jibqgħu f'insedjamenti ffollati u perikolużi bħall-gżira ta' Ebeye u bħall-belt ta' Majuro f'kundizzjonijiet ta' għijxien baxxi. Hekk kif il-klima tad-dinja qiegħda kontinwament tinbidel, il-Ġżejjer Marxall kontinwament qegħdin jesperjenzaw problemi serji ta' għargħar kawża tal-livelli tal-baħar li dejjem qegħdin jgħolew. Minħabba li l-maġġoranza tal-populazzjoni (madwar 74% tal-popolazzjoni totali) spiċċat tgħix fuq żewġ insedjamenti urbani b'densità għolja ta' popolazzjoni, il-poplu Marxalliż huwa aktar vulnerabbli sabiex jesperjenza riskji serji marbuta mat-tibdil fil-klima, dan jista' jwassal f'telf ta' ħajjiet u ħsarat kbar fl-infrastruttura. Dan filwaqt li huwa fatt magħruf li żoni urbani fejn jgħixu għadd kbir ta' residenti, huma l-aktar żoni li huma vulnerabbli għall-għargħar.

Majuro, il-belt kapitali tal-Ġżejjer Marxall.
Minħabba l-mard li nxtered kawża tar-radjazzjoni mill-esperimenti nukleari, il-Ġżejjer Marxall spiċċaw dipendenti fuq l-Istati Uniti sabiex jirċievu għajnuna finanzjarja sabiex itaffu l-effetti fuq s-saħħa tar-residenti tal-gżejjer. Minkejja li saru bosta attentati, l-effetti tar-radjazzjoni fuq is-saħħa tar-residenti għadhom jinħassu u jħallu impatti negattivi għaliex huma bosta dawk li għadhom isofru minn mard relatat b'mod dirett mar-radjazzjoni bħall-kanċer u bosta żviluppaw tumuri. Ammont inkwetanti ta' trabi fil-Gżejjer Marxall għadhom qegħdin jitwieldu b'kundizzjonijiet ġenetiċi serji u bosta ommijiet qegħdin jesperjenzaw korriment waqt it-tqala. Minkejja l-effetti qawwija tar-radjazzjoni, l-Istati Uniti tirrifjuta li tagħti riparazzjoni finanzjarja li hija ġusta u ekwivalenti mal-ħsara attwali li saret. Minħabba ċ-ċokon u l-pożizzjoni remota tagħhom, l-ekonomija tal-Gżejjer Marxall hija waħda żgħira u tiddependi l-aktar fuq is-setturi tal-agrikoltura u s-sajd, żewġ setturi li ġew affettwati b'mod negattiv ħafna kawża tal-firxa tar-radjazzjoni. Dan għaliex artijiet li kienu fertili u miżgħuda bi prodotti spiċċaw ikkontaminati filwaqt li l-ħut fil-baħar spiċċa ikkontaminat jew ma baqax jiffrekwentaw l-inħawi u għalhekk naqas bil-bosta x-xogħol u r-riżorsi tal-ikel għall-poplu tal-Gżejjer Marxall, riżorsi li diġà kienu limitati fl-ammont. Waqt l-esperimenti nukleari, kienu bosta residenti li spiċċaw ikkonsumaw ikel ikkontaminat minħabba li l-Istati Uniti naqset milli ċċaqlaq bosta residenti minn atolli u ġżejjer vulnerabbli għar-radjazzjoni. Hekk kif r-riżorsi tal-gżejjer issa qegħdin ikunu taħt it-theddida tan-nixfa u tal-għargħar, uħud mir-riżorsi tal-ilma ħelu li għad baqa' fil-gżejjer qegħdin jispiċċaw salinizzati kawża tal-livelli tal-ilma baħar li qegħdin jogħlew filwaqt li oħrajn diġà huma ikkontaminati mir-radjazzjoni u għalhekk m'għadhomx tajbin għax-xorb u l-konsum. Għalhekk, uħud mill-atolli u l-gżejjer għadhom miżgħuda b'bosta riżorsi li għadhom ma ġewx sfruttati, riżorsi li spiċċaw moħlija għaliex qatt ma jistgħu jintużaw minħabba li ġew ikkontaminati u għalhekk l-esperimenti nukleari bla dubju ta' xejn tefgħu aktar piż fuq l-Marxalliżi li m'għandhomx għażla ħlief li jimportaw bosta prodotti minn pajjiżi bħall-Istati Uniti sabiex ilaħħqu mad-domanda tal-popolazzjoni.
Sfidi preżenti fil-Gżejjer Marxall.

L-għargħar ikkawżati mit-tibdil fil-klima huma theddida serja għall-ġżejjer li għandhom populazzjoni ta' madwar 42,000 ruħ. Ħafna residenti qegħdin ikunu sforzati li jsibu refuġju fl-Istati Uniti.
Minħabba l-ekonomija limitata tal-Ġżejjer Marxall, il-pajjiż huwa dipendenti ħafna fuq l-Istati Uniti sabiex jirċievi s-sigurtà u ammont ta' fondi sabiex ikopru bosta spejjeż. Madanakollu, dawn il-fondi jiġu biss mill-ftehim tal-'Compact of Free Association' li jiskadi kull għoxrin sena u jkollu jerġa' jiġi mġedded sabiex il-Gżejjer Marxall u pajjiżi oħrajn fil-Mikroneżja jirċievu din l-għajnuna mill-Istati Uniti. Għalhekk, dawn il-gvernijiet ikollhom jitħabtu sabiex jikkonvinċu lill-Gvern Amerikan sabiex jibqa' jipprovdi din l-assistenza limitata u mhuwiex garantit li din l-għajnuna tibqa' tingħata. Sadanittant, l-Istati Uniti għadha sal-ġurnata tal-lum tipposjedi u tamministra aktar minn għoxrin bażi militari mifruxa fuq bosta gżejjer u atolli, fosthom l-atolli ta' Kwajalein, ta' Bikini, ta' Majuro u ta' Rongerik.
Bħala pajjiż żgħir fiċ-ċokon li huwa f'pożizzjoni ġeografika pjuttost remota u li huwa mifrux biss fuq art ta' 181.43 kilometru kwadru, il-Ġżejjer Marxall qegħdin jesperjenzaw bosta sfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali. L-akbar sfida hija bla dubju dik tat-tibdil fil-klima li permezz tagħha l-gżejjer qegħdin jintlaqtu aktar minn nixfa, temp estrem u għargħar. Minħabba li l-ogħla elevazzjoni fil-gżejjer hija biss ta' 10 metri, l-gżejjer huma vulnerabbli ħafna għall-effetti tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-livell tal-baħar li dejjem qiegħed jogħla u għalhekk r-residenti huma esposti b'mod dirett għall-għargħar. Bħala pajjiż li jesperjenza b'mod dirett u jara b'għajnejh l-effetti koroh tat-tibdil fil-klima, il-Gżejjer Marxall kien voċiferu fil-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u insista li l-uniku tama li fadal għalihom u għal ġżejjer żgħar oħra huwa li l-pajjiżi kollha jingħaqdu sabiex iżommu t-temperaturi mondjali taħt ż-żieda ta' 1.5°C fuq livelli pre-industrijali. It-trattat li sar fl-2015 ħalla bosta impatti pożittivi iżda mhuwiex biż-żejjed sabiex jiġi kkontrollat it-tibdil fil-klima u b'hekk miljuni ta' persuni għadhom fir-riskju li jkollhom jemigraw 'il barra mill-pajjiż tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgħixu. Minkejja dan ir-riskju, it-terminu ta' refuġjati tal-klima għadu sa issa mhux rikonoxxut b'mod internazzjonali.
B'konsegwenza ta' dawn il-problemi, bosta Marxalliżi spiċċaw emigraw 'il barra għall-Istati Uniti sabiex isibu refuġju mill-ilma u sabiex isibu opportunitajiet ġodda ta' xogħol. Dan qiegħed iwassal għal nuqqas drastiku fl-popolazzjoni tal-Gżejjer Marxall, fejn terz tal-popolazzjoni hija maħsuba li telqet għall-Istati Uniti. F'perjodu ta' għoxrin sena bejn is-sena 2002 u s-sena 2022, il-popolazzjoni tal-Gżejjer Marxall naqset b'madwar tlettax-il elf persuna. Dan qiegħed iwassal għall-inċertezza kbira dwar il-futur tal-pajjiż u qiegħed iħalli impatt soċjali u ekonomiku negattiv minħabba li bosta ħaddiema qegħdin jitilqu mill-forza tax-xogħol sabiex jemigraw darba għal dejjem. Bosta residenti emigraw għall-istati ta' Ħawaj u ta' Arkansas fl-Istati Uniti, fejn hemmhekk qegħdin jaħdmu f'xogħlijiet li joffru pagi baxxi u kundizzjonijiet inadegwati. Minħabba li parti kbira mill-identità u l-kultura tal-Marxalliżi hija mwaħħda mal-ambjent gal-ġżejjer, dawn l-istess identità u kultura unika huma ipperikolati u huma fir-riskju li jistgħu jintilfu u jiġu minsija għal dejjem. Bosta esperti u xjentisti tal-klima avżaw li t-temperatura tad-dinja jaf tiżdied sa 1.5°C fuq livelli pre-industrijali sas-sena 2035. Jekk dan iseħħ, il-livelli tal-baħar ikunu għolew sal-punt li l-Gżejjer Marxall flimkien ma' ġżejjer oħrajn simili fir-reġjun tal-Mikroneżja ikollhom jiġu evakwati għal dejjem.
Konklużjoni finali.

Waħda mill-atolli pittoreski fil-Ġżejjer Marxall.
Il-ġens Marxalliż huwa ġens li għadda minn bosta tbatijiet u li ġie abbużat bla ħniena minn bosta ħakmiet. Huwa l-ġens li sofra trattament inuman u li għadda minn bosta inġustizzji kawża tal-kolonjaliżmu, tal-egoiżmu tas-superpotenzi u tal-gwerer miġġielda bejn qawwiet barranin fuq il-gżejjer tagħhom. Illum il-ġens Marxalliż qiegħed jiltaqa' ma' sfidi u tbatijiet ġodda li qegħdin ikomplu jheddu lill-għeżież gżejjer tagħhom. Jolet Jen Anij; hekk sejħlulhom storikament lil dawn l-atolli u l-gżejjer ir-residenti indiġeni bil-lingwa Marxalliża, li tfisser "ir-rigali minn Alla". Jeħtieġ li dan il-pajjiż jieqaf jiġi abbandunat u minsi mill-pajjiżi tal-Punent, b'mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika, sabiex dawn il-gżejjer jiġu salvagwardjati mir-riskji tat-tibdil fil-klima, bħala riparazzjoni tal-ħsarat enormi li sofrew b'mod insensat fil-passat sabiex issir ġustizzja u rikonċiljazzjoni. Malta, bħala pajjiż li għaddejna minn tbatijiet simili u li nafu xi ġġifieru li tkun imjassar u miċħud mill-ħelsien, għandha tkun voċifera sabiex issir ġustizzja mal-poplu tal-Gżejjer Marxall u tkun voċifera kontra l-użu tal-armi tal-qerda tal-massa li waslu għat-traċedja umana fil-Ġżejjer Marxall. Jekk l-Istati Uniti trid verament rikonċiljazzjoni mal-Gżejjer Marxall, din għandha tirtira l-bażijiet militari kollha mill-pajjiż u tipprovdi ftehim ġdid li jiggarantixxi l-finanzi kollha dovuti lill-poplu tal-Gżejjer Marxall sabiex verament issir ġustizzja ma' dan il-poplu.
Comments