META GRUPP TA' SULDATI XELLUGIN WAQQGĦU L-FAXXIŻMU F'INQAS MINN 24 SIEGĦA.
Updated: Jun 18

'' Jekk xejn, dan l-avveniment storiku għandu jfakkarna kemm hija prezzjuża iżda fraġli d-demokrazija, u li wieħed għandu jaħdem għaliha u japprezzaha kuljum. ''
Il-Portugall qiegħed jimmarka t-52 anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-Qronfol, kolp ta' stat mill-armata Portugiża li wassal għat-tmiem tal-itwal dittatorjat tal-Ewropa u fit-trasformazzjoni tal-Portugall fi stat demokratiku u membru tal-Unjoni Ewropea. Dan il-kolp ta' stat mhux imdemmi kien ukoll strumentali sabiex sitt eks-kolonji Portugiżi kisbu l-indipendenza tagħhom wara li ġew fi tmiemhom 13-il sena ta' gwerer kolonjali fl-Afrika.
Ir-Rivoluzzjoni tal-1974, li saret minn grupp ta' kaptani militari żgħażagħ idealisti, malajr inbidlet f'rivoluzzjoni popolari meta t-truppi ġew milqugħa minn folol ferrieħa fil-kapitali Lisbona. Billi ltaqgħu ma' ftit reżistenza mill-forzi leali lejn ir-reġim, il-mexxejja tal-kolp damu inqas minn 24 siegħa sabiex iwaqqgħu d-dittatorjat li kien ilu jmexxi l-Portugall b'id tal-ħadid mill-1926 taħt Antonio de Oliveira Salazar u mill-1968 taħt Marcelo Caetano.
L-irvell paċifiku ngħata il-laqam tar-"Rivoluzzjoni tal-Qronfol" b'refereza għall-fjuri li t-truppi u d-dimonstranti xellugin poġġew fl-armi u t-tankijiet tal-militar f'eżempju rari ta' kolp ta' stat militari li wassal sabiex titwaqqaf demokrazija. Jekk xejn, dan l-avveniment storiku għandu jfakkarna kemm hija prezzjuża iżda fraġli d-demokrazija, u li wieħed għandu jaħdem għaliha u japprezzaha kuljum.
Dan l-avveniment għandu jfakkarna wkoll fil-kruha tal-faxxiżmu u l-imperjaliżmu, u kif dawn iż-żewġ forzi jitwaħħdu u jsiru ħaġa waħda sabiex iwettqu oppressjoni kemm b'mod domestiku u anke lil hinn. L-ebda pajjiż ma jista' verament ikun demokrazija jekk jistagħna minn fuq l-imperjaliżmu li jgħakkes u joppressa popli barranija. Dan għarfuh ir-rivoluzzjonarji Portugiżi fl-1974, tant li għarfu li d-demokrazija u d-dekolonizzazzjoni jimxu id f'id.
Ikolli ninnota li fl-Ewropa, spiss issir referenza għar-rivoluzzjonijiet li saru fil-Blokk tal-Ilvant fl-aħħar tas-snin tmenin, iżda qajla titfakkar din ir-rivoluzzjoni. Jista' jkun għaliex hawn min jiddejjaq jiġi mfakkar li pajjiż Ewropew kiseb id-demokrazija tiegħu bis-saħħa tas-soċjaliżmu u bl-anti-imperjaliżmu. Jista' jkun ukoll li ma taqbilx mal-aġenda li s-soċjaliżmu u l-anti-imperjaliżmu huma anti-demokratiċi u li dejjem iwasslu għat-tlugħ ta' awtokraziji.
Rivoluzzjoni paċifika u mhux imdemmija.
Kmieni filgħodu tal-25 ta' April 1974, ir-ribelli tal-Moviment tal-Forzi Armati xandru messaġġ bir-radju li jsejjaħ lin-nies sabiex jibqgħu ġewwa u jżommu l-kalma; u b'hekk ingħata bidu għal rivoluzzjoni sabiex jintemm id-dittatorjat li kien ilu fil-poter għal 42 sena. Iżda l-poplu f'Lisbona, imdejjaq bl-istat ekonomiku prekarju u l-gwerer kolonjali li kkaġunaw dan id-diżastru fisakli, ħareġ bl-eluf fit-toroq, inġabar fil-kantunieri u beda jitħallat mas-suldati ribelli.
Kaptan żagħżugħ tal-kavallerija, Jose Salgueiro Maia, intbagħat sabiex jaċċetta r-riżenja tal-Prim Ministru Caetano; li f'dak il-ħin kien qiegħed isib refuġju fil-kwartieri ewlenin tal-pulizija ta’ Lisbona. Fi Pjazza Carmo ta’ Lisbona, il-folla li dejjem tikber kantat l-innu nazzjonali qabel ma telqet sabiex tieħu f'idejha l-kwartieri ġenerali tal-pulizija sigrieta tar-reġim, il-PIDE. Aġenti tal-PIDE sparaw fuq il-folla, u qatlu erba' persuni. Dawn huma l-uniċi nies li mietu fir-rivoluzzjoni.
L-għada, l-eks-kap ġenerali tal-persunal tal-forzi armati u l-figura ewlenija tal-moviment ribelli, il-Ġeneral Antonio Spinola, ħabbar il-formazzjoni ta’ gvern ta’ salvazzjoni nazzjonali, f’dikjarazzjoni f’isem ir-ribelli. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, huwa ppropona li l-poter jingħata lill-popolazzjoni ċivili b’elezzjonijiet ħielsa u politika bbażata fuq tliet prinċipji ewlenin; id-demokratizzazzjoni, id-dekolonizzazzjoni u l-iżvilupp. Ir-Rivoluzzjoni wasslet għall-ewwel elezzjonijiet ħielsa tal-Portugall b’suffraġju universali eżattament sena wara.
Il-Portugall, li l-esploraturi tiegħu kienu bdew il-kolonizzazzjoni tal-Afrika mill-Ewropa fis-Seklu Ħmistax, ħaseb sabiex jibda proċess mgħaġġel ta' dekolonizzazzjoni fis-sitt kolonji tiegħu. Dan wara li r-reġim kien ilu snin jirrifjuta li jaċċetta l-mewġa tad-dekolonizzazzjoni li bdiet taħkem lin-Nofsinhar Globali matul l-aħħar nofs tas-seklu għoxrin, hekk kif ir-reġim baqa' jenfasizza li l-kolonji huma filfatt ''provinċji'' li huma parti integrali mill-Portugall daqskemm huma l-gżejjer ta' Madeira u l-Azores.
Il-mit tal-hekk imsejjaħ Plurikontinetaliżmu; l-idea xprunata mir-reġim li l-Portugall huwa pajjiż wieħed mifrux fuq bosta kontinenti apparti l-kontinent Ewropew; kien biss maskla għall-imperjaliżmu faxxista mħaddan mir-reġim u attentat sabiex tiġi rromatiċizzata l-istorja twila ta' kolonjaliżmu Portugiż li tmur lura għall-1415. Kien il-Portugall li beda l-kapitlu tal-kolonjaliżmu Ewropew bil-kolonizzazzjoni ta' Ceuta, fl-Afrika ta' Fuq, u kien il-Portugall li għalaq dan il-kapitlu billi radd lit-territorju ta' Makaw lura lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fl-1999.
L-indipendenza għall-kolonji Portugiżi.
Meta saret ir-Rivoluzzjoni tal-Qronfol, ir-reġim tal-Estado Novo kien diġa' ilu sa mill-1961 jitqabad sabiex iżomm l-imperu kolonjali tiegħu f'konfronti ma' bosta movimenti tal-liberazzjoni; fosthom l-MPLA fl-Angola, il-FRELIMO fil-Możambik u l-PAIGC f'Guinea-Bissau u l-Kap Verde.
Il-gvern proviżorju rrikonoxxa l-indipendenza ta' Guinea-Bissau fl-1974; li kien ilu de-facto taħt il-kontroll tar-ribelli minn sena qabel; u ta l-indipendenza lill-Angola, il-Możambik, il-Kap Verde u Sao Tome u Principe fl-1975. L-indipendenza għal dawn il-kolonji temmet 13-il sena ta’ gwerer kolonjali fl-Afrika li rriżultaw fit-telf ta' mill-inqas 8,000 ħajja, ferew aktar minn 20,000 u kienu qegħdin jiswew lill-Portugall aktar minn nofs il-baġit finanzjarju tiegħu kull sena. Madanakollu, ta' min jgħid li l-proċess ta' dekolonizzazzjoni xorta waħda ma kienx perfett u kien wieħed mgħaġġel.
Fl-Angola, l-indipendenza ġiet innegozjata permezz tal-ftehim ta' Alvor li laqqa' lit-tliet movimenti ta' liberazzjoni Angolani iżda li eskluda lil dak fl-esklav ta' Kabinda; li wassal għal kunflitt separatista mill-moviment tal-liberazzjoni f'Kabinda li avvokaw favur l-indipendenza tal-enklav. Fl-istess waqt, il-kuntest tal-Gwerra l-Bierda wassal għal gwerra ċivili li bdiet immedjatament fl-1975 u li ġiet fi tmiemha biss fl-2002. Iż-żewġ atturi ewlenin f'dan il-kunflitt kienu l-MPLA; li kienet appoġġjata mill-Unjoni Sovjetika u minn Kuba; u l-UNITA; li kienet appoġġjata mill-Istati Uniti u mir-reġim apartheid fl-Afrika t'Isfel. Hawnhekk ta' min jirrikonoxxi l-qlubija ta' Kuba li bagħtet lil uliedha sabiex iċarċru demmhom għal-ħelsien ta' Angola mill-aggressjoni tal-Punent.
Fl-istess waqt, gwerra ċivili ħakmet ukoll lill-Możambik bejn l-1977 u l-1992. Hawnhekk, il-kunflitt kien miġġieled bejn il-FRELIMO; li kienet appoġġjata mill-Unjoni Sovjetika; u r-RENAMO; li kienet appoġġjata mir-Rodeżja u r-reġim apartheid fl-Afrika t'Isfel. Għal dawn iż-żewġ reġimi mmexxija minn minoranza bajda supremazista, l-indipendenza għall-Angola u l-Możambik b'riżultat tar-Rivoluzzjoni tal-Qronfol u l-prospett tat-trasformazzjoni ta' dawn l-eks-kolonji ġirien tagħha fi stati Marxisti-Leninisti li javvokaw is-sovranita' tal-poplu Afrikan kien wieħed tat-twerwir. Filfatt, ir-Rodeżja kkollassat biss ftit wara fl-1980, meta minflok twaqqaf l-istat taż-Żimbabwe, u l-kollass tar-reġim fl-Afrika t'Isfel seħħ ftit snin wara fl-1994.
F'Timor-Leste, il-moviment tal-liberazzjoni FRETILIN kien ilu biss ftit ijiem li pproklama l-indipendenza tal-pajjiż, meta l-pajjiż ġar ta' din l-eks-kolonja żgħira fl-Ażja; l-Indoneżja; nieda invażjoni ġenoċidali bl-appoġġ sħiħ ta' pajjiżi tal-Punent bħall-Istati Uniti u l-Awstralja. Kien biss ftit xhur wara t-tmiem tal-gwerra fi Vjetnam li rriżultat f'umiljazzjoni għall-Istati Uniti, u l-prospett ta' indipendenza għal pajjiż ieħor fl-Ażja tax-Xlokk immexxi minn gvern Marxista kien inaċċettabbli għall-paladini tad-demokrazija; li taw l-appoġġ sħiħ tagħhom lid-dittatorjat ta' Suharto sabiex jokkupa lil Timor-Leste u jċaħħad lill-poplu tiegħu mill-indipendenza. Ta' min jgħid li l-Portugall qatta' s-snin ta' wara jmexxi kampanja internazzjonali favur l-indipendenza ta' Timor-Leste, u filfatt, l-appoġġ tal-Portugall kien strumentali sabiex dan il-pajjiż kiseb l-indipendenza fl-2002.
Il-legat tar-rivoluzzjoni fis-soċjeta' Portugiża.
Wara d-demokratizzazzjoni tal-pajjiż b'riżultat tar-Rivoluzzjoni, kisba oħra fl-istorja riċenti tal-Portugall kienet id-dħul ta' dan il-pajjiż fil-Komunita' Ekonomika Ewropea; dik li kellha ssir l-Unjoni Ewropea; fl-1986. Ir-Rivoluzzjoni hija sors ta’ kburija fil-Portugall, fejn l-anniversarju huwa festa nazzjonali msejħa “Jum il-Libertà”.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Portugiżi jappoġġjaw id-demokrazija u huma kburin bir-rivoluzzjoni tal-25 ta’ April, wieħed ma jistax jinjora ż-żieda riċenti fl-appoġġ għall-partit Chega; partit populista tal-lemin u kontra l-immigrazzjoni. Il-partit Chega jattira lil dawk li għandhom fehma reviżjonista tal-istorja bl-idea li l-kolonjaliżmu u l-imperu ma kinux ħżiena, u li l-passat glorjuż Portugiż u s-simboli tiegħu għandhom jiġu vvalutati.
Studju ppubblikat nhar il-Ġimgħa mill-Istitut tax-Xjenzi Soċjali ta’ Lisbona (ICS) u l-Universita' tar-riċerka ISCTE sab li 23% ta’ dawk li wieġbu esprimew il-fhema li jekk il-mexxejja politiċi attwali jsegwu l-“ideali” ta’ Salazar, il-Portugall jista’ “jerġa’ jikseb il-kobor tiegħu”. Dan huwa xhieda taż-żieda allarmanti fil-popolarita' ta' ideat tal-lemin estrem madwar l-Ewropa kollha, fejn wieħed sar iħossu komdu jigglorifika l-imgħoddi faxxista tal-kontinent. Filfatt, il-partit Chega jagħmel użu pubbliku frekwenti tal-motto ta’ Salazar; “Alla, patrijottiżmu u familja”; li miegħu l-partit żied il-kelma “xogħol”.
Il-mexxej tal-partit Chega, Andre Ventura, jiċħad li hu jew il-partit tiegħu huma faxxisti, minkejja li huma kontra t-tmexxija attwali tal-Portugall u jridu jibdlu l-kostituzzjoni tal-pajjiż. Imwaqqaf fl-2019, il-partit Chega huwa t-tielet l-akbar partit fl-istat membru tal-Unjoni Ewropea, wara li kiseb 50 siġġu fil-parlament wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2024. Il-partit Chega spiss jikkapitalizza fuq il-kriżi tad-djar li nqalgħet minn kirjiet li qegħdin jogħlew b’mod kostanti kif ukoll pagi baxxi, kura tas-saħħa li qiegħda tonqos u każijiet ta’ allegata korruzzjoni li jinvolvu l-partiti ewlenin fil-gvern sabiex imexxi 'l quddiem l-aġenda u r-rettorika leminija tiegħu. Il-Portugall jibqa' l-ifqar pajjiż tal-Ewropa tal-Punent.




Comments