top of page
Search

RIFLESSJONI: IS-SINIFIKAT TA' JUM IL-ĦELSIEN ILLUM.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Apr 1
  • 2 min read

B'mod immedjat wara r-rebħa tal-elezzjoni ġenerali li saret f'Ġunju 1971, il-gvern Laburista taħt it-tmexxija għaqlija tal-Prim Ministru Dom Mintoff ried jinnegozja mill-ġdid il-ftehim tad-difiża li daħal fis-seħħ f'Settembru 1964. Il-ftehim il-ġdid ġie konkluż f'Marzu 1972, u permezz ta' din ir-reviżjoni, il-gvern tar-Renju Unit kellu jibda jagħti lill-gvern Malti £14-il miljun fis-sena sabiex juża l-bażijiet militari tiegħu f'Malta sal-31 ta' Marzu 1979.


Matul din il-ġimgħa, nhar il-31 ta' Marzu, il-poplu Malti fakkar Jum il-Ħelsien; il-jum li fih Malta nħelset mill-jasar tal-oppressjoni kolonjali. Jum il-Ħelsien; illi nkiseb 46 sena ilu wara 179 sena ta' preżenza militari Brittanika fil-gżejjer Maltin; wassal għall-għeluq tal-bażijiet militari Brittaniċi. Permezz ta' din il-kisba, Malta ma baqgħetx b'ekonomija li hija dipendenti fuq l-infiq militari u fuq is-sehem tagħha fi gwerer ta' ħaddieħor (dik li tissejjaħ 'fortress economy'), iżda rnexxielha tiżviluppa ekonomija diversifikata li hija kapaċi tmantni waħda mill-iżjed 'welfare states' kumplessi fl-Ewropa. Għalhekk, mhijiex esaġerazzjoni meta wieħed isejjaħ lil Malta bħala miraklu!


Jum Ħelsien ifakkarna fil-bżonn li Malta tibqa' tħaddan politika barranija ħielsa mill-alleanzi u li tagħti prijorità lill-paċi u mhux lill-interessi ta' pajjiżi ikbar minnha. Ħadd ma jista' jifred il-ħelsien ta' Malta minn mal-prinċipji tan-newtralita' u n-non-allineament, għaliex huwa biss permezz tat-tħaddim ta' dawn il-prinċipji li Malta tista' tibqa' verament ħielsa. Permezz ta' dawn il-prinċipji, Malta hija ħielsa sabiex tiddetermina hi ma' min jixraq li tistabbilixxi l-ħbiberiji tagħha, filwaqt li taħdem favur is-sigurta' tagħha u tar-reġjun tal-Mediterran kollu billi tħaddan prinċipji bħad-diżarmament, il-paċi u l-ġustizzja fil-kuntest tan-newtralita' attiva tagħha. In-newtralita' ma tfissirx passivita'. Malta newtrali qatt ma beżgħet tieħu pożizzjonijiet li ma kinux popolari mal-pajjiżi superpotenzi, bħalma huma r-rikonoxximent tad-dritt tal-poplu Palestinjan għal-liberazzjoni tiegħu, l-appoġġ tagħha għat-tielet dinja kontra l-imperjaliżmu u l-kolonjaliżmu, u d-deċiżjoni tagħha li tkun waħda mill-ewwel pajjiżi fil-Punent li stabbilixxew ħbiberiji b'saħħithom ma' pajjiżi fi żminijiet li ma kienx imħeġġeġ li tkun ħabb tagħhom; bħal-Libja, il-Korea ta' Fuq, iċ-Ċina u l-Alġerija. Fl-istess waqt, Malta xorta waħda żammet relazzjonijiet eċċellenti ma' pajjiżi tal-Punent bħall-Italja, il-Ġermanja u Franza, u kellha rabtiet b'saħħithom ma' pajjiżi fin-Non-Aligned Movement, fosthom il-Jugosalvja u l-Eġittu.


Iżda Jum il-Ħelsien mhux biss għandu jfakkarna fil-liberazzjoni ta' Malta mill-oppressuri barranin tal-bieraħ, pero' għandu jfakkarna fil-bżonn li niġġieldu kontra l-oppressuri domestiċi tal-lum.


Jum il-Ħelsien ifakkarna fil-bżonn li nitkellmu kontra l-oppressuri tal-poplu tagħna fiż-żminijiet tal-lum, li mhumiex l-Ingliżi jew xi qawwa barranija oħra, iżda dawk minn fostna stess li jkasbru lil ħuthom Maltin stess. Huma dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom billi joppressaw il-ħaddiema, billi jistupraw l-ambjent, billi b'ġidhom jixtru l-politikanti u jheddu l-proċess demokratiku, billi jheddu d-drittijiet ta' minoranzi fis-soċjetà tagħna, billi jaqilgħu il-kapital tagħhom mill-faqar u mill-miżerja ta' ħaddieħor, billi jweġġgħu lill-familji b'piżijiet finanzjarji b'konsegwenza ta' proprjeta' inaffordabbli, billi b'egoiżmu jistagħnew waqt kriżijiet tal-inflazzjoni sabiex jaqilgħu l-profitti waqt li ħaddieħor bilkemm qiegħed ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja, billi jimportaw ħaddiema barranin sabiex jittrattawhom ta' skjavi fuq il-post tax-xogħol u jikkonvinċu lill-ħaddiem Malti li l-problema huma l-barranin u mhux dawk li qegħdin jimportawhom; ifred u saltan; l-istrateġija klassika li jużaw il-kolonjalisti...


Illum il-ġlieda m'għadhiex iżjed waħda kontra ħakkiema barranin, iżda kontra minoranza ta' Maltin li tistagħna fuq l-inġustizzji soċjali kontra l-bqija tas-soċjetà Maltija. Il-ħelsien mhijiex ġrajja nostalġika tal-imgħoddi, iżda proċess li għandu jibqa' jiġġedded għall-ġid tal-poplu Malti kollu.



Viva Malta Ħielsa.

 
 
 

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page