top of page

RIFLESSJONI: ELEĠIJA LIĊ-ĊKEJKNA LOUIJN.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • 1 day ago
  • 1 min read

ree

Eleġija għal Loujin; it-tifla immigranta ta' erba' snin li tħalliet tinqatel bil-għatx mill-istat Malti tliet snin ilu fiż-żona tas-salvtaġġ. Dan huwa każ xokkanti li għandu jibqa' jitfakkar.



‘’GĦANDI L-GĦATX.’’

 

Iċ-ċkejkna mdawra bl-ilma;

iżda li ma kellhiex x’tixrob;

tħalliet tinxef bil-għatx, ftit ftit,

minħabba s-suppervja tal-populisti

ta’ suppost kontinent ċivilizzat,

li bħal ballun lagħbu b’ħajjitha

u qassmuha għand xulxin.

Mingħand Pilatu għal għand Kajfa,

u mingħand Kajfa għal għand Pilatu.

 

Ħadd ma seta’ jsalvaha

minn Kalvarju mingħajr ħtija.

Beżgħu mill-ġemgħa li għajtet;

‘’ibgħatuha lura, ibgħatuha lura!”

Il-kodardi ħaslu idhom fl-ilma;

dak li setgħu sqew liċ-ċkejkna

li għall-mewt ikkundannaw.

 

Fuq il-Golgota bejn sema u ilma,

imdawra bl-ilma, titkarrab għal qatra;

krib bati li ħadd ma sema’

ħlief dik il-mara doloruża

li ħdejha baqgħet wieqfa,

u ma setgħet tagħmel xejn

għajr tara lil bintha tinxef.

 

B’ħalq niexef,

b’leħen dgħajjef.

Lissnet, ftit ftit;

‘’għandi l-għatx,

għandi l-għatx’’.

 

Sakemm kollox

kien mitmum;

għaċ-ċkejkna

Loujin.


Eman Farrugia.

 

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page