'' Ma jistax ikun hemm paċi jekk ma nindirizzawx il-kawża ewlenija ta' din it-traġedja li ilha għaddejja minn qabel l-attakk li seħħ fis-7 t'Ottubru ta' sena ilu fl-Iżrael. ''
Diġa' għaddiet sena qegħdin jgħidu...
Imma tassew li sena biss għaddiet?
Fis-7 t'Ottubru ta' sena ilu ma bediex kunflitt bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani.
Is-7 t'Ottubru kien it-tkomplija ta' traġedja li ilha thedded l-istabbilità politika u l-qagħda ta' miljuni ta' persuni fl-Ilvant Nofsani.
Traġedja li ilha għaddejja għal 75 sena sħaħ, u li bdiet meta l-poplu Palestinjan ġie miċħud mill-iktar drittijiet bażiċi tiegħu; fosthom id-dritt li l-poplu Palestinjan jgħix sigur f'artu stess u d-dritt li l-poplu Palestinjan jkollu stat sovran fl-art indiġena tiegħu.
Fl-1948, iżjed minn 500 raħal Palestinjan tbattal min-niesu biex twaqqaf l-istat ta' Iżrael bl-appoġġ ta' pajjiżi kolonjali Ewropej u l-Istati Uniti. Iżjed minn 800,000 Palestinjan tkeċċa u ġie eżiljat minn daru wara sensiela ta' terroriżmu organizzata minn milizzji Żijonisti li wettqu sensiela ta' massakri biex jiżvojtaw l-art mill-Palestinjani. Huwa stmat li f'dan il-perjodu ġew immasskrati 15,000 Palestinjan.
Minn dik is-sena l'hemm il-poplu Palestinjan ġie sfurzat li jgħix jew 'il barra minn artu jew bħala priġunier f'artu stess.
Priġunieri li l-unika ħtija tagħhom hija li huma Palestinjani Musulmani jew Insara...
Dik li llum insejħulha l-'West Bank' ma hija xejn ħlief kollezzjoni ta' rqajja ta' art Palestinjana okkupata militarment mill-Iżraeljani u li kontinwament qiegħda tittiekel bil-bini kontinwu ta' insedjamenti illegali b'insedjanti Iżraeljani li b'mod kontinwu jespandu l-preżenza tagħhom bil-vjolenza. Fuq bażi ta' kuljum; anke qabel is-7 t'Ottubru ta' sena ilu; kienu u għadhom iseħħu każijiet spissi ta' twaqqigħ ta' djar Palestinjani, vjolenza regolari minn settlers jew truppi Iżraeljani li fiha jinqatlu jew jindarbu Palestinjani, u sistema ta' segregazzjoni li tfakkrek fl-era tal-'apartheid fl-Afrika t'Isfel, u li tikkonsisti f'ħitan li jifirdu familji, 'checkpoints' li jikkontrollaw il-movimenti tal-poplu Palestinjan f'artu stess u liġijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta' Iżrael mod, u għall-Palestinjani mod ieħor. Insemmi wkoll l-inġustizzji li qegħdin iseħħu kontra eluf ta' Palestinjani li qegħdin jinżammu bħala priġunieri politiċi f'kampijiet tal-konċentrament, fejn huma esposti għall-qtil u l-istupru.
Min-naħa l-oħra, il-Palestinjani f'Gaża qegħdin jiġu massakrati b'mod deliberat u intenzjonat f'dak illi l-Qorti Internazzjoni tal-Ġustizzja ddeskrivietu bħala potenzjalment ġenoċidju. Huwa ġenoċidju meta inti stess tiggwida lil familji ta' refuġjati f'żona "sigura" li mbagħad tiġi attakkata minnek stess. Huwa ġenoċidju meta għal dawn l-aħħar snin; iżda b'mod partikolari matul din l-aħħar sena; smajna membri parlamentari Iżraeljani jiddeumanizzaw il-poplu Palestinjan u jħeġġu l-qerda tiegħu. Huwa ġenoċidju meta teqred kull infrastruttura li hija meħtieġa għall-għajxien tal-bniedem bħal sptarijiet u skejjel. Huwa ġenoċidju meta timblokka u twaqqaf milli tidħol għajnuna umanitarja. Huwa ġenoċidju meta tigdeb fuq istituzzjonijiet umanitarji bl-intenzjoni li tħeġġeġ pajjiżi sabiex ma jiffinanzjawhomx u ma jwasslux għajnuna umanitarja għar-refuġjati. Huwa ġenoċidju meta timmasakra ġurnalisti u ħaddiema umanitarji għaliex qegħdin jagħmlu xogħolhom. Huwa ġenoċidju meta timmassakra nisa u tfal billi timmira armi tan-nar u tispara fuqhom b'mod intenzjonat u deliberat. Huwa ġenoċidju meta b'mod maħsub u sistematiku tattakka konvoj umanitarju filwaqt li qiegħda teskala kriżi umanitarja.
Jekk irridu nwaqqfu t-terroriżmu, iċ-ċiklu ta' vjolenza ma tispiċċa qatt u l-instabbilta' f'dan ir-reġjun irid ikun hemm waqfien immedjat mill-okkupazzjoni Iżraeljana fil-Palestina sabiex il-poplu Palestinjan; wara 75 sena sħaħ ta' okkupazzjoni u oppressjoni; jingħata ċ-ċans li jibni pajjiż u li jgawdi mid-drittijiet umani li kulħadd għandu jgawdi minnhom.
Ma jistax ikun hemm paċi jekk ma nindirizzawx il-kawża ewlenija ta' din it-traġedja li ilha għaddejja minn qabel l-attakk li seħħ fis-7 t'Ottubru ta' sena ilu fl-Iżrael. Il-kawża ewlenija hija l-okkupazzjoni illegali li ħonqot l-aspirazzjonijiet tal-poplu Palestinjan u li ċaħditu mill-ġustizzja u mid-drittijiet fundamentali tiegħu.
Palestina Ħielsa bl-ebda mod ma tfisser il-qerda tal-poplu Iżraeljan. Palestina Ħielsa tfisser li l-poplu Palestinjan jingħata l-istess drittijiet li jgawdi minnu l-poplu Iżraeljan. Il-waqt li jkun hemm ugwaljanza bejn iż-żewġ popli huwa l-waqt li jkun hemm sigurtà li jistħoqqilhom ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-kunflitt.
Il-mument illi d-drittijiet fundamentali tal-poplu Palestinjan jiġu rikonoxxuti u rrispettati huwa l-mument li ikun hemm paċi f'dan ir-reġjun.
Palestina Ħielsa!
فلسطين حرة!
AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.
Comments