MALTA TIRRIKONOXXI LILL-PALESTINA BĦALA STAT INDIPENDENTI.
- Eman Farrugia
- Sep 23
- 3 min read

Il-kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti f'New York, l-Istati Uniti, fejn Malta ħabret li se tirrikonoxxi l-Palestina bħala stat indipendenti waqt it-tmenin Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti flimkien ma' Franza, r-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja, il-Belġju, l-Andorra, Monako u l-Lussemburgu, il-Portugall u San Marino.
Ningħaqad flimkien ma' attivisti oħrajn sabiex nilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Malti sabiex jirrikonoxxi lill-Palestina bħala stat. Din hija deċiżjoni kruċjali għall-kredibbilita' tal-politika barranija li Malta tħaddan; politika barranija favur il-paċi u l-progress fir-reġjun tal-Mediterran u li hija ggwidata mill-prinċipji ta' non-allineament u newtralita'. Dan ir-rikonoxximent sar ilbieraħ fil-belt ta' New York, l-Istati Uniti, waqt it-tmenin Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Din id-deċiżjoni hija wkoll konsistenti mal-politika ta' Malta rigward il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina; hekk kif Malta tisħaq dwar il-bżonn li titwettaq is-soluzzjoni taż-żewġ stati. Pajjiż ma jkunx onest meta jgħid li jappoġġja s-soluzzjoni filwaqt li jirrikonoxxi biss lill-Iżrael bħala stat, u għaldaqstant dan kien pass għaqli li m'għandux jitqies bħala aggressjoni mill-Gvern Malti fil-konfront tal-eżistenza tal-Iżrael bħala stat.
Ir-relazzjoni bejn il-poplu Malti u l-poplu Palestinjan hija waħda b'saħħitha u li għandha l-għeruq tagħha li jmorru lura għas-snin sebgħin, meta l-Gvern Malti taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Dom Mintoff ippermetta lill-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni Palestinjana (P.L.O.) sabiex ikollha rappreżentanza f'pajjiżna; pass diplomatiku li ddisitingwa lil Malta mill-pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent li kienu alleati tal-Iżrael. Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Palestina kompliet tissaħħaħ fl-1988, meta sar il-ftuħ tal-ambaxxata tal-istat tal-Palestina wara li l-Kunsill Nazzjonali Palestinjan iddikjara stat indipendenti fil-Palestina; skont il-konfini ta' qabel l-1967; waqt konferenza f'Alġirs, l-Alġerija. Mument ieħor li saħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ popli kien meta Guido DeMarco nħatar bħala l-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1990; pożizzjoni li huwa użaha sabiex jikkampanja qatigħ favur ir-rikonoxximent internazzjonali għad-dritt li l-Palestinjani jiksbu 'self-determination'. Fil-preżent, Malta għandha rappreżentanza diplomatika permanenti fit-territorji Palestinjani f'Ramallah. Huwa evidenti li Malta ilha b'mod konsistenti tappoġġja l-kawża ġusta tal-poplu Palestinjan, u li kemm il-Partit Laburista u kemm il-Partit Nazzjonalista jaqblu dwar il-bżonn li li l-Palestina tilħaq l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħha. Għaldaqstant, kien pass naturali li Malta, sa fl-aħħar, tirrikonoxxi l-Palestina bħala stat u tikkonferma l-appoġġ tagħha għall-għoti tad-dritt ta' 'self-determination' għall-poplu Palestinjan. Ta' min jinnota pero' li din id-deċiżjoni kellha ssir f'Mejju tas-sena l-oħra, meta l-gvernijiet ta' Spanja, l-Irlanda u n-Norveġja rrikonoxxew l-Palestina bħala stat flimkien. Minkejja li l-Gvern Malti kien ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jingħaqad mal-inizzjattiva ta' dawn it-tliet pajjiżi u flimkien magħhom jirrikonoxxi l-Palestina bħala stat; għal raġunijiet li baqgħu ambigwi; il-Gvern Malti ddeċieda li jipposponi din id-deċiżjoni. Il-Gvern Malti għandu jkun iżjed trasparenti mal-poplu u jagħti spjegazzjoni onesta għalfejn din id-deċiżjoni ġiet posponuta, u għandu jikkonferma jew jiċħad b'mod ċar l-allegazzjoni li l-Iżrael u l-Istati Uniti kienu qegħdin jitfgħu pressjoni diplomatika fuq Malta sabiex toqgħod lura milli tirrikonoxxi l-Palestina bħala stat.
Ninnota wkoll il-kummenti kundanabbli tal-Prim Ministru Iżraeljan u kriminal imfittex mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, Benjamin Netanyahu, hekk kif hedded li se jkun hemm konsegwenzi fil-konfront tal-pajjiżi tal-Punent li jirrikonoxxu l-Palestina bħala stat indipendenti; inkluż Malta. Jeħtieġ li l-Gvern Malti jibqa' sod quddiem dawn il-provokazzjonijiet u jsejjaħ għal sanzjonijiet immedjati mill-Unjoni Ewropea fil-konfront ta' Iżrael. Ir-rikonoxximent kien pass simboliku importanti, iżda dan mhuwa se jbiddel xejn mis-sitwazzjoni traġika fit-territorji Palestinjani jekk mhuwiex se jkun hemm pressjoni diretta mill-komunita' Internazzjonali fil-konfront ta' Iżrael sabiex jieqaf iwettaq il-ġenoċidju f'Gaża u sabiex jieqaf jokkupa t-territorji Palestinjani. Mingħajr pressjoni diretta sabiex l-Iżrael itemm l-oppressjoni tiegħu fil-konfront tal-poplu Palestinjan, stat Palestinjan indipendenti se jibqa' biss ħolma li qatt ma twettqet. Huwa dover morali għal Malta sabiex tagħmel dak kollu li huwa possibbli flimkien ma' pajjiżi oħrajn sabiex il-poplu palestinjan sa fl-aħħar, jikseb stat li hu tiegħu bi dritt. Huwa evidenti iżjed minn qatt qabel li l-Iżrael jinsab diplomatikament iżolat u dahru mal-ħajt, hekk kif il-kundanna kontra l-ġenoċidju mwettaq mill-Iżrael qiegħda dejjem tiżdied fil-komunita' internazzjonali; kundanna li issa ġejja wkoll minn pajjiżi li tradizzjonalment kienu alleati tal-Iżrael.
Palestina Ħielsa!
فلسطين حرة!
Eman Farrugia,
Amministratur.
Stqarrija maħruġa llum, 23 ta' Settembru 2025.
AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.
Comments