FIS-SAĦARA TAL-PUNENT, JIĊĊELEBRAW L-INDIPENDENZA TAĦT ID-DELL TA' OKKUPAZZJONI.

'' Ma stajniex niċċelebraw jum l-indipendenza fit-toroq għaliex il-pulizija Marokkina jużaw forza qawwija kontra d-dimostrazzjonijiet politiċi. Iċċelebrajna kif stajna billi ċċelebrajna l-kultura tagħna bil-moħbi fid-djar tagħna għax il-forzi sigrieti tal-gvern Marokkin josservawna kontinwament. '' - Saħrawi minn Dakhla, is-Saħara tal-Punent.
Matul il-jum tal-Ġimgħa, nazzjon minsi fl-Afrika ta' Fuq iċċelebra il-50 sena anniversarju mil-jum tas-27 ta' Frar 1976; ġrajja li għalih kellha tkun jum l-indipendenza. Fil-kampijiet tar-refuġjati ta' Tindouf, l-Alġerija, għexerien ta' eluf ta' Saħrawi sfidaw il-kundizzjonijiet ħarxa tad-deżert sabiex ifakkru 50 sena mit-twaqqif tal-istat nazzjon tagħhom 'l bogħod minn arthom.
Illum fis-Saħara tal-Punent qiegħed jiġi mfakkar jum l-indipendenza; jum li jfakkar 50 sena mit-tluq tal-kolonizzaturi Spanjoli nhar is-27 ta' Frar 1976.
Iżda dan l-istat baqa' biss stat fl-isem. L-istat Saħrawi ġie sforzat jopera fl-eżilju mill-Alġerija b'konsegwenza tal-okkupazzjoni illegali tal-Marokk fis-Saħara tal-Punent; okkupazzjoni li ilha għaddejja 50 sena u li fi żmienna qiegħda tiġi minsija jew saħansitra aċċettata.
Huwa stmat illi madwar 173,000 refuġjat Saħrawi huma sforzati jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji fl-Alġerija, b'ħafna minn dawn ir-refuġjati jkunu dixxendenti ta' dawk is-Saħrawi li 50 sena ilu ġew sforzati 'l barra minn arthom b'konsegwenza tal-invażjoni Marokkina. 50 sena wara, dawn ir-refuġjati qegħdin ikomplu jgħixu ħajjiet dipendenti kważi kompletament fuq l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Alġerija f'kundizzjonijiet ta' faqar.
Min-naħa l-oħra, madwar 200,000 Saħrawi jgħix fit-territorju okkupati fejn huwa suġġett għal ripressjoni ħarxa mill-awtoritajiet Marokkini; illi jissupressaw bil-forza kwalunkwe attiviżmu favur l-indipendenza tat-territorju. Iż-żewġ komunitajiet Saħrawi huma mifruda bit-tieni l-itwal ħajt fid-dinja; ħajt b'tul ta' 2,700km illi l-Marokk bniet bl-għajnuna tal-Istati Uniti sabiex tipproteġi l-okkupazzjoni tagħha.
Miċħuda milli jiċċelebraw l-indipendenza f'arthom.
F'dawn l-aħħar sigħat tkellimt ma' Saħrawi li jgħix f'Dakhla; belt fis-Saħara tal-Punent li hija okkupata mill-Marokk. ''Ma stajniex niċċelebraw jum l-indipendenza fit-toroq għaliex il-pulizija Marokkina jużaw forza qawwija kontra d-dimostrazzjonijiet politiċi. Iċċelebrajna kif stajna billi ċċelebrajna l-kultura tagħna bil-moħbi fid-djar tagħna għax il-forzi sigrieti tal-gvern Marokkin josservawna kontinwament.''
Dan l-istess Saħrawi spiss kien jagħmel kuntatt miegħu sabiex jgħarrafni dwar ir-realtajiet li jaffaċċjaw ta' kuljum is-Saħrawi li jgħixu fit-territorji okkupati; fosthom arresti vjolenti minn pulizija pajżana, l-użu ta' swat u tortura waqt id-detenzjoni u l-esklużjoni minn opportunitajiet ta' xogħol, minkejja l-gvern Marokkin spiss jagħmel referenza għall-investimenti li qiegħed jagħmel fit-territorju sabiex jipprova jilleġitima l-preżenza tiegħu.
Fl-istess waqt, ir-reġjun tar-Rif fin-naħat ta' fuq tal-Marokk jibqa' jiġi mnessi b'mod kontinwu mill-gvern Marokkin; li jippreferi jinvesti flusu sabiex jibqa' jespandi okkupazzjoni fuq art barranija milli sabiex itejjeb l-għijxien ta' niesu f'pajjiżu stess.
Sadanittant, l-ammont ta' residenti Marokkini li jirċievu sussidji kbar mill-gvern Marokkin sabiex imorru jgħixu fit-territorji okkupati qiegħed ikompli jiżdied, filwaqt li l-abitanti Saħrawi dejjem qegħdin isiru minoranza f'arthom stess. Wieħed jinnota li hemm ħafna xebh bejn l-atteġġjament tal-insedjanti illegali Iżraeljani fit-territorji Palestinjani u dawk Marokkini fis-Saħara tal-Punent.
Tkellimt ukoll ma' Saħrawi oħrajn li jgħixu fil-belt okkupata ta' Laayoune. Dawn esprimew miegħi l-frustrazzjoni tagħhom għall-fatt illi s-sitwazzjoni tagħhom baqgħet minsija u kważi qiegħda tiġi nnormalizzata. Oħrajn irreferew għall-ipokrezija tal-gvernijiet tal-Punent, illi jikkundannaw l-okkupazzjoni Russa fl-Ukrajna filwaqt illi jappoġġjaw l-okkupazzjoni Marokkina f'arthom.
Fix-xhur illi għaddew, l-Unjoni Ewropea ħabbret l-appoġġ tagħha għal proposta mill-gvern Marokkin li toffri awtonomija limitata għall-abitanti tat-territorju bil-kundizzjoni li dan jibqa' taħt sovranita' Marokkina. Fl-aħħar snin, l-Istati Uniti, Franza u l-Iżrael irrikonoxxew formalment is-sovranita' tal-Marokk fuq it-territorju.
Bir-raġun, ħafna esperti legali, għaqdiet internazzjonali u attivisti huma xettiċi dwar il-legalita’ ta’ awtonomija limitata taħt sovranita’ Marokkina bħala soluzzjoni għall-kunflitt. Dan minħabba l-fatt illi l-Marokk m’għandux mandat legali rikonoxxut sabiex jamministra lit-territorju.
Minn sena għall-oħra, bosta rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fosthom Amnesty International, Reporters Without Borders u Human Rights Watch jibqgħu jesponu fil-beraħ il-persekuzzjoni u l-oppressjoni tal-gvern Marokkin fil-konfront tas-Saħrawi.
Kunflitt minsi fl-aħħar kolonja tal-Afrika.
Is-Saħara tal-Punent spiss tissejjaħ l-aħħar kolonja fl-Afrika u hija inkluża fil-lista tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Territorji Mhux Awtonomi. Din hija lista li tinkludi territorji li, fil-ġudizzju tan-Nazzjonijiet Uniti, għadhom ma rċevewx forma ta' awto-governanza.
Is-Saħara tal-Punent huwa territorju fl-Afrika ta' Fuq li għadu kkontestat bejn il-Marokk; illi ilu jokkupa t-territorju illegalment għal matul dawn l-aħħar 50 sena; u l-Front Polisario; illi huwa moviment anti-kolonjali li ilu jiġġieled għall-indipendenza tat-territorju sa mill-1973. Bejn l-1884 u l-1975, it-territorju kien kolonja Spanjola, qabel ma l-qawwiet kolonjali Spanjoli abbandunaw dan it-territorju għalkollox fi Frar 1976.
F'Novembru 1975, hekk kif Spanja kienet qiegħda tħejji sabiex tiddekolonizza t-territorju u tagħti l-indipendenza lill-abitanti indiġeni, il-Marokk nieda invażjoni illegali min-naħa Tramuntana fuq dan it-territorju ġirien tiegħu. Sadanittant, il-Mawritanja bdiet tinvadi lit-territorju min-naħa tan-Nofsinhar, u l-Front Polisario sab ruħu jitqabad ma' żewġ pajjiżi ġirien ikbar minnu.
Quddiem dan kollu, Spanja abbandunat il-ħsieb kollu li tiddekolonizza t-territorju billi torganizza referendum kif kienet mitluba tagħmel min-Nazzjonijiet Uniti u nnegozjat ftehim sigriet u illegali f'Madrid, li permezz tiegħu għaddiet l-amministrazzjoni tat-territorju f'idejn il-Marokk u l-Mawritanja Dan minkejja li ġudizzju tal-Qorti Internazzjonli tal-Ġustizzja f'Ottubru ta' dik is-sena sostna li l-abitanti tat-territorju għandhom jingħataw id-dritt li jiksbu l-indipendenza.
F'Settembru 1991, ġie nnegozjat ftehim tal-waqfien mill-ġlied min-Nazzjonijiet Uniti bl-għan illi jsir referendum fit-territorju sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni. Madanakollu, dan ir-referendum qatt ma sar minħabba oppożizzjoni qawwija mill-Marokk għall-prospett ta' referendum li jinkludi l-għażla bejn indipendenza u integrazzjoni.
M'hemmx kompromessi mad-dritt għall-indipendenza.
Hija sfortuna li l-indipendenza tas-Saħara tal-Punent qatt ma mmaterjalizzat billi dan il-poplu qatt ma kellu l-opportunità sabiex ikollu l-istat-nazzjon tiegħu minħabba l-okkupazzjoni illegali tal-Marokk, li għadha għaddejja fuq dan it-territorju bil-barka tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti.
Malta hija fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li faħħret il-proposta tal-għoti ta' ''awtonomija limitata'' taħt is-sovranita' tal-Marokk, minkejja li t-twettiq ta' din il-proposta tfisser biss li l-poplu Saħrawi jibqa' miċħud mill-indipendenza li huwa intitolat għaliha u li tiġi lleġitimizzata l-okkupazzjoni illegali Marokkina f'dan it-territorju
Huwa kunflitt li fil-kompetenza ta' ġurnalist rajt illi nirrapporta dwaru u li fil-kompetenza ta' attivist rajt illi ngħin sabiex imqarr intaffi ftit mit-tbatija ta' dan il-poplu permezz ta' ġbir ta' fondi u solidarjetà. Kuntent illi fl-2024 kelli sehem fil-bini ta' skola fid-Deżert Alġerin għal tfal li huma d-dixxendenti ta' refuġjati li kellhom jaħarbu minn dan il-kunflitt.
Sadanittant, se nibqa' f'kuntatt kontinwu mal-Front Polisario sabiex insegwi mill-qrib in-negozjati riċenti mnedija mill-Istati Uniti bejn il-Marokk u l-Front Polisario, bit-tama li dawn jirriżultaw f'soluzzjoni veru għall-kunflitt li ma tabbandunax id-drittijiet funamentali tal-poplu Saħrawi.
Sahara Occidental Libre!
Viva La Resistencia!
الصحراء الغربية الحرة!
عاشت المقاومة!




Comments