top of page

ĠUSTIZZJA GĦAL ARTNA: MA NIBQGĦUX SIEKTA QUDDIEM MIN IRID JORDOMNA.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Oct 10
  • 3 min read
ree
'' Nuri l-appoġġ tiegħi permezz ta' din l-istqarrija favur il-kawża ġusta li qiegħda titmexxa mill-moviment Ġustizzja għal Artna. ''

Ningħaqad flimkien mal-Moviment Graffiti u mal-attivisti oħrajn illi qegħdin imexxu 'il quddiem il-kawża nobbli favur l-irtirar tal-abbozzi ta' liġi 143 u 144. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, rajna eluf kbar ta' Maltin tar-rieda tajba jingħaqdu wara din il-kawża. L-abbozzi ta' liġi li qiegħed iressaq il-gvern Malti fil-Parlament huma inaċċettabbli minħabba l-impatt negattuv li dawn se jħallu fuq l-ambjent, fuq l-iżvilupp u fuq l-eżerċitazzjoni tad-demokrazija fis-soċjeta' tagħna. Kif ktibt b'mod ċar fuq dan is-sit u anke fuq artiklu li ġie ppubblikat fil-gazzetta t-Torċa li deher fl-edizzjoni ta' Nhar il-Ħadd, 28 ta' Settembru, dawn l-abbozzi ta' liġi huma prova tal-fatt illi l-politika taż-żewġ partiti politiċi qiegħda tiġi ddettata minn ftit kuntratturi u negozjanti li jużaw il-ġid u l-influwenza tagħhom sabiex jgħaġġnu l-liġijiet tal-pajjiż. Dawn l-abbozzi ta' liġi; li qegħdin jipproponu riformi li jistgħu jdgħajfu l-irwol diġa' limitat li għandu ċ-ċittadin komuni sabiex jopponi l-iżvilupp; huma evidenza ċara ta' kif il-partit politiċi maġġuri huma ostaġġi fil-bwiet tal-iżviluppaturi u l-kuntratturi. Din is-sitwazzjoni hija filfatt konsegwenza tal-mod preżenti kif qiegħed iseħħ il-finanzjament tal-partiti politiċi f'pajjiżna. Jeħtieġ li l-poplu Malti jibda jirrealizza li l-maġġoranza tal-problemi ta' dan il-pajjiż; fosthom in-nuqqas ta' affordabbilita', il-qerda tal-ambjent u l-inugwaljanza dejjem tikber fit-tqassim tal-ġid tal-pajjiż huma ħtija tal-mod kif in-negozjant infiltra l-politika u l-governanza f'Malta. Bħala attivist xellugi, nibqa' nemmen fil-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent ta' pajjiżna, li pajjiżna jiżviluppa b'mod sostenibbli u li ma jittieħed l-ebda poter minn idejn iċ-ċittadin jew minn idejn il-qrati tagħna; li huma t-tarka taċ-ċittadin.


Għaldaqstant, qiegħed nuri l-appoġġ tiegħi permezz ta' din l-istqarrija favur il-kawża ġusta li qiegħda titmexxa mill-moviment Ġustizzja għal Artna billi nissekonda l-ittra li ntbagħtet dalgħodu lill-Prim Ministru ta' Malta, Robert Abela, rigward il-ħtieġa li l-abbozzi ta' liġi 143 u 144 jiġu rtirati b'mod immedjat. Dan ikun fl-interess tal-ġid komuni tal-ġenerazzjoni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri, illi aħna obbligati lejhom sabiex ngħaddulhom lil Malta isbaħ u aħjar milli aħna sibnieha.


Annessa f'din l-istqarrija qiegħed nippubblika l-ittra mibgħuta lill-Prim Ministru.


ĠUSTIZZJA GĦAL ARTNA.


Eman Farrugia,

Amministratur.


Stqarrija maħruġa llum, 10 ta' Ottubru 2025.



Onor. Dr Robert Abela

Prim Ministru ta’ Malta


Qegħdin niktbulek b’sens ta’ urġenza u inkwiet għas-sitwazzjoni preżenti. Kif konna ktibnielek fl-ittra ta’ Lulju li għadda – ftit jiem wara li l-Gvern qiegħed fuq il-mejda tal-Parlament l-abbozzi fl-ippjanar – is-sisien tad-deċenza u d-demokrazija jinsabu mhedda minn liġijiet li ser iżarmaw is-salvagwardji kollha li għad fadlilhom iċ-ċittadini quddiem ir-regħba.


Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-rabja ġustifikata tal-poplu għal dan l-attentat li jitkisser iż-żgħir biex jiġi aġevolat l-iżviluppatur, ħarġet dejjem iktar biċ-ċar. L-ebda konsultazzjoni, f’dan l-istadju, u abbażi ta’ dawn il-liġijiet, ma tista’ ttaffi din ir-rabja jew issewwi l-hekk imsejħa “riforma” li hija ħażina fl-istruttura tagħha, proprju għaliex saret b’intenzjoni ħażina: dik li jitkattar il-ġid tal-ftit a spejjeż tal-ġid komuni.


Għalhekk jiddispjaċina profondament li, wara l-bidu tal-kampanja Ġustizzja għal Artna, u l-protesta tas-Sibt li għadda, inti wrejt l-intenzjoni tiegħek li tkompli għaddej b’dawn il-liġijiet. Naħsbu li la huwa għaqli u wisq anqas ġust li l-Gvern jinjora s-sejħa ta’ eluf ta’ ċittadini u ’l fuq minn 70 għaqda minn kull sfond tal-ħajja, mir-residenti sal-istudenti, minn għaqdiet tad-delizzji sal-akkademiċi.


Għalhekk, aħna nistednuk għal darba oħra biex tirtira dawn iż-żewġ abbozzi u t-tliet avviżi legali minnufih. Il-poplu ma jixraqlux jibqa’ taħt din il-mannara fuq għonqu jistenna li jitkissrulu d-drittijiet bażiċi tiegħu u l-postijiet li jgħix fihom u tant jgħożż.


Kif insistejna diversi drabi, din mhijiex ġlieda li aħna nixtiequ niġġieldu. Aħna nixtiequ li npoġġu madwar mejda u nitkellmu dwar ir-riforma fl-ippjanar li pajjiżna tant jeħtieġ. Din ix-xewqa diġà urejnieha diversi drabi, bħal pereżempju fl-2020 u fl-2023, meta għamilna sett ta’ proposti għal bidliet fil-liġijiet u l-politiki li, jekk jitwettqu, jagħtu kemm serħan tal-moħħ liċ-ċittadini kif ukoll kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd.


Filwaqt li jiddispjaċina li dawn il-proposti ġew injorati minnek, u minflok rajt biss ix-xewqat tal-iżviluppaturi, naħsbu li qatt mhu tard wisq.


Għadna fiċ-ċans li, flimkien, bl-involviment tal-gruppi differenti fis-soċjetà, bħal dawk tar-residenti, tal-bdiewa, tad-delizzji – tal-gruppi ekonomiċi, kulturali u soċjali kollha – naslu għal riforma fl-ippjanar li ssaħħaħ, mhux tkisser, lil pajjiżna.


Għalhekk nerġgħu nappellaw minn qalbna biex tirtira dan il-pakkett leġiżlattiv u minflok tippubblika White Paper dwar riforma fl-ippjanar. Dan huwa x-xenarju ta’ kollaborazzjoni u għaqda li aħna nixtiequ naraw u nipparteċipaw fih.


Iżda fin-nuqqas ta’ dan kollu, u fil-kuntest ta’ theddida enormi ta’ abbozzi ta’ liġi li huma lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi, mhu se tkun qed tagħtina ebda għażla oħra ħlief li nintensifikaw il-ġlieda tagħna favur Ġustizzja għal Artna.


Tislijiet

ĠUSTIZZJA GĦAL ARTNA



Żur is-sit ta' Ġustizzja għal Artna u uri l-appoġġ tiegħek.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page