INTERVISTA MAL-ĠURNAL 'ILLUM.COM.MT' DWAR IL-KUNFLITT FL-ILVANT NOSANI.
- Eman Farrugia
- Feb 6
- 7 min read

'' Jekk il-komunita' internazzjonali mhijiex se tapplika l-liġi internazzjonali f'dan il-każ inkunu qegħdin noħolqu preċedent perikoluż fejn ikun qiegħed jingħadda l-messaġġ illi l-liġi internazzjonali ma tgħoddx għal kulħadd bl-istess mod. ''
F'Jannar li għadda lkoll ħassejna sodisfazzjon bl-aħbar illi ntlaħaq ftehim bejn l-Iżrael u l-Ħamas sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied fil-Medda ta' Gaża. Filwaqt illi personalment ninsab sodisfatt b'dan l-iżvilupp politiku mir-reġjun tal-Ilvant Nofsani, xorta ninsab imħasseb dwar il-ġejjieni tal-poplu Palestinjan. Aqra l-ħsibijiet tiegħi dwar dan l-iżvilupp f'din l-intervista li għamel miegħi il-ġurnal Illum.com.mt li ġiet ippubblikata nhar il-Ħadd, 19 ta' Jannar 2025. Nirringrazzja lil dan il-ġurnal talli għoġbu jintervistani dwar din il-kawża li ili naħdem fuqha matul dawn l-aħħar xhur.
Intervista minn Illum.com.mt lil Eman Farrugia, attivist politiku, dwar ir-reazzjoni tiegħu rigward il-ftehim ta' waqfien mill-ġdid bejn l-Iżrael u l-Ħamas fil-Medda ta' Gaża.
Mistoqsija: Taħseb li dan huwa ftehim sostenibbli, li vera se jwassal għal xi tip ta’ paċi, jew taħseb li se tkun xi ħaġa temporanja?
Tweġiba: Meta wieħed iħares lura lejn l-istorja tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, li tmur lura għall-bidu tas-seklu l-ieħor, jintebaħ li dan il-kunflitt huwa kkratterizzat minn perjodi fejn il-ġlied kien iżjed attiv, u perjodi oħrajn fejn l-ġlied kien inqas attiv. Għalhekk, ma naħsibx li wieħed għandu jħares lejn il-waqfien tal-ġlied bħala t-tmiem tal-kunflitt, iżda għandu jiġi kkunsidrat bħala waqfien temporanju; diment li mhux se jkun hemm rieda ġenwina sabiex jiġu indirizzati il-kaġuni ewlenin ta' dan il-kunflitt. Il-fatt huwa li sakemm il-poplu Palestinjan jibqa' trattat ta' poplu tat-tieni klassi u miċħud mid-drittijiet bażiċi tiegħu, m'hemm l-ebda garanzija li xi darba oħra fil-futur mhux se jerġa' jkun hemm gwerer fir-reġjun.
Mistoqsija: Sal-Ġimgħa filgħodu konna diġa’ osservajna attakki minn naħa tal-Iżraeljani. Kemm taħseb li se jżommu mal-ftehim iż-żewġ partijiet fil-ftehim?
Tweġiba: Hija prassi komuni li l-aħħar ġranet ta' ġlied dejjem ikunu l-iżjed ħarxa, anke jekk ikun hemm ftehim tal-ġlied diġa' maqbul minn qabel. Meta wieħed jara kif intemmu gwerer oħrajn fir-reġjun, bħalma ngħidu aħna l-gwerra fis-Saħara tal-Punent bejn il-Marokk u l-Front Polisario, wieħed jista' josserva kif f'Awwissu tal-1991 il-Marokk għamlu attakki mill-aħrax kontra l-poplu Saħrawi ftit ġranet biss qabel ma l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied kien daħal fis-seħħ, li kien ilu maqbul minn Lulju ta' dik is-sena. Għalhekk, ma neskludix illi l-Iżrael qegħdin jużaw l-istess tattika; li jdgħajfu lill-avversarji tagħhom kemm jistgħu sakemm għandhom l-opportunita' li jagħmlu dan. Iżda wieħed għandu jistenna iżjed żviluppi sabiex jara kemm verament il-ftehim se jinżamm. Għadu mhuwiex magħruf jekk il-kabinett tal-gvern huwiex se japprova dan il-ftehim, u rridu nżommu f'moħħna li l-kabinett Iżraeljan fih membri tal-lemin estrem li kemm-il darba qalu stqarrijiet javvokaw favur il-gwerra u b'diskors li jħeġġeġ ġenoċidju fil-konfront tal-poplu Palestinjan.
Mistoqsija: X’jirrapreżenta dan il-ftehim? Raġġ ta’ tama għal paċi wara deċenji ta’ tortura, jew sensazzjoni għall-midja?
Tweġiba: Il-ftehim waħdu ma joffrix viżjoni jew tama għall-paċi bejn iż-żewġ popli. Diment illi mhumiex se jittieħdu passi serji sabiex issir ġustizzja mal-poplu Palestinjan, billi tiġi rrispettata l-liġi internazzjonali u għalhekk tintemm l-okkupazzjoni illegali fit-territorji Palestinjani, il-kunflitt ħa jibqa' għaddej bl-istess riperkussjonijiet. Il-komunita' internazzjonali trid tieqaf milli tħalli lill-Iżrael jaġixxi b'impunita' u jistenna lill-Palestinjani biss biex jagħmlu s-sagrifiċċji. Il-Palestinjani diġa' għamlu sagrifiċċju biżżejjed meta rrikonoxxu l-eżistenza tal-Iżrael u ċedew tmenin fil-mija tal-art li storikament kienet Palestinjana waqt l-Oslo Accords. Issa jmiss lill-Iżrael biex tagħmel il-parti tagħha; billi tħalli stat Palestinjan funzjonabbli u verament indipendenti sabiex jiżviluppa fil-fruntieri tiegħu rikonoxxuti skont il-liġi internazzjonali (il-fruntieri ta' qabel Ġunju 1967) u tirrikonoxxih. Dan ma jistax isir sakemm l-okkupazzjoni tibqa' għaddejja u sakemm ma ssirx pressjoni mill-komunita' internazzjonali sabiex din tieqaf.
Mistoqsija: Dan il-waqfin mill-kunflitt ma kienx se jkun possibbli mingħajr l-indħil tal-Amerikani. X’taħseb dwar dan l-indħil? Taħseb li kien a box ticking excercise għal Donald Trump, biex jidħol il-White House “fil-paċi” kif kien wiegħed, jew taħseb li kien minn indħil sinċier?
Tweġiba: Wieħed jista' jgħid illi l-gwerra ma setgħetx tieqaf mingħajr l-indħil tal-Amerikani, iżda jiena naraha minn lenti oħra; il-gwerra ma kinitx tkun possibbli li ssir mingħajr l-Amerikani! Kienu l-Amerikani u l-alleati tagħhom fl-Unjoni Ewropea li tefgħu l-ħatab fuq in-nar billi baqgħu jagħtu iżjed armamenti u finanzi lill-Iżrael anke meta kien hemm diġa' għarfien dwar l-atroċitajiet li kienu għaddejjin f'Gaża. Mingħajr dawn il-finanzi u l-armamenti, żgur illi l-gwerra kienet iddum inqas. Fuq kollox, ma rridux ninsew li l-Amerikani appoġġjaw fil-beraġ il-gwerra f'Gaża billi għal iżjed minn darba vvotaw kontra l-waqfien mill-ġlied f'Gaża u għar-rikonoxximent ta' stat Palestinjan fil-Kunsill tas-Sigurta' tan-Nazzjonijiet Uniti. Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li Trump huwa ħabib tal-Palestinjani. Ma ninsewx illi kienet l-amministrazzjoni tiegħu li rrikonixxiet lill-Ġerusalemm bħala l-kapitali tal-Iżrael, u lill-Golan Heights tas-Sirja bħala territorju Iżraeljan. Irridu niftakru li kien taħt l-amministrazzjoni ta' Trump illi l-Iżrael espandiet l-insedjamenti tagħha fil-West Bank b'intensita' li qatt ma konna rajna bħalha. L-amministrazzjoni ta' Trump kienet diġa' taf illi Netanyahu għandu aspirazzjonijiet sabiex jannessa l-West Bank, u n-nuqqas ta' azzjoni mill-amministrazzjoni ta' Trump sabiex tipprevjeni dan milli jiġri kienet il-kaġun tal-eskalazzjonijiet ġodda li saru fl-2021 illi eventwalment waslu għall-bidu tal-gwerra f'Gaża f'Ottubru 2023.
Mistoqsija: X’taħseb li hu l-pass li jmiss?
Tweġiba: Hemm għadd ta' passi li għandhom jittieħdu minn issa 'l quddiem. Qabel xejn, għandu jkun assigurat illi l-għajnuna umanitarja qiegħda titwassal f'Gaża sabiex il-poplu Palestinjan jerġa' jkollu aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi sakemm jibdew il-preparamenti sabiex terġa' tinbena mill-ġdid l-infrastruttura li nqerdet matul il-gwerra; proċess illi għandu diċenji sħaħ sakemm jintemm. Fuq kollox, għandha ssir il-ġustizzja meħtieġa billi dawk kollha li ffaċilitaw dan il-ġenoċidju, fosthom il-Prim Ministru Iżraeljan Netanyahu, jitressqu quddiem il-Qorti Internazzjonali Kriminali sabiex jingħata messaġġ ċar lill-kulħadd; ir-reat ta' ġenoċidju mhuwa qatt tollerabbli. Jekk il-komunita' internazzjonali mhijiex se tapplika l-liġi internazzjonali f'dan il-każ inkunu qegħdin noħolqu preċedent perikoluż fejn ikun qiegħed jingħadda l-messaġġ illi l-liġi internazzjonali ma tgħoddx għal kulħadd bl-istess mod. Nemmen illi osservaturi indipendenti għandhom jitħallew jidħlu ġewwa Gaża sabiex jistudjaw b'mod indipendenti l-effetti katastrofiċi tal-gwerra, għaliex b'ċertezza ngħid li fil-verita' l-ammont ta' mwiet huwa ħafna iżjed numeruż minn dak illi qiegħed jiġi rrapportat.
Aqra l-artiklu sħiħ hawn taħt:

‘Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li Donald Trump huwa ħabib tal-Palestinjani’
Il-kwistjoni minn għajnejn attivist żagħżugħ Malti. Eman Farrugia jaqsam il-ħsibijiet tiegħu fuq il-ftehim imħabbar riċentement, u fuq xi jfisser dan il-ftehim.
Ma naħsibx li wieħed għandu jħares lejn il-waqfien tal-ġlied bħala t-tmiem tal-kunflitt, iżda għandu jiġi kkunsidrat bħala waqfien temporanju, attivist Malti qal lill-ILLUM.
Eman Farrugia sostna l-argument tiegħu billi qal li jrid ikun hemm rieda ġenwina sabiex jiġu indirizzati l-kaġuni tal-kunflitt, speċifikament it-trattament tal-poplu Palestinjan bħala inferjuri, imċa]ħda mid-drittijiet umani.
Farrugia huwa attivist żagħżugħ favur il-Palestina li ilu għaddej b’ħiltu kollha sabiex joffri l-appoġġ lill-poplu Palestinjan, kemm billi jorganizza lill-poplu Malti protesti simboliċi u ġbir ta’ donazzjonijiet, kif ukoll billi jħeġġeġ sforzi diplomatiċi Maltin.
Meta ġie mistoqsi jekk jaħsibx li ż-żewġ partijiet ħa jżommu mat-termini tal-ftehim, eżatti kif il-Ġimgħa filgħodu kien hemm attakki min-naħa Iżraeljana, hu qal li dan tal-aħħar hu komuni fi gwerrer f’dan ir-reġjun.
Farrugia qabbel dan kollu mal-gwerra fis-Saħara tal-Punent tal-1991, meta l-Marokk għamel attakk aħrax kontra l-poplu Saħrawi ftit jiem biss qabel li sar ftehim tal-waqfien mill-ġlied. Huwa spjega kif il-forzi Iżraeljani jistgħu jkunu qed jużaw l-istess tattiċi sabiex idgħajfu lill-avversarji tagħhom.
“Dan ma jistax isir sakemm l-okkupazzjoni tibqa’ għaddejja u sakemm ma ssirx pressjoni mill-komunità internazzjonali sabiex din tieqaf,” reġa rrimarka. Farrugia jemmen sabiex ikun hemm verament paċi f’dan ir-reġjun, il-politika internazzjonali trid tmur oltre minn dan il-ftehim, u tappoġġja l-kawża Palestinjana kontra l-kolonizzazzjoni tal-Palestina mill-Iżraeljani, tenna Farrugia.
Fejn ħafna jemmnu li dan il-ftehim sar grazzi għall-Amerikani, Farrugia jemmen li l-gwerra kienet ħtija tal-Amerikani u tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal illi dawn il-partijiet politiċi internazzjonali kienu “minn tal-ewwel li ffinanzjaw il-kawża Iżraeljana, u li bagħtulhom armenti sabiex ikomplu l-atti ġenoċidjali tagħhom.”
“Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li Trump huwa ħabib tal-Palestinjani,” Farrugia żied jgħid, waqt li fakkar li l-amministrazzjoni ta’ Trump irrikonoxxiet lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana, waqt li kienet taf bl-aspirazzjonijiet espansjonisti ta’ Netanyahu.
L-ewwel pass li għandu jittieħed, skont Farrugia, huwa l-assigurazzjoni tal-għajnuna umanitarju lill-poplu Palestinjan f’Gaża, sabiex dan jista’ jerġa’ jkollu l-ħtiġijiet bażiċi li għandu kull wieħed u waħda minna. Il-proċess ta’ sejba mill-ġdid tal-Palestina huwa wieħed li ħa jiġġebbed fuq medda ta’ snin. Pass ieħor importanti huwa l-paċi għall-poplu Palestinjan u l-vittmi tal-ġenoċidju. Il-Prim Ministru Iżraeljan, kif ukoll l-alleati tiegħu għandhom jittressqu quddiem il-Qorti Internazzjonali Kriminali. Dan għandu jservi ta’ messaġġ li l-ġenoċidju mhuwiex tollerabbli.
In-nuqqas ta’ ġustizzja jgħaddi messaġġ li l-liġi internazzjonali ma tapplikax għal kulħadd.
Dak li seħħ bejn Iżrael u l-Palestina sa issa.
Din il-ġimgħa, il-midja internazzjonali rrapportat li ġie propost ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas sabiex jitwaqqaf l-isparar. Kulma jonqos hu li tapprovah il-kabinett tas-sigurtà Iżraeljana. Dan il-ftehim jinvolvi l-ħelsien t’ostaġġi miż-żewġ naħat, kif ukoll it-tnaqqis tal-preżenza Iżraeljana f’ċerti postijiet urbani fil-Palestina. Wara kważi 15-il xahar ta’ massakri, kif waslu s’hawnhekk iż-żewġ partijiet? Kemm kienet qawwija l-interferenza Amerikana f’dan il-ftehim?
Il-Kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina jmur lura għas-seklu dsatax, mal-mewġa taż-Żijoniżmu. Dan tal-aħħar huwa moviment li ried jistabbilixxi stat Lhudi, partikolarment billi tiġi kkolonizzata l-Palestina. Hemmhekk kien hemm popolazzjoni kbira Għarbija li oġġezzjonat dan kollu. Fl-1917, l-imperu Ingliż wiegħed is-sapport tiegħu fit-twaqqif ta’ stat Lhudi fil-Palestina. Dan kollu wassal għal ribelljoni Għarbija, fejn il-popolazzjoni Għarbija ġġieldet għall-indipendenza u r-rivokazzjoni għas-sapport Ingliż fil-kawża Żijonista. Madanakollu, l-Inġliżi waqfu kollox immedjatament. Pass ieħor li kkawża kunflitt esplussiv kien il-‘Partition Plan’, tal-Ġnus Magħquda fl-1947. Dan wassal għal gwerra Għarbija-Iżraeljana tal-1948. Meta ġie ffirmat it-trattat ta’ paċi s-sena ta’ wara, 750,000 Palestinjan kellhom jitilqu minn djarhom u Iżrael kellha l-kontroll tal-maġġoranza tat-territorju.
Is-seklu 20 kien mimli kunflitti bejn iż-żewġ forzi, u baqgħu għaddejjin sal-2023 fejn saret problema internazzjonali, b’ħafna jgħidu li ħadet il-forma ta’ ġenoċidju. Fis-7 t’Ottubru tal-2023, il-Ħamas bdew l-operazzjoni “Al-Aqsa deluge”, li inkludiet l-isparar ta’ missili fuq art Iżraeljana fejn tilfu ħajjithom ’il fuq minn elf ruħ u 7,500 oħra midruba. Iżrael irritaljat billi fetħet l-attakk mill-ajru fuq Gaża, bl-għan li teradika lill-Ħamas. Minn sena wara dan l-attakk, il-forzi Iżraeljani laħqu qatlu madwar 42,000 persuna.
L-Amerka kienet l-ikbar partitarja ta’ Iżrael tal-ġenoċidju Iżraeljan, kemm b’għajnuna militari u finanzjarja, kif ukoll għajnuna politika. L-Istati Uniti użat il-veto 42 darba kontra riżoluzzjonijiet li jikkundannaw lil Iżrael, meta l-veto intużat 83 darba fl-istorja. Fl-aħħar diskors tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden ħabbar ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas sabiex jieqaf l-isparar u jinħelsu ostaġġi. Il-President elett Donald Trump stqarr li l-ftehim sar bi sforz tiegħu. Trump pubblikament tkellem favur ftehim hekk waqt il-kampanja elettorali tiegħu, u kiseb ħafna sapport, kemm Amerikan kemm barrani, waqt l-elezzjonijiet presidenzjali tas-sena l-oħra bis-saħħa ta’ dawn l-istqarrijiet.
Artiklu ta' Ilenia Debono.
IL-ĠLIEDA MA TIEQAFX HAWN.
L-GĦAJTA TIBQA; PALESTINA ĦIELSA!
LE GĦALL-IMPERJALIŻMU!
Comments