top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

L-OKKUPAZZJONI ILLEGALI FIS-SAĦARA TAL-PUNENT.

Updated: Feb 25


Bħal kull poplu ieħor, il-poplu Saħrawi għandu wkoll id-dritt illi jikseb il-ħelsien tiegħu u jiddeċiedi d-destin tiegħu. Huwa inaċċettabbli li Malta qiegħda tappoġġja sovranita' Marokkina fuq is-Saħara tal-Punent u qiegħda tkun indifferenti lejn it-tbatija tal-poplu Saħrawi taħt l-okkupazzjoni Marokkina.


Jeħtieġ illi Malta Tagħti l-Appoġġ Tagħha lill-Poplu Saħrawi.


Il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent huwa fost l-iżjed kunflitti minsija li għadhom għaddejjin b'mod preżenti madwarna, tant illi dan il-kunflitt issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar 49 sena. Il-poplu Saħrawi, illi huwa taħt l-oppressjoni brutali u l-okkupazzjoni illegali tal-Marokk, għadu sal-lum il-ġurnata jiġġieled għad-drittijiet fundamentali tiegħu u għal-liberazzjoni ta' pajjiżu. Bħala poplu Malti, illi nafu xi jfisser illi tkun okkupat u miċħud mid-drittijiet tiegħek, għandna nibdew nuru iżjed empatija u solidarjeta' mal-poplu Saħrawi, illi preżentament qiegħed jiġi mjassar fis-skiet. Bħala pajjiż illi xi darba huwa wkoll kien kolonja, għandna nibqgħu nħaddnu l-valuri anti-kolonjali u anti-imperjalisti li ggwidawna fil-ġlieda tagħna għall-ħelsien, u din id-darba għandna nużawhom sabiex ngħinu lil poplu ieħor illi bħalna jrid jgħix ta' poplu ħieles. B'mod adattat, is-Saħara tal-Punent huwa referut minn ħafna bħala l-aħħar kolonja fl-Afrika, hekk kif il-poplu Saħrawi għadu qiegħed jitħabat sabiex jakkwista l-indipendenza u l-liberazzjoni tiegħu mill-ħakma Marokkina. Huwa ta' diżappunt illi nara l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Punent; l-Istati Uniti u l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, illi mhux biss huma insensittivi u indifferenti lejn it-tbatija li għaddej minnha l-poplu Saħrawi, iżda qegħdin ukoll jiffaċilitaw l-istess tbatija b'diversi mezzi. Huwa ta' diżappunt ikbar illi nara lil pajjiżna li wkoll qabad din il-linja żbaljata u inġusta permezz tal-appoġġ politiku li l-gvern Malti beda jagħti liż-żamma ta' sovranita' Marokkina fuq it-territorju, minkejja li skont il-liġi internazzjonali l-preżenza tal-Marokk fit-territorju hija waħda illegali u għaldaqstant il-gvern Marokkin m'għandux il-jedd legali li jiddikjara sovranita' fuq is-Saħara tal-Punent. Pajjiżna m'għandu qatt iservi ta' strument sabiex tiġi ffaċilitata t-twettiq ta' okkupazzjoni oppressiva fuq poplu miċħud mid-drittijiet fundamentali tiegħu.


Lura fis-sena 1979, pajjiżna kien fost wieħed mill-ftit pajjiżi mid-dinja tal-Punent illi kienu vvotaw favur l-għotja ta' 'self-determination' lill-poplu Saħrawi waqt riżoluzzjoni li kienet ġiet imressqa dwar dan is-suġġett fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolata riżoluzzjoni numru 34/37. Fi snin riċenti, pajjiżna kien anke laqa' taħdidiet informali bejn ir-rappreżentanti tal-poplu Saħrawi u l-gvern Marokkin, u baqa' b'mod konsistenti jiddikjara appoġġ għal-liberazzjoni tas-Saħara tal-Punent u tal-poplu tiegħu permezz tal-għotja ta' indipendenza u awtonomija sħiħa. Din il-pożizzjoni hija kompattibbli mal-pożizzjoni preżenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dan il-kunflitt. Meta t-tensjonijiet bejn il-poplu Saħrawi u l-okkupanti Marokkini fit-territorju kienu reġgħu bdew jgħollu rashom fis-sena 2020, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fi stqarrija kien għamel din id-dikjarazzjoni dwar l-istatus tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u dwar il-pożizzjoni ta' pajjiżna rigward dan il-kunflitt;


''Malta’s position on Western Sahara unchanged and its support to self-determination remains. Malta’s position on Western Sahara remains unchanged: a just, lasting, and mutually acceptable political solution which will provide for the self-determination of the people of Western Sahara, in line with international law. In this regard, Malta continues to support the United Nations-led process.''

Jidher iżda li din il-pożizzjoni ġusta u korretta skont il-liġi internazzjonali ġiet abbandunata u minflok sostitwita b'pożizzjoni favur it-tkomplija tal-preżenza Marokkina fis-Saħara tal-Punent, hekk kif fis-sena 2023, l-istess Ministeru għall-Affarijiet kien beda jagħti appoġġ politiku għall-proposta li ħareġ biha l-gvern Marokkin sabiex formalment jannessa t-territorju okkupat mal-bqija tal-Marokk, u b'hekk it-territorju jkun taħt sovranita' Marokkina. Min-naħa l-oħra, din il-proposta, illi hija magħrufa bħala 'Western Sahara Autonomy Proposal' (Proposta ta' Awtonomija għas-Saħara tal-Punent) tinnega lill-poplu Saħrawi milli jakkwista l-indipendenza sħiħa tiegħu, hekk kif il-Marokk qiegħed jipproponi biss illi jipprovdi lill-poplu Saħrawi b'awtonomija limitata u b'nuqqas ta' sovranita'. Din il-proposta hija inaċċettabbli għal dawk kollha li jemmnu fl-iżjed drittijiet umani fundamentali tal-bniedem; din il-proposta ma tirrikonoxxix l-ambizzjonijiet u x-xewqat veritiera li għandu l-poplu Saħrawi dwar il-ġejjieni tiegħu. Madanakollu, fi żjara li għamel fil-Marokk fis-sena 2023; żjara illi fiha kienu ġew iffinalizzati għadd ta' ftehimiet ta' kummerċ bejn pajjiżna u l-Marokk, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg tenna l-appoġġ tiegħu għall-proposta mressqa mill-gvern Marokkin rigward il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, billi waqt konferenza stampa kien iddikjara hekk dwar il-proposta;


''Malta considers the autonomy plan presented by Morocco as a serious and credible contribution to the definitive resolution of the Sahara issue.''

B'mod evidenti, din id-dikjarazzjoni mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hija totalment l-oppost ta' dak illi kien iddikjara l-istess Ministeru tliet snin qabel. Hemm bżonn illi l-gvern Malti jiċċara verament il-pożizzjoni tiegħu rigward il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, hekk kif l-istqarrija tas-sena 2020 u l-istqarija tas-sena 2023 huma kontradizzjoni ta' xulxin. Għal din ir-raġuni, f'dawn l-aħħar ġranet ikkomunikajt mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ bl-għan illi nifhem għal liema raġuni nbiddlet il-pożizzjoni tal-gvern Malti b'tali mod illi qiegħed jinnega lill-poplu Saħrawi milli jakkwista l-indipendenza u l-liberazzjoni sħiħa tiegħu mill-okkupazzjoni illegali tal-Marokk. F'dawn l-aħħar sigħat il-mistoqsija li għamilt lill-Ministeru ġiet imwieġba; u ser inkun qiegħed nippubblika l-kontenut tagħha u tal-mistoqsija li jiena staqsejt iktar tard f'dan l-artiklu. Rigward il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, qiegħed nagħmel talba formali lill-gvern Malti sabiex jadotta pożizzjoni iżjed ġusta u konformi mal-liġijiet internazzjonali u mal-pożizzjoni li ħadet in-Nazzjonijiet Uniti billi; a) jirtira mill-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-gvern Marokkin; b) jiddikjara mingħajr ebda kundizzjoni appoġġ għall-għotja ta' 'self-determination' għall-poplu Saħrawi; ċ) jadotta l-pożizzjonijiet li ttieħdu min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Qorti Internazzjoni tal-Ġustizzja; d) jistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija; e) jopponi l-ftehimiet illi qiegħda tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea mal-Marokk illi jinkludu t-territorju tas-Saħara tal-Punent. B'rieda ġenwina favur il-paċi mill-komunita' internazzjonali, dan il-kunflitt u oħrajn bħalu jistgħu jintemmu darba għal dejjem fl-interess tal-qagħda tal-popli li jinsabu mjassra u oppressati.


Matul l-okkupazzjoni illegali Marokkina fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, il-gvern Marokkin bena għadd ta' ħitan illegali u stabbilixxa 'check-points' sabiex jillimitaw il-movimenti tal-poplu Saħrawi. Allegatament, il-Marokk qiegħda tuża fondi mogħtija lilha mill-Unjoni Ewropea sabiex tikkonsolida l-okkupazzjoni illegali fit-territorju billi tuża dawn il-fondi sabiex tiffinanzja l-preżenza militari tagħha.


Il-Kunflitt fis-Saħara tal-Punent; l-Okkupazzjoni Siekta.


Is-Saħara tal-Punent huwa territorju Afrikan li għadu sal-lum ikkontestat minħabba l-okkupazzjoni Marokkina fit-territorju. Is-Saħara tal-Punent kien wieħed mill-kolonji li kellu l-Imperu Spanjol fil-kontinent Afrikan, b'ħakma Spanjola li kienet bdiet fis-seklu dsatax. Fis-sena 1975, Spanja kienet irtirat mill-preżenza tagħha fit-territorju wara l-ħolqien ta' bosta movimenti ta' reżistenza li bdew jopponu l-preżenza Spanjola fit-territorju, filwaqt illi wrew ix-xewqa għal iżjed awtonomija. Fost dawn il-movimenti kien hemm il-Front ta' Polisario, illi kien beda isejjaħ għall-ħolqien ta' stat indipendenti fit-territorju bl-isem ta' Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Fis-sena 1960, in-Nazzjonijiet Uniti kienet adottat riżoluzzjoni numru 1514, illi kienet timplika li l-popli li jinsabu maħkuma minn qawwiet kolonjali f'pajjiżhom għandhom ikollhom id-dritt illi jiksbu l-liberazzjoni tagħhom mill-ħakma kolonjali permezz tal-għotja ta' 'self-determination'. Minn dik is-sena, il-kontinent Afrikan beda jesperjenza l-liberazzjoni tal-kolonji tiegħu, sakemm fis-sena 1975, l-unika qawwa kolonjali li kien għadu jippossjedi kolonja fil-kontinent kienet Spanja, permezz tal-ħakma tagħha fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, illi kienet għadha magħrufa bħala s-Saħara Spanjola.


Inizzjalment, il-Front ta' Polisario kien ġie fformat bħala moviment nazzjonalist, iżda eventwalment il-moviment kien beda jinvolvi ruħu f'konfronti militari mat-truppi Spanjoli preżenti fit-territorju u kien ġie stabbilit bħala moviment ta' liberazzjoni għall-poplu indiġenu tat-territorju, illi huma magħrufa bħala Saħrawi. Fis-sena 1976, illi mmarkat it-tluq tal-forzi militari Spanjoli mill-pajjiż, it-territorju kien formalment ipproklama l-indipendenza tiegħu minn Spanja u għalhekk kienet twaqqfet ir-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Madanakollu, Spanja ma kinitx irrikonixxiet lill-indipendenza tat-territorju, billi l-Ftehimiet ta' Madrid kienu jinvokaw id-diviżjoni tat-territorju bejn żewġ pajjiżi ġirien; il-Marokk u l-Mawritanja, mingħajr ma kienet saret ebda konsultazzjoni mal-poplu Saħrawi dwar l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan immarka l-bidu tal-okkupazzjoni tal-Marokk u tal-Mawritanja fit-territorju; bil-parti tat-Tramuntana tkun okkupata mill-forzi Marokkini filwaqt illi l-forzi Mawritanjani okkupaw il-parti tan-Nofsinhar tal-istess territorju. Għalhekk, din l-okkupazzjoni kienet fissret il-bidu ta' kunflitt armat bejn il-pajjiżi okkupanti u l-Front ta' Polisario, kunflitt illi għadu għaddej preżentament mal-Marokk. Bejn is-snin 1975 u 1991, il-Front ta' Polisario u l-forzi Marokkini kienu involuti fil-Gwerra tas-Saħara tal-Punent, gwerra illi kienet twaqqfet biss wara ftehim ta' paċi maqbul bejn iż-żewġ naħat sabiex jitwaqqfu l-konfronti militari. Madanakollu, il-Marokk għadu sal-lum jokkupa t-territorju tas-Saħara tal-Punent għad-detriment tal-poplu Saħrawi li għadu mċaħħad mill-aspirazzjonijiet tiegħu għal awtonomija. Sadanittant, l-okkupazzjoni illegali fis-Saħara tal-Punent qiegħda tiġi ffinanzjata u appoġġjata mill-Istati Uniti, mill-Iżrael u anke minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea; mhux biss permezz tal-bejgħ ta' armamenti u assistenza militari lill-Marokk sabiex tinforza l-okkupazzjoni, iżda anke permezz tal-estrazzjoni ta' riżorsi u minerali minn għadd ta' kumpaniji u industriji mill-pajjiżi msemmija li jinsabu stabbiliti fit-territorju. Hekk kif il-preżenza ta' dawn il-kumpaniji u industriji dejjem qiegħda tissaħħaħ, il-Marokk qiegħda tibqa' tisfutta r-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent bl-appoġġ tal-pajjiżi tal-Punent, tant illi iżjed minn 60% tal-fondi Ewropej allokati lill-Marokk għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd intefqu ġewwa s-Saħara tal-Punent. Preżentament, il-Marokk qiegħda tiġi mgħejjuna minn kumpaniji tal-enerġija Amerikani, Iżraeljani u Ewropej sabiex jiġu esportati diversi riżorsi bħall-gass u żejt mit-territorju okkupat.


Uffiċjalment magħruf bħala 'Frente Popular de Liberacion de Saguia el-Hamra y Rio de Oro', il-Front Polisario huwa rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-unika rappreżentant leġittimu tal-poplu Saħrawi. Fis-sena 1976, il-Front Polisario kien waqqaf ir-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija wara t-tluq tal-aħħar truppi Spanjoli mit-territorju tas-Saħara tal-Punent f'dik is-sena.


Minħabba r-reżistenza li ntweriet mill-Front ta' Polisario u minn movimenti oħrajn ta' liberazzjoni minn fost il-poplu Saħrawi, il-forzi Mawritanjani kienu sforzati li jirtiraw mill-preżenza tagħhom fit-territorju. Madanakollu, il-forzi Marokkini li kienu qegħdin jokkupaw il-parti tat-Tramuntana tat-territorju ħadu l-opportunita' sabiex jinvadu l-parti tat-territorju li kienet tal-Mawritanja, sabiex b'hekk il-Front ta' Polisario ma kienx jieħu vantaġġ mill-preżenza ta' territorju vakanti li fuqu seta' jistabbilixxi l-fruntieri għar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Għalhekk, il-Marokk kienet marret kontra dak illi kien ġie maqbul fil-Ftehimiet ta' Madrid billi wettqet espsanjoni tat-territorju tagħha b'mod illegali permezz tal-okkupazzjoni tal-parti tan-Nofsinhar tat-territorju. Preżentament, 80% tat-territorju totali huwa okkupat filwaqt illi 20% biss huwa kkontrollat mill-Front ta' Polisario. Il-Marokk għadu sal-lum jiddikjara sovranita' fuq it-territorju kollu tas-Saħara tal-Punent, minkejja li t-tali dikjarazzjoni hija meqjusa bħala waħda illeġittima minn esponenti internazzjonali bħalma hija n-Nazzjonijiet Uniti. L-okkupazzjoni illegali kienet fissret l-eżilju ta' 180,000 Saħrawi lejn l-Alġerija, illi preżentament jinsabu ġewwa kampijiet ta' refuġjati u mċaħħda milli jirritornaw lejn l-art tagħhom. Il-popolazzjoni Saħrawija li tabita t-terrtitorju okkupat tinsab oppressata mill-forzi Marokkini, tant illi demostrazzjonijiet u kwalunkwe attivitiżmu politiku li jopponu lill-okkupazzjoni huma mrażżna. L-Istati Uniti hija fost l-ikbar donatriċi tal-okkupazzjoni fis-Saħara tal-Punent, tant illi iżjed minn 91% tal-armamenti kollha li huma importati mill-gvern Marokkin huma mibjugħa mill-Istati Uniti.


Huwa maħsub illi l-kunflitt ikkaġuna iktar minn 20,000 imwiet, filwaqt illi eluf oħrajn sfaw feruti jew ġew iddikjarati bħala mitlufa. Hekk kif l-okkupazzjoni Marokkina baqgħet tippersisti, fis-sena 2020, il-konfronti militari bejn il-Front ta' Polisario u l-forzi Marokkini kienu reġgħu bdew jippersistu mill-ġdid hekk kif it-tensjonijiet fit-territorju baqgħu jgħolew. F'dik l-istess sena, l-Istati Uniti kienet saret l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa s-sovranita' Marokkina fuq is-Saħara tal-Punent bħala parti mill-proċess ta' normalizzazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Marokk. Fis-sena 2023, l-Iżrael kien sar it-tieni pajjiż li rrikonoxxa s-sovranita' Marokkina fuq it-territorju, filwaqt illi min-naħa tagħha, il-Marokk kienet bdiet tirrikonoxxi lill-Iżrael. Minkejja li l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix din is-sovranita' b'mod legali, il-ftehimiet ta' kummerċ illi tagħmel il-Kummissjoni Ewropea mal-Marokk xorta waħda jinkludu lis-Saħara tal-Punent, u għalhekk huwa implikat illi fil-prattika l-Unjoni Ewropea qiegħda tirrikonoxxi s-sovranita' Marokkina fuq it-territorju. Fis-sena 2016, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet ikkundannat il-ftehimiet dwar is-sajd illi kienet għamlet il-Kummissjoni Ewropea mal-Marokk, hekk kif dawn kienu jinkludu lit-territorju tas-Saħara tal-Punent mingħajr ma ġie kkonsultat il-poplu Saħrawi. Madanakollu, il-Kummisjoni Ewropea rrifjutat milli titfa' sanzjonijiet fuq prodotti miġjuba mit-territorju okkupat u minflok għażlet illi tinjora s-sentenza maħruġa mill-qorti għal seba' snin sħaħ, sakemm dan il-ftehim kien skada fis-sena 2023. B'mod evidenti, il-pajjiżi tal-Punent qegħdin jirrifjutaw milli jieħdu azzjoni konkreta kontra l-okkupazzjoni illegali tal-Marokk fit-territorju u minflok qegħdin jpoġġu interessi kummerċjali u politiċi quddiem l-interessi tal-poplu Saħrawi. Permezz tal-preżenza tal-Marokk fis-Saħara tal-Punent, dawn il-pajjiżi jkollhom l-opportunita' li jisfruttaw l-abbundanza ta' riżorsi u minerali li huma preżenti fit-territorju, fosthom l-ikbar riżervi ta' fosfati fid-dinja. Fis-sena 2021, il-Marokk kienet esportat iżjed minn 1.1 miljun tunnellata ta' riżorsi ta' fosfati, illi huma maħsuba li kellhom valur proġettat ta' iżjed minn 170.8 miljun Dollaru Amerikan.


Attivisti Saħrawi jorganizzaw manifestazzjoni kontra l-preżenza ta' kumpaniji Ewropej fis-Saħara tal-Punent, illi qegħdin jilleġittimizzaw l-okkupazzjoni Marokkina u jisfruttaw ir-riżorsi tat-territorju.


Fis-sena 2006, il-gvern Marokkin ħabbar il-proposta tiegħu sabiex tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt bl-isem ta' 'Western Sahara Autonomy Proposal' (Proposta ta' Awtonomija għas-Saħara tal-Punent). Minkejja li din il-proposta għandha tiggarantixxi l-għotja ta' forma ta' governanza awtonoma għall-poplu Saħrawi, din l-awtonomija hija restritta minħabba li l-istess proposta tisħaq illi t-territorju għandu jibqa' taħt is-sovranita' tal-Marokk. Din il-proposta għalhekk tiċħad l-għotja ta' indipendenza għall-poplu Saħrawi u ma tinkludix il-possibbilita' ta' referendum demokratiku sabiex b'hekk il-poplu Saħrawi jkun jista' jiddeċiedi b'mod liberu d-destin tiegħu. Minflok, il-gvern Marokkin xorta waħda ser ikollu l-irwol illi jammisitra bosta oqsma kruċjali, fosthom l-affarijiet barranin u r-relazzjonijiet diplomatiċi, id-difiża u s-sigurta' tat-territorju u anke l-ekonomija, hekk kif il-munita maħsuba sabiex tintuża fit-territorju xorta xorta waħda hija d-Dirham Marokkina. Minbarra dawn l-irwoli, il-liġijiet illi jkunu japplikaw għat-territorju huma maħsuba li jkunu l-istess għal dawk tal-Marokk, u għalhekk il-gvern Marokkin xorta waħda ser ikollu ġurisdizzjoni legali fuq it-territorju. Kemm l-Istati Uniti u kemm il-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ddikjaraw appoġġ għall-proposta li tressqet mill-Marokk, minkejja li l-proposta mressqa ġiet tikkontradiċi s-soluzzjonijiet illi kienu tressqu min-Nazzjonijiet Unti fis-sena 1991 fil-proposta magħrufa bħala 'Settlement Plan', illi kienet tisħaq fuq il-ħtieġa li l-poplu Saħrawi jingħata l-opportunita' li jipparteċipa f'referendum demokratiku li jinkludi l-għażla ta' indipendenza. Il-Marokk b'mod konsistenti baqgħet timblokka l-possibbilita' li jsir dan ir-referendum. Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti baqgħet b'mod konsistenti tirrifjuta milli tirrikonoxxi s-sovranita' tal-Marokk fuq it-territorju sa mill-bidu tal-kunflitt, hekk kif fis-sena 1975, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddikjarat illi kemm il-Marokk u kemm il-Mawritanja ma kellhom jingħataw sovranita' fuq is-Saħara tal-Punent. Din id-dikjarazzjoni mhux biss tikkonferma li l-illegalita' tal-okkupazzjoni tal-Marokk fit-territorju, iżda timplika wkoll illi l-poplu Saħrawi għandu d-dritt illi jiġi lliberat bħall-bqija tal-kolonji l-oħrajn fil-Afrika, b'konformita' mal-politika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-proċess ta' dekolonizzazzjoni skont kif tfasslet f'riżoluzzjoni numru 1415. Fil-ġudizzju tagħha dwar il-każ imressaq mill-Marokk u l-Mawritanja, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kienet stqarret hekk dwar il-pretensjonijiet storiċi taż-żewġ pajjiżi fuq it-territorju;


''On the other hand, the Court’s conclusion was that the materials and information presented to it did not establish any tie of territorial sovereignty between the territory of Western Sahara and the Kingdom of Morocco or the Mauritanian entity. Thus the Court did not find any legal ties of such a nature as might affect the application of the General Assembly’s 1960 resolution 1514 (XV) — containing the Declaration on the Granting of Independence to Colonial Countries and Peoples — in the decolonization of Western Sahara and, in particular, of the principle of self-determination through the free and genuine expression of the will of the peoples of the territory.''

 

Mistoqsija mibgħuta minni lill-Onor. Ministru Ian Borg.


Għażiż Ministru,


Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-2020 kien tenna appoġġ għad-dritt ta' sovranità għall-poplu Saħrawi ġewwa t-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent. Madanakollu, fl-2023, l-istess Ministeru taħt it-tmexxija tiegħek iddikjara appoġġ għall-proposta ta' awtonomija mressqa mill-Marokk, illi ilu jokkupa t-territorju għal dawn l-aħħar 49 sena. Din il-proposta tiċħad lill-poplu Saħrawi mid-dritt illi jkun poplu sovran u indipendenti, filwaqt illi huwa miċħud ukoll milli jkun jista' jamministra oqsma kruċjali bħad-difiża, l-ekonomija u l-affarijiet barranin. 


Nixtieq nistaqsik għal liema raġuni nbiddlet il-pożizzjoni ta' Malta u għalfejn il-Ministeru qiegħed jagħti appoġġ għal sovranità Marokkina fis-Saħara Punent meta dan il-pajjiż m'għandu l-ebda dritt għal ġurisdizzjoni fuq it-territorju skont sentenza mogħtija mill-Qorti Internazzjonali għall-Ġustizzja fis-sena 1975. Dan filwaqt illi l-annessjoni illegali ġabet il-kundanna tan-Nazzjonijiet Uniti.


Nirringrazzjak talli sibt ħin sabiex taqra din il-mistoqsija. Nittama li nisma' mingħandek.


Tislijiet,

Eman Farrugia.


 

Tweġiba għall-mistoqsija mill-Onor. Ministru Ian Borg.


Sur Eman Farrugia,

 

F-isem il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin u l-Kummerċ nixtieq nirrispondik dwar il-mistoqsija tiegħek li ressaqt lill-Onor. Ministru Borg.

 

Fir-rigward tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, nixtieq ninnota li matul iż-żjara tiegħi fil-Marokk f'Ġunju 2023 tennejt l-appoġġ ta’ Malta għall-proċess tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u l-inizjattivi tal-Mibgħut Personali tas-Segretarju Ġenerali tan- Nazzjonijiet Maqgħuda għas-Saħara tal-Punent, is-Sur Staffan de Mistura, sabiex tintlaħaq soluzzjoni politika li hija ġusta, realistika, pragmatika, sostenibbli u aċċettabbli reċiprokament u bbażata fuq kompromess skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

 

Barra minn hekk, nixtieq infakkar ukoll li t-taħditiet Informali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda dwar is-Saħara tal-Punent saru f’Malta mit-8 sad-9 ta’ Marzu 2011. Filwaqt li kull parti kompliet tirrifjuta l-proposta tal-parti l-oħra bħala bażi unika għal negozjati futuri, iż-żewġ naħat qablu li jesploraw approċċi innovattivi.

 

Filwaqt li qiesna l-pjan ta’ awtonomija tal-Marokk bħala kontribut għall-proċess immexxi min- Nazzjonijiet Maqgħuda, Malta ħeġġet wkoll lill-partijiet kollha involuti sabiex juru aktar rieda politika lejn soluzzjoni definittiva. B’hekk intennu t-twemmin ta’ Malta li l-isforzi kollha għandhom ikunu mmirati lejn soluzzjoni tal-kunflitt b’mod konsistenti mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u l-liġi internazzjonali.

 

Madankollu, bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea nkomplu nkunu donatur umanitarju għall-popolazzjoni Sahrawi, f'konformità mal-prinċipji kostituzzjonali u umanitarji tagħna ta’ newtralità u imparzjalità.

 

Tislijiet,


MINISTRY FOR FOREIGN AND

EUROPEAN AFFAIRS AND TRADE


TRIQ IL-KUKKANJA, ST VENERA, MALTA.


 

Sahara Occidental Libre!

Viva La Resistencia!


الصحراء الغربية الحرة!

عاشت المقاومة!


175 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page