Nhar il-Ħamis 6 ta' Lulju, il-Prim Ministru Robert Abela stieden bosta żgħażagħ li huma kandidati prospettivi sabiex ikunu membri tal-'Youth Advisory Forum', sabiex jipparteċipaw f'diskussjoni li fiha ġew diskussi għadd ta' interventi li ġew sottomessi għal din il-laqgħa. Prevalenti f'din id-diskussjoni kienu t-temi tas-saħħa mentali, tal-ambjent u tal-governanza tajba. Il-laqgħa saret ġewwa l-Berġa ta' Kastilja.
Intervent dwar s-sħubija ta' Malta fil-'Partnership For Peace' u l-importanza tan-newtralità għaż-żamma tal-paċi.
Insellmilkom. Nirringrazzjakom talli tajtuni din l-opportunita'. Fl-intervent tiegħi ser niffoka fuq kwistjoni kontemporanja li pajjiżna qiegħed jesperjenza attwalment: il-ftehim propost mill-Gvern Malti man-NATO dwar il-programm tal-'Partnership For Peace' li għandu jiġi ffinalizzat u ffirmat f'Settembru ta' din is-sena.
Skont il-Kostituzzjoni tagħna, kif imfisser f'Kapitlu I f'Artiklu III, Malta hija stat newtrali u non-allineat li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-sigurta' u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha. Irrid infakkar li din ix-xorti ta' newtralita' hija unika u hija aktar kumplessa minn ta' pajjiżi newtrali bħall-Irlanda jew l-Isvizzera għaliex apparti n-newtralita' l-kostituzzjoni ssemmi b'mod ċar il-bżonn li naħdmu attivament għall-paċi. Din ix-xorti ta' newtralita' timplika għalhekk li Malta m'għandiex taċċetta li jkollha sehem b'mod militari f'kunflitti internazzjonali u tirroffta li taċċetta preżenza ta' forzi barranin, bażijiet militari fuq it-territorju tagħha u li tissieħeb ma' xi alleanza militari. Din ix-xorti ta' newtralità ġiet imnaqqxa fil-Kostituzzjoni fl-1987 bi qbil mal-Gvern u mal-Oppożizzjoni fil-Parlament Malti.
Għalhekk irridu nistaqsu mistoqsija importanti: Il-prinċipju tan-newtralità rridu li nsaħħuh jew irridu li ndgħajfuh?
Il-programm tal-'Partnership For Peace' li qiegħed jiġi diskuss jinkludi il-possibbilita' ta' ftehimiet dwar kooperazzjoni militari man-NATO fosthom il-ftehim ta' 'Status Of Forces Agreement' (SOFA), li huwa ftehim li jagħti privileġġi lill-forzi barranin sabiex jużaw u jkollhom preżenza fuq territorju sovran ta' pajjiż. Dan inkunu qegħdin nagħmluh mingħajr ma aħna membri sħiħa fin-NATO. Dan ifisser li filwaqt li Malta qiegħda tikkontribwixxi għall-attività militari ta'din l-alleanza militari, Malta legalment mhijiex protetta minn Artiklu 5* u għalhekk is-sigurtà ta' pajjiżna mhuwiex garantit. Għalhekk m'hemmx dubju li dan ix-xorta ta' ftehim jekk jiġi ffirmat huwa bi ksur tal-Kostituzzjoni Maltija u Malta jkun qiegħed ikollha rwol militarment li jhedded il-paċi u s-sigurta' li Malta hija obbligata li tħares. Tajjeb li ngħidu wkoll illi ftehimiet ta' din in-natura huma magħrufa li jistgħu jċekknu l-poter ġuridiku u s-sovranità ta' pajjiż. Apparti l-perikli u l-inkonvenjenti li ġġib magħha il-preżenza ta' armamenti fil-portijiet u l-mitjar tagħna, kooperazzjoni militari ma' alleanza militari tista' taffettwa b'mod negattiv ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' Malta ma' pajjiżi oħra, liema pajjiżi dejjem sibna kooperazzjoni minnhom minħabba li sabu fiduċja fina kawża tal-politika ta' newtralità li nħaddnu.
In-newtralita' tagħna m'għandiex tkun lakkstuwa li tiġġebbed fejn għandna tiġġebbed u tiqsar fejn għandha tiqsar. Malta għandha tibqa' konsistenti fil-politika barranija tagħha u ma tħalliex forzi barranin jużaw territorju Malti għall-interessi militari tagħhom bi ksur tal-Kostituzzjoni tagħna kif ġara waqt ir-Revoluzzjoni tal-Libja fl-2011, fejn pajjiżna spiċċa ntuża bħala punt ta' tluq għall-attakki mwettqa min-NATO u għalhekk Malta kkoperat b'mod militari ma' alleanza militari, xi ħaġa li mhijiex aċċettabbli skont il-Kostituzzjoni. B'sehem militari f'kunflitti, Malta tkun qiegħda tikkontribwixxi biss għal iktar instabbilita', faqar, vjolenza, migrazzjoni u kunflitti fir-reġjun tagħna.
Kif obbligata bil-Kostituzzjoni, Malta għandha tippromwovi l-paċi u bħala pajjiż nistgħu nagħmlu dan billi naraw li jkollna sehem fi programmi relatati mad-diżarmament tan-nazzjonijiet u maż-żamma tal-paċi u mhux li jkollha sehem fi programmi militari jew li tissieħeb ma' xi alleanza militari. Malta għandha tibqa sservi ta' pont bejn in-nazzjonijiet kollha; bejn l-Ilvant u l-Punent, fi żmien fejn it-tensjoni bejn dawn iż-żewġ naħat qiegħda terġa' togħla. Apparti s-suċċess politiku u ekonomiku li ġab għall-pajjiżna, il-politika ta' newtralità ġabet bidliet pożittivi fl-isfera internazzjonali. Dan rajnieh fil-Konferenza ta' Ħelsinki fl-1973 u fis-Summit ta' Malta fl-1989 li kkontribwixxa għat-tmiem tal-Gwerra l-Bierda. Nittama li l-Gvern Malti għadu u ser jibqa' jgħaraf l-importanza li nżommu politika ta' newtralità mhux biss għall-ġid ta' pajjiżna imma anke għall-ġid tal-Mediterran, tal-kontinent Ewropew u lil hinn.
Għalhekk nixtieq nistaqsi lill-Prim Ministru jekk il-Gvern Malti fit-taħdidiet tiegħu man-NATO qiegħedx jikkonsidra ftehimiet militari man-NATO u x'ser ikun l-irwol ta' Malta fil-programm tal-'Partnership For Peace'.
Grazzi ħafna.
Eman Farrugia.
Noti.
*Artiklu 5 jirreferi għall-artiklu li jistqarr li jekk pajjiż membru tan-NATO jiġi attakkat, dan għandu jiġi mgħejjun mill-membri l-oħra.
Comments