top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

INTERVENT FL-ATTIVITÀ TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ LABURISTI: "AZZAR", 28 T'APRIL 2023.

Updated: May 30, 2023



Nirringrazzja liż-Żgħażagħ Laburisti talli offrewli din l-opportunita' sabiex nagħmel dan l-intervent waqt din l-attivita' tal-lum. Ġrajja bħal ma qegħdin infakkru llum għandha sservina sabiex niftakru għalxiex aħna Laburisti. Dak li għamlu 65 sena ilu ż-żgħażagħ Laburisti fl-irvellijiet storiċi li qegħdin infakkru llum juri l-kuraġġ u d-determinazzjoni kbira li kellhom sabiex jiġġieldu għall-ideoloġija u t-twemmin soċjalista, minkejja t-theddid tal-Gvern kolonjali u n-nuqqas ta' appoġġ illi sabu minn ħuthom Maltin stess fosthom l-awtoritajiet reliġjużi u l-forzi tal-ordni lokali. Dawn mhux talli ma offrewx l-appoġġ mistħoqq iżda talli kkundunnawhom u tefgħuhom il-ħabs. Minkejja dan, il-ħaddiema ma beżgħux. Dan għamluh għax kienu jemmnu fl-għajta ''Malta l-ewwel u qabel kollox.''


Fil-manifest elettorali tiegħu tal-1955, il-Partit Laburista kien ċar dwar it-triq li kellu jaqbad il-poplu Malti: jew integrazzjoni mar-Renju Unit jew l-Indipendenza sħiħa. Tajjeb infakkru li kien il-Partit Laburista li kien l-ewwel partit li emmen fil-mudell soċjal-ekonomiku u sovran li Malta tħaddan illum il-ġurnata. Permezz tal-proposta tal-Integrazzjoni il-Partit Laburista ried jassigura illi l-poplu Malti jemanċipa 'l quddiem b'mod soċjali u b'mod ekonomiku ma jibqax poplu tat-tieni klassi. Malta tas-snin Ħamsin kienet Malta bla opportunitajiet, Malta bla servizzi soċjali, Malta b'nuqqas ta' drittijiet u niesha jgħixu ġo faqar sieket jitkellem. Għalhekk, f'dak il-kuntest l-proposta tal-integrazzjoni kienet proposta li wieħed ta' min kien jikkunsidraha.


Iżda meta l-Partit Laburista tal-Perit Mintoff ra illi l-Gvern Ingliż ma kienx ser jikkopera sabiex il-poplu Malti jingħata d-drittijiet tiegħu u saħansitra hedded bis-sensji fuq il-ħaddiema Maltin, il-Partit Laburista ma ddejjaq xejn li jidddeċiedi sabiex jirtira minn din il-proposta għall-fatt illi l-klassi tal-ħaddiema, il-klassi l-aktar għall-qalb il-Partit tal-Ħaddiema li għalihom huwa twaqqaf, ma kinitx ser tibbenefika minnha. Permezz ta' dak il-pass kuraġġuż li għamel il-Perit Mintoff, bir-riżenja tiegħu u s-sejħa li huwa għamel lill-ħaddiema Maltin għall-irvellijiet li qegħdin infakkru llum, bdiet il-ġlieda għall-indipendenza u l-ħelsien ta' Malta li waslet sabiex pajjiżna jipprogressa 'l quddiem.


Illum il-ġurnata l-ħaddiema għandhom sfidi differenti f'kuntest differenti. Sfidi bħal ma huma l-prekarjat, l-abbużi fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, l-pagi baxxi u traġedji sfortunati fuq il-postijiet tax-xogħol, sitwazzjonijiet li jaffettwaw mhux biss lill-ħaddiema Maltin iżda anke dawk barranin. Quddiem dan m'għandniex nibżgħu jew inkunu passivi. Bħal ma kienu kuraġġużi ta' qabilna illi rirtiraw minn linja politika li ma kinitx ser tagħmel ġid lill-ħaddiema, l-istess għandna nagħmlu llum fil-kuntest tal-lum billi nirrofftaw milli nħallu spazju għall-miżuri u kundizzjonijiet li ma jagħtux dinjita' lill-ħaddiema.


Għaliex jekk ma jkunx il-Partit Laburista, min ħa jkun il-partit li jaqbeż għaż-żgħir, għall-fqir u għall-magħtub? Il-Partit Laburista huwa fortunat, għaliex il-missjoni politika tiegħu, sakemm jibqgħu jeżistu l-ħaddiema, ser tibqa' relevanti għall-dejjem. Issa sta għalina li nkomplu mexjin fuq dan it-tmewwin soċjalista li lilna jiddistingwina, jiddefinixxina u jmexxina.


Għalhekk għażilt illi nkun Laburist.

Grazzi ħafna.


Eman Farrugia,

Membru taż-Żgħażagħ Laburisti.


44 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page