It-Twaqqif ta' Alleanza Ġdida Favur in-Newtralita' u Non-Allineament ta' Malta.
Qiegħed inħabbar l-isħubija tiegħi bħala membru tal-Grupp Newtralita' u Paċi. Il-Grupp Newtralita' u Paċi huwa alleanza ta' qafas u politika nazzjonali li ssejjaħ għad-difiża ta' Malta ħielsa mill-interessi tal-qawwiet il-kbar iżda tħabrek għal paċi u kooperazzjoni tal-pajjiżi għal solidarjeta' internazzjonali.
Din l-alleanza qiegħda titwaqqaf żmien fejn il-politika barranija li Malta tħaddan ta' newtralita' u non-allineament jinsabu mhedda iżjed minn qatt qabel minħabba l-kuntest internazzjonali li qegħdin ngħixu fih. L-Unjoni Ewropea u t-tmexxija tagħha qegħdin isejħu għall-ħolqien ta' armata Ewropea u sabiex Malta b'mod dirett tiffinanzja l-bejgħ ta' armamenti lill-alleati tal-Unjoni Ewropea billi tuża ammont mill-Prodott Gross Domestiku għal dan il-għan. Hemm ukoll il-pressjoni diplomatika li l-Istati Uniti qiegħda titfa' fuq Malta sabiex jidħol fis-seħħ 'Status Of Forces Agreement', u sabiex il-Gvern Malti ma jirrikonoxxix l-Istat tal-Palestina. F'dan il-kuntest, wieħed jista' jintebaħ bl-attakki minn kull naħa fuq il-politika barranija ta' newtralita' u non-allineament li Malta tħaddan mingħand terzi partiti li jridu jġibu fix-xejn is-supremazija tal-kostituzzjoni Maltija u lis-sovranita' tagħna.
L-isforz kollettiv tal-Grupp Newtralita' u Paċi huwa primarjament sabiex insostnu u niddefendu l-istatus ta' newtralità għażiża ta' Malta li tant ssieltu għalina missirijietna. Bħala membri ta’ dan il-grupp, aħna magħqudin minn missjoni komuni: li nassiguraw li l-Gvern Malti jkompli jippromwovi n-newtralità ta’ pajjiżna b’impenn qawwi għall-paċi, is-sigurtà, u l-progress soċjali. L-għan tagħna huwa li nappoġġaw narrattiva li taqbel ma’ dawn il-prinċipji u tiżgura li Malta tibqa’ soda u konvinta fil-pożizzjoni newtrali tagħha quddiem it-taqlib u l-instabbilita' politika li fil-preżent qiegħda taħkem fuq il-kontinent Ewropew, l-Afrika ta' Fuq, l-Ilvant Nofsani u partikolarment fil-Baħar Mediterran. Sabiex Malta tkun tassew nazzjon-stat sovran u bħala pont bejn in-nazzjonijiet, din għandha tibqa' tgħożż politika barranija li hija indipendenti u ħielsa minn kwanlunkwe indħil barrani. Kif huwa fil-preżent mnaqqax fil-Kostituzzjoni ta' Malta (Kapitlu I Artiklu III), Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.
Għaliex in-Newtralita' u Non-Allineament huma Importanti?
1. Malta m‘għandiex tissieħeb fl-ebda alleanzi jew attivitajiet militari. In-nazzjon żgħir tagħna m'għandux jappoġġja l-isforzi tal-gwerra, peress li dan iwassal għat-telf ta ħajjiet.
2. Malta m’għandiex sservi bħala bażi militari għal pajjiżi oħra. Dan jipprevjeni lill-ġirien tagħna milli jarawna bħala theddida u tippromwovi l-istabbiltà, il-kooperazzjoni, il-paċi, u s-sigurtà fiċ-ċentru tar-reġjun tal-Mediterran.
.3. In-newtralità mhix biss li tevita alleanzi militari. Malta għandha xorta se tieħu pożizzjoni meta l-liġi internazzjonali jew id-drittijiet tal-bniedem jiġu miksura, toffri appoġġ politiku u għajnuna umanitarja. Jekk in-Nazzjonijiet Uniti tqis li hemm bżonn azzjoni militari, Malta tista’ tipparteċipa kif miftiehem mill-Assemblea Ġenerali.
4. In-newtralità tgħin lil Malta sabiex tevita tilwim mhux neċessarju u gwerer li ma jikkonċernawx jew ma jibbenefikawx minna.
X'Irridu Bħala Grupp Newtralita' u Paċi?
In-newtralita’ diġa’ tat prova konkreta li hija l-aktar politika ta’ benefiċċju għal malta. Għalekk irridu:
(1) li ma nidħlux fi gwerer ta’ ħaddiehor; ma nħallux min jużana għall-gwerer; u ma nagħmlux għedewwa bla bżonn.
(2) li in-newtarlita’ issaħħaħ is-sigurta’ ta’ Malta, tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-girien tagħna fil-Baħar Mediterran.
(3) li Malta ma tidħol qatt fl-armata tal-unjoni ewropea jew f'xi alleanzi oħra militari.
(4) li Malta ma taċċetta qatt li l-lieva militari tigi imposta fuq il-maltin mill-Unjoni Ewropea jew minn xi forza oħra barranija.
Inħeġġeġ sabiex issegwu l-paġna uffiċjali tal-Grupp Newtralita' u Paċi fuq il-midja soċjali u sabiex tissieħbu bħala membri ta' din l-alleanza ġdida favur il-konservazzjoni tas-sovranita' u l-integrita' tal-politika barranija ta' newtralita' u non-allineament li Malta ilha tħaddan sa mis-sena 1987.
X'Inhi l-Missjoni Ewlenija tal-Grupp Newtralita' u Paċi?
Il-Pożizzjoni tagħna hija ċara kristall:
M'aħniex favur ebda mill-qawwiet kbar li qed jkasbru l-Ukrajna, l-Palestina, il-Ħajiti, s-Saħel u s-Sahara tal-Punent. Aħna kontra kull forma u xorta ta imperjaliżmu; favur in-Newtralità ta Malta iva, imma favur l-internazzjonaliżmu u it-tnassis kollu ta kull xorta li jkasbar u joħloq l-oppressjoni.
Aħna ma rridu xejn għajr it-tmiem tal-oppressjoni, f'kull għamla u xorta tagħha!
Il-missjoni ewlenija tal-Grupp Newtralita' u Paċi hija mibnija fuq il-prinċipji ewlenin li ġejjin:
● Malta ma tidħol fl-ebda laqgħat u diskorsi ta’ ftehim militari b’mod dirett jew indirett;
● Malta għandha tibqa’ żżomm l-aħjar relazzjonijiet possibbli man-nazzjonijiet kollha;
● Malta tiddikjara l-pożizzjoni tagħha konformi mal-istatus tan-newtralita’ biex tibqa’ barra minn kull ħidma konġunta militari u minn kull proposta tal-UE għal ħidma konġunta militari bejn il pajjizi membri tal-UE, inkluż li tieħu sehem f’xi armata tal-Unjoni Ewropea jew li ddaħal xi lieva militari li tkun imposta mill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea.
Il-pożizzjonijiet tagħna bħala Grupp Newtralita' u Paċi fil-kunflitti kurrenti huma li ġejjin:
1. L-Anti-Imperjaliżmu:
L-imperialiżmu huwa ikkaratterizzat mid-dominazzjoni ta’ nazzjon minn ieħor permezz ta’ mezzi ekonomiċi, politiċi u militari. Tinvolvi l-isfruttament ta' pajjiżi inqas żviluppati minn stati b'saħħithom, bil-għan li jassiguraw riżorsi, swieq, u vantaġġi strateġiċi. Din il-forma ta espansjoni twassal għal żvilupp mhux ugwali, oppressjoni, u t-trażżin tal-awtodeterminazzjoni. Bħala grupp, aħna bis-sħiħ kontra l-imperialiżmu, nopponu t-tattiċi ta’ sfruttament u dominazzjoni tiegħu, u nirrakkomandaw ugwaljanza ġenwina u sovranità għan-nazzjonijiet kollha. L-impenn tagħna huwa li nirreżistu l-prattiki imperjalisti u nappoġġaw ordni globali ġusta u ekwa.
Dan jinkludi in-neokolonjaliżmu, li jirreferi għall-kontinwazzjoni tal-isfruttament kolonjali taħt skuza ġdida, fejn nazzjonijiet jew korporazzjonijiet qawwija jeżerċitaw kontroll ekonomiku, politiku u kulturali fuq pajjiżi li qabel kienu kolonizzati, u jipperpetwaw id-dipendenza u l-inugwaljanza minkejja t-tmiem formali tal-ħakma kolonjali.
2. Il-Pożizzjoni tagħna fid-dawl tal-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna:
Mill-perspettiva tal-GNP, l-invażjoni tar-Russja hija meqjusa bħala espansjoni imperjalista, ta azzjonijiet imperjalisti fuq il-poplu tal-Ukrajna, filwaqt li l-involviment tan-NATO itqies ukoll bħala li jservi interessi strateġiċi. għalekk minn-naħa tagħna nikkundannaw l-imperialiżmu kemm mir-Russja kif ukoll min-NATO. Il-politika ta’ newtralità ta’ Malta tenfasizza n-nuqqas ta’ allinjament ma’ kwalunkwe blokk imperjalista, u tevita l-appoġġ għal azzjonijiet militari. Il-grupp għalekk qiegħed jippromwovi l-għajnuna umanitarja lil dawk milquta mill-kunflitt, jappoġġa d-dritt tal-Ukrajna għall-awtodeterminazzjoni, u jinsab f’solidarjetà mad-dissidenti Russi li jopponu l-gwerra. Il-GNP tippromwovi soluzzjonijiet diplomatiċi u tikkritika l-motivazzjonijiet kapitalisti li jmexxu l-kunflitt, billi żżomm il-mira tagħha fuq in-newtralità, l-isforzi umanitarji, u s-solidarjetà anti-imperjalista.
3. Il-Pożizzjoni tagħna fid-dawl tal-Ġenoċidju fil-Palestina:
Il-GNP jikkundanna l-ġenoċidju li għaddej fil-Palestina bħala att ta’ aggressjoni imperjalista. Il-grupp jiddenunzja kemm l-okkupazzjoni Iżraeljana kif ukoll kull appoġġ estern li jipperpetwa l-vjolenza kontra l-Palestinjani. Il-politika tagħna ta’ newtralità tirrifjuta l-allinjament militari ma’ kwalunkwe parti u tiffoka fuq l-għajnuna umanitarja għal dawk milquta. Il-grupp jappoġġa d-dritt tal-Palestina għall-awtodeterminazzjoni u favur riżoluzzjonijiet paċifiċi u diplomatiċi. Il-pożizzjoni tagħna tinkludi opponiment bla riżervi kontra azzjonijiet li jqanqlu l-kunflitt u minflok tenfasizza s-solidarjetà globali, l-appoġġ umanitarju, u impenn biex jiġu indirizzati l-motivazzjonijiet imperjalisti u kolonjalisti wara l-kriżi.
4. Sudan u Nagorno-Karbakh:
Il-GNP tikkundanna l-vjolenza u l-kriżi umanitarja li għaddejjin fis-Sudan u Nagorno-Karbakh tappella għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet u ritorn għad-djalogu. Il-grupp jenfasizza l-ħtieġa għal riżoluzzjoni inklużiva u paċifika għall-kunflitti, filwaqt li jenfasizza r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni taċ-ċittadini. Aħna rridu li Malta, li żżomm mal-pożizzjoni newtrali tagħha, topponi kwalunkwe intervent militari barrani u tagħti prijorità lill-għajnuna umanitarja biex tappoġġja popolazzjonijiet sfurzati li jabbandunaw arthom u dawk milquta mill-vjolenza. Aħna rridu li Malta tappoġġja l-kooperazzjoni internazzjonali u l-isforzi diplomatiċi biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt u jiġu promossi l-istabbiltà u l-ġustizzja f'dawn l-inħawi.
5. L-Alleanza fis-Saħel:
Il-GNP jirrikonoxxi d-dinamika kumplessa fir-reġjun tas-Saħelu tenfasizza l-importanza ta’ riżoluzzjoni paċifika għat-tensjonijiet li għaddejjin bejn l-Alleanza tal-Istati tas-Saħel (Mali, Burkina Faso u Niġer) u l-ECOWAS. Il-GNP tippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni fost l-atturi reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà u l-governanza mingħajr ma jaggravaw il-kunflitti. Filwaqt li tirrikonoxxi l-interessi ġeopolitiċi ta’ diversi atturi esterni, inkluża r-Russja, il-GNP toffri solidarjetà kontra l-influwenza neokolonjali, topponi interventi barranin u l-interessi li jistgħu jiddestabilizzaw aktar ir-reġjun. Il-GNP tappoġġa sforzi li jipprijoritizzaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istabbiltà, u l-iżvilupp sostenibbli, u jappella għal soluzzjonijiet reġjonali kollaborattivi biex tinkiseb paċi u sigurtà fit-tul, filwaqt li tikkundanna l-interessi neokolonjali perpetwati mill-ECOWAS kif ukoll il-preżenza attwali tar-Russja u l-alleati tagħha.
6. Ċina u t-Tajwan:
Il-GNP tosserva bi tħassib l-isforzi kontinwi tal-Punent biex jiddenigra liċ-Ċina u jpinġiha bħala theddida belliġeranti, filwaqt li fl-istess ħin issegwi politika ta’ inċerkjament strateġiku. Aħna rridu li Malta tenfasizza li l-istatus tat-Tajwan għandu jiġi indirizzat permezz ta’ djalogu u negozjar paċifiku, aktar milli permezz ta’ azzjonijiet provokattivi jew qagħda militari. Malta tappoġġja approċċ ibbilanċjat li jrawwem impenn kostruttiv u jevita tensjonijiet li qed jiżdiedu. Aħna favur ir-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali taċ-Ċina, filwaqt li niżguraw wkoll li l-partijiet kollha jaħdmu lejn riżoluzzjoni paċifika li tirrispetta d-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tal-partijiet interessati kollha involuti.
7. Interessi Oħra Neokolonjali u Bażijiet Militari:
Il-GNP tiddenunzja l-isfruttament neokolonjali li għaddej ta’ reġjuni bħall-Afrika, il-Paċifiku, u l-gżejjer tal-Atlantiku, inklużi l-Kaledonja l-Ġdida, Ħajiti, u l-Ħawaj. Iż-żamma ta' dawn it-territorji bħala bażijiet militari tirrifletti ipokresija fil-valuri professati mill-pajjiżi affiljati man-NATO u l-Unjoni Ewropea. Il-prattiki spiss jikkontradixxu l-prinċipji ddikjarati tagħhomtad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-migrazzjoni mill-Afrika u l-Asja tan-Nofsinhar—kemm jekk legali jew illegali—tesponi inugwaljanzi sistemiċi u standards doppji. Il-GNP tappella għalrispett ġenwin għas-sovranità, politiki ekwi,uwaqfien ta’ prattiċi li jipperpetwaw l-isfruttament u l-militarizzazzjoni taħt il-moħbi ta’ sigurtà u żvilupp.
8. Is-Saħara tal-Punent:
Il-GNP tappella għal riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt tas-Saħara tal-Punent,filwaqt li tenfasizza d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Sahrawi.Aħna nikkundannaw l-okkupazzjoni fit-tul u nirrakkomandaw soluzzjoni nnegozjata li tirrispetta l-liġi internazzjonali u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Sahrawi. Il-GNP tappoġġja l-isforzi mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti biex tinkiseb soluzzjoni ġusta u ekwa, u tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jidħlu fi djalogu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Aħna kontra kull tentattiv biex indgħajfu s-sovranità u l-awtodeterminazzjoni tal-poplu Sahrawi, u nippromwovu soluzzjonijiet diplomatiċi biex tissolva din it-tilwima fit-tul.
M'hemmx Kompromessi man-Newtralita' ta' Malta.
Malta Newtrali hija Malta Sovrana!
Commentaires