Jeħtieġ illi Malta tagħti l-appoġġ tagħha lill-Afrika t'Isfel fil-każ tagħha kontra l-Iżrael sabiex issir ġustizzja mal-poplu Palestinjan ta' Gaża fid-dawl tat-tbatijiet u s-sofferenza għaddejja minnu.
Insellmilkom. Fl-aħħar jiem illi għaddew, rajna manifestazzjoni ta' kuraġġ mill-Afrika t'Isfel li għandha tkun ta' eżempju għan-nazzjonijiet kollha tad-dinja fil-kuntest tal-avvenimenti li qegħdin iseħħu fl-Ilvant Nofsani. Hekk kif l-Afrika t'Isfel ippreżentat każ fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (I.C.J.) illi fih akkużat lill-Gvern Iżraeljan bit-twettiq ġenoċidju fil-konfront tal-poplu Palestinjan f'Gaża, inħeġġeġ lil Malta sabiex hija issegwi t-tmexxija tal-Afrika t'Isfel u tissieħeb flimkien mal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li qegħdin jappoġġjaw lil dan il-każ.
Taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tas-sena 1948, il-komunita' internazzjonali hija obbligata li tintervjeni sabiex jintemm it-twettiq tal-att ta' ġenoċidju, illi huwa mfisser bħala wieħed mill-atti li ġejjin imwettqa bl-intenzjoni li jeqirdu, kollu jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, billi: (a) Jinqatlu membri tal-grupp; (b) tiġi kkawża ħsara serja jew mentali lill-membri tal-grupp; (ċ) jiġu sforzati deliberatament fuq il-grupp kundizzjonijiet ta' ħajja ikkalkulati biex tinġieb il-qerda fiżika tiegħu kollha jew parzjalment; (d) jiġu introdotti miżuri maħsuba biex jipprevjenu t-twelid fil-grupp; (e) isir trasferiment bil-forza tat-tfal tal-grupp lil grupp ieħor. Hekk kif diġa' għaddew mitt jum mill-bidu tal-kampanji brutali mill-qawwiet militari tal-Iżrael, il-kriżi umanitarja li qiegħda sseħħ quddiemna minn ġewwa Gaża hija xhieda li b'mod evidenti, il-gvern Iżraeljan qiegħed jinċita bl-azzjonijiet tiegħu u bi kliemu t-twettiq ta' ġenoċidju li qiegħed iħalli effetti qerrieda fuq il-poplu Palestinjan. Għalhekk, bħala poplu Malti jeħtieġ illi nagħmlu dak kollu fl-abbilita' tagħna sabiex nassistu lill-poplu Palestinjan quddiem it-tbatija u s-sofferenza li hija għaddejja minnu u nagħmlu dak kollu li huwa possibbli sabiex jintemm il-massakru devastanti mill-Iżrael fuq il-poplu Palestinjan u sabiex tintemm il-kampanja militari f'Gaża.
Waqt attivita' politika fil-Fgura nhar l-14 ta' Jannar 2024, kelli l-opportunita' li navviċina lill-Prim Ministru ta' Malta Dr. Robert Abela, fejn għaddejtlu ittra li fiha għamiltlu talba formali f'isem l-organizzazzjoni lokali 'Youth for Palestine' u l-komunita' Palestinjana f'Malta sabiex il-Gvern Malti jintervjeni u jiddikjara l-appoġġ tiegħu lill-Afrika t'Isfel fil-kawża tagħha kontra l-Iżrael, illi hija għaddejja preżentament fil-Qorti Internazzjionali tal-Ġustizzja (I.C.J.). Din l-ittra li qiegħed nippubblika ntbagħtet fil-kuntest tal-qtil ta' persuni ċivili innoċenti li qiegħed jiġri b'mod preżenti fil-Medda ta' Gaża mill-forzi militari Iżraeljani; hekk kif l-attakki brutali tal-Iżrael diġa' ħallew iżjed minn 24,000 imwiet, filwaqt illi huwa maħsub illi 70% tal-imwiet huma ta' nisa u tfal. Il-poplu tal-Palestina jeħtieġ protezzjoni urġenti mill-kunflitti armati li qegħdin iseħħu fit-territorju ta' Gaża u mill-okkupazzjoni illegali li qiegħda sseħħ fil-bqija tat-territorji okkupati. Sabiex din il-protezzjoni tkun assigurata, jeħtieġ illi l-komunita' internazzjonali, inkluża Malta, taddotta pożizzjoni iktar iebsa fil-konfront tal-atti li qegħdin jitwettqu mill-Iżrael għad-detriment tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Palestinjan. Bħala ċittadini, huwa l-obbligu tagħna li nkunu l-vuċi ta' dan il-ġens illi jinsab mhedded. Nieħu l-opportunita' sabiex nirringrazzja lill-Alternattiva Demokratika-Partit Demokratiku (A.D.P.D.) illi wkoll ħa l-inizzjattiva sabiex iħeġġeġ lill-Gvern Malti jaddotta din il-pożizzjoni favur il-poplu Palestinjan permezz tat-tnedija ta' petizzjoni lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Inħeġġeġ sabiex tiffirmaw il-petizzjoni mħejjija minnhom billi tagħfsu hawn. L-impenn tagħkom huwa apprezzat.
Hawn taħt, ser inkun qiegħed nippubblika l-kontenut tal-ittra mibgħuta minni dwar din il-kawża ġusta f'isem il-'Youth for Palestine' u l-komunita' Palestinjana f'Malta lill-Prim Ministru u lill-Gvern Malti. Il-ħidma tiegħi u ta' ħafna oħrajn bħali mhijiex se tieqaf hawnhekk, iżda se tibqa' għaddejja sakemm sa fl-aħħar wara 75 sena ta' okkupazzjoni ikun hemm Palestina ħielsa mix-xmara sal-baħar.
Ittra mibgħuta lill-Prim Ministru u l-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta: 14 ta' Jannar 2024.
Għażiż Prim Ministru,
Qiegħed nikteb din l-ittra f'isem iż-żgħażagħ kollha li huma msieħba fil-'Youth For Palestine', moviment ibbażat ġewwa Malta li jaspira li jaħdem attivament għall-ġustizzja u għas-sliem fil-Palestina bħala turija ta’ solidarjeta’ mal-poplu Palestinjan quddiem l-oppressjoni istituzzjonalizzata, l-okkupazzjoni illegali fit-territorji Palestinjani u fid-dawl tat-theddida fuq l-eżistenza tiegħu bħala nazzjon fid-dawl tal-atroċitajiet illi qegħdin jitwettqu partikolarment ġewwa l-Medda ta’ Gaża mill-istat ta’ Iżrael. Il-kriżi umanitarja fil-Medda ta’ Gaża qiegħda dejjem tiggrava, hekk kif il-poplu Palestinjan qiegħed jibqa’ jiġi mċaħħad mill-ġustizzja u mid-drittijiet fundamentali tiegħu.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tagħti l-obbligu lill-Istat Malti sabiex jaħdem attivament ‘’għall-paċi, għas-sigurta’ u għall-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha’’, u għaldaqstant pajjiżna huwa obbligat illi jipperswadi lin-nazzjonijiet oħrajn sabiex huma wkoll jaħdmu attivament għall-paċi, għas-sigurta’ u għall-progress soċjali fost in-nazzjon Palestina billi jibdew jsejħu għall-ħarsien ta’ dan il-poplu u tad-drittijiet fundamentali tiegħu, illi tista’ sseħħ biss wara waqfien mill-ġlied b’mod permanenti ġewwa l-Medda ta’ Gaża.
F’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, Malta għandha tibqa’ iżżomm b’mod sod iżjed minn qatt qabel mal-pożizzjoni tagħha favur il-waqfien tal-okkupazzjoni illegali mill-istat ta’ Iżrael illi qiegħda sseħħ ġewwa t-terrritorji Palestinjani; mhux biss ġewwa l-Medda ta’ Gaża iżda anke ġewwa x-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Ilvant. Malta hija stat newtrali, iżda n-newtralita’ qatt ma ċaħditna sabiex fl-imgħoddi nieħdu pożizzjoni soda kontra l-aggressjoni Iżraeljana u favur il-prosperita’ tal-poplu Palestinjan. Sabiex Malta tkun tista’ verament taħdem attivament għas-sliem bejn il-poplu Iżraeljan u Palestinjan, Malta għandha tkun fuq ta’ quddiem sabiex issejjaħ għad-dritt tal-awtonomija u s-sovranita’ għall-poplu Palestinjan; għaliex ma jistax ikun hemm paċi bejn iż-żewġ popli u ġewwa r-reġjun tal-Ilvant Nofsani jekk ma jkunx hemm Palestina ħielsa mill-inġustizzji u t-tbatijiet li jiltaqa’ magħhom il-poplu Palestinjan.
Matul il-kampanja militari u l-massakru devastanti tiegħu ġewwa l-Medda ta’ Gaża, l-Istat Iżraeljan b’mod evidenti qiegħed imur kontra prinċipji li huma mfassla fil-Konvenzjoni tal-Ġenoċidju ta-sena 1948, illi jinkludu u nikkwota; ‘’The act of genocide; Conspiracy to commit genocide; Direct and public incitement to commit genocide; Attempt to commit genocide; Complicity in genocide.’’ Il-ksur tal-Konvenzjoni huwa evidenti fir-rispons militari sproporzjonat tal-qawwiet Iżraeljani; u huwa għalhekk illi l-Afrika t'Isfel qiegħda takkuża lill-Istat ta’ Iżrael li qiegħed iwettaq atti ta' ġenoċidju fil-Medda ta' Gaża bi ksur ta’ din l-istess konvenzjoni.
Is-sottomissjoni tiddikjara li "atti u ommissjonijiet mill-Iżrael ... huma ta' karattru ġenoċidali, peress li huma kommessi bl-intenzjoni speċifika meħtieġa li jeqirdu l-Palestinjani f'Gaża bħala parti mill-grupp usa' nazzjonali, razzjali u etniku Palestinjan". Uħud mill-azzjonijiet ġenoċidali li huma preżentati fil-kawża jinkludu l-qtil tal-massa ta’ Palestinjani f’Gaża, il-qerda ta’ infrastruttura ċivili meħtieġa għall-għajxien tagħhom, it-tkeċċija u l-ispostament tagħhom, kif ukoll l-imblokk impost li qiegħed jillimita d-dħul ta’ riżorsi meħtieġa bħall-ikel, l-ilma u l-għajnuna medika fil-Medda ta’ Gaża. L-Afrika t'Isfel qiegħda issostni li l-azzjonijiet militari tal-Iżrael ikkaġunaw ċirkostanzi li qegħdin jipprevjenu t-twelid ta’ trabi Palestinjani permezz tal-qerda ta' servizzi essenzjali tas-saħħa vitali għall-għajxien tan-nisa tqal u tat-trabi tagħhom. Il-kawża, illi nħeġġek sabiex issib ħin taqraha iżjed fid-dettal, qiegħda issostni li dawn l-atti u ommissjonijiet qegħdin preżentament iġibu l-qerda tagħhom tal-poplu Palestinjan bħala grupp etniku u nazzjon. L-Afrika t'Isfel tafferma li għadd ta' dikjarazzjonijiet magħmula minn membri fil-gvern, membri parlamentari u uffiċjali Iżraeljani, bħall-Prim Ministru Iżraeljan, huma evidenza ta' intenzjoni ġenoċidjali, hekk kif dawn jinċitaw razziżmu u vjolenza fuq il-poplu Palestinjan.
Il-pożizzjoni qalbiena u b’saħħitha li ħadet l-Afrika t-Isfel matul dawn l-aħħar jiem diġa’ sabet l-appoġġ mingħand pajjiżi, għaqdiet u organizzazzjonijiet internazzjonali; diġa’ hija appoġġjata mingħand pajjiżi illi huma msieħba fi ħdan il-Lega Għarbija, fl-Unjoni Afrikana, fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Islamika, ‘Jewish Voices for Peace’, ‘Amnesty International’, ‘Palestinian NGO Network, ‘Nelson Mandela Foundation’, ‘Progressive International’ u bosta oħrajn.
Hekk kif aħna nemmnu fil-potenzjal politiku u fil-missjoni nobbli li għandu pajjiżna bħala wieħed illi jaspira sabiex jilħaq il-paċi u l-ġustizzja, nittamaw illi l-Gvern Malti jkun ta’ eżempju għad-dinja tal-Punent, billi Malta tkun l-ewwel pajjiż minn fosthom illi tiddikjara appoġġ għall-kawża li tressqet mingħand l-Afrika t’Isfel favur is-sigurta’ u l-protezzjoni tal-poplu Palestinjan quddiem t-theddida li qiegħed issib quddiemu. Il-ġustizzja hija l-unika ċ-ċavetta għall-paċi tant meħtieġa fir-reġjun tal-Ilvant Nofsani u bejn il-popli tiegħu.
Tislijiet sinċiera,
'Youth for Palestine'.
IFFIRMA DIN IL-PETIZZJONI B'SOLIDARJETA' MAL-POPLU TA' GAŻA.
Comments