top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

JUM IL-PALESTINA FIL-'JUNIOR COLLEGE': 20 TA' MARZU 2024.


Liebes il-keffiyeh, simbolu ta' solidarjeta' u appoġġ għall-kawża Palestinjana li jixhed ir-reżistenza tal-poplu Palestinjan għall-okkupazzjoni Iżraeljana.


Ħsibijiet ta' Eman Farrugia dwar is-sehem tiegħu fl-organizzazzjoni ta' Jum il-Palestina ġewwa l-G.F. Abela 'Junior College'; 20 ta' Marzu 2024.


Insellmilkom. B'sodisfazzjon ninfurmakom illi nhar l-Erbgħa, 20 ta' Marzu 2024, ġew organizzati għadd ta' attivitajiet ġewwa il-Ġ.F. Abela 'Junior College' b'appoġġ għall-kawża Palestinjana. Matul din il-ġurnata, illi ġiet imfakkra bħala Jum il-Palestina, l-istudenti li jattendu din l-iskola post-sekondarja kellhom l-opportunita' sabiex jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni preżenti ġewwa t-territorji Palestinjani. Permezz ta' din l-inizzjattiva, l-istudenti li attendew għal dawn is-diskussjonijiet ingħataw għarfien sabiex ikunu iżjed infurmati u konxji tal-kriżi umanitarja li għaddejja preżentament ġewwa l-Medda ta' Gaża. Matul dawn id-diskussjonijiet kelli l-opportunita' sabiex niltaqa' mal-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, l-Eċċ. Fadi Hanania, illi flimkien miegħu tkellimna dwar l-importanza li l-istudenti jkollhom iżjed għarfien dwar il-kawża Palestinjana. Matul dawn id-diskussjonijiet, sħaqt fuq l-importanza li wieħed janalizza dan il-kunflitt mill-konċepiment tiegħu u sabiex tintwera iżjed empatija mal-Palestinjani li jinsabu taħt l-okkupazzjoni illegali Iżraeljana u anke mal-Palestinjani refuġjati mxerrda mad-dinja li ma jistgħux jirritornaw lura lejn arthom. Kelli wkoll l-opportunita' li nitkellem fuq l-attiviżmu tiegħi għall-kawża Palestinjana ġewwa Malta u dwar il-ħidma li nagħmel flimkien ma' attivisti oħrajn b'appoġġ għall-poplu Palestinjan. Minbarra li li ħadu sehem f'diskussjonijiet fejn ingħata tagħrif edukattiv dwar is-sitwazzjoni ġewwa l-Palestina, l-istudenti kellhom ukoll l-opportunita' sabiex jixtru prodotti u ikel tradizzjonali Malti u Palestinjan. Il-flus miġbura minn dan il-bejgħ ġew mogħtija bħala donazzjoni lill-Ambaxxata Palestinjana f'Malta, illi bħalissa qiegħda tagħmel ġbir ta' fondi sabiex tfal midruba ġewwa Gaża jkunu jistgħu jitwasslu ġewwa pajjiżna sabiex jieħdu t-trattament mediku u r-refuġju li jeħtieġu.


Bi pjaċir inħabbar illi permezz ta' dan il-bejgħ inġabret somma sabiħa ħafna; nirringrazzja lill-istudenti tal-ġenerożita' tagħhom għall-kawża Palestinjana! Nieħu l-opportunita' wkoll sabiex nirringrazzja lill-istaff u l-amministrazzjoni tal-'Junior'College' tal-għajnuna u l-appoġġ illi sibt mingħandhom mill-ewwel ġurnata li avviċinajthom bix-xewqa li norganizza dawn l-attivitajiet. Nirringrazzja lill-għaqdiet 'Ħsieb Ħieles' u 'JC4Others' illi minnhom sibt il-kooperazzjoni meħtieġa sabiex setgħu jittellgħu dawn l-attivitajiet. Nirringrazzja lill-istudenti tad-dipartiment tal-arti fi ħdan il-'Junior College' illi ħadu ħsieb sabiex jaħdmu xogħlijiet tal-arti marbuta mal-kawża Palestinjana li żejnu d-daħla tal-iskola matul l-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nirringrazzja lill-Ambaxxata Paletinaja għall-Malta li flimkien mal-istaff u l-amministrazzjoni tal-'Junior College' ikkoordinaw l-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet. Nuri l-apprezzament tiegħi lill-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, l-Eċċ. Fadi Hanania u lis-sinjura Zahwa Arafat (bint l-eks-President Palestinjan, il-mibki Yasser Arafat) tal-preżenza tagħhom fost l-istudenti tal-'Junior College'.


Ninsab sodisfatt mhux biss minħabba li l-attivitajiet kienu suċċess u ħallew impatt pożittiv fost l-istudenti, iżda anke minħabba l-fatt illi kelli opportunita' oħra sabiex nuri appoġġ għall-kawża Palestinjana. Nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem u għenuni sabiex ngħin lil ħaddieħor!


Palestina Ħielsa!

فلسطين حرة!


 

AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.



181 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page