top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

L-INKOMPETENZA TAL-UNJONI EWROPEA MHIJIEX SE TINTESA!

Updated: Feb 1


Metsola u Von Der Leyen jieħdu b'idejn il-President Iżraeljan, Isaac Herzog, illi flimkien mal-gvern razzista tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu huwa akkużat bit-twettiq ta' ġenoċidji ġewwa Gaża.


STQARRIJA DWAR IR-RIŻOLUZZJONI DWAR IL-GWERRA F'GAŻA APPROVATA MILL-PARLAMENT EWROPEW.


Insellmilkom. Nhar il-Ħamis, 18 ta' Jannar tas-sena 2024, il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni dwar il-kunflitt armat illi għaddej preżentament ġewwa l-Medda ta' Gaża bejn il-gvern Iżraeljan u l-grupp militanti Ħamas; gwerra li issa ilha għaddejja iżjed minn mitt ġurnata. Is-sitwazzjoni ġewwa Gaża qiegħda dejjem issir iżjed vulnerabbli hekk kif iżjed minn 25,000 Palestinjan sfaw maqtula minħabba l-massakri tal-istat Iżraeljan ġewwa l-Medda ta' Gaża, illi mhux biss tinsab taħt il-mira ta' aggresjoni Iżraeljana, iżda tinsab ukoll taħt imblokk illi qiegħed jikkaġuna kriżi umanitarja li dejjem qiegħda tiggrava. Hija tal-mistħija li kellhom jgħaddu mitt ġurnata sabiex il-Parlament Ewropew tirreaġixxi dwar l-atroċitajiet u d-delitti kontra l-umanita' li qegħdin iseħħu fil-konfront tal-poplu Palestinjan. Inizzjalment, ir-riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew (2024/2508(RSP)) kellha mottivi pożittivi u anke l-potenzjal sabiex tkun mezz ta' manifestazzjoni ta' solidarjeta' mal-poplu Palestinjan quddiem it-tbatija esperjenzata minnu; iżda minflok, din ir-riżoluzzjoni approvata malajr inbidlet f'mezz ta' manifestazzjoni tal-ipokrezija tal-Unjoni Ewropea. Malli ġiet imressqa din ir-riżoluzzjoni, illi kellha l-għan ewlieni li titlob għall-waqfien permanenti mill-ġlied ġewwa l-Medda ta' Gaża, spiċċat ġiet maħtufa mill-partiti konservattivi fil-Parlament Ewropew, bħall-Partit Popolari Ewropew, illi ressqu emenda wara l-oħra sabiex jdgħajfu din ir-riżoluzzjoni u jitolbu li jkun hemm waqfien permanenti mill-ġlied biss jekk jintlaħqu żewġ kundizzjonijiet; il-ħelsien tal-ostaġġi mill-grupp militanti Ħamas u ż-żarmar tal-istess grupp militanti. Għal bosta raġunijiet illi ser insemmi f'din l-istqarrija, din ir-riżoluzzjoni approvata hija waħda insensittiva, dgħajfa u ineffettiva sabiex verament ikunu jistgħu jintlaħqu l-paċi u l-ġustizzja dejjiema bejn il-poplu Palestinjan u Iżraeljan.


Minkejja l-falliment ta' din ir-riżoluzzjoni, bosta uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ħadu l-opportunita' minn dan il-vot sabiex jfaħħru l-hekk imsejjaħ impenn tal-Unjoni Ewropea għall-paċi u t-tmiem ta' dan il-kunflitt. Fost dawk illi ħarġu għonqhom favur din ir-riżoluzzjoni fjakka kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola; l-istess persuna li kienet marret tieħu b'idejn il-gvern estremist u radikali tal-Iżrael fl-istess waqt illi kien beda kampanji ta' massakri ġewwa Gaża, sabiex fi kliemha tgħid illi l-Unjoni Ewropea tappoġġja lill-Iżrael mingħajr ebda kundizzjoni. Hekk kif miljuni ta' ċittadini Ewropej ġewwa l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qegħdin jipprotestaw kontra l-ġenoċidju ġewwa Gaża u anke jikkritikaw lill-Unjoni Ewropea tal-pożizzjonijiet illi ħadet favur il-gvern Iżraeljan, issa jidher illi Dr. Roberta Metsola qiegħda tipprova tiġbor ġieħha billi tipprova tbiegħed lilha nnifisha minn dak illi hija stess kienet iddikjarat f'Ottubru li għadda f'isem l-Unjoni Ewropea kollha. Jidher illi Dr. Roberta Metsola qiegħda tkompli bit-tattiċi manipulattivi u qarrieqa tagħha u tal-kollegi tagħha billi qiegħda tipprova tagħti l-impressjoni li l-Parlament Ewropew huwa l-ewwel istituzzjoni li jappoġġja waqfien permanenti mill-ġlied ġewwa Gaża u li qiegħed jaħdem favur l-interessi tal-poplu Palestinjan imjassar mill-Iżrael. Iżda il-President Metsola nesiet tindirizza illi;


• Flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von Der Leyen hija kienet marret ġewwa l-Iżrael bħala l-President tal-Parlament Ewropew bħala turija ta' solidarjeta' mal-gvern Iżraeljan meta hija u l-kollega tagħha ma kellhom l-ebda awtorità sabiex jagħmlu t-tali żjara u jiddikjaraw appoġġ mingħajr ebda kundizzjoni għall-gvern Iżraeljan. Mhux ta' b'xejn illi uffiċjali għolja fi ħdan l-Unjoni Ewropea stess kienu fuq ta' quddiem sabiex jikkundannaw u din il-pożizzjoni politika prematura li ttieħdet miż-żewġ mexxejja Ewropej fil-kuntest ta' kunflitt daqstant kumpless. Din il-pożizzjoni mittieħda hija biss ta' dannu għall-kredibbilita' tal-Unjoni Ewropea u hija parti minn sensiela ta' pożizzjonijiet internazzjonali oħrajn illi ttieħdu, fosthom il-pożizzjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti, illi qegħdin biss joħolqu klima li tixpruna l-eskalazzjoni tal-istess kunflitt fil-kumplament tar-reġjun tal-Ilvant Nofsani. Filfatt, il-kunflitt fl-Ilvant Nofsani qiegħed jinfirex mal-irkejjen kollha tar-reġjun.


• In-Nazzjonijiet Uniti diġà kienet approvat riżoluzzjoni favur il-waqfien permanenti mill-ġlied ġewwa Gaża ġewwa l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u għalhekk huwa qerq meta wieħed jgħid illi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha jew illi jipprova jagħti l-impressjoni li dan il-vot kien bħal donnu mument storiku. Nafu biżżejjed li l-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea rigward il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina huma dgħajfa u ineffettivi fil-konfront tal-aggressjoni Iżraeljana li dejjem qiegħda tiżdied fil-forma ta' iżjed okkupazzjoni illegali u żieda ta' vjolenza fil-konfront tal-poplu Palestinjan. Huwa tassew inaċċettabbli li kellhom jgħaddu iżjed minn mitt jum ta' massakri u atroċitajiet sabiex il-Parlament Ewropew formalment jirreaġixxi u jindirizza l-kriżi umanitarja li qiegħda sseħħ ġewwa l-Medda ta' Gaża minħabba l-attakki brutali mill-Iżrael. In-nuqqas ta' azzjoni fil-pront mill-Parlament Ewropew mhux biss hija xhieda li din l-istituzzjoni hija dgħajfa u ineffettiva sabiex tinstab soluzzjoni vijabbli għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, iżda turi wkoll b'mod evidenti l-preżenza ta' qasma politika prevalenti fi ħdan din l-istituzzjoni li qiegħda thedded l-effiċjenza tal-istess istituzzjoni u l-qagħda fi ħdan il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.


• Ma ntefgħu l-ebda sanzjonijiet b'saħħithom kontra l-Iżrael b'risposta għall-okkażjoni illegali u ż-żieda ta' vjolenza fil-konfront tal-poplu Palestinjan, mhux biss ġewwa l-Medda ta' Gaża iżda anke fit-territorji okkupati l-oħrajn bħal 'West Bank' u Ġerusalemm tal-Ilvant. Il-Prim Ministru Netanyahu sa ftit ġranet ilu għadu kemm hedded illi l-Iżrael qatt m'huwa ser jaċċetta stat sovran għall-poplu Palestinjan, x'ser tagħmel l-Unjoni Ewropea sabiex verament ikun hemm soluzzjoni ta' żewġ stati? Il-kliem fieragħ dwar l-importanza tal-paċi mhuwiex biżżejjed! Inutli tgħid illi l-Unjoni Ewropea trid soluzzjoni ta' żewġ stati meta l-istess Unjoni Ewropea tirrifjuta milli tieħu azzjonijiet iebsa fil-konfront tal-Iżrael illi qiegħed jirrifjuta milli jikkopera fil-proċess għall-paċi. Dan sabiex ma noqgħodx insemmi li l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea lanqas biss jirrikonoxxu l-eżistenza ta' stat Palestinjan; iżda mbagħad dawn iikunu l-istess pajjiżi ipokriti li jagħmlu storbju fuq l-importanza ta' djalogu u paċi bejn il-poplu Palestinjan u Iżraeljan. In-nuqqas ta' sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Iżrael hija biss xhieda ta' ipokrezija meta wieħed jikkunsidra li din l-istess istituzzjoni kienet fuq ta' quddiem sabiex titfa' l-iżjed sanzjonijiet b'saħħithom fil-konfront tar-Russja mal-bidu tal-invażjoni Russa fit-territorji Ukreni fis-sena 2022.


• Flimkien mal-bqija tad-dinja tal-Punent, l-Unjoni Ewropea għandha terfa' responsabbilita' u tammetti li kienet kompliċi fil-falliment ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, għaliex kienet il-komunita' internazzjonali li ħolqot klima ta' impunita' li xprunat lill-Iżrael sabiex jadotta politika radikali u tal-lemin estrem illi fissret l-istaġnar totali tal-proċess għall-paċi. Fid-dawl tal-inkompetenza rampanti li ntweriet mill-komunita' internazzjonali, il-proposta ta' żewġ stati hija evidentament waħda mhux realistika u li għamlet iżjed ħsara milli ġid; l-okkupazzjoni fit-territorji Palestinjani, il-vjolenza bejn iż-żewġ popli baqgħet teskala u l-poplu Palestinjan għadu mingħajr id-drittijiet umani bażiċi dovuti għalih. Ma nistax nifhem kif l-Unjoni Ewropea tibqa tħambaq fuq soluzzjoni ta' żewġ stati meta din il-proposta suppost diġa' kienet daħlet fis-seħħ permezz tal-Ftehimiet ta' Oslo fis-sena 1993, tletin sena ilu! In-naħa Palestinjana kkoperat kemm setgħet sabiex din is-soluzzjoni tiġi implimentata u tkun vijabbli, kienet in-naħa Iżraeljana li qagħdet lura milli tikkopera, tant illi baqgħet tokkupa lit-territorji Palestinjani u baqgħet qatt ma rrikonoxxiet l-eżistenza ta' stat Palestinjan. L-implimentazzjoni tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fissret biss it-tkomplija tal-'istatus-quo' fil-qagħda taż-żewġ popli u kkonsolidat is-sitwazzjoni 'de-facto' ta' stat wieħed 'apartheid'. Għalhekk, sakemm l-Iżrael tibqa' ma tikkoperax sabiex ikun hemm stat sovran għall-poplu Palestinjan, l-unika soluzzjoni li verament hija garanzija għall-paċi u stabbilita' huwa stat wieħed bi-nazzjonali bi drittijiet indaqs għall-poplu Palestinjan u Iżraeljan. Fil-kuntest tal-falliment ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, din il-proposta hija l-unika waħda vijabbli, anke jekk din il-proposta titlob għal-waqa' tal-istat Żijonista. Stat Żijonista mhux talli mhuwiex is-soluzzjoni għas-sigurta' tal-poplu Lhudi, iżda huwa wkoll il-kaġun ta' iżjed vjolenza fil-konfront ta' dan il-poplu u fisser instabbilita' kontinwa fir-reġjun tal-Ilvant Nofsani.


• Din ir-riżoluzzjoni titlob illi ma jkunx hemm waqfien permanenti mill-ġlied qabel ma jiġi żarmat il-grupp Ħamas; illi għalhekk timplika li l-Unjoni Ewropea hija favur it-tkomplija ta' iżjed tbatija fid-esperjenzata mill-poplu Palestinjan kollu minħabba grupp singulari. Dan ifisser it-tkomplija tal-kriżi umanitarja u tal-massakri indiskriminati ġewwa l-Medda ta' Gaża. Huwa tassew għajb għall-Unjoni Ewropea li qiegħda tappoġġja l-użu ta' 'collective-punishment' milll-Iżrael ġewwa l-Medda ta' Gaża minkejja li dan il-metodu huwa meqjus b'mod espliċitu bħala ksur tal-liġi internazzjonali skont il-Konvenzjonijiet ta' Geneva. Għalhekk, din ir-riżoluzzjoni hija prova li l-Unjoni Ewropea ma toqgħodx lura milli tavvoka favur il-ksur tal-liġi internazzjonali meta jkun konvenjenti għall-membri tagħha u għall-alleati tagħha. Nittama li wara dan kollu ma nerġax nara xi ħalq minn din l-istituzzjoni korrotta u mnawra mill-qigħ jippriedka fuq il-valuri, id-drittijiet umani u fuq il-liġi internazzjonali.


Il-ġenoċidju li qiegħed iseħħ preżentament ġewwa l-Medda ta' Gaża qiegħda sservi bħala eżami tal-kuxjenza għall-komunita' internazzjonali; b'mod partikolari għad-dinja tal-Punent. Mill-pożizzjonijiet politiċi li ttieħdu sa issa nistgħu ngħidu li d-dinja tal-Punent, inkluża l-Unjoni Ewropea, falliet dan l-eżami tal-kuxjenza. Għad jiġi żmien illi dan il-perjodu jibqa' jħammar wiċċ kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti għall-kompliċita' li kellhom il-gvernijiet tagħhom fit-twettiq tal-ġenoċidju fuq il-poplu Palestinjan ġewwa l-Medda ta' Gaża. Il-komunita' internazzjonali għandha l-poter illi tikkundanna l-azzjonijiet tal-Iżrael billi tiżola lill-gvernijiet estremisti tiegħu mill-kumplament tad-dinja sakemm tintemm l-okkupazzjoni illegali u l-vjolenza fuq il-poplu Palestinjan, iżda minflok il-komunita' internazzjonali baqgħet passiva jew agħar minn hekk baqgħet tilleġittimizza lill-Iżrael.


L-Unjoni Ewropea għandha bżonn tiftakar illi dawk illi jgħixu f'palazzi tal-ħġieġ m'għandhom qatt ikunu dawk illi jwaddbu l-ġebel. L-Unjoni Ewropea ma tistax tidher kredibbli meta tippretendi li l-komunita' internazzjonali għandha tassisti lill-Ukrajna quddiem it-theddida tal-aggressjoni Russa meta mbagħad l-istess Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni passiva dwar l-aggressjoni Iżraeljana ġewwa t-territorji Palestinjana. Jekk l-Unjoni Ewropea verament għadha tgħożż il-valuri li kienet twaqqfet bihom, lanqas biss kellha tgħaddi minn moħħ il-mexxejja Ewropej li jieħdu b'idejn terroristi u qattiela barbari bħalma hemm preżenti fil-gvern Iżraeljan. Nasal fil-konklużjoni li ngħid illi Unjoni Ewropea huwa proġett fallut illi tilef il-prinċipji fundamentali li kienet twaqqfet bihom, għaliex din il- komunita' mhux biss tilfet kull kredibbilita', iżda evidentament tilfet ukoll il-boxxla morali.


Metsola, Von Der Leyen; Idejkom Imċappsin bid-Demm!


Eman Farrugia,

Amministratur.


Stqarrija maħruġa llum, 21 ta' Jannar 2024.



 


AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK BIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.





182 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page