Hekk kif is-sitwazzjoni umanitarja u s-sofferenza tal-popolazzjoni Palestinjana ġewwa Gaża qiegħda tibqa' prevalenti, il-gvern Iżraeljan qiegħed jinsisti xorta waħda li jrid jinvadi lill-belt ta' Rafaħ.
Fil-bidu ta’ din is-sena tħabbar illi Malta ntagħżlet sabiex tokkupa l-presidenza tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u s-Sigurta’ fl-Ewropa (O.S.C.E.), u b'hekk pajjiżna ngħata opportunita’ sabiex ipoġġi fil-prattika l-politika tiegħu favur il-paċi u s-sigurta’ fost il-ġnus. B’diżappunt, ikolli ngħid illi pajjiżna mhuwiex qiegħed jisfrutta din l-opportunita’ biżżejjed, hekk kif ma sarux sforzi biżżejjed mingħand il-presidenza Maltija sabiex dan il-kunflitt jiġi indirizzat b'mod immedjat. Il-kunflitt illi għaddej f'Gaża għandu jkun ta' interess għal pajjiżna, hekk kif il-preżenza ta' konfronti militari fir-reġjun tal-Mediterran qegħdin jibqgħu jeskalaw iżjed. B'konformita' mal-prinċipju li ġie maqbul fis-sena 1975 waqt il-'Helsinki Final Act', illi jipprofessa li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran, matul dawn l-aħħar ġimgħat għamilt komunikat mal-Gvern Malti fejn ressaqt 'il quddiem it-tħassib tiegħi dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran. Għalhekk, qiegħed nagħmel talba formali lill-Gvern Malti sabiex jibda jagħti iżjed prijorita' lill-kunflitt ġewwa Gaża billi jagħmel appell urġenti fost il-membri tal-O.S.C.E. sabiex tiġi indirizzata b'mod immedjat is-sitwazzjoni umanitarja u s-sofferenza tal-popolazzjoni Palestinjana ġewwa Gaża. Għal dawn l-aħħar diċenji, il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina kien kaġun ewlieni tal-instabbilita' fir-reġjun tal-Mediterran, u għaldaqstant huwa inaċċettabli li dan il-kunflitt mhuwiex imniżżel bħala wieħed mill-prijoritajiet illi għandhom jiġu indirizzati fuq l-aġenda tal-presidenza Maltija. Hawn taħt qiegħed nippubblika ittra li bgħatt lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta' Malta u li ġiet imwieġba mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ. Se nibqa' nagħmel dak kollu illi huwa fis-setgħa limitata tiegħi sabiex nibqa' nagħmel il-pressjoni li hemm bżonn fuq il-Gvern Malti sabiex jibqa' jaġixxi iżjed fl-interess tal-poplu Palestinjan, għaliex wara kollox, il-paċi u l-istabbilita' tant meħtieġa fost in-nazzjonijiet kollha tar-reġjun tal-Mediterran hija wkoll fl-interess tas-sigurta' ta' pajjiżna stess.
Ittra mibgħuta lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Għażiż Prim Ministru,
Nifraħ lill-Gvern Malti tal-irwol il-ġdid li pajjiżna issa għandu hekk kif Malta ġiet afdata sabiex tokkupa l-presidenza tal-O.S.C.E.. Madankollu, ninsab iddiżappuntat illi kunflitt importanti bħal dak tal-Ilvant Nofsani twarrab u mhuwiex imniżżel bħala prijorita' fuq l-aġenda ta' pajjiżna.
Irridu niftakru li kif ġie maqbul fil-'Helsinki Final Act' bl-insistenza ta' pajjiżna stess, ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran, u għaldaqstant Malta għandha tassigura fl-interess tagħha stess illi tagħti attenzjoni mill-kunflitti li qegħdin iseħħu fir-reġjun tagħna, filwaqt illi nagħtu attenzjoni wkoll lill-kunflitti oħrajn illi għaddejjin preżentament fl-Ewropa bħal dak tal-Ukrajna, illi b'mod xieraq huwa mniżżel bħala prijorita' fuq l-aġenda ta' Malta.
Għal tletin sena sħaħ, rajna l-iffriżar tal-proċess tal-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina, illi kif rajna ħalliet effetti katastrofiċi għall-poplu taż-żewġ naħat. Għalhekk nitolbok sabiex tikkunsidra tħeġġeġ lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin sabiex iqajjem b'urġenza l-kwistjoni tal-kunflitt tal-Ilvant Nofsani matul l-laqgħat tal-O.S.C.E.. Sabiex verament inkunu nistgħu ngħidu li pajjiżna qiegħed jaħdem għall-paċi irridu nieħdu iżjed azzjoni fuq din il-kwistjoni tant importanti għall-paċi fil-Mediterran.
Irid illi Malta fil-presidenza tal-OSCE taħdem għall-paċi għal kulħadd. Nirringrazzjak u nittama li tikkunsidra t-talba tiegħi fl-interess tal-poplu Palestinjan u tal-popli kollha tal-Mediterran.
Tislijiet sinċiera,
Eman Farrugia.
Risposta mingħand il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ.
Għażiż Sur Farrugia,
Nirringrazzjak ferm tal-'email' li indirizzajt lill-Onorevoli Prim Ministru, kif ukoll tal-interess li qed turi fil-ħidma ta’ Malta favur il-paċi u d-djalogu.
Filwaqt li nifhem il-punt tiegħek li Malta għandha tieħu vantaġġ mill-fatt li din is-sena qed tippresiedi fuq l-O.S.C.E., meta wieħed jidħol fid-dettall biex jifhem; għalxhiex twaqqfet oriġinarjament l-O.S.C.E.; x’tip ta’ missjonijiet għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-paċi għandha l-O.S.C.E.; u anke x’tip ta’ djalogu kontinwu hemm fi Vjenna bejn ir-Rappreżentanti Permanenti tal-O.S.C.E.; wieħed jintebaħ li fl-O.S.C.E. l-akbar attenzjoni tingħata lill-missjonijiet fl-Ukrajna, fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (eks-Jugoslavja), l-Ażja Ċentrali u anke il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkażu (bi kwestjonijiet bħal dik tan-Nagorno Karabakh bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan). Il-punt imqajjem min-naħa tiegħek huwa tassew validu, tant li qed naraw li fil-laqgħa tal-Ministri li se tittella’ Malta f’Diċembru li ġej, se jkun hemm attenzjoni diretta fuq il-Mediterran, taħt il-kappa tal-O.S.C.E. bis-saħħa mogħtija mill-Kapitlu tal-Mediterran imsemmi fl-'email' tiegħek.
Madanakollu, fl-oqfsa multilaterali li Malta topera fihom, il-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa mezz iżjed f’saħħtu biex tasal timbotta l-aġenda marbuta mal-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani. Ċert li inti mgħarraf diġa’ kif Malta kienet minn ta’ quddiem biex tgħaddi riżoluzzjoni 2712 is-sena li għaddiet sabiex ikun hemm waqfiet mill-ġlied bi skop umanitarju. Malta ġja’ presediet fuq il-Kunsill tas-Sigurta' tan-Nazzjonijiet Uniti fi Frar 2023 u hekk se terġa’ tagħmel f’April li ġej. Din se tkun opportunita’ oħra għal Malta, sabiex inkunu ta’ sostenn għall-vittmi tat-terroriżmu u tal-attakki militari fil-Lvant Nofsani.
Ibqa’ ċert li bil-missjoni tagħna li tkopri n-Nazzjonijiet Magħquda fi New York u bil-missjoni tagħna li tkopri l-O.S.C.E. fi Vjenna, se nibqgħu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex Malta tkun strument ta’ paċi kemm għal-Lvant Nofsani u anke għall-Mediterran.
Grazzi ferm.
Tislijiet.
MINISTRY FOR FOREIGN AND
EUROPEAN AFFAIRS AND TRADE
17, PALAZZO MELITA, MELITA STREET, VALLETTA, MALTA.
AGĦTI D-DONAZZJONIJI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.
Comments