top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

OPINJONI: AIR MALTA, IL-ĦARUF TAS-SAGRIFIĊĊJU.

Updated: Nov 16, 2023


'' ...l-Air Malta kienet saret ballun politiku, bl-istess mod illi kienu ġew ippolitiċizzati l-azjendi Sea Malta, TeleMalta, it-tarzna u l-MidMed Bank. ''

Daħla.


F'Settembru tas-sena 2023, ġie mħabbar illi l-kumpanija tal-ajru Air Malta p.l.c. se tiġi sostitwita permezz tat-twaqqif ta' kumpanija tal-ajru ġdida, dan wara li l-kumpanija Air Malta plc kienet ilha topera servizzi fil-qasam tal-avjazzjoni għal 50 sena sħaħ bħala l-linja nazzjonali tal-ajru ta' Malta. F'qalb dawk kollha tar-rieda tajba, b'mod partikolari f'qalb dawk illi jiftakru t-twelid ta' din il-kumpanija tal-ajru, żgur illi hemm sentimenti ta' niket u ta' dispjaċir, mur għid lill-Perit Mintoff illi l-kumpanija li twaqqfet minnu b'tant għaqal fis-snin sebgħin kienet spiċċat f'xifer il-falliment! Iżda il-falliment ma ġiex waħdu jew b'kumbinazzjoni, il-falliment tal-kumpanija tal-ajru li kienet tant strumentali fl-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżna ġara minħabba għadd ta' okkorrenzi li kienu ta' diffikulta' għal-linja nazzjonali tal-ajru. Uħud minn dawn l-okkorrenzi kienu inevitabbli jew kienu kkawżati minn ċirkostanzi li bħala pajjiż ma kellniex kontroll fuqhom, iżda uħud minn dawn l-okkorrenzi kienu kkawżati minn deċiżjonijiet mingħajr għaqal illi kienu mfassla mingħajr ebda strateġija u ppjannar sostenibbli. F'dan l-artiklu se nagħtu ħarsa lejn l-iżvilupp u l-irwol importanti li kellha l-kumpanija Air Malta bħala l-linja nazzjonali tal-ajru u kif din il-kumpanija għaddiet minn bosta diffikultajiet ta' vijabbilita' b'konswegwenza ta' deċiżjonijiet żbaljati li akkumulaw maż-żmien.


It-twaqqif tal-kumpanija tal-ajru u l-ewwel snin tal-operat tagħha.


Fil-bidu tas-snin sebgħin, waħda mill-akbar prijoritajiet illi kellu f'moħħu l-Gvern Laburista kienet illi jkun jista' jistabbilixxi lil Malta bħala pajjiż b'ekonomija mista bbażata fuq is-servizzi sabiex il-pajjiż ma jibqax jiddependi mill-użu tiegħu bħala bażi militari Brittanika. Wara li f'Marzu tal-1972 kien ġie ffirmat il-ftehim ratifikat dwar il-kirja ta' Malta bħala bażi lill-militar Brittaniku, Malta issa kellha tara li tiżviluppa ekonomija li setgħet tissostitwixxi l-mudell ta' ekonomija fortizza. Sabiex dan seta' jseħħ, il-gvern beda jiżviluppa għadd ta' azjendi nazzjonali sabiex il-pajjiż seta' jkollu infrastruttura li setgħet tassigura l-indipendenza ekonomika ta' pajjiżna. F'dan il-perjodu twaqqfu azjendi nazzjonali li kienu bdew jiġu mmexxija u operati mill-Gvern Malti, fost dawn wieħed seta' jsib is-Sea Malta, it-TeleMalta u l-Air Malta. Fis-snin ta' qabel il-ħolqien tal-linja nazzjonali tal-ajru, is-sitwazzjoni kienet illi l-qasam tal-avjazzjoni lokali kien totalment dipendenti fuq kumpanija tal-ajru Brittanika, illi kienet magħrufa bħala l-British European Airways (B.E.A.). Din il-kumpanija tal-ajru Brittanika kienet qiegħda topera kumpanija tal-ajru sussidjarja li kienet magħrufa bħala l-Malta Airlines. Minħabba dan, wieħed seta' jinnota li l-kuntatt bl-ajru bejn Malta u l-kumplament tad-dinja kien totalment f'idejn kumpanija tal-ajru barranija. Dan kollu kien qiegħed joppressa l-ambizzjonijiet ta' Malta fil-qasam tal-avjazzjoni, li għal gżira maqtugħa bħalna mhuwiex xi kapriċċ, iżda essenzjali. Fil-bidu tal-ħidma tiegħu bħala Prim Ministru, il-ħolma ta' Dom Mintoff kienet illi Malta tiżviluppa l-linja nazzjonali tal-ajru tagħha sabiex din tkun tista' tgħin fl-iżvilupp ekonomiku ta' Malta, għalhekk din kienet waħda mill-akbar prijoritajiet tal-gvern ta' dak il-perjodu. Sabiex din il-ħolma ma tibqax fuq il-karta iżda ssir ukoll realta', fl-1972 ġie approvat l-Att dwar l-Avjazzjoni Ċivili bi preparazzjoni għall-kumpanija tal-ajru ġdida, li kellha tkun fil-maġġoranza tagħha proprjeta' tal-Istat. Qabel ma twaqqfet formalment l-Air Malta, il-Gvern ta' dak il-perjodu ried illi jagħmel ftehim ma' kumpanija tal-ajru li diġa' kienet stabbilita' u li kellha esperjenza fil-qasam, sabiex din il-kumpanija tkun tista' tassisti lill-kumpanija tal-ajru Maltija fit-taħriġ tal-ħaddiema u tagħri pariri fit-tmexxija tal-kumpanija sabiex din tkun effiċjenti kemm jista' jkun. Għadd ta' kumpaniji tal-ajru, fosthom il-B.E.A., wrew interess fis-sejħa tal-Gvern Malti, iżda finalment intlaħaq ftehim mal-kumpanija tal-ajru Pakistan International Airlines (P.I.A.), li kienet l-kumpanija li offriet l-aktar pakkett ta' għajnuna ġeneruż lill-Air Malta. Din l-għajnuna kienet tinkludi taħriġ lil għaxar piloti u għaxar inġiniera li ngħata mill-P.I.A. bi prezz imraħħas, tant illi l-Gvern Malti kien iffranka s-somma finanzjarja ta' 150,000 GBP., filwaqt illi l-istess kumpanija tal-ajru offriet ukoll illi tassisti fl-operat tal-kumpanija tal-ajru Maltija mingħajr ma titlob ebda ħlas għall-perjodu ta' ħames snin. Madanakollu, il-maġġoranza tad-diretturi tal-kumpanija tal-ajru kellhom ikunu Maltin sabiex b'hekk il-Gvern Malti seta' jkollu kontroll sħiħ fit-tmexxija tal-kumpanija, filwaqt illi fil-perjodu ta' ħames snin il-Gvern kellu wkoll d-dritt illi jixtri l-ismha li kellha l-P.I.A. fl-Air Malta. Dan il-ftehim kien ifisser illi d-deċiżjonijiet aħħarija tal-kumpanija tal-ajru l-ġdida kellhom jittieħdu mill-Istat Malti sabiex b'hekk seta' jiġi mħares u assigurat l-interess ekonomiku nazzjonali. In-negozjati bejn il-Gvern Malti u l-P.I.A. ġew mitmuma fi Frar tal-1973 wara li kien intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat u għalhekk f'Marzu tal-istess sena kienet tressqet riżoluzzjoni fil-Parlament Malti mill-Gvern Laburista sabiex tkun tista' titwaqqaf għall-ewwel darba kumpanija nazzjonali tal-ajru; illi kienet ingħatat l-isem Air Malta Company Limited, kumpanija li kellha tibda tħares l-interessi nazzjonali ta' pajjiżna billi toffri konnettivita' ma' pajjiżi 'l barra minn xtutna bl-għan illi tipprovdi vantaġġi soċjali u ekonomiċi għall-pajjiżna, illi kien għatxan għal trasformazzjoni ekonomika u soċjali radikali.


F'seduta parlamentari intensiva, il-Prim Ministru Mintoff talab lill-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex tapprova l-għotja tas-somma finanzjarja ta' Lm400,000 sabiex setgħu jiġu koperti l-ispejjeż inizzjali li kienet se ġġib magħha l-ħolqien tal-kumpanija tal-ajru l-ġdida. Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista bdiet tinsisti illi l-Gvern Malti ma kellux ikollu l-maġġoranza tal-ismha fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru għaliex kienet saħqet illi l-Istat mhuwiex għaqli u kapaċi biżżejjed sabiex ikun jista' imexxi azjendi kummerċjali. L-Oppożizzjoni kienet ukoll ikkritikat il-ftehim li kien għamel il-gvern mal-P.I.A., minkejja li l-isemmi ftehim kien ser jgħin b'mod ġeneruż fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda u li permezz tagħhom kienu ser jibbenefikaw il-ħaddiema Maltin, li kien ser ikollhom l-opportunita' li jsiru piloti għall-ewwel darba. Ir-riżoluzzjoni għaddiet b'differenza ta' ħames voti; 28 membru parlamentari min-naħa tal-Gvern ivvotaw favur filwaqt illi 23 membru parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni vvotaw kontra u għalhekk kien ġie formalment approvat it-twaqqif tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru tal-poplu Malti. Madanakollu, minn dan l-vot wieħed jista' jagħraf illi kien żviluppa diżgwid politiku bejn iż-żewġ partiti politiċi rigward it-tmexxija tal-kumpanija tal-ajru nazzjonali, kumpanija li sofriet vendetti politiċi mill-partit tal-Oppożizzjoni għar-raġuni waħdanija li din kienet twaqqfet mill-partit politiku oppost. Fil-bidu tal-operat tagħha, il-kumpanija Air Malta kellha ssofri minn kampanja ta' attakki minn gazzetti lokali li jappartjenu lill-Partit Nazzjonalista li pprovaw jirredikolaw lill-kumpanija u jikkritikawha b'mod insensat. B'risposta għall-introduzzjoni ta' żewġ ajruplani Boeing 720B li kienet bdiet tikri l-Air Malta sabiex tkun tista' tifforma l-ewwel flotta tagħha, esponenti tal-Oppożizzjoni laqmu lill-ajruplani bħala ''għasafar taċ-ċomb li ma jtirux'' f'attentat sabiex jintefgħu dubji fuq l-effiċjenza u l-qagħda tal-ajruplani, filwaqt li oħrajn għaddew kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-kumpanija, tant illi kien intqal illi t-turisti li jżuru lill-pajjiżna kellhom ikollhom jibdew ''jitqannew bl-Air Malta''. F'perjodu fejn il-kooperazzjoni kienet meħtieġa minn kulħadd sabiex seta' jkun assigurat bidu mingħajr wisq skossi għall-kumpanija, l-Air Malta kienet saret ballun politiku, bl-istess mod illi kienu ġew ippolitiċizzati l-azjendi Sea Malta, TeleMalta, it-tarzna u l-MidMed Bank. Wieħed m'għandux bżonn ikun għaref sabiex jagħraf illi aspett komuni bejn dawn l-imsemmija azjendi kien illi minkejja li dawn kienu bdew jiġu mmexxija mill-Istat b'għanijiet kummerċjali pożittivi, dawn l-azjendi kollha kienu eventwalment fallew jew spiċċaw ipprivatizzati minħabba indħil politiku. Minkejja li l-bidu ma kienx faċli u mingħajr skossi, nhar il-31 ta' Marzu 1974 il-poplu Malti bi kburija liema bħalha sa fl-aħħar seta' jifraħ bl-inawgurazzjoni tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-ġdida, Air Malta, f'ċerimonja li kienet saret fuq il-pista tal-ajruport ta' Ħal Luqa. Fl-istess ċerimonja ġew varati ż-żewġ ajurplani ġodda fil-preżenza ta' persuni distinti, fosthom kien hemm preżenti l-Gvernatur ta' Malta, għadd ta' ministri u ċ-Ċermen tal-Air Malta, is-sur Albert Mizzi. Minkejja li l-Air Malta kienet formalment twaqqfet f'Marzu tal-1973, sena qabel l-inawgurazzjoni tagħha, fix-xhur ta' wara t-twaqqif tal-istess kumpanija kellhom isiru għadd ta' preparamenti sabiex il-kumpanija tal-ajru l-ġdida tkun tista' tibda topera. Nhar l-1 ta' April 1974 l-Air Malta kienet operat l-ewwel titjira tagħha lejn Londra fit-Renju Unit, hekk kif il-kumpanija tal-ajru l-ġdida kienet uffiċjalment bdiet topera bħala l-linja nazzjonali tal-ajru ta' Malta, wara li din kienet ġiet mogħtija Liċenzja tas-Servizz tal-Ajru mill-Gvern Malti bil-kundizzjoni waħdanija li kienet tgħid:


'' ...is-sjieda sostanzjali u l-kontroll effettiv tal-linja tal-ajru, f'kull ħin, jinżammu u jiġu eżerċitati mill-Gvern ta' Malta u/jew minn ċittadini ta' Malta u/jew minn kumpaniji inkorporati taħt il-liġijiet ta' Malta u kkontrollati minn ċittadini ta' Malta. ''

Il-ħolqien tal-Air Malta kienet tassew ġrajja storika li nistgħu ngħidu li kienet saret sinonima mal-iżvilupp ta' Malta moderna, kumpanija tal-ajru li kienet saret ikona nazzjonali u l-ambaxxatriċi ta' Malta f'ajruporti internazzjonali fl-Ewropa kontinentali u lil hinn. Fil-bidu tal-operat tagħha il-Gvern Malti kien għamilha li apparti li l-Air Malta kellha tibda tagħti s-sehem tagħha fl-iżvilupp ekonomiku ta' Malta permezz tat-tgħabbija ta' passiġġieri u merkanzija, l-Air Malta kellha tistabbilixxi ruħha bħala kumpanija kummerċjali li tagħmel l-qligħ sabiex din tibqa' finanzjarjament vijabbli. Għalhekk, din ma kellhiex tiddependi fuq assistenza mill-Istat permezz ta' fondi pubbliċi sabiex topera, iżda kellha tistabbilixxi reputazzjoni pożittiva billi toffri servizzi ta' kwalita' lill-passiġġieri u tiżviluppa strateġija komprensiva sabiex din il-kumpanija tal-ajru relattivament żgħira setgħet tikkompeti ma' kumpaniji oħra fl-Ewropa. Għaldaqstant, l-Air Malta kellha taqdef għal rasha u taħdem bi sħiħ sabiex tkun tista' tistabbilixxi ruħha bħala linja nazzjonali tal-ajru li tagħmel il-profitt, u hawnhekk huwa tajjeb illi nsemmu li meta kienu twaqqfu għadd ta' linji nazzjonali tal-ajru f'ċirkostanzi simili li fihom twaqqfet l-Air Malta, il-gvernijiet li joperawhom kellhom jagħmlu użu minn somom finanzjarji eżorbitanti sabiex jissussidjaw lill-kumpaniji tal-ajru rispettivi tagħhom fil-bidu tal-operat tagħhom, miżuri li jitfgħu piżijiet finanzjarji kbar fuq il-poplu minħabba l-użu sproporzjonat ta' fondi pubbliċi. Iżda minħabba l-għaqal, il-maturita' u l-ħila li nterew mill-Gvern Malti, mid-diretturi tal-kumpanija u mill-ħaddiema, li ngħataw assistenza u direzzjoni mill-P.I.A., is-snin sebgħin kienu ta' suċċess kbir għall-kumpanija nazzjonali tal-ajru Maltija, minkejja li dawn kienu l-ewwel snin tal-operat tagħha. Minkejja li s-snin sebgħin kienu snin ta' suċċess għal-linja nazzjonali tal-ajru, dawn kienu snin illi kienu jikkonsistu f'għadd ta' sfidi sinifikanti għall-Air Malta. Waħda mill-akbar sfidi li kellha tiltaqa' magħhom l-kumpanija kienet il-kriżi kbira internazzjonali taż-żejt, kriżi li kienet qiegħda tħalli impatti negattivi fuq il-qagħda tat-turiżmu filwaqt kienu qegħdin iseħħu għadd ta' bidliet fid-disponibbilita' u fil-prezz taż-żejt, ċirkostanzi diffiċli li ħolqu għadd ta' diffikultajiet u sfidi għall-ekonomiji ta' bosta pajjiżi. Minħabba li l-fjuwils huma essenzjali għall-kumpaniji tal-ajru, l-inċertezza globali dwar il-qagħda taż-żejt kienet qiegħda toffri sfidi kbar fil-qasam tal-avjazzjoni u għalhekk wieħed jista' jimmaġina kif dan ma kienx żmien ideali li fih tfassal kumpanija tal-ajru. Sfida oħra li kellha tiltaqa' magħha l-kumpanija tal-ajru fil-bidu tal-operat tagħha kienet il-limitazzjoni tas-suq lokali. Dan kien ifisser illi l-Air Malta kellha tiżviluppa strateġija illi permezz tagħha hija tkun tista' tistabbilixxi ruħha fis-swieq Ewropej, illi diġa' kienu ddominati minn għadd ta' kumpaniji tal-ajru oħra li kienu diġa' magħrufa sewwa u stabbiliti. Għalhekk, sabiex l-Air Malta tinfiltra s-swieq Ewropej, din kellha tibda tikkompeti ma' kumpaniji tal-ajru li kienu aktar b'saħħithom u influwenti minnha. Minkejja li Maltin b'esperjenza fl-avjazzjoni ma kienx hawn, bl-għajnuna tal-P.I.A. u permezz tal-appoġġ illi kienet sabet mill-Gvern Laburista ta' dak il-perjodu, il-linja nazzjonali tal-ajru Maltija kienet irnexxielha toħloq strateġija li kienet valida għas-swieq Ewropej, strateġija li kienet vitali għas-suċċess tal-kumpanija, li fl-ewwel snin tal-operat tagħha kellha tara kif se tibda' tħeġġeġ ammont sostenibbli ta' passiġġieri sabiex itiru magħha għall-ewwel darba. Minkejja li l-kumpanija ltagħet ma' bosta diffikultajiet fil-bidu tagħha, fit-tieni sena tal-operat tagħha l-kumpanija kienet diġa' qiegħda tagħmel profitt. Fil-perjodu tas-snin sebgħin il-kumpanija qatt ma kellha xi triq watja quddiemha mingħajr xewk u ħotob, iżda s-suċċess miksub kien possibbli permezz ta' deċiżjonijiet li ttieħdu b'għaqal liema bħala li kienu assiguraw il-vijabbilita' tal-istess kumpanija f'dawk iż-żminijiet partikolari ta' kriżijiet internazzjonali.


Riklam tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta dwar it-titjiriet tagħha lejn bosta pajjiżi. Notevoli fir-riklami tal-kumpanija huwa l-enfasi fuq is-servizzi ta' kwalita' li kien joffri l-ekwipaġġ tal-kumpanija sabiex is-servizzi offruti lill-passiġġieri abbord waqt it-titjirjiet ikun wieħed sodisfaċenti u ospitabbli.


Fl-ewwel xahar tal-operat tagħha, April tal-1974, l-kumpanija Air Malta bdiet topera s-servizzi tal-ajru tagħha permezz ta' żewġ ajruplani tat-tip Boeing 720B li kienu qegħdin jiġu mikrija mill-P.I.A. wara li dawn kienu ġew rinnovati mill-ekwipaġġ tal-Air Malta billi kien ġie msebbaħ u mmodernizzat l-intern tal-ajruplani filwaqt illi kien ġie installat ukoll tagħmir teknoloġiku ġdid sabiex il-passiġġieri li kienu ser jibdew jagħmlu użu minn dawn l-ajruplani setgħu jgawdu minn ajruplani li kienu miżmuma fi stat tajjeb filwaqt illi kienu mgħammra b'dak kollu li kien mistenni minn ajruplan modern u avvanzat fis-snin sebgħin. Fl-ewwel xahar tal-operat tagħha, l-kumpanija Air Malta kienet bdiet topera titjiriet lejn dawn id-destinazzjonijiet: Londra, Birmingham u Manchester fir-Renju Unit, Frankfurt fil-Ġermanja, Ruma fl-Italja u Tripoli fil-Libja. Id-destinazzjonijiet li ntagħżlu sabiex ikunu konnesi ma' pajjiżna permezz tal-Air Malta ma kinux ġew magħżula b'kumbinazzjoni, iżda kienu ġew magħżula b'għaqal u b'konsiderazzjoni għar-realtajiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li kienet qiegħda tgħaddi minnhom Malta. Ir-Renju Unit kien ingħata importanza mill-kumpanija minħabba li l-maġġoranza tat-turisti li bdew jiġu lejn pajjiżna fis-snin sebgħin kienu mir-Renju Unit u għaldaqstant kien tassew importanti għas-settur tat-turiżmu lokali li jkollna linja nazzjonali tal-ajru li toffri konnettivita' estensiva ma' dan il-pajjiż. Min-naħa l-oħra, il-Libja, l-Italja u l-Ġermanja kienu tliet pajjiżi li kienu qegħdin jiżviluppaw relazzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi b'saħħithom ma' Malta u għaldaqstant kien importanti għall-pajjiżna li jkollna xi forma ta' konnettivita' bl-ajru ma' dawn il-pajjiżi. L-għażla tad-destinazzjonijiet li bdew jiġu moqdija permezz ta' servizzi ta' titjiriet mill-Air Malta tirrifletti wkoll l-politika li kienet qiegħda tħaddem Malta fis-snin sebgħin, dik ta' żvilupp ta' relazzjonijiet mhux biss mal-pajjiżi Ewropej iżda anke mal-pajjiżi Għarab. Mingħajr ebda dubju, il-konnettivita' bl-ajru bejn Malta u l-Libja kienet fattur importanti li ddeterminat it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan wassal sabiex kien hemm żieda sostanzjali fil-kummerċ u n-negozji bejn iż-żewġ pajjiżi; filwaqt li negozjanti Maltin bdew joperaw negozji fil-Libja, negozjanti Libjani bdew joperaw negozji f'Malta. Apparti dan kollu, studenti u ħaddiema miż-żewġ pajjiżi bdew jingħataw għadd ta' opportunitajiet ġodda sabiex jingħataw taħriġ edukattiv jew sabiex ifittxu mpjiegi ġewwa ż-żewġ pajjiżi. Il-konnettivita' bl-ajru li Malta kellha mal-Afrika ta' Fuq kienet fattur li għenet sabiex pajjiżna seta' jiżviluppa relazzjonijiet b'saħħithom mad-dinja Għarbija, relazzjonijiet li waslu sabiex pajjiżna gawda b'mod ekonomiku filwaqt illi kiseb rispett u kooperazzjoni minn dawn il-pajjiżi. Eventwalment, l-Air Malta kienet bdiet topera titjiriet lejn għadd ta' destinazzjonijiet oħra, illi kienu Pariġi fi Franza, Manchester fir-Renju Unit, Amsterdam fil-Pajjiżi l-Baxxi, Tunis fit-Tuneżija, Zurich fl-Iżvizzera, Vjenna fl-Awstrija u fil-Kajr fl-Eġittu. B'hekk wieħed jagħraf kif Malta kompliet issaħħaħ il-konnettivita' tagħha bl-ajru mal-pajjiżi Ewropej u Afrikani. L-ammont ta' destinazzjonijiet komplew jiżdiedu matul is-snin, tant illi fuq perjodu mifrux fuq ħames diċenji, xi darba jew oħra l-Air Malta kienet topera titjiriet lejn aktar minn 80 ajruport ġewwa għadd ta' pajjiżi Ewropej, Afrikani u Asjatiċi. Sa ftit snin qabel ma ġie mħabbar l-għeluq tal-kumpanija, l-Air Malta kienet qiegħda topera titjiriet għal madwar 40 destinazzjoni differenti fir-reġjun tal-Baħar Mediterran u lil hinn.


Il-kumpanija tal-ajru P.I.A. baqgħet tagħti pariri u tinvolvi ruħha fit-tmexxija tal-kumpanija tal-ajru Maltija matul l-ewwel snin tal-operat tagħha, sakemm din setgħet tistabilixxi ruħha sewwa fis-settur tal-avjazzjoni u għalhekk issib saqajha. Hekk kif il-Maltin bdew jiżviluppaw aktar esperjenza fis-settur tal-avjazzjoni, filwaqt illi l-kumpanija Air Malta bdiet ukoll tirreġistra qligħ matul il-perjodu tas-snin sebgħin, il-membri tal-P.I.A. li kellhom sehem fl-operat tal-Air Malta rtiraw mill-irwoli tagħhom fit-tmexxija tal-kumpanija u għaldaqstant it-tmexxija tal-kumpanija issa kienet totalment f'idejn operaturi Maltin. Dan il-proċess kien diġa' miftiehem permezz tal-ftehim li kien ġie ffirmat bejn il-P.I.A. u l-Gvern Malti. It-tmexxija konġunta mill-membri tal-P.I.A. u mill-membri Maltin fl-operat tal-kumpanija kienet fattur ewlieni li kkontribwixxiet għas-suċċess li kienet bdiet tikseb il-kumpanija, illi minkejja li kellha kapital azzjonarju żgħir, din xorta kien irnexxielha tagħmel il-qligħ f'perjodu relattivament qasir. Il-kapital azzjonarju tal-Air Malta kien awtorizzat għal Lm750,000 li minnhom inħarġu Lm530,000 51% mill-Air Malta u 20% mill-P.I.A., filwaqt li l-bqija, 29% tas-sehem kapitali, inizjalment ma kienx sottoskritt. Fl-24 ta' Jannar, 1975, il-Malta Airlines ħadet 5%, filwaqt li Malta Aviation Services Ltd. ħadet 1% tal-ishma mhux sottoskritti fl-Air Malta. Fil-11 ta' Awwissu, 1975, il-Gvern għolla l-kapital azzjonarju tal-kumpanija għal Lm1,250,000 sabiex iżid il-kapital operatorju. Fl-istess waqt, il-Gvern abbona 76.4%, P.I.A. 20%, Intercontinental Services (li qabel kienet Malta Airlines) 3% u Cassar & Cooper Holdings Ltd. (li qabel kienet Malta Aviation Services Ltd.) 0.6% tal-ishma tal-Air Malta. F'Novembru u Diċembru 1985 Middle Sea Insurance xtrat l-ishma li kienu proprjetà kemm ta' Intercontinental Services kif ukoll ta' Cassar & Cooper Holdings Ltd.. Il-Gvern Malti eżerċita l-għażla li jixtri l-ishma li kellha l-P.I.A. f'Novembru 1980 u b'hekk l-Istat kien akkwista sehem ta' 96.4% mill-ishma totali tal-kumpanija Air Malta. Minkejja l-limitazzjonijiet finanzjarji li kellha l-kumpanija, l-Air Malta baqgħet tiżviluppa u tiġġedded, tant illi fix-xahar ta' April tal-1978 il-kumpanija rnexxielha takkwista l-ewwel ajruplan Boeing 720B li kien kollu kemm hu proprjeta' tagħha. Hekk kif il-kumpanija baqgħet tissaħħaħ finanzjarjament, kompliet tintwera x-xewqa li l-Air Malta tibqa' tinvesti fil-flotta tagħha billi takkwista aktar ajruplani ġodda li kellhom ikunu wkoll proprjeta' f'idejn l-istess kumpanija, sabiex l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna setgħet tibqa' testendi s-servizzi u l-operat tagħha. Għaldaqstant, il-kumpanija ma kinitx ser tibqa' tiddependi fuq ż-żewġ ajruplani li kienu qegħdin jiġu mikrija mill-P.I.A. sabiex twettaq l-ħidma tagħha. F'Marzu tal-1979, il-kumpanija kienet akkwistat iż-żewġ ajruplani tat-tip Boeing 720B li kienet qiegħda tikri mill-P.I.A. u għalhekk dawn ukoll kienu saru proprjeta' tal-kumpanija. Fl-istess sena, il-kumpanija kienet qiegħda topera flotta uniformi ta' ħames ajruplani li kienu kollha kemm huma proprjeta' tal-Air Malta, dawn kienu jinkludu żewġ ajruplani Boeing 720B li kienu nxtraw mill-P.I.A. u tliet ajruplani tal-istess mudell li kienu nxtraw minn kumpanija tal-ajru bbażata fl-Istati Uniti li kienet magħrufa bħala l-Western Airlines. Matul is-snin tmenin il-kumpanija baqgħet issaħħaħ il-flotta tagħha billi nediet tliet ajruplani ġodda li kienu tal-mudell Boeing B737-200 Advanced fis-sena 1983, filwaqt illi fl-1986 il-kumpanija kienet ħabbret ix-xiri ta' żewġ ajruplani oħra li kienu wkoll ta' dan l-istess mudell. L-introduzzjoni ta' dawn l-ajruplani ġodda assiguraw illi l-kumpanija tibqa' tippossjedi flotta li kellha kwantitaa' ta' ajruplani li setgħet tilħaq għall-eżiġenzi tagħha u tal-pajjiż filwaqt illi l-kumpanija baqgħet timmodernizza ruħha billi tiżviluppa infrastruttura ta' kwalita'. Fis-snin sebgħin u tmenin, il-linja nazzjonali tal-ajru kellha biżżejjed saħħa finanzjarja sabiex testendi b'mod estensiv il-flotta tagħha filwaqt illi kellha tmantni l-impjiegi tal-ħaddiema u titgħabba bil-piż ta' għadd ta' spejjeż oħra, dan sabiex ma nsemmux il-kriżijiet internazzjonali li kienu qegħdin iħallu impatti negattivi fuq il-kumpaniji tal-ajru kollha, b'mod partikolari fuq dawk illi kellhom estimi limitati. Dan kollu juri kif mhuwiex minnu l-argument illi l-linja nazzjonali tal-ajru kienet destinata li tfalli, għaliex il-fatti juru li qabel l-perjodu tas-snin disgħin, il-kumpanija kienet dejjem baqgħet f'qagħda finanzjarja b'saħħitha, minkejja li kienet limitata fil-finanzi filwaqt li kellha bosta spejjeż.


'' Mhuwiex ta' b'xejn illi s-sehem li l-Air Malta kienet tagħti għall-iżvilupp u għall-ekonomija ta' pajjiżna kien meqjus bħala wieħed mis-sisien tal-bini ta' Malta ġdida li trid tibbaża l-għijxien tagħha fuq il-ħila tal-ħaddiem Malti fi spirtu ta' ħbiberija u kooperazzjoni fost il-ġnus. ''

Hawnhekk wieħed ma jistax ma japprezzax l-għaqal illi ħadmu bih l-operaturi tal-kumpanija fl-ewwel żewġ diċenji tal-operat tagħha, għaqal li deher b'mod ċar fid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-kumpanija f'dan il-perjodu. Nistgħu nsemmu kif f'dan il-perjodu l-kumpanija għażlet illi tinvesti f'ajruplani ta' kwalita' għolja, bħalma kienu l-ajruplani tal-mudell Boeing B737-200 Advanced illi l-kumpanija kienet xtrat fis-snin tmenin. B'kuntrast ma' ajruplani oħra li nxtraw fis-snin ta' wara, dawn kienu ekonomiċi u adattati għal kumpanija tal-ajru żgħira bħall-Air Malta minħabba li ma kinux jirrikjedu spejjeż kbar sabiex jiġu mantenuti minn żmien għal żmien, filfatt dawn l-ajruplani kienu jipproduċu tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil u għaldaqstant kienu vijabbli biżżejjed sabiex dawn setgħu jibqgħu jiġu miżmuma mill-kumpanija. Qabel ma kien ġie deċiż liema tip ta' ajruplani għandhom jintagħżlu sabiex jingħaqdu mal-flotta tal-kumpanija, saru għadd ta' dettaljati taħditiet dettaljati mad-diversi manifatturi sabiex l-ajruplani mixtrija jkunu ekonomiċi u sostenibbli kemm jista' jkun. Wara li kienu ġew konklużi t-taħditiet, kien ġie deċiż illi l-ajuplani tal-mudell Boeing B737-200 Advanced kienu l-aktar ajruplani li setgħu jaqdu bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-Air Malta. Dawn l-ajruplani kienu mgħammra b'magni li kienu jiffrankaw il-konsum ta' fjuwil filwaqt illi kienu mgħammra b'tagħmir teknoloġiku avvanzat. Minkejja ċ-ċokon tal-flotta, l-Air Malta għażlet illi hija kienet sse tiffoka fuq il-kwalita' u mhux fuq il-kwantita'. Is-snin tmenin kienu tassew snin ta' suċċessi għal-linja nazzjonali tal-ajru, għaliex filfatt li din baqgħet tiġġenera l-qligħ filwaqt illi għamlet investimenti kbar fil-qagħda tal-kumpanija li ma kinux irħisa, tant illi huwa stmat illi t-tagħmir teknoloġiku tal-ajruplani l-ġodda li kienet akkwistat il-kumpanija f'dan il-perjodu kien jiswa 1,600,000 USD, dan apparti spejjeż oħrajn ħafna akbar sabiex il-kumpanija setgħet xtrat l-ajruplani u timmodernizzahom b'tagħmir addizzjonali skont il-ħtiġijiet tagħha. F'dan il-perjodu, il-kumpanija baqgħet tagħmel studji dettaljati dwar kif kellha tkun magħmula l-flotta tagħha filwaqt illi baqgħet tevalwa kif setgħet isaħħaħ l-istrateġija tagħha. Minħabba li l-Air Malta kellha għadd ta' limitazzjonijiet minħabba ċ-ċokon tal-kapital tagħha, il-prijorita' tal-kumpanija kienet illi din tistabbilixxi ruħha bħala linja tal-ajru ta' kwalita', mhux biss billi tinvesti fl-qagħda tal-flotta tagħha iżda anke billi toffri servizzi eċċellenti lill-passiġġieri waqt it-titjiriet. Is-servizzi li kienu joffru l-ekwipaġġ tal-kumpanija sikwit qala' tifħir bil-fomm u bil-kitba, mhux sempliċiment minħabba li l-intern tal-ajruplan kien modern u komdu jew għaliex l-ikel abbord kien tajjeb, iżda minħabba li l-attitudni tal-ekwipaġġ kienet effiċjenti, kordjali u amikevoli. Is-servizzi eċċellenti li kienu joffru l-ekwipaġġ kienu amalgamati mal-istrateġija tal-kumpanija sabiex din setgħet tikseb il-fama ta' linja tal-ajru ta' kwalita'. Il-kumpanija dejjem kienet tagħti attenzjoni speċjali lit-taħriġ tal-impjegati tagħha filwaqt li l-kandidati li jingħataw taħriġ f'xogħlijiet speċjalizzati kienu jintagħżlu b'reqqa kbira. Meta l-kumpanija kienet tippubblika r-riklami tagħha sabiex aktar passiġġieri setgħu jiġu mħeġġa jagħmlu użu mis-servizzi tal-ajru tagħha, l-Air Malta dejjem kienet titfa' enfasi speċjali fuq il-karattru ġentili tal-ekwipaġġ u fuq is-servizzi ta' kwalita' li kienu aċċessibli abbord. Fuq dawn ir-riklami wieħed seta' jara messaġġi pożittivi bħal ''We will send one of our Boeings for you'', ''The airline with a happy face'' u ''We will promise you a warm welcome''. Dan kollu juri kif il-kumpanija dejjem stinkat sabiex tistabbilixxi ruħha fil-qasam tal-avjazzjoni u fis-swieq bħala dik il-kumpanija li dejjem tilqa' b'mod pożittiv lill-klijenti tagħha permezz tas-servizz ta' kwalita' li kienet toffri. Fl-1985, il-kumpanija kienet bdiet tintroduċi l-ewwel kapitani Maltin fuq it-titjiriet tagħha wara dawn li kienu ffinalizzaw it-taħriġ tagħhom, filwaqt illi fl-1986 l-Air Malta kompliet tikkonsolida l-flotta ta' ajruplani tagħha bi ftehimiet strateġiċi ulterjuri bil-għan li ssaħħaħ id-dikjarazzjoni tal-missjoni tagħha li tipprovdi servizzi relatati mal-ajru għall-benefiċċju tal-ekonomija Maltija u tal-poplu Malti. Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru kienet qiegħda tgħin ħafna sabiex l-industrija tat-turiżmu lokali setgħet tkompli tiżviluppa, ħaddmet ammont konsiderevoli ta' impjegati magħha, ħolqot għadd ta' impjiegi li qabel is-snin sebgħin qatt ma kienu aċċessibbli għall-ħaddiema Malta, ħaffet il-komunikazzjonijiet fl-oqsma tal-kummerċ u l-industrija, għenet fl-esportazzjoni tal-merkanzija u b'hekk għenet sabiex il-ħila tal-ħaddiem Malti setgħet tkun magħrufa barra minn xtutna. Evidenza tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-kumpanija huwa l-fatt illi l-ammont ta' passiġġieri li jagħmlu użu mill-Air Malta baqa' jżdied sena wara sena. L-għadd ta' passiġġieri matul is-sena finanzjarja 1978/1979 kien żdied bi 30% għal 361,500 passiġġier għal fuq il-275,200 passiġġier tas-sena finanzjarja ta' qabel. Apparti li l-Air Malta kienet toffri servizzi tal-ajru lill-passiġġieri, l-istess kumpanija kienet toffri servizzi ta' tgħabbija ta' merkanzija. Fuq ir-rotta ta' Londra fix-xahar t' Awwissu 1979, il-kumpanija tal-ajru kienet ħadet ħsieb it-tgħabbija ta' merkanzija li kienet tiżen aktar minn 100,000 kilogramma, filwaqt illi żdidiet oħra kienu ġew irreġistrati fuq ir-rotot ta' Ruma, Pariġu, Brussell, Frankfurt, Vjenna, Tripli u l-Kajr. Matul il-perjodu ta' ħamsin sena li damet topera il-kumpanija, 55,000,000 passiġġiera għamlu użu mis-servizzi tal-ajru tal-Air Malta.

Xahar

Passiġġieri minn Malta

Passiġġieri lejn Malta

Total

Żieda (%)

April

17,358

17,935

25,293

+30.9

Mejju

13,242

15,485

28,727

+6.6

Ġunju

17,636

21,053

28,689

+6.1

Lulju

22,882

26,650

49,532

+6.1

Awwissu

29,395

27,530

56,925

+13.5

Settembru

23,193

21,011

44,204

+5.1

Ottubru

18,278

17,423

35,700

+4.0

Statistiċi li juru ż-żieda fl-influss ta' passiġġieri li kienu qegħdin jagħmlu użu mill-Air Malta matul is-sena finanzjarja 1978/1979, b'żdidiet drastiċi fuq is-sena finanzjarja ta' qabel (1977/1978).


Sabiex il-mezz ta' qligħ tal-kumpanija seta' jiġi diversifikat, il-kumpanija Air Malta kellha għadd ta' kumpaniji sussidjarji li kienu assoċjati magħha li primarjament kienu kumpaniji li bbażaw l-operat tagħhom fuq servizzi ta' akkomodazzjoni lit-turisti li jżuru lill-pajjiżna. Sabiex dan seta jseħħ, il-gvern Malti stabbilixxa għadd ta' lukandi u kumplessi tal-akkomodazzjoni (Holiday Complexes) madwar inħawi turistiċi fil-gżejjer Maltin. Dawn kienu s-siti kienu jinkludu lil Ħal Ferħ Holiday Complex u Selmun Palace Hotel fil-Mellieħa, White Rocks Holiday Complex f'Pembroke, Airport Hotel f'Ħal Luqa u Holiday Inn f'Tas-Sliema. Fis-snin sebgħin u tmenin, wieħed mill-fatturi indikattivi tas-suċċess fl-industrija turistika f'Malta kien il-fatt illi l-provvista ta' akkomodazzjoni offruta lit-turisti li kienu qegħdin iżuru lill-pajjiżna ma kinitx qiegħda tlaħħaq mad-domanda ta' turisti li bdew iżuru lill-pajjiżna f'ammonti li dejjem kienu qegħdin jikbru. Kien għal dan il-għan illi l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija ssieħbet fi proġetti konnessi direttament mal-indudstrija tat-turiżmu u b'hekk ġew imwaqqfa għadd ta' kumpaniji sussidjarji abbinati mal-qasam tal-akkomodazzjoni turistika. L-Air Malta kellha investimenti diretti f'dawn il-kumpaniji sussidjarji billi kellha ishma fl-istess kumpaniji. Dawn il-proġetti mhux biss għenu sabiex tiżdied il-provvista ta' sodod u b'hekk jintlaħqu d-domandi tas-settur turistiku, iżda għenu wkoll lill-Air Malta sabiex tagħmel aktar profitti. Dan kien meħtieġ sabiex il-qligħ tal-kumpanija ma jibqax jiddependi biss mis-servizzi bl-ajru u għaldaqstant il-kumpanija kellha mezzi oħra minn fejn setgħet tagħmel il-qligħ. Permezz ta' din l-istrateġija nistgħu ngħidu li l-Gvern Malti kien rnexxielu jolqot żewġ għasafar b'ġebla waħda. Il-kumpanija tal-ajru kellha wkoll għadd ta' investimenti f'kumpaniji sussidjarji oħrajn illi kien jinkludu lil Air Supplies and Catering Co. Ltd., BelleAir Holidays Ltd., Medallion Holidays Ltd., MedIsle Holidays Co., Chinese-Maltese Services Co. Ltd, Middle Sea Insurance Co. Ltd., Cottonera Properties Ltd., Sterling Air Services, Malta Air Charter Co. Ltd., Maltex Holdings Ltd., Mediterranean Aviation Co. Ltd. u Holiday Servies Co. Ltd., kumpaniji li mhux biss kienu joffru opportunitajiet ġodda ta' impjiegi u servizzi, iżda kienu wkoll joffru opportunita' lill-kumpanija Air Malta sabiex din setgħet tiddiversifika l-mezzi ta' profitt.


L-ishma li kellha l-kumpanija Air Malta p.l.c. f'uħud mill-kumpaniji sussidjarji tagħha.

Ħal Ferħ Holidays Co. Ltd.

34.14%

Selmun Palace Hotel Co. Ltd.

40.2%

Tigne' Development Co. Ltd.

45.35%

Air Supplies & Catering Co. Ltd.

20.0%

Airport Hotel Co. Ltd.

51.0%

Medallion Holidays Ltd.

55.0%

Maltex Ltd.

100.0%

Malta Air Charter Co. Ltd.

75.0%

Mediterranean Aviation Co. Ltd.

25.0%


'' Il-ħolqien tal-linja nazzjonali tal-ajru għen b'mod dirett fiż-żieda tal-provvista ta' akkomodazzjoni turistika f'pajjiżna, minħabba li l-Air Malta kellha sehem dirett fl-operat ta' kumpaniji sussidjarji li kienu joffru servizzi ta' akkomodazzjoni lit-turisti li jżuru lill-pajjiżna. ''

Bejn is-sena 2005 u s-sena 2020, il-kumpanija tal-ajru Air Malta kienet biegħet assi b'valur ta' totali ta' madwar 209,000,000 EUR. L-assi mibjugħa f'dan il-perjodu kienu jinkludu lill-ishma li kellha l-linja tal-ajru fil-kumpaniji sussidjarji tagħha, filwaqt illi kienu jinkludu wkoll lill-ammonti ta' proprjetajiet ta' akkomodazzjoni turistika li kellha fil-pussess tagħha l-kumpanija. Dawn il-proprjetajiet kienu lill-kumplessi turistiċi mxerrda mal-gżira li kienu taħt l-amministrazzjoni tal-kumpanija, bħalma kienu l-lukandi ta' Selmun Palace Hotel, Holiday Inn u Ħal Ferħ Holiday Complex. Waqt il-perjodu li fih kienu tħejjew il-pjanijiet ta' ristrutturar għall-kumpanija, fis-sena 2011, il-Kummissjoni Ewropea kienet imponiet għadd ta' restrizzjonijiet u regolamenti fuq il-kumpanija qabel ma din setgħet tgawdi minn sussidji mill-Istat, sabiex il-pjanijiet ta' ristrutturar setgħu jsiru skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-restrizzjonijiet u regolamenti kienu jimponu lill-Air Malta sabiex tbigħ porzjon sinifikanti tal-assi li kellha l-kumpanija, f'tentattiv sabiex il-linja tal-ajru setgħet ittaffi ftit mill-piż finanzjarju li kellha biex tiggwadanja dħul finanzjarju ġġenerat mill-bejgħ tal-ishma u proprjetajiet. Iktar tard f'dan l-artiklu ser inkunu qegħdin nagħtu ħarsa lejn il-konsegwenzi tal-bejgħ ta' dawn l-assi.


L-importanza ta' linja nazzjonali tal-ajru għall-pajjiżna u lil hinn.


Matul is-seklu għoxrin, għadd kbir ta' pajjiżi kienu bdew jiżviluppaw il-linja nazzjonali tal-ajru rispettiva tagħhom, kif jixraq lil kull pajjiż indipendenti. Madanakollu, hawn irridu nsemmu li linja nazzjonali tal-ajru mhijiex dejjem vijabbli b'mod finanzjarju, b'mod partikolari f'każ ta' pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw bħalma huma l-eks-kolonji fil-kontinenti tal-Afrika, fl-Asja u fl-Oċeanja. Bosta gvernijiet ikollhom jiddedikaw porzjon sproporzjonat tal-fondi pubbliċi sabiex ikunu jistgħu jissussidjaw lill-kumpaniji tal-ajru tagħhom li jkunu qegħdin jagħmlu t-telf, kumpaniji li ħafna mid-drabi qatt ma jkunu rreġistraw profitt. Fid-dawl ta' dan kollu, wieħed bir-raġun isaqsi: għalfejn gvernijiet huma tant lesti li jgħabbu lill-pajjiżi tagħhom b'piżijiet finanzjarji kbar sabiex jibqgħu joperaw il-linja nazzjonali tal-ajru tagħhom? Hemm għadd ta' raġunijiet għalfejn għadd ta' gvernijiet huma lesti li jidħlu għall-piż iebes sabiex imantnu u joperaw linja tal-ajru, b'mod partikolari minħabba l-vantaġġi soċjali u ekonomiċi li din tista' toffri lill-pajjiż. Qabel xejn, linja nazzjonali tal-ajru hija simbolu nazzjonali minnha nfisha, simbolu ta' sovranita' u tal-prosperita' industrijali u ekonomika tal-pajjiż. Meta l-qasam tal-avjazzjoni ta' pajjiżna kien għadu jiddependi għal kollox mill-kumpanija tal-ajru B.E.A., dan kien ta' żvantaġġ għall-konnettivita' bl-ajru bejn Malta u l-bqija tad-dinja, minħabba li s-settur tal-avjazzjoni kien totalment iddominat minn kumpanija tal-ajru barranija li kienet qiegħda topera kumpanija tal-ajru sussidjarja bbażata f'pajjiżna bl-isem ta' Malta Airlines, li kienet kumpanija tal-ajru għal kollox iddominata mill-B.E.A. u li kellha għadd ta' limitazzjonijiet li bdew joppressaw il-possibbilita' ta' tkabbir fi ħdan il-qasam tal-avjazzjoni lokali. Dan kien ifisser li Malta ma setgħetx tiżviluppa industrija tal-ajru prosperuża sabiex tiżviluppa strateġija f'dan il-qasam skont l-interess nazzjonali u sabiex jiġu maħluqa opportunitajiet ġodda għall-pajjiżna, fosthom żvilupp ekonomiku aktar b'saħħtu u mpjiegi ġodda għall-Maltin fil-qasam tal-avjazzjoni. Hawnhekk irridu nagħmlu wkoll d-differenza bejn kumpanija tal-ajru bbażata fuq mudell 'full-service' u kumpanija tal-ajru bbażata fuq mudell 'low-cost'. Filwaqt li kumpaniji tal-ajru li joperaw 'full-service' joffru għadd ta' servizzi varji sabiex joffru esperjenza pożittiva u ta' kwalita' lill-passiġġieri, kumpaniji tal-ajru li joperaw 'low-cost' joperaw bi strateġija li hija maħsuba sabiex l-ispejjeż jiġu ridotti drastikamenti u għalhekk dawn il-kumpaniji ma jiffokawx daqtsant fuq varjeta' ta' servizzi ta' kwalita', iżda jiffokaw fuq miżuri li jagħmluhom profittabbli. Minħabba li kumpaniji tal-ajru li joperaw 'low-cost' jevitaw li jagħmlu titjiriet lejn ajruporti internazzjonali maġġuri, din hija limitazzjoni kbira li taffettwa b'mod negattiv lill-prinċipju ta' konnettivita' komprensiva. Għaldaqstant huwa vitali li pajjiż jinvesti sabiex ikollu konnettivita' bl-ajru permezz ta' kumpanija tal-ajru 'full-service' sabiex dan jassigura konnettivita' bl-ajru li hija sostenibbli u komprensiva. Fid-dawl ta' dan kollu, irridu nżommu f'moħħna li mhuwiex minnu l-argument li pajjiżna jista' jiddependi fuq 'low-cost' airline sabiex ikollu konnettivita' bl-ajru, għaliex id-dipendenza ta' pajjiżna fuq kumpanija tal-ajru li topera b'dan mudell ta' negozju jkun ta' dettriment għat-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna minħabba li jkollna konnettivita' pjuttost limitata. Għalhekk, il-linji tal-ajru nazzjonali huma vitali għall-konnettivita' ta' pajjiż mal-bqija tad-dinja. Huma joperaw rotot lejn destinazzjonijiet internazzjonali ewlenin, u jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini sabiex jivvjaġġaw 'l barra mill-pajjiż għal-skopijiet ta' negozju, ta' edukazzjoni, ta' saħħa u ta' divertiment. Din il-konnettivita' tinkoraġġixxi wkoll l-investiment barrani u s-sħubijiet kummerċjali.


Għal bosta snin, il-'livery' tal-ajruplani tal-Air Malta kien jinkludi tliet ilwien; abjad, aħmar u blu. Filwaqt li l-ilwien abjad u aħmar kienu referenza għall-ilwien tal-bandiera Maltija, il-lewn blu kien referenza għall-ilwien kaħlani tal-Baħar Mediterran. Is-salib bi tmien ponot fuq id-denb tal-ajruplan ġie adottat minħabba li huwa meqjus bħala wieħed mis-simboli nazzjonali tan-nazzjon Malti.


Il-preżenza tal-linja nazzjonali tal-ajru fil-qasam tal-avjazzjoni lokali joffri għadd ta' vantaġġi li pajjiżna jibbenifika minnhom. Fost dawn il-vantaġġi nsibu ħolqien ta' impjiegi u opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema Maltin. Qabel il-ħolqien tal-kumpanija tal-ajru Air Malta fl-1973, il-ħaddiema Maltin ma kinux jingħataw l-opportunita' sabiex ikunu mħarrġa fil-qasam tal-avjazzjoni u jkollhom impjiegi f'karigi għoljin bħalma huma piloti u inġiniera. Wara li fl-1973 kienet ġiet imwaqqfa l-Air Malta, din il-kumpanija tal-ajru bdiet tirċievi għajnuna sostanzjali mill-kumpanija tal-ajru P.I.A., li kkooperat mal-Air Malta sabiex din setgħet ikollha Maltin impjegati fil-pożizzjonijiet ta' piloti u inġiniera. Dawn il-Maltin ngħataw taħriġ komprensiv fil-qasam tal-avjazzjoni minn taħt idejn il-P.I.A., illi offriet illi tagħti sessjonijiet sofistikati ta' taħriġ bi ħlas ridott wara din kienet daħlet fi ftehim mal-Gvern Malti. Minħabba li ma kienx għad hawn Maltin illi kienu mħarrġa fil-qasam tal-avjazzjoni, il-kooperazzjoni u l-gwida li kienet offriet il-P.I.A lill-Air Malta fil-bidu tal-operat tagħha kienu vitali sabiex l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija setgħet tikseb is-suċċessi li għamlet fis-snin sebgħin. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja li fiha stajna naraw bosta ħaddiema Maltin illi bdew jiżviluppaw karrieri fil-qasam tal-avjazzjoni, kisba sinfikanti għall-ħaddiem Malti li qatt ma setgħet tkun realta' mingħajr it-twaqqif tal-kumpanija tal-ajru Maltija. Għall-perjodu ta' ħames diċenji sħaħ, il-kumpanija tal-ajru Air Malta pprovdiet opportunitajiet ta' impjiegi għal eluf ta' ħaddiema Maltin, impjiegi li għenu lil dawn il-ħaddiema sabiex dawn setgħu jkollhom mezz ta' għijxien għalihom u għal familji tagħhom. Għalhekk, l-Air Malta kellha sehem dirett fil-ħajja ta' dawn il-ħaddiema, illi ngħataw l-opportunita' sabiex setgħu jiksbu karriera fil-qasam tal-avjazzjoni li permezz tagħha setgħu jibqgħu javvanzaw fl-istess qasam. Nistgħu ngħidu li l-emanċipazzjoni tal-ħaddiem Malti fil-qasam tal-avjazzjoni saret realta' permezz tal-ħolqien tal-linja nazzjonali tal-ajru. Bħala poplu Malti għandna nkunu tassew grati lejn l-Air Malta, illi laqgħet fi ħdanha tant ħaddiema sabiex ikollhom opportunitajiet ta' impjieg u li permezz tagħha pajjiżna seta' jrawwem ġenerazzjonijiet ta' ħaddiema esperjenzati fil-qasam tal-avjazzjoni. Diġa' spjegajna l-irwol sinifkanti li kellha l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija fit-tisħiħ tal-konnettivita' bl-ajru bejn Malta u l-kumplament tad-dinja, għaldaqstant nistgħu ngħaqdu dan mal-irwol sinifikanti li kellha l-Air Malta fit-tisħiħ tat-turiżmu lokali. Apparti li għenet fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda, l-Air Malta għenet ukoll fil-ħolqien ta' strateġija ġdida sabiex l-industrija tat-turiżmu setgħet tiġi żviluppata b'mod aktar sostenibbli. It-tkabbir fl-industrija tat-turiżmu huwa fattur ewlieni li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna, tant li f'Jannar 2022, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti kienet stqarret hekk rigward il-kontribut ekonomiku sinifikanti li tikkontribwixxi għalih l-Air Malta:


" L-Air Malta ilha tassumi l-irwol bħala l-ambaxxatriċi nazzjonali tal-bandiera tar-Repubblika ta' Malta mill-1974, u kellha rwol vitali fl-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali nazzjonali billi tiżgura konnettivita' stabbli u regolari fl-Ewropa u lil hinn minnha. L-Air Malta tikkontribwixxi għal 30% tat-traffiku u tiżgura operazzjonijiet matul is-sena kollha. L-Air Malta żżomm aktar minn 50% tal-kapaċita' tas-siġġijiet fix-xhur tax-xitwa filwaqt li kumpaniji tal-ajru oħra tipikament inaqqsu l-kapaċita' tas-siġġijiet fl-istess xhur b'madwar 70%. L-Air Malta kienet kruċjali matul il-pandemija u żammet il-gżira konnessa. Filfatt, il-konnettività bl-ajru hija kruċjali għat-turiżmu ta' Malta, hekk kif 98% tat-turisti jaslu fil-pajjiż bl-ajru. Madwar 50% tal-PDG ta' Malta jikkonsisti f'setturi li jiddependu ħafna fuq il-konnettivita' bl-ajru. "

Il-kumpanija Air Malta kellha sehem importanti sabiex fi ħdan l-industrija tat-turiżmu ta' pajjiżna setgħtu ġew imsaħħa bosta aspetti differenti fi ħdan l-istess industrija. Il-ħolqien tal-linja nazzjonali tal-ajru għen b'mod dirett fiż-żieda tal-provvista ta' akkomodazzjoni turistika f'pajjiżna, minħabba li l-Air Malta kellha sehem dirett fl-operat ta' għadd sostanzjali ta' kumpaniji sussidjarji li kienu joffru servizzi ta' ospitalita' u ta' akkomodazzjoni lit-turisti li jżuru lill-pajjiżna, filwaqt li kellha investiment dirett fihom permezz ta' ishma li kellha l-istess linja nazzjonali tal-ajru f'dawn il-kumpaniji sussidjarji. Dawn il-kumpaniji sussidjarji kienu joffru għadd ta' servizzi ta' akkomodazzjoni f'diversi kumplessi ta' akkomodazzjoni u lukandi mxerrda mal-gżejjer tagħna, fosthom f'Tas-Sliema, fis-Selmun, f'Ħal Luqa, f'Pembroke u fil-Mellieħa. Dawn il-kumpaniji sussidjarji kienu ġew imwaqqfa matul is-snin sebgħin u tmenin u assiguraw illi l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna setgħet ikollha mezzi diversifikati minn fejn setgħet tagħmel il-qligħ u għaldaqstant il-kumpanija tal-ajru kienet aktar profittabbli u sostenibbli. Is-sehem tal-linja nazzjonali tal-ajru kien imperattiv sabiex l-ammont ta' viżitaturi li jżuru lill-pajjiżna seta' baqa' jiżdied matul dawn l-aħħar ħamsin sena. Evidenza ta' dan huma l-figuri tal-ammont annwali ta' passiġġieri li kienet tgħabbi l-Air Malta, figuri li baqgħu jiżdiedu sena wara sena matul il-perjodu li kienet topera fih il-kumpanija. Fl-ewwel sena tal-operat tal-kumpanija, l-ammont ta' passiġġieri li kien għamlu użu mis-servizzzi bl-ajru tal-Air Malta kien ta' madwar 52,000 passiġġier, iżda fl-aħħar snin tal-operat tagħha, il-kumpanija Air Malta kienet qiegħda tgħabbi madwar 2,000,000 passiġġiera kull sena. Matul is-snin, l-kumpanija nazzjonali tal-ajru assigurat ukoll illi pajjiżna seta' jibqa' jospita u jilqa' ammont konsiderevoli ta' turisti fix-xhur kollha tas-sena, b'mod partikolari waqt l-istaġuni baxxi. Matul ix-xhur tax-xitwa, il-maġġoranza tal-kumpaniji tal-ajru barranin li jtiru lejn pajjiżna jnaqqsu b'mod drastiku l-kapaċita' tas-siġġijiet u għaldaqstant inaqqsu l-kapaċita' tal-operat tagħhom. B'hekk, il-linja nazzjonali tal-ajru kellha sehem importanti sabiex l-attivita' turistika ma tkunx dipendenti fuq staġuni partikolari biss, u għaldaqstant l-attivita' turistika f'pajjiżna setgħet tibqa' vibranti matul is-sena kollha. Il-maġġoranza assoluta tat-turisti li jiġu f'pajjiżna jiġu permezz tal-linji tal-ajru filwaqt illi 'l fuq minn 40% tat-turisti li jiġu permezz tal-linji tal-ajru kienu jagħmlu użu mis-servizzi bl-ajru tal-kumpanija Air Malta. Għalhekk, l-assenza tal-linja nazzjonali tal-ajru fil-qasam tat-turiżmu ta' pajjiżna jkun xenarju katastrofiku għall-istess qasam, minħabba li linja nazzjonali tal-ajru tagħti kontribut sinifikanti sabiex ikun jista' jimraħ it-turiżmu, illi hija industrija li hija parti integrali mill-ekonomija ta' kull pajjiż, b'mod partikolari għal pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw jew bħalma huwa fil-każ ta' pajjiżna, għandhom limitazzjonijiet ġeografiċi u art li hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' riżorsi naturali. Għaldaqstant, dawn il-pajjiżi ikollhom jiddependu fuq is-settur tas-servizzi, illi ħafna mill-impjegati ta' dan is-settur huma direttament jew indirettament dipendenti fuq il-qasam tat-turiżmu. Huwa importanti li wieħed ikun kapaċi jagħraf l-importanza sinifkanti li t-turiżmu għandu għall-pajjiżna għaliex b'hekk wieħed ikun jista' japprezza aktar b'mod xieraq lill-irwol li għandha linja nazzjonali tal-ajru. Matul l-operat tagħha, l-Air Malta baqgħet tgħaqqad lill-pajjiżna mal-ajruporti maġġuri fiċ-ċentri ewlenin tal-Ewropa. Fl-aħħar snin tal-operat tagħha, il-linja nazzjonali tal-ajru ma kinitx qiegħda tibbaża fuq l-operat tar-rettikolat tagħha biss, iżda baqgħet toffri servizzi lejn 150 destinazzjoni addizzjonali permezz ta' sensiela ta' ftehimiet ta' kondiviżjoni tal-kodiċi ma' diversi kumpaniji tal-ajru oħrajn ta' kwalità. Dawn il-ftehimiet ta' kondiviżjoni tal-kodiċi kienu ntlaħqu ma' AirBaltic, Air France, ITA Airways, Qatar Airways, Austrian Airlines, Emirates, K.L.M., Lufthansa, Brussels Airlines, Czech Airlines, Swiss Airlines, u Turkish Airlines. Dawn il-ftehimiet assiguraw illi l-operat tar-rettikolat tal-Air Malta seta' jespandi u jkollu aktar influwenza fis-swieq internazzjonali fuq livell globali. Fid-dawl ta' dan kollu, għandna nirrikonoxxu li s-sehem li kellha l-Air Malta fil-qasam tat-turiżmu kien tassew sinifikanti u għaldaqstant huwa fl-interess tagħna li nassiguraw illi l-gżejjer Maltin jibqgħu jkunu konnessi bl-ajru ma' pajjiżi oħrajn permezz ta' linja nazzjonali tal-ajru.


'' Bħala kumpanija sussidjarja tal-linja nazzjonali tal-ajru, il-kumpanija Malta Air Charter Co. Ltd. kellha l-għan li ttejjeb il-konnettivita' bejn Malta u Għawdex permezz tal-introduzzjoni ta' servizzi ta' trasport bl-użu ta' ħelikopters.''

Il-linja nazzjonali tal-ajru ma kinitx biss tikkontribwixxi lill-ekonomija lokali permezz tas-sehem tagħha fit-turiżmu, iżda kienet tikkontribwixxi lill-ekonomija lokali permezz tas-sehem tagħha fit-tgħabbija tal-merkanzija, minħabba li l-kumpanija kienet tagħti l-għajnuna tagħha lin-negozji lokali sabiex dawn setgħu jingħataw opportunitajiet ġodda sabiex jimpurtaw il-prodotti tagħhom għal Malta jew jesportaw il-prodotti tagħhom għal barra minn xtutna. Matul is-snin tal-operat tagħha, l-Air Malta kienet toffri servizzi regolari ta' tgħabbija tal-merkanzija minn Malta għar-Renju Unit, għall-Afrika ta' Fuq, għall-Golf Persjan u għall-Ewropa kontinentali u viċiversa. L-Air Malta kienet ġġorr ammont konsiderevoli ta' merkanzija kull sena li jvarja minn oġġetti ta' valur, kunsenji ta' prodotti ta' ikel frisk, annimali ħajjin, prodotti farmaċewtiċi u prodotti tal-mikroelettronika, fost ġarr ta' kunsenji oħra tal-merkanzija. Il-linja tal-ajru kienet responsabbli wkoll għall-ġarr tal-posta minn u lejn Malta, filwaqt illi kienet toffri servizzi ta' kurrier u ta' ħażna tal-merkanzija fil-faċilitajiet tagħha. Meta l-Air Malta kienet bdiet toffri l-opportunita' ta' servizzi bl-ajru ta' tgħabbija tal-merkanzija, din kienet l-ewwel darba li esportaturi u negozjanti Maltin setgħu jagħmlu użu minn servizzi ta' din ix-xorta. Fl-1985, il-kumpanija kienet bdiet toffri titjira fil-ġimgħa bejn Malta u Londra u lura, titjira regolari li kienet iddedikata għat-tgħabbija tal-merkanzija biss. Dan is-servizz beda jitħaddem permezz ta' ajruplan tat-tip Boeing 707-320C li kien qiegħed jinkera mill-kumpanija Tradewinds Airways, kumpanija tal-ajru Brittanika li kienet tagħmel operat speċjalizzat fil-ġarr tal-merkanzija bl-ajru. Permezz ta' dawn is-servizzi li bdiet toffri l-Air Malta, l-esportaturi u n-negozjanti Maltin bdew jingħataw l-opportunita' sabiex jittrasportaw il-prodotti tagħhom permezz ta' servizzi bl-ajru ta' tgħabbija tal-merkanzija li kienu effiċjenti, siguri u frewkenti. Għalhekk, il-merkanzija minn Malta setgħet titwassal faċilment fis-suq Ingliż bi prezz kompetittiv u mingħajr dewmien. Dan kien jgħodd kemm għal min kellu konsenji żgħar u kemm għal dawk illi kienu jesportaw bil-kwantita', b'mod partikolari għal dawk illi kienu jesportaw prodotti friski bħall-ikel. L-opportunitajiet ġodda li kienet bdiet toffri il-kumpanija kien ifisser ukoll titjib fis-servizzi lill-importaturi u l-industrijalisti li kienu jimportaw materja prima. L-ajruplan tat-tip Boeing 707-320C kellu l-kapaċita' li jaħżen fuqu tgħabbija ta' 40 tunnellata fil-kabina ewlenija u ta' taħtha, filwaqt illi setgħu jiġu maħżuna fuqu konsenji ta' makkinarju kbir, kimiċi u saħansitra annimali. Opportunita' ġdida oħra li kienet bdiet toffri l-kumpanija huwa li l-merkanzija setgħet tiġi ttrasportata lil hinn minn Londra, lejn ngħidu aħna New York fl-Istati Uniti, mingħajr il-bżonn li l-merkanzija tinħatt f'Londra. L-istess kien jgħodd lejn Malta. Għalkemm l-Air Malta kienet qiegħda topera dan is-servizz lejn l-ajruport ta' Gatwick, il-kumpanija kienet għamlet arranġamenti speċjali sabiex il-merkanzija setgħet titwassal direttament sal-ajruport ta' Heathrow. Għalhekk, l-Air Malta kellha rwol importanti fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' kummerċ bejn Malta u l-kumplament tad-dinja u għaldaqstant għenet fit-tisħiħ tal-ekonomija lokali permezz tal-opportunitajiet ġodda li ngħataw lin-negozjanti Maltin sabiex jespandu l-operat tagħhom billi jwasslu l-prodotti u l-konsenji tagħhom b'servizzi bl-ajru. Għaldaqstant, għandna nirrikonoxxu li l-kumpanija kienet pijuniera fit-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna permezz tal-irwol li kellha fl-iżvilupp tal-kummerċ pajjiżna. Il-linji nazzjonali tal-ajru għandhom irwol kruċjali fl-iffaċilitar tal-kummerċ internazzjonali billi jittrasportaw il-merkanzija u jassiguraw iż-żamma ta' rettikolati importanti tat-tgħabbija tal-merkanzija bl-ajru. Il-preżenza ta' linja nazzjonali tal-ajru tista' tagħti vantaġġ kompetittiv lil pajjiż fis-suq globali billi toffri termini favorevoli għat-trasport internazzjonali tal-ivvjaġġar u l-merkanzija, li jistgħu jattiraw negozji u investituri barranin, u għaldaqstant il-pajjiż ikollu opportunitajiet ġodda ta' kummerċ u skambju.


Il-preżenza ta' linja nazzjonali tal-ajru spiss teħtieġ l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' ajruporti u ta' infrastruttura relatata mal-qasam tal-avjazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat it-traffiku bl-arja. Dawn l-investimenti infrastrutturali jitfgħu effetti pożittivi mhux biss fuq ir-rettikolati ġenerali tat-trasport, iżda anke fuq l-iżvilupp tal-pajjiż, permezz ta' konnettivita' bl-ajru aktar effiċjenti u b'saħħitha. Dawn l-effetti pożittivi nistgħu narawhom anke fil-każ ta' Malta, fejn fis-snin li segwew it-twaqqif tal-Air Malta bdejna naraw titjib konsiderevoli fl-infrastruttura relata mal-avjazzjoni. Fost l-investimenti kbar illi kienu saru f'dan il-qasam nistgħu nsemmu l-estenzjoni tal-pista tal-ajruport f'Ħal Luqa, investiment li kienet tfisser illi l-ajruport ta' pajjiżna issa kellu l-infrastruttura adattata sabiex jilqa' kwalunkwe tip ta' ajruplan. Qabel dan l-investiment, il-pisti tal-ajruport kienu qosra wisq sabiex setgħu jagħmlu użu minnhom ajruplani ta' ċertu kobor u għaldaqstant din kienet limitazzjoni kbira li kienet qiegħda tfixkel il-possibbilita' ta' tkabbir fil-qasam tal-avjazzjoni. Investiment ieħor li kien twettaq kien l-iżvilupp ta' mħażen akbar għall-ġarr tal-merkanzija sabiex b'hekk setgħu jiġu ffaċilitati s-servizzi ta' tgħabbija bl-ajru tal-merkanzija li kienet bdiet toffri l-Air Malta, speċjalment wara l-introduzzjoni tal-ajruplan Boeing 707-320C li beda jopera titjiriet speċjalizzati fil-ġarr tal-merkanzija b'mod regolari lejn ir-Renju Unit. Lejn nofs is-snin tmenin beda jinbet il-ħsieb illi tinbena binja ġdida għat-'terminal' tal-ajruport, sabiex pajjiżna seta' jkollu ajruport b''terminal' aktar modern, filwaqt illi l-introduzzjoni ta' CargoSystems u l-ftuħ ta' 'terminal' ġdid iddedikat għall-ġarr tal-merkanzija assiguraw illi l-kumpanija Air Malta setgħet issaħħaħ is-servizzi tagħha ta' trasportazzjoni ta' merkanzija 'l barra minn xtutna. Il-linji tal-ajru nazzjonali jinvestu regolarment fir-riċerka u fl-iżvilupp sabiex itejbu t-teknoloġija, is-sigurta' u l-effiċjenza tal-avjazzjoni. Dan jista' jwassal għal avvanzi li jkunu ta' benefiċċju għall-industrija tal-avjazzjoni. L-Air Malta ma baqgħetx lura milli tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp, tant illi nafu li l-kumpanija diġa' kienet tinvesti f'ajruplani li kienu sostenibbli b'mod ambjentali u vijabbli b'mod ekonomiku. Dawn l-investimenti pożittivi kienu xprunati b'mod dirett jew indirett mill-preżenza tal-linja nazzjonali tal-ajru u għaldaqstant nistgħu ngħidu li l-kumpanija Air Malta kellha sehem vitali fl-iżvilupp u fit-tisħiħ komprensiv tal-qasam tal-avjazzjoni f'pajjiżna. L-investiment kontinwu fil-qasam tal-avjazzjoni għandu irwol sinifkanti għall-iżvilupp ta' pajjiż minħabba li dan il-qasam jikkontribwixxi għall-ekonomija ta' pajjiż billi jiġġenera dħul permezz tal-bejgħ tal-biljetti, it-trasport tal-merkanzija, u t-turiżmu. Il-qasam tal-avjazzjoni jipprovdi wkoll impjieg dirett lil numru kbir ta' nies, inklużi piloti, ekwipaġġ tal-kabina, persunal fuq l-art u persunal tal-manutenzjoni. Il-qasam tal-avjazzjoni joħloq bosta opportunitajiet ta' xogħol mhux biss fil-qasam innifsu iżda wkoll f'industriji relatati miegħu bħalma huma l-ospitalità, it-turiżmu, u s-servizzi tal-avjazzjoni. Dawn l-opportunitajiet ġodda ta' impjiegi jgħinu biex jitnaqqas il-qgħad u jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku.


Sitt xhur wara x-xiri tal-ajruplani tat-tip Boeing 737-200 Advanced, l-kumpanija Air Malta rnexxielha tistabbilixxi rekord dinji bl-ogħla użu għall-operaturi kollha ta' dan it-tip ta' inġenju tal-ajru: 14.9 sigħat għal kull ajruplan kuljum f'Settembru 1983, xhieda tal-bżulija u l-vibranza tal-kumpanija.


Il-konnettivita' bl-ajru permezz tal-linja nazzjonali tal-ajru m'għenitx biss sabiex jiżdied l-ammont ta' turisti li jżuru lill-pajjiżna, iżda għenet ukoll b'mod ġenerali lill-poplu Malti. Diġa' semmejna kif linja nazzjonali tal-ajru hija vitali sabiex pajjiżna jista' jkollu konnettivita' sħiħa mal-kumplament tad-dinja. Din il-konnettivita' mhux biss tagħti aktar opportunitajiet ta' vjaġġar għad-divertiment, iżda tagħti wkoll opportunitajiet ġodda sabiex pazjenti jkunu jistgħu jiġu msiefra 'l barra mill-pajjiż għall-kura. Matul dawn l-aħħar diċenji, il-kumpanija Air Malta kienet afdata bil-missjoni nobbli li tittrasporta pazjenti Maltin bil-marda tal-kanċer lejn Londra sabiex dawn setgħu jingħataw il-kura speċjalizzata li mhijiex offruta f'pajjiżna. L-Air Malta kienet l-unika linja tal-ajru li topera minn Malta li kienet toffri l-użu stretcher għal pazjenti li jeħtieġu trattament mediku urġenti barra mill-pajjiż kif ukoll inkubaturi għat-trabi tat-twelid. Il-linja nazzjonali tal-ajru kienet ukoll regolarment f'kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex iġorr mediċini u materjal mediku urġenti ieħor minn u lejn Malta, xi drabi anke tibdel l-operazzjonijiet tat-titjiriet biex takkomoda dan. Uħud minn dan il-materjal jinkludi sustanzi radjoattivi li huma meħtieġa għal madwar 40 pazjent bil- kanċer kull ġimgħa. Il-materjal kien jinġarr tliet darbiet fil-ġimgħa fuq it-titjira tal-Air Malta f'Ruma u saru arranġamenti sabiex jiġi ttrasportat malajr lejn l-isptar ġenerali Mater Dei fejn jingħata dan it-trattament. Għaldaqstant, il-kumpanija Air Malta kellha rwol kruċjali fil-qasam tas-saħħa f'pajjiżna, permezz tal-operazzjonijiet speċjalizzati tagħha sabiex taqdi lill-pazjenti Maltin li ma kienu jsiru minn ħadd aktar ħliefha. Bħala l-linja nazzjonali ta' pajjiżna, l-Air Malta kellha r-responsabbilta' nazzjonali li tibqa' tkun ta' servizz u ta' appoġġ għall-komunita' lokali. Minbarra li kienet attiva fil-oqsma ewlenija tat-turiżmu u tal-kummerċ, l-Air Malta kienet attiva ħafna fil-qasam importanti tas-saħħa, fejn apparti li kienet toffri servizzi ta' trasport lil eluf ta' Maltin u Għawdxin sabiex jivvjaġġaw għal trattamenti ta' saħħa, il-kumpanija kellha l-irwol illi tittrasporta bosta prodotti mediċinali minn u lejn pajjiżna. Fiż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19, fejn il-bqija tal-kumpaniji tal-ajru waqqfu għall-kollox l-operazzjonijiet tagħhom, l-Air Malta kienet l-unika kumpanija li assigurat illi pajjiżna seta' jibqa' konness mal-bqija tad-dinja sabiex setgħu jinġiebu lejn pajjiżna prodotti sanitarji u farmaċewtiċi fuq bażi regolari, minkejja li dan kien ifisser illi l-kumpanija kienet qiegħda tagħmel telf kbir f'dak il-perjodu. Iżda għall-kuntrarju ta' kumpaniji tal-ajru oħra, l-Air Malta kienet l-unika kumpanija li assistiet lill-pajjiżna f'perjodu ta' inċertezza mondjali kbira, u tefgħet l-interessi tal-poplu Malti quddiem il-profitti. L-ebda kumpanija tal-ajru oħra mhi se toħroġ fin-nofs għal Malta u niesha bħalma għamlet l-Air Malta waqt iż-żmien tal-pandemija, għaliex il-prijorita' ta' linja nazzjonali tal-ajru mhijiex biss il-profitti, iżda hija wkoll is-servizz lejn in-nazzjon. Fi żminijiet ta' emerġenzi jew kriżijiet fuq livell nazzjonali, linja tal-ajru nazzjonali tista' tintuża għall-evakwazzjoni, l-għajnuna f'każ ta' diżastri, u missjonijiet umanitarji. Linja nazzjonali tal-ajru tista' sservi wkoll bħala vantaġġ strateġiku għall-ħtiġijiet ta' difiża u sigurtà ta' pajjiż. Għal xi żmien, il-kumpanija nazzjonali tal-ajru kellha wkoll irwol fit-titjib fil-konnettivita' fuq bażi reġjonali f'pajjiżna, billi kellha sehem dirett f'operazzjonijiet li kellhom l-għan li jiddiversifikaw l-opportunitajiet ta' trasport bejn il-gżejjer tal-arċipelagu Malti. Bħala kumpanija sussidjarja tal-linja nazzjonali tal-ajru, il-kumpanija Malta Air Charter Co. Ltd. kellha l-għan li ttejjeb il-konnettivita' bejn Malta u Għawdex permezz tal-introduzzjoni ta' servizzi ta' trasport bl-użu ta' ħelikopters, illi kienu bdew joperaw bejn l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta f'Ħal Luqa u l-Gozo Heliport fix-Xewkija. Huwa stmat illi madwar 40,000 passiġġier kienu jagħmlu użu minnu kull sena, filwaqt illi i-servizz laħaq il-quċċata tiegħu billi fl-1994, fejn huwa stmat li 64,000 passiġġier kienu għamlu użu minnu f'dik is-sena. Madankollu, id-domanda eventwalment naqset u għaldaqstant l-operazzjonijiet ma baqgħux vijabbli. Dan kien wassal għall-għeluq ta' dan is-servizz fl-2004. Matul l-operat relattivament qasir tagħha, il-kumpanija operat żewġ ħelikopters illi kellhom il-kapaċita' li jilqgħu fihom 26 passiġġiera kull wieħed waqt it-tijiriet.


Minbarra li l-Air Malta kellha sehem importanti fl-iżvilupp tat-turiżmu, fl-espansjoni tal-kummerċ, fi żminijiet ta' kriżi u fit-titjib fil-konnettivita', aspett ieħor li kien jiddistingwi lil-linja nazzjonali tal-ajru minn kumpaniji tal-ajru oħrajn kien l-irwol kulturali. Il-linji tal-ajru nazzjonali spiss iservu bħala ambaxxaturi kulturali għall-pajjiżi tagħhom. Dawn jippromwovu l-kultura, il-lingwa u l-ospitalità tan-nazzjon lil vjaġġaturi barranin, u għaldaqstant jippromwovu l-iskambju kulturali u d-diplomazija. Linja nazzjonali tal-ajru tissimbolizza s-sovranità u l-identità nazzjonali ta' pajjiż. Ħafna drabi titqies bħala mezz ta' kburija għaċ-ċittadini u bħala rappreżentanza ta' pajjiżhom fix-xena globali. Sabiex nikkonkludi din it-taqsima, il-preżenza ta' linja nazzjonali tal-ajru sservi bħala vantaġġ għal pajjiż u għal niesu, minħabba l-kontribut li din tagħti għall-ekonomija u għall-konnettività, minbarra li tagħti kontribut sabiex tissaħħaħ l-identità nazzjonali u s-sovranita' ta' pajjiż, minħabba l-influwenza globali tagħha. Filwaqt li l-importanza speċifika tista' tvarja minn pajjiż għall-ieħor, linja nazzjonali tal-ajru operata b'mod għaqli jista' jkollha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp u l-prosperità ġenerali ta' nazzjon. Għaldaqstant, mhuwiex ta' b'xejn illi s-sehem li l-Air Malta kienet tagħti għall-iżvilupp u għall-ekonomija ta' pajjiżna kien meqjus bħala wieħed mis-sisien tal-bini ta' Malta ġdida li trid tibbaża l-għijxien tagħha fuq il-ħila tal-ħaddiem Malti fi spirtu ta' ħbiberija u kooperazzjoni fost il-ġnus.


Deċiżjonijiet żbaljati fit-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru.


'' Nistgħu ngħidu li intrapriża li kienet simbolu nazzjonali ta' pajjiżna, u li kienet qiegħda tagħti tant kontribut għall-iżvilupp ta' ġensna, spiċċat aktar tixbah lil xi dipartiment tal-gvern mifnija b'indħil min-nies inkompetenti. ''

Il-preżenza ta' linja nazzjonali tal-ajru toffri għadd ta' vantaġġi u opportunitajiet ġodda għall-pajjiż u għal ġensu, vantaġġi u opportunitajiet illi ma jistgħux ikunu possibbli mingħajr l-indħil tal-Istat fi tmexxija ta' kumpanija tal-ajru, għaliex filwaqt illi l-kumpaniji tal-ajru privati joperaw primarjament sabiex jakkwistaw qligħ finanzjarju u jkunu profittabbli, il-kumpaniji tal-ajru li huma proprjeta' tal-istat joperaw primarjament sabiex jagħtu servizzi tal-ajru lin-nazzjon li jassiguraw l-interessi tal-pajjiż permezz ta' konnettivita' komprensiva mal-kumplament tad-dinja. Iżda meta linja nazzjonali tal-ajru ma tkunx qiegħda titmexxa b'għaqal u b'viżjoni, din toffri wkoll għadd ta' żvantaġġi għall-pajjiż. Filwaqt illi linja nazzjonali tal-ajru li topera b'mudell ta' negozju li huwa sostenibbli u vijabbli tista' tkun proftabbli u suċċess, dawk il-linji nazzjonali tal-ajru li jesperjenzaw indħil politiku eċċessiv huma ddestinati li jispiċċaw f'xifer il-falliment, u dan jgħodd għal kwalunkwe intrapriża tal-istat. Kumpaniji tal-ajru li jesperjenzaw indħil politiku b'mod kontinwu u b'mod eċċessiv jispiċċaw jagħmlu telf finanzjarju eżorbitanti, minħabba li dawn il-kumpaniji jispiċċaw joperaw b'mudell ta' negozju żbaljat, u għalhekk jibqgħu lura milli jiġġeddu u jilħqu għat-tibdiliet fis-swieq internazzjonali. Dan ma jgħoddx biss għal-linji nazzjonali tal-ajru, iżda jgħodd għal kwalunkwe intrapriża li hija proprjeta' tal-istat. Minkejja li l-indħil tal-Istat fil-qasam tal-avjazzjoni huwa meħtieġ, meta dan isir l-indħil isir b'ambizzjonijiet li m'għandhomx x'jaqsmu mal-iżvilupp tal-kumpanija tal-ajru, il-kumpanija ma tibqax sostenibbli sabiex tibqa' twettaq l-operazzjonijiet tagħha u għaldaqstant il-falliment huwa inevitabbli. Meta l-linji tal-ajru jonqsu milli jirreġistraw qligħ taħt it-tmexxija tal-istat, ħafna drabi l-ewwel reazzjoni ta' ħafna tkun illi jipprovaw jipprivatizzaw l-entità. Madankollu, il-pubblikazzjoni diġitali PPP Knowledge Lab, iddikjarat hekk dwar kumpaniji tal-ajru li jonqsu milli jkunu profittabbli:


" Il-maġġoranza tal-kumpaniji nazzjonali tal-ajru li jiffaċċjaw problemi finanzjarji m'għandhomx jiġu kkunsidrati għar-ristrutturar u/jew għall-privatizzazzjoni. Ħafna drabi dawn ikollhom storja kumplessa b'ħafna obbligi legali u morali lejn il-persunal, il-klijenti, il-pajjiż ospitanti, jew il-passiġġieri. Il-likwidazzjoni tal-assi normalment hija soluzzjoni aħjar. "

Is-sostenituri tas-suq ħieles qatt ma jistgħu jaqblu li l-gvernijiet għandhom ikunu involuti fil-linji tal-ajru. Madanakollu, dawk illi huma Soċjalisti bħali ma jiġġudikawx il-vijabbilita' ta' intrapriża abbażi tal-qligħ biss, iżda jemmnu illi sabiex intrapriża tkun vijabbli, din għandha tfittex illi tilħaq bilanċ bejn l-interess illi tagħmel il-qligħ u bejn l-interess tan-nazzjon illi jeħtieġ lill-intrapriża sabiex jiżviluppa infrastruttura li tilħaq il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi illi permezz tagħha jsaħħaħ il-kummerċ u n-negozju filwaqt illi jingħataw opportunitajiet ġodda ta' konnettivita' u ta' impjiegi għaċ-ċittadini tiegħu. Din mhuwiex ħsieb fieragħ, iżda huwa ħsieb illi jista' jiġi attwat, tant ili diversi pajjiżi wrew illi kumpanija tal-ajru li hija proprjeta' tal-Istat xorta waħda tista' topera mudell ta' negozju li jagħmel il-qligħ filwaqt illi jaqdi l-interessi tal-pajjiż, u għaldaqstant il-mudell Soċjalista huwa wieħed illi jaħdem, diment illi l-mudell jitħalla jopera b'għaqal u b'viżjoni. Is-sehem li jista' jkollu l-Istat fl-intrapriża jvarja ħafna u jiddependi mis-saħħa finanzjarja tal-intrapriża u mill-ħtiġijiet nazzjonali. Filwaqt illi gvern jista' jkollu jew ma jkollux ishma, il-gvern xorta waħda jkun jista' jaġixxi fl-isfond sabiex imexxi l-linja tal-ajru, iżda ma jindaħalx ħafna f'operazzjonijiet ta' kuljum. Is-sehem dirett jew indirett tal-gvern huwa imperattiv u jista' jkun ta' vantaġġ sinifikanti għall-operat ta' linja tal-ajru, diment illi din il-linja tal-ajru tkun qiegħda twettaq l-operazzjonijiet u s-servizzi tagħha minn u lejn destsinazzjonijiet illi huma vijabbli b'mod finanzjarju. Il-vijabbilita' finanzjarja ta' linji nazzjonali tal-ajru tista' tiġi sfidata permezz ta' numru ta' ċirkostanzi li jispiċċaw ikunu ta' diffikulta' għall-operat tal-kumpanija, ċirkostanzi li jispiċċaw jheddu lill-eżistenza tal-intrapriża. Ċirkostanza komuni li hija ta' xkiel għall-eżistenza tal-intrapriżi governattivi hija l-preżenza ta' ammont eżorbitanti u sproporzjonat ta' ħaddiema li huma mpjegati f'dawn il-kumpaniji. It-tendenza hija li minkejja li l-kumpanija jkollha ammont sostenibbli ta' ħaddiema mpjegati magħha, l-indħil politiku fil-kumpanija jwassal sabiex il-kumpanija timpjega magħha aktar ħaddiema milli jkun hemm bżonn. Minkejja li tinstema bħala xi ħaġa pożittiva li jinħolqu aktar impjiegi, din iċ-ċirkostanza titfa' piż finanzjarju sinifikanti fuq il-kumpanija meta dawn ma jkunux impjiegi bżonnjużi għall-operat tagħha. Minħabba li l-kumpaniji nazzjonali tal-ajru huma proprjeta' tal-Istat, il-piż finanzjarju jkollu jitgħabba fuq il-kumplament tal-poplu minħabba li l-gvern jkollu juża fondi pubbliċi sabiex jikkumpensa għat-telf tal-kumpanija. Meta jkun hemm influwenzi politiċi qawwija f'intrapriża pubblika, it-tmexxija tal-intrapriża, l-Istat, jista' jkollu motivazzjonijiet politiċi rigward min jintagħżel sabiex jokkupa pożizzjonijiet ta' poter. Dan iwassal sabiex l-intrapriża tkun nieqsa minn mudell ta' negozju li huwa maħsub sabiex jilqa' għar-realtajiet fil-qasam partikolari, minħabba li l-kumpanija tkun qiegħda tiġi operata minn persuni li mhumiex esperjenzati fil-qasam u li xi kultant lanqas ikollhom it-tagħrif bażiku u l-kapaċita' sabiex titmexxa l-intrapriża. Dan jista' joffri biss instabbilita' u inċertezza għall-kumpanija u għall-pajjiż innifsu, b'mod partikolari jekk l-intrapriża għandha rwol sinifikanti bħalma ngħidu aħna ta' linja nazzjonali tal-ajru. Diffikulta' oħra li jiltaqgħu magħha l-linji nazzjonali tal-ajru hija li l-gvernijiet għandhom it-tendenza li jaħsbu f'termini ta' ċiklu elettorali wieħed. Dan xi kultant jista' jfisser li huma inqas inklinati li jinvestu f'titjib fl-infrastruttura u fit-tiġdid tal-mudell ta' negozju tal-kumpanija, investimenti li jieħdu ftit taż-żmien biex jitgawdew l-benefiċċji minnhom. Dan iwassal għal staġnar fl-operat tal-kumpanija u għaldaqstant il-kumpanija tibqa' topera s-servizzi tagħha bl-istess mudell ta' negozju, minkejja li t-tibdiliet kontinwi fil-qasam tal-avjazzjoni jistgħu jġibu fix-xejn lir-relevanza tal-istess mudell. Hekk kif il-linji tal-ajru mmaturaw u bdiet tiżdiedi kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, il-privatizzazzjoni bdiet tħalli impronta qawwija fuq il-qasam tal-avjazzjoni ċivili. L-influss qawwi ta' kumpaniji tal-ajru 'low-cost' fis-snin disgħin żvantaġġjat lill-intrapriżi tal-Istat, u għaldaqstant għadd ta' gvernijiet għażlu li jnaqqsu l-ishma li kellhom fis-sjieda tal-linja tal-ajru jew saħansitra għażlu li jagħtu l-linja tal-ajru lis-settur privat kompletament. Dawk il-linji tal-ajru li m'għaddewx minn perjodu ta' tiġdid wara s-snin disgħin, fosthom l-Air Malta, kellhom jibdew isofru l-konsegwenzi ta' staġnar fl-operat u ta' nuqqas ta' vijabbilita' finanzjarja. Is-snin disgħin kienu snin importanti ħafna fil-qasam tal-avjazzjoni, minħabba li kien iż-żmien tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni Ewropea, illi ġabet magħha għadd ta' riformi rivoluzzjonarji fil-qasam tal-avjazzjoni fuq livell internazzjonali.


" Linja tal-ajru li hija proprjetà tal-gvern iżda li titħalla topera bħala entità effiċjenti u ffukata fuq il-profitt tista' tagħmel il-qligħ u tkun suċċess, iżda dawk li huma gravati wisq mill-politika x'aktarx li ma jirnexxux." - travelnews.africa

Is-snin sebgħin u tmenin kien perjodu ta' suċċess għall-Air Malta, minkejja li kien fil-bidu tal-operat tagħha u għaldaqstant il-kumpanija kellha tiltaqa' ma' bosta sfidi sabiex din setgħet tistabbilixxi ruħha bħala kumpanija tal-ajru li kellha l-ħila u s-saħħa li telgħeb id-diffikultajiet kollha sabiex tinfiltra s-swieq internazzjonali. Il-kumpanija twaqqfet f'ċirkostanzi pjuttost diffiċli; pajjiżna kellu nuqqas ta' Maltin esperjenzati fil-qasam tal-avjazzjoni, l-infrastruttura tal-avjazzjoni f'pajjiżna kienet għadha prematura filwaqt illi l-qasam tal-avjazzjoni kien qiegħed jesperjenza l-kriżijiet internazzjonali rigward il-provvista taż-żejt. Il-kumpanija tal-ajru kellha tiżviluppa strateġija maħsuba sabiex setgħu jingħelbu dawn id-diffikultajiet filwaqt illi l-kumpanija kellha twettaq l-operat tagħha b'mod limitat tal-ajruplani fi swieq li kienu diġa' ddominati b'kumpaniji tal-ajru li kienu diġa' stabbiliti u magħrufin. F'perjodu fejn l-Air Malta kellha tiltaqa' ma' dawn l-isfidi kollha, il-kumpanija xorta waħda rnexxielha tirreġistra l-qligħ fl-ewwel snin tal-operat tagħha, minkejja li l-kumpanija kellha disposti għall-operat tagħha ammonti limitati ta' kapital azzjonarju limitat u ta' ħaddiema. Għalhekk, il-linja tal-ajru mhux biss kienet irnexxielha tikkontribwixxi lill-pajjiżna, illi kellu bżonn linja nazzjonali tal-ajru f'perjodu ta' żvilupp ekonomiku sinifikanti, iżda l-kumpanija kienet irnexxielha tistabbilixxi ruħha wkoll bħala entita' profittabbli li kienet qiegħda tagħmel il-qligħ. Għaldaqstant, mhuwiex fattwali meta wieħed jgħid illi l-Air Malta falliet minħabba li kienet topera bil-mudell ta' linja nazzjonali tal-ajru, jew illi l-kumpanija kienet destinata li tfalli mill-bidu tal-operat tagħha, għaliex il-fatti juru li mill-bidu tas-snin sebgħin sal-bidu tas-snin disgħin, il-kumpanija kienet qiegħda taqdi l-eżiġenzi u l-ħtiġijiet ta' pajjiżna filwaqt illi tagħmel il-qligħ. Il-problemi finanzjarji fil-kumpanija ma kinux ikkawżati mill-fatt illi gvern kien qiegħed jipparteċipa u jmexxi fit-tmexxija, iżda l-problemi finanzjarji ġew ikkawżati b'konsegwenza tal-azzjonijiet ta' persuni li kienu jqisu lill-Air Malta bħala gwadann personali jew vantaġġ politiku. Nistgħu ngħidu li intrapriża li kienet simbolu nazzjonali ta' pajjiżna, u li kienet qiegħda tagħti tant kontribut għall-iżvilupp ta' ġensna, spiċċat aktar tixbah lil xi dipartiment tal-gvern mifnija b'indħil min-nies inkompetenti. F'din it-taqsima se nagħmel referenza għal dawk il-bosta deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu matul il-perjodu tal-operat tal-Air Malta li kienu l-imsiemer fit-tebut tagħha, deċiżjonijiet illi naqsu milli jagħtu prijorita' lill-qagħda, lill-vijabbilita' u lill-ħtiġijiet tal-linja nazzjonali tal-ajru ta' pajjiżna. Kienu dawn id-deċiżjonijiet illi wasslu lill-Air Malta f'xifer il-falliment, sensiela ta' żbalji fit-tmexxija li akkumulaw maż-żmien illi huma responsabbli għalihom persuni li ngħataw pożizzjonijiet għolja u influwenti fit-tmexxija tal-kumpanija, meta lanqas kellhom idea dwar kif jopera ħanut tal-merċa, aħseb u ara kemm kellhom idea dwar kif topera linja nazzjonali tal-ajru.


Waħda mill-fatturi ewlenin li kkawżaw il-falliment tal-Air Malta kienu l-ammont eżorbitanti ta' impjegati li l-kumpanija kienet qiegħda timpjega, ammont sproporzjonat ta' ħaddiema li aktar kienu qegħdin jagħmlu deni lill-kumpanija milli ġid. Elezzjoni wara oħra, gvern wara ieħor, l-ammont ta' ħaddiema fil-kumpanija dejjem baqa' tiela', f'attentat sabiex persuni jkunu jistgħu jingħataw impjieg mal-Gvern Malti, minkejja li dawn l-impjiegi kienu żejda u ma kienx hemm bżonnhom. Għaldaqstant, dawn il-ħaddiema, li kienu ġew impjegati bi skop politiku, bdew jitfgħu għadd ta' piżijiet finanzjarji addizzjonali fuq il-kumpanija, minħabba li l-finanzi mill-qligħ li kienet qiegħda tagħmel il-kumpanija kien qiegħed jintuża sabiex setgħu jiġu sostnuti l-pagi ta' dawn il-ħaddiema. Min barra li dawn il-pagi kienu qegħdin jitfgħu piżijiet sinifikanti fuq il-kumpanija, dawn il-pagi kienu qegħdin jitfgħu piżijiet ġodda fuq il-kumplament tal-poplu Malti, minħabba li porzjon mill-finanzi tal-Istat kienu qegħdin jintużaw sabiex jissussidjaw it-telf li kienet qiegħda tagħmel il-linja nazzjonali tal-ajru, telf illi seta' ġie evitat li kieku l-kumpanija baqgħet tiffoka fuq il-mudell ta' kwalita' fuq kwantita', mudell illi kien il-boxxla tal-kumpanija fl-ewwel snin tal-operat tagħha. Il-kwantita' eċċessiva ta' impjegati fl-Air Malta kienu qegħdin jheddu lis-sostenibbilita' u lill-vijabbilita' tal-kumpanija, u għaldaqstant id-dnub ta' impjegati żejda kien qiegħed jiġi moħbi billi l-kumpanija għolliet il-prezzijiet tal-biljetti għall-vjaġġi bl-ajru, iżda din il-prassi kellha tiġi eliminata sforz tal-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea, illi kienet waslet għaż-żieda sinifikanti fl-operat ta' kumpaniji tal-ajru 'low-cost' fis-swieq internazzjonali. Għaldaqstant, l-Air Malta kellha tnaqqas il-prezzijiet tal-biljetti għall-vjaġġi bl-ajru sabiex din setgħet tibqa' relevanti u kompetittiva fil-qasam tal-avjazzjoni. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet wassal sabiex il-piżijiet finanzjarji tal-impjiegi żejda beda jinħass mill-ġdid u beda jħalli impatti negattivi fuq il-qagħda tal-kumpanija. Il-kwistjoni ta' impjiegi żejda kienet ilha toħnoq lill-kumpanija, tant illi fil-perjodu tal-elezzjoni tal-1987, madwar 250 persuna kienu ngħataw impjieg mal-kumpanija, minkejja li dawn ma kinux rekwiżiti għall-operat tagħha. Ammont sostanzjali ta' impjegati oħra kienu ġew elevati għall-pożizzjonijiet għolja fil-kumpanija minkejja li ma kienux kwalikati. Michael Mallia, li kien fil-bord tad-diretturi tal-kumpanija f'dak il-perjodu, stqarr dan dwar l-impjiegi fl-Air Malta:


'' L-ewwel nett, il-bord tagħna tal-1987 seta' jagħmel biss ġustizzja minn dawk li ma ġewx promossi l-elezzjonijiet ta' qabel l-1987, ta' diversi lwien u kuluri, billi jaġġornahom għal-livell ta' dawk promossi b'mod irregolari. Anke meta għamilna hekk sibna reżistenza kbira mit-trade union residenti li suppost tiddefendi d-drittijiet ta' u tirranġa l-ħażin u l-inġustizzji li saru lill-impjegati. ''

F'dan il-perjodu, il-kumpanija diġa' kellha madwar 1,420 impjegat magħha, minkejja li l-kumpanija inizzjalment kienet qiegħda topera b'inqas minn 700 impjegat. Il-bord tad-diretturi tal-Air Malta kien determinat illi ma jaċċettax aktar impjegati fil-kumpanija, minkejja li kienet qiegħda ssir pressjoni politika kbira min-naħa tal-Gvern Nazzjonalista sabiex l-ammont ta' impjegati fil-kumpanija jibqa' jiżdied, sabiex il-membri tal-istess gvern setgħu jibqgħu jabbużaw mill-kumpanija u jużawha għall-interessi politiċi tagħhom. L-indħil politiku eċċessiv, b'mod dirett mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, wassal sabiex il-kumpanija tal-ajru bdiet tesperjenza skandlu wara l-ieħor fl-ambitu tal-impjiegi, li bdew jheddu l-kredibbilita' tal-mudell ta' negozju li kienet qiegħda topera bih il-kumpanija. Għalhekk, huwa xieraq meta wieħed jgħid illi l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija kienet ittrasformata minn entita' profittabbli għal dipartiment tal-gvern sabiex uħud mill-politiċi responsabbli mill-kumpanija setgħu jissodisfaw l-interessi tagħhom billi jimpjegaw ammont dejjem jiżdied ta' ħaddiema fil-kumpanija, li jkunu ngħataw impjiegi għal skopijiet politiċi, skopijiet li jmorru lil hinn mill-interessi tal-kumpanija. B'hekk nistgħu ngħidu li l-Air Malta kienet saret il-ħaruf tas-sagrifiċċju tal-politiċi, mezz ta' xiri ta' voti u ballun politiku mar-riġlejn tal-partiti politiċi. Il-Gvern Nazzjonalista, billi kien determinat illi jibqa' jabbuża mill-kumpanija u jużaha sabiex jilħaq l-ambizzjonijiet politiċi tiegħu, baqa' jippersisti li jżied l-ammont ta' impjegati tal-kumpanija minkejja li l-bord tad-diretturi tal-kumpanija kien qiegħed joġġezzjona bil-qawwa u jwissi lill-Gvern fuq ir-riperkussjonijiet li seta' jħalli indħil politiku eċċessiv fl-operat tal-kumpanija. Meta l-Gvern għaraf illi l-bord tad-diretturi ma kienx ser iċedi, il-bord tad-diretturi li kien imlaħħaq fl-1987 kien eliminat sabiex fl-1992 seta' jilħaq bord tad-diretturi ġdid, li kien ippresedut miċ-ċermen Joseph N. Tabone. L-istorja turina li dan il-bord tad-diretturi kien pjuttost dgħajjef fit-tmexxija tiegħu, tant illi l-istess bord ma kienx oġġezzjona għal żieda ta' madwar 300 ħaddiem ieħor. Din iż-żieda ta' ħaddiema ġodda sabiex l-ammont ta' ħaddiema fil-kumpanija issa kien laħaq l-ammont eżorbitanti ta' madwar 1,750, ammonti illi baqgħu jiżdiedu matul il-kumplament tas-snin disgħin, tant illi sat-tmiem ta' dan id-diċenju, il-kumpanija diġa' kienet qiegħda timpjega madwar 2,000 ħaddiem! Maż-żieda fl-ammont ta' ħaddiema kien hemm ukoll għadd ta' żidiet sproporzjonati fis-salarji tal-bord tad-diretturi, li fis-snin ta' qabel kienu qegħdin jitħallsu biss ftit mijiet ta' Liri Maltin. Iż-żidiet fis-salarji, flimkien mal-ammont esaġerat ta' pagi li kienet qiegħda titgħabba bihom il-kumpanija, wasslu sabiex il-kumpanija baqgħet tesperjenza diffikultajiet finanzjarji u għadd ta' sfidi fl-operat tagħha. Minbarra li l-ammont ta' impjiegi kien qiegħed jikkawża għadd ta' piżijiet finanzjarji, il-bord tad-diretturi li kellu jieħu ħsieb l-operat tal-kumpanija naqas milli jaġixxi b'mod konkret fuq strateġija vijabbli għall-kumpanija. Michael Mallia kompla jistqarr dan dwar l-ammont ta' impjiegi:


'' Irrid inżid li, fl-1987, kont wieħed mill-persuni li kont qed ngħid li l-linja tal-ajru kellha topera b’nofs il-forza tax-xogħol tagħha jekk din riedet illi tibqa' topera, u din hija pjuttost qrib iċ-ċifra li qed titressaq illum – ta’ madwar 700! Wasalt għal din iċ-ċifra sempliċement billi nħares lejn l-operat ta’ linji tal-ajru oħra ta’ dak iż-żmien, bħall-Air Europe. Ovvjament, f’dawk iż-żminijiet aħjar kien ikun ippjanat tnaqqis gradwali tal-forza tax-xogħol. ''

Matul is-snin tal-operat tagħha, il-kumpanija Air Malta baqgħet titgħabba b'piżijiet finanzjarji li hija ma kinitx tiflaħ, piżijiet illi komplew jeqirdu kwalunkwe speranza li l-kumpanija setgħet terġa' tqum fuq saqajha u tistabbilixxi ruħha bħala l-linja tal-ajru vijabbli u sostenibbli bħalma din kienet inizzjalment. Minbarra l-ammont sproporzjonat ta' ħaddiema li kienet qiegħda timpjega l-ħaddiema, illi kienu ġew impjegati biss għal għanijiet politiċi u mhux għal għanijiet relatati mas-suċċess tal-kumpanija, l-Air Malta kienet qiegħda titgħabba b'għadd ta' piżijiet finanzjarji oħra li baqgħu jgħaddsu lill-kumpanija 'l isfel. Ikun tajjeb illi nsemmu l-impjiegi eżorbitanti li kienu qegħdin jingħataw lid-diretturi li kienu responsabbli mill-operat tal-kumpanija. Fis-sena 2003, il-kumpanija diġa' kienet qiegħda tgħaddi minn sfidi ta' vijabbilita' ekonomika, tant illi f'dan il-perjodu l-kumpanija diġa' kienet qiegħda tirreġistra t-telf u mhux qligħ. Hawnhekk irridu nsemmu li għal perjodu ta' iktar minn għoxrin sena, il-kumpanija tal-ajru qatt ma rreġistrat qligħ illi kien miksub mill-operat tagħha. Madanakollu, il-pagi tad-diretturi tal-istess kumpanija dejjem baqgħu jiżdiedu b'mod sproporzjonat u b'mod illi ma kienx vijabbli għall-istess kumpanija. Fis-sena 2023, iċ-ċermen tal-kumpanija David Curmi kien fil-mira ta' kritika mingħand bosta ġurnali lokali għaliex kellu salarju ta' 258,000 EUR, madanakollu, l-impjiegi ta' snin imgħoddija kienu għabbew lill-kumpanija b'piż finanzjarju ferm aktar sinifikanti. Għoxrin sena qabel, iċ-ċermen u CEO tal-kumpanija diġa' kienu jingħataw is-salarju totali ta' madwar 500,000 EUR, f'perjodu fejn il-kumpanija diġa' kienet għaddejja minn turbulenza finanzjarja. Fis-sena 2011, meta l-kumpanija kienet għaddejja minn perjodu ta' ristrutturar sabiex tamministra l-assi u l-operat tagħha b'mod aktar vijabbli, is-salarji taċ-ċermen u CEO tal-kumpanija xorta waħda kienu jilħqu din is-somma u għaldaqstant wieħed bir-raġun isaqsi domandi dwar kemm kienu realistiċi u effettivi t-tentattivi ta' ristrutturar fil-kumpanija. Fi statistika li tixhed is-salarji mogħtija liċ-ċermen u CEO tal-kumpanija fuq perjodu ta' dsatax-il sena, wieħed jista' jagħraf illi s-salarji mogħtija fis-snin 2005, 2011, 2012, 2013 u 2020 kienu qrib is-somma ta' 500,000 EUR. Minbarra din is-somma, wieħed għandu jikkunsidra illi meta dawn is-salarji jiġu aġġustati għar-rati tal-inflazzjoni, l-ammont mogħti kien jerġa' jiżdied drastikament. Meta dan jiġi kkunsidrat, jista' jiġi konkluż illi fis-snin 2011, 2012, 2013 u 2020, iċ-ċermen u CEO tal-kumpanija kienu ngħataw l-ammont totali ta' 600,000 EUR, filwaqt illi fis-snin 2003 u fl-2004 dawn kienu ġew mogħtija s-somma ta' 650,000 EUR. Fis-sena 2005, l-istess ċermen u CEO kienu ingħataw is-salarju eżorbitanti ta' madwar 750,000 EUR. Dawn is-salarji huma xhieda konkreta tal-prattiċi żbaljati li kienu xprunati mill-inkompetenza fit-tmexxija tal-kumpanija u hija tassew ironika illi dawn is-salarji esaġerati kienu qegħdin jitħallsu lill-persuni b'karigi għoljin fit-tmexxija fi żmien fejn il-kumpanija kienet qiegħda tagħmel attentati sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha, attentati li kienu jinkludu bejgħ ta' assi li kienu jinkludu proprjetajiet turistiċi u drittijiet tal-inżul f'ajruporti maġġuri, tnaqqis fl-ammont ta' rotot, l-għeluq ta' kumpaniji sussidjarji, tnaqqis fl-ammont ta' ħaddiema, ristrutturar fl-għamla tal-bord tad-diretturi u sensiela ta' injezzjonijiet ta' sussidji mill-Istat. Madanakollu, dawn it-tentattivi naqsu milli jindirizzaw il-problema tal-indħil politiku eċċessiv fit-tmexxija tal-kumpanija li kienet qiegħda sserva ta' sogru kbir għall-eżistenza tal-kumpanija, minħabba li dan l-indħil politiku kien qiegħed jiffaċilita' bosta prattiċi fit-tmexxija li kienu qegħdin ifarrku lil-linja nazzjonali tal-ajru. Filwaqt illi għandna nirrikonoxxu li l-proċess ta' ristrutturar kien meħtieġ, għandna wkoll nammettu li l-influwenza politika fit-tmexxija tal-Air Malta kienet theddida serja għall-qagħda tal-kumpanija u għaldaqstant kien nuqqas min-naħa tal-amministrazzjonijiet preċedenti meta dawn naqsu milli jwettqu miżuri u riformi fit-tmexxija li setgħu jimitigaw l-influwenza politika fil-kumpanija. L-indħil politiku mhux talli ma kienx qiegħed jiġi mrażżan, iżda beda jiġi ffaċilitat permezz ta' miżuri li bdew jittieħdu minn amministrazzjoni wara oħra, bħalma ġara meta ġie eliminat id-dritt illi l-ħaddiema jeleġġu membru fil-bord tad-diretturi, prassi li kienet twaqqfet mill-Gvern Malti fis-sena 2005. Din il-miżura mhux talli kienet eliminat elementi demokratiċi fit-tmexxija tal-kumpanija iżda talli kienet mezz għall-Gvern sabiex ikollu iktar poter rigward l-operat tal-kumpanija, u għaldaqstant kien żdied ir-riskju li jkun hemm influwenza politika fl-amministrazzjoni tal-linja tal-ajru. Din l-influwenza politika mhux biss kienet il-kaġun ta' żieda fit-tberbiq ta' finanzi, iżda din kienet ukoll il-kaġun tal-istaġnar fl-mudell ta' negozju tal-linja nazzjonali tal-ajru, illi kien qiegħed isir irrelevanti fil-kuntest tat-tibdil fis-swieq internazzjonali. Dawn kienu realtajiet illi qatt ma kienu ġew indirizzati u għaldaqstant il-ħtieġa ta' riforma estensiva fl-operat tal-kumpanija qatt ma kienu ngħatat il-prijorita' li kienet tixraqilha, minkejja li kienet daqstant meħtieġa għall-għijxien tal-kumpanija. Minkejja t-tentattivi li ttieħdu sabiex ikun hemm ristrutturar fil-linja nazzjonali tal-ajru, wieħed jista' jikkonkludi li r-ristrutturar tal-kumpanija kien qiegħed biss iservi sabiex jespandi t-tul tal-ħajja tal-kumpanija iżda mhux sabiex jevita l-falliment tal-kumpanija li kien għadu imminenti peress li ma kienet ġiet żviluppata l-ebda strateġija b'viżjoni fit-tul. Minflok ibbażjna ir-ristrtutturar tal-kumpanija fuq bejgħ ta' assi strateġiċi u tnaqqis fl-operat tal-kumpanija, kien ikun iktar għaqli li kieku bbażajna r-ristrutturar tal-kumpanija fuq il-ħolqien ta' tmexxija iktar awtonoma u fuq l-iżvilupp ta' strateġija vijabbli għall-kumpanija. Nikkumpara l-Air Malta ma' persuna maqbuda fid-dejn li tara kif se tbigħ oġġetti ta' valur u kif se tnaqqas l-ispejjeż f'ħajjitha; il-persuna tista' tibqa' tbigħ u tqaċċat l-ispejjeż iżda dawn ikunu biss miżuri temporanji li mhumiex is-soluzzjoni ideali sabiex jittaffa d-dejn. Dawn iġibu lill-persuna għarkupptejha, tgħix ġurnata b'ġurnata u tgħix f'inċertezza kbira. Hekk ukoll kienet qiegħda tibqa' ssostni lilha nfisha l-linja nazzjonali tal-ajru fl-aħħar snin tal-operat tagħha, il-kumpanija kienet qiegħda tgħix ġurnata b'ġurnata permezz ta' miżuri temporanji li kienu jiffokaw primarjament fuq iż-żarmar tal-kumpanija u li ma kinux jiffokaw fuq l-introduzzjoni ta' mudell ta' negozju ġdid sabiex jiġi ġġenerat il-qligħ, billi titwettaq viżjoni li setgħet tgħin fl-eliminazzjoni tal-problemi prinċipali li kienu qegħdin joħonqu lill-operat tal-kumpanija. Inutli li attakkajna lill-għanqbuta u mhux lill-brimba!


Statistika li kienet ġiet maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi, illi mbagħad kienet ġiet ppubblikata fil-ġurnal lokali Times of Malta. Din l-istatistika turi s-salarji mogħtija liċ-ċermen u CEO tal-kumpanija Air Malta bejn is-sena 2003 u s-sena 2022. Wieħed għandu jikkunsidra l-aġġustament tal-inflazzjoni sabiex jingħata perspettiva aħjar ta' kemm kienu esaġersati l-ammonti ta' flus mogħtija minn dawn is-salarji.


Il-problema tal-ammont esaġerat ta' ħaddiema impjegati mal-linja nazzjonali tal-ajru kienet qiegħda tgħabbi lill-kumpanija b'piżijiet finanzjarji kbar. Meta sa fl-aħħar bdejna nirrealizzaw illi ma stajniex nibqgħu nittrattaw lill-kumpanija bħala xi dipartiment tal-gvern, fil-bidu ta' dan is-seklu l-Gvern Malti beda jinnegozja ftehimiet kollettivi ġodda mal-ħaddiema tal-Air Malta, f'tentattiv sabiex inaqqas il-piż finanzjarju li kellha l-kumpanija minħabba l-ammont sproporzjonat ta' impjiegi, problema li kienet inħolqot mill-istess Gvern Malti sabiex jissodisfa l-mottivi politiċi li kellu fit-tmexxija tal-kumpanija. L-Air Malta ma setgħetx tibqa' mezz ta' xiri ta' voti u monopolju tal-partiti politiċi, iżda l-kumpanija kellha tagħmel tibdiliet rapidi fl-istruttura tagħha sabiex tlaħħaq mat-tibdiliet fis-suq tal-avjazzjoni Ewropew, li kien ġie rriformat u mibdul b'mod drastiku permezz tal-liberalizzazzjoni tal-istess suq fis-snin disgħin, li kienet il-kaġun taż-żieda qawwija fl-influss ta' linji tal-ajru 'low-cost'. L-introduzzjoni ta' dawn il-linji tal-ajru kienu sfida sinifikanti għal-linji tal-ajru 'full-service', b'mod parikolari għal linji tal-ajru li kienu operati mill-Istat, bħalma kienet l-Air Malta. Dawn il-linji tal-ajru kellhom joħolqu strateġija ġdida permezz ta' mudell ta' negozju li kien jiffoka fuq titjiriet bi prezzijiet iktar affordabbli u fuq iż-żieda fl-ammont ta' konnessjonijiet. Dan kien ifisser illi l-qligħ ta' dawn il-linji tal-ajru kien affettwat mhux ftit u għaldaqstant dawn kellhom jiżviluppaw viżjoni li permezz tagħha dawn setgħu joperaw b'mod iktar ekonomiku billi jillimitaw l-ispejjeż u jżiedu fil-qligħ. Dan kollu kien ifisser illi l-kumpanija Air Malta kellha twettaq riformi drastiċi u radikali fl-operat tagħha sabiex din setgħet tibqa' relevanti għas-swieq internazzjonali u iktar minn hekk, sabiex setgħet tibqa' ttir fis-smewwiet. Għalhekk, il-kumpanija kellha tara kif setgħet tnaqqas l-ammont ta' impjegati żejda li kienet qiegħda tħaddem, infakkar illi kumpanija li setgħet topera b'mod komdu permezz ta' inqas minn 700 impjegat kienet qiegħda tħaddem madwar 2,000 impjegat. Minħabba f'hekk, il-Gvern Malti, f'isem il-kumpanija, beda jifformalizza sensiela ta' ftehimiet kollettivi mal-ħaddiema tal-kumpanija bl-għan illi jitnaqqsu l-piżijiet finanzjarji fuq il-kumpanija. Madanakollu, fis-snin 2007 u 2008 kienu ġew iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi li għabbew lill-kumpanija b'90,000,000 EUR fl-għamla ta' skemi ta' rtirar kmieni li għalihom kien eliġġibli il-piloti u l-ekwipaġġ tal-kumpanija. Dawn l-iskemi ta' rtirar kmieni ggarantixxew lill-istess ħaddiema il-ħlas ta' żewġ terzi tas-salarju tagħhom sal-età tal-irtirar jekk dawn ikunu għażlu li jirtiraw kmieni. Il-gvernijiet suċċessivi ma setgħux jerġgħu lura minn tali ftehimiet mingħajr ma jissograw azzjoni industrijali li kienet tkun saħansitra ta' piż finanzjarju ikbar għal-linja nazzjonali tal-ajru. Minħabba dawn il-ftehimiet kollettivi, l-Air Malta kienet qiegħda ġġor il-piż ta' eluf ta' pagamenti lill-bdoti li jirtiraw skont klawżola li kienet daħlet fis-seħħ permezz ta' dawn il-ftehimiet kollettivi. Il-klawżola tal-ftehim kollettiv kienet tinvoka li individwi ta' 55 sena jew aktar, li kienu ilhom bdoti mal-linja nazzjonali tal-ajru għal aktar minn 25 sena, setgħu jitħallsu żewġ terzi tas-salarju tagħhom kull xahar sakemm dawn jilħqu l-eta' tal-irtirar. Dan kien ifisser illi l-klawżola kienet tippermetti li l-piloti jitħallsu żewġ terzi tas-salarju tagħhom għal għaxar snin sħaħ, filwaqt illi filfatt ma jaħdmux u għaldaqstant dawn il-ftehimiet kollettivi servew ta' piż finanzjarju kbir għall-qagħda finanzjarja tal-linja nazzjonali tal-ajru. In-nuqqas ta' viżjoni u għaqal, u jiena nemmen ukoll illi kienet frott ta' pika politika, kien ifisser illi aministrazzjonijiet preċedenti sallbu lill-kumpanija tal-ajru u anke lill-amministrazzjonijiet suċċessivi permezz ta' ftehimiet kollettivi li kienu bħal mażra mar-riġlejn tal-kumpanija, mażra li kompliet tgħaddas 'l isfel lill-kumpanija. Dawn il-ftehimiet ma kinux kompattibbli mal-ħtiġijiet tal-kumpanija, tant illi gvernijiet suċċessivi kienu qegħdin jikkunsidraw illi jixtru lura l-ftehim kollettiv bl-għan illi jiġi invalidu. Dawn il-ftehimiet waslu sabiex ħaddiema tal-kumpanija ġew f'konfront mal-Gvern Malti minħabba li dawn baqgħu jsostnu li jibqgħu jingħataw kundizzjonijiet ġenerużi, minkejja li dawn kienu jfissru li l-kumpanija kienet titgħabba b'piż li kienu jisfidaw il-validita' kummerċjali tagħha. Dawn il-konfronti wasslu sabiex kien hemm nuqqas ta' fiduċja u kooperazzjoni bejn il-ħaddiema u bejn il-Gvern Malti waqt il-kriżijiet li kienet għaddejja minnhom il-kumpanija, fosthom il-kriżi tal-pandemija Covid-19. F'dak il-perjodu, il-piloti rrifjutaw illi jingħataw paga ta' 1,200 EUR fix-xahar għall-perjodu tal-pandemija, miżura li kienet ġiet imressqa 'l quddiem mill-amministraturi tal-kumpanija sabiex il-kumpanija tal-ajru tkun tista' tnaqqas l-infiq tagħha. Fl-aħħar diċenju tal-operat tagħha, il-kumpanija ffirmat għadd ta' ftehimiet kollettivi ġodda bl-għan illi l-kumpanija tikseb iktar stabbilita', filwaqt illi l-ammont ta' ħaddiema beda jonqos drastikament sa ma fl-aħħar il-kumpanija kellha impjegati magħha madwar 400 ħaddiem biss fis-sena 2023. Madanakollu, in-nuqqas ta' ċertezza u stabbilita' fil-qagħda tal-kumpanija kienet qiegħda tħalli għadd ta' impatti negattivi fuq il-qagħda tal-ħaddiema u għaldaqstant, matul is-snin, ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanija u l-ħaddiema ddeterjoraw, tant illi bosta ħaddiema u l-unjins li jirrapreżentawhom, fosthom l-ALPA, ma baqgħux leali u jikkoperaw mal-linja nazzjonali tal-ajru. Fl-aħħar snin tal-operat tagħha, uħud mill-ħaddiema u l-unjins kienu qegħdin jitfgħu pressjoni fuq l-Air Malta sabiex il-kumpanija setgħet tibqa' toffri kundizzjonijiet ġenerużi lill-ħaddiema, illi kienu jfissru iżjed piżijiet finanzjarji fuq il-kumpanija. Dawn is-sitwazzjonijiet kienu qegħdin joħolqu perjodu ta' diżgwid fil-kumpanija u għalhekk, dawn kienu fatturi oħrajn illi xprunaw il-falliment tal-kumpanija.


Matul is-snin disgħin, il-kumpanija Air Malta bdiet tiltaqa' ma' għadd ta' sfidi ġodda li kienu ġew xprunati mill-kambjamenti fil-qasam tal-avjazzjoni Ewropew u mit-tibdiliet fis-swieq internazzjonali. Madanakollu, il-kumpanija tal-ajru xorta waħda kienet f'qagħda b'saħħitha ħafna u għaldaqstant xorta kellha l-potenzjal illi tiżviluppa r-rettikolat u l-operat tagħha b'tali mod illi jilqa' għall-alterazzjonijiet illi kienu qegħdin iħallu l-impatt tagħhom fuq bosta linji tal-ajru oħrajn. Irridu niftakru li fl-ewwel għoxrin sena tal-operat tagħha, l-Air Malta kienet kumpanija tal-ajru li dejjem kienet qiegħda tagħmel il-qligħ u li dejjem kienet qiegħda tespandi l-operat tagħha, minkejja li l-kumpanija ltaqgħet ma' għadd ta' sfidi u diffikultajiet illi kienu jinkludu kriżijiet okkażjonali taż-żejt, attakki terroristiċi u l-kompetizzjoni kontra linji tal-ajru 'charter' fis-suq Ewropew, li kienu kumpaniji li kienu diġa' stabbiliti u magħrufin għas-suċċessi tagħhom fl-istess suq. Madanakollu, linja tal-ajru minn pajjiż b'ekonomija li kienet għadha qiegħda tiżviluppa, u bi flotta ta' hekk imsejħa ''għasafar taċ-ċomb'', kienet qiegħda jirnexxielha topera f'dawn iċ-ċirkostanzi li kienu diffiċli għall-kumpaniji tal-ajru ġganti, aħseb u ara kemm kienu iktar diffiċli għal kumpanija tal-ajru ċkejkna fl-operat u fid-daqs tal-flotta, u li kienet stabbilita fi gżira li kienet għadha kolonja sa ftit diċenji ilu. Għalhekk, hija ironika kif dawk illi ma kinux jifilħu jaraw il-linja nazzjonali tal-ajru tagħmel il-qligħ u tikseb suċċess wara l-ieħor fis-snin sebgħin u tmenin, riedu jwaqqgħu għar-redikolu lill-kumpanija billi jsejħulha b'termini deragatorji sabiex jimminaw is-suċċessi tagħha filwaqt illi kienu jiktbu b'mod regolari fil-ġurnali u jitkellmu fil-pubbliku b'mod dispreġġjattiv lejn il-kumpanija. Qiegħed nirreferi għall-Partit Nazzjonalista li mill-oppożizzjoni għamel minn kollox sabiex jinsulenta lill-kumpanija u li kontinwament beda jużaha bħala mezz sabiex jitfa' attakki fuq il-Gvern Laburista. Bl-ebda mod ma rrid noqgħod nitħadded b'mod partiġġjan, iżda għandna nirrikonoxxu l-fatt illi kien żball illi l-linja nazzjonali tal-ajru kienet qiegħda tiġi attakkata politikament, għaliex dan wassal sabiex il-kumpanija kienet bdiet tintuża bħala ballun politiku bejn iż-żewġ partiti u għalhekk ippolitiċizzata, illi kif diġa' rajna ħalliet għadd ta' impatti negattivi li baqgħu jservu bħala piż fuq dahar il-kumpanija sat-tmiem tagħha. Fl-ewwel snin tal-operat tagħha, l-Air Malta kienet teħtieġ kooperazzjoni u appoġġ u mhux insulti u termini li jwaqqgħu l-ġieħ tal-kumpanija. Madwar għoxrin sena wara t-twaqqif tal-kumpanija, minkejja li kienet linja tal-ajru profittabbli, kien jeħtieġ illi l-linja nazzjonali tal-ajru tiżviluppa l-mudell ta' negozju tagħha b'tali mod illi seta' jilqa' għaċ-ċirkostanzi ġodda fil-qasam tal-avjazzjoni sabiex il-kumpanija setgħet tibqa' relevanti u tkompli tespandi l-operazzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, kien jeħtieġ illi l-kumpanija tal-ajru tiġġedded billi tintroduċi servizzi u opportunitajiet ġodda, tiddiversifika l-mezzi ta' profitt u billi temenda r-rettikolati u l-istrutturi tagħha. Madanakollu, f'dan il-perjodu tant delikat għall-kumpaniji tal-ajru Ewropej, l-kumpanija Air Malta kienet qiegħda taqa' lura għaliex ma kinitx qiegħda tiżviluppa strateġija adattata għar-realtajiet tal-qasam tal-avjazzjoni u għaldaqstant, għall-ewwel darba wara, il-kumpanija ma kinitx qiegħda tagħmel il-qligħ iżda kienet qiegħda tirreġistra it-telf b'mod konsistenti. Mis-sena 2003 sas-sena 2023, il-kumpanija qatt ma kienet irreġistrat qligħ, għajr għall-qligħ li kien ġie irreġistrat fis-sena 2018. Matul is-snin tal-operat tagħha, il-kumpanija kienet akkumulat telf ta' madwar 356,000,000 EUR, b'ekwita' negattiva li kienet tammonta għal madwar 120,000,00 EUR.


L-Air Malta kellha sehem ta' 49% fil-kumpanija sussidjarja Azzurra Air, li matul is-snin disgħin u elfejn kienet ikkontribwixxiet sostanzjalment għat-telf tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija. Il-kumpanija sussidjarja kienet topera flotta ta' ajruplani tal-mudell Avro RJ70s, ajruplani li kienu ħolqu kontroversja sħiħa minħabba li ma kinux adattati għall-operat tal-linja nazzjonali tal-ajru.


Fis-snin disgħin il-kumpanija Air Malta kienet qiegħda twettaq tentattivi sabiex tiddiversifika l-operat tagħha billi tipprova tinfiltra fi swieq differenti, s'hemmhekk kollox sewwa, iżda l-iżball kien illi sabiex il-kumpanija bdiet tagħmel investimenti ġodda, hija spiċċat tilfet investimenti li diġa' kienu qegħdin iħallu l-qligħ fil-kumpanija. Il-mudell li kienet topera bih l-Air Malta fl-ewwel għoxrin sena tal-operat tagħha kien primarjament ibbażat fuq tliet pilastri; it-titjiriet skedati, it-titjiriet 'charter' u t-titjiriet tat-tgħabbija tal-merkanzija. Sa mill-bidu tal-operat tagħha, is-suq tar-Renju Unit kien l-iktar suq profittabbli għall-kumpanija. Minbarra li l-kumpanija kien introduċiet it-titjiriet skedati u t-titjiriet regolari tat-tgħabbija tal-merkanzija, l-linja nazzjonali tal-ajru kienet introduċiet servizzi ta' titjiriet 'charter' illi permezz tagħhom l-kumpanija kienet qiegħda tagħti b'kirja uħud mill-ajruplani tagħha lill-operaturi fir-Renju Unit sabiex jintużaw għal titjiriet staġjonali. Dan il-mudell ta' negozju tant kien suċċess illi l-kumpanija kienet qiegħda topera 'l fuq minn 60 titjira 'charter' kull ġimgħa fir-Renju Unit, u għaldaqstant dan is-servizz kien qiegħed jgħin lill-Air Malta sabiex tistabbilixxi ruħha bħala linja tal-ajru b'reputazzjoni b'saħħitha permezz tal-preżenza tagħha fis-suq tar-Renju Unit, tant illi l-linja nazzjonali tal-ajru kienet ittir lejn iktar minn 23 ajruport differenti fl-Ingilterra, fl-Iskozja u saħansitra anke fl-Irlanda ta' Fuq. Minħabba li r-Renju Unit huwa pajjiż li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ekonomija Maltija, kien vitali għal pajjiżna illi jkollu konnessjoni estensiva bl-ajru ma' dan il-pajjiż, u għaldaqstant kienet prijorita' li pajjiżna jkollu linja nazzjonali tal-ajru b'saħħitha biżżejjed sabiex din setgħet tinfiltra swieq importanti bħalma huwa s-suq tar-Renju Unit. F'dan l-aspett l-Air Malta kienet għamlet suċċess sinifikanti, mhux biss għall-fatt illi kienet qiegħda topera titjiriet regolari f'dan is-suq, iżda anke minħabba l-fatt illi dan is-suq kien l-iktar suq profittabbli għall-kumpanija matul il-perjodu tal-operat tagħha. Qiegħed insemmi dan kollu għaliex kien f'dan il-kuntest illi fih inxtraw is-sebgħa ajruplani infami tal-mudell Avroliner Regional-Jet, erbgħa illi kienu tat-tip Avro RJ70 u tlieta illi kienu tat-tip Avro RJ85. L-isem ta' dan il-mudell ta' ajruplan minnu nnifsu jixhed illi dawn l-ajruplani huma adattati primarjament għal titjiriet reġjonali u mhux għal titjiriet internazzjonali fit-tul, u għaldaqstant dawn l-ajruplani kienu ta' għamla żgħira filwaqt illi ma kienux magħmula sabiex jintużaw għal titjiriet ta' iktar minn sagħtejn. Meta wieħed iqis id-daqs żgħir tagħhom, dawn it-tip ta' ajruplani kienu jikkonsumaw ammont eżorbitanti ta' fjuwil u kienu jeħtieġu manutenzjoni regolari, u għaldaqstant, dawn il-mudell ta' ajruplani bl-ebda mod ma kienu adattati għal kumpanija tal-ajru li kienet ibbażata fi gżira, bħalma kienet l-kumpanija Air Malta. Dawn l-ajruplani kienu adattati għal titjiriet qosra bejn ibliet fi ħdan pajjiżi fl-Ewropa kontinentali, li kienu jeħtieġu ajruplani ta' għamla żgħira u li ma jtirux għal distanzi twal sabiex jgħaqqdu ajruporti żgħar reġjonali, filfatt l-introduzzjoni ta' dawn it-tip ta' ajruplani kienet suċċess f'pajjiżi bħall-Ġermanja. Madanakollu, minħabba li pajjiżna jiddependi minn swieq internazzjonali 'l hinn mir-reġjun tal-Mediterran, dawn l-ajruplani reġjonali ma kinux adattati għall-mudell ta' negozju li kienet topera bih il-linja nazzjonali tal-ajru. Minħabba l-limitazzjonijiet tal-ajruplani, ma kienx possibbli li dawn l-ajruplani jtiru lejn ir-Renju Unit u għaldaqstant il-kumpanija bdiet titlef is-saħħa li kellha fis-suq ta' dan il-pajjiż minħabba li dawn l-ajruplani ma setgħux itiru għal distazni twal filwaqt illi ma kellhomx faċilitajiet ta' ħażna ta' merkanzija. Ix-xiri ta' dawn l-ajruplani probabbilment kienet l-ikbar ġennata li kienet qatt għamlet il-kumpanija, għaliex wieħed malajr jirrealizza li dawn l-ajruplani ma kinux jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' imqarr wieħed mit-tliet pilastri li kien ibbażat fuqhom l-mudell ta' negozju tal-kumpanija li kif diġa' semmejna kienu jeħtieġu ajruplani li setgħu jtiru għal distanzi fit-tul, jintużaw għal titjiriet 'charter' fir-Renju Unit u li setgħu jgħabbu fuqhom tgħabbija tal-merkanzija. L-ajruplani tal-mudell Avroliner Regional-Jet ma kinux magħmulin sabiex jintużaw għat-tliet għanijiet imsemmija, u għaldaqtsant il-kumpanija kienet bdiet titlef ħafna opportunitajiet ta' qligħ. Minħabba li l-ajruplani ma kinux qegħdin jintużaw għall-iskop maħsub tagħhom, il-linja nazzjonali tal-ajru kellha titgħabba b'piż finanzarju sinfikanti sabiex tpatti għall-użu eżorbitanti ta' fjuwil u sabiex tagħmel manutenzjoni fuq l-ajruplani, li b'kollox kellhom bżonn bidla fil-magna għal 31 darba. Dan apparti li kkumparati ma' ajruplani li għandhom daqs simili, bħalma huma ajruplani tat-tip Bombardier CRJ900, l-ajruplani tat-tip Avroliner Regional-Jet kienu jeħtieġu li jikkonsumaw fjwuil għal 60% iktar. Għaldaqstant, huwa evidenti li dawn l-ajruplani ma kinux sostenibbli u ekonomiċi, b'mod partikolari għal linja tal-ajru bħalma kienet l-Air Malta, li kellha iktar limitazzjonijiet minn linji tal-ajru oħra Ewropej. Fis-sena 1994, l-ajruplani tat-tip Avro RJ70 kienu introdotti fil-flotta tal-kumpanija filwaqt illi fis-sena 1996, l-ajruplani tat-tip Avro RJ85 kienu introdotti fil-flotta tal-kumpanija sussidjarja tagħha Azzurra Air. Ix-xiri ta' dawn l-ajruplani kien fisser għall-kumpanija piż finanzjarju ta' aktar minn 100,000,000 USD, filwaqt illi kienu għabbew lill-kumpanija b'saħansitra iktar piżijiet finanzarji minħabba li dawn kienu qegħdin jikkaġunaw ħafna mit-telf illi kienet qiegħda tirreġsitra l-kumpanija fis-snin ta' wara. Ix-xiri ta' dawn l-ajruplani kien qajjem kontroversja anke minn personalitajiet fi ħdan il-kumpanija, iżda l-Gvern Nazzjonalista għażel illi ma jagħmel l-ebda konsultazzjoni u valutazzjoni qabel ix-xiri ta' dawn l-ajruplani, dan b'kunstrat mal-għaqal illi mxiet bih il-kumpanija fis-snin tmenin, meta għażlet illi tixtri ajruplani bħalma kienu l-Boeing 737-200 Advanced. L-introduzzjoni ta' dawn l-ajruplani kienet suċċess, tant illi permezz tagħhom il-kumpanija baqgħet tespandi l-operat tagħha fis-suq Ewropew filwaqt illi kienu jikkonsumaw ammont ridott ta' fjuwil, u għaldaqstant kienu ajruplani mill-iktar vijabbli u ekonomiċi għall-kumpanija, b'kuntrast mal-ajruplani Avro Regional-Jet illi kienu nxtraw.


L-amministrazzjoni tal-kumpanija ma damitx ma rrealizzat illi x-xiri tal-ajruplani tal-mudell Avro Regional-Jet kienet deċiżjoni żbaljata u li kienet qiegħda tħalli riżultati negattivi li bdew jheddu b'mod serju l-qagħda tal-kumpanija. Il-linja nazzjonali tal-ajru ma setgħetx tissogra li tibqa' topera ajruplani li ma kinux qegħdin jaqdu lill-eżigenzi tal-kumpanija tal-ajru u lill-ħtiġijiet tal-pajjiż, illi kien jeħtieġ strateġija żviluppata b'mod illi tilqa' għat-tibdiliet fis-suq Ewropew u fil-qasam tal-avjazzjoni, sabiex pajjiżna seta' jibqa' jgawdi minn konnettivita' bl-ajru li setgħet tiggarantixxi opportunitajiet ġodda u dħul ekonomiku għall-pajjiż. Minn żmien għal żmien, bħal kwalunkwe intrapriża, linja tal-ajru trid tibqa' tiġġedded sabiex tilqa' għall-kambjamenti fis-swieq internazzjonali li kontinwament joħolqu ċirkostanzi differenti minn tas-sena ta' qabel, u għaldaqstant, dak illi kien suċċess ftit tas-snin ilu mhuwiex garantit illi llum jew għada ser ikun suċċess. Fis-snin disgħin, it-tentattiv ta' tiġdid illi kienet għamlet il-kumpanija, dak tax-xiri tal-ajruplani tat-tip Avroliner Regional Jet, kien tentattiv illi falla u li ħoloq iżjed problemi milli kien hemm. Minkejja li l-kumpanija setgħet faċilment investiet f'iżjed ajruplani li kienu iktar ekonomiċi u effiċjenti, bħalma kienu l-ajruplani tat-tip Boeing 737-500, il-kumpanija kellha titqanna b'ajruplani li lanqas kienu adattati sabiex jaqdu l-iktar operazzjonijiet bażiċi tal-linja tal-ajru. F'tentattiv ieħor ta' tiġdid, u anke sabiex sa fl-aħħar teħles mill-ajruplani Avro RJ, kienet ġiet imwaqqfa kumpanija sussidjarja ġdida bl-isem ta' Azzurra Air, kumpanija tal-ajru li kienet ġiet imwaqqfa bi qbil bejn il-kumpanija Air Malta, li kellha sehem ta' 49%, u bejn il-kumpanija Taljana, Air International Services, li kellha sehem ta' 51%. Din il-kumpanija sussidjarja twaqqfet fis-sena 1995, filwaqt illi kienet bdiet topera lejn tmiem is-sena ta' wara, fl-1996. Il-kumpanija Air Malta kienet diġa' ordnat tliet ajruplani Avro RJ85 speċifikament għall-Azzurra Air, filwaqt illi iktar tard il-kumpanija kienet rregalat l-erba' ajruplani Avro RJ70 fil-flotta tal-istess kumpanija sussidjarja, illi ftit snin qabel kienu diġa' fil-flotta tal-Air Malta iżda ma kinux kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-operat tal-kumpanija. Il-kumpanija sussidjarja Azzurra Air kienet twaqqfet bl-għan illi tkun kumpanija tal-ajru illi tiffoka fuq operazzjonijiet reġjonali u titjiriet b'distanzi qosra, u għaldaqstant, l-użu tal-ajruplani Avro RJ kienu ajruplani adattati għall-operazzjonijiet ta' din il-kumpanija. Matul il-perjodu tal-operat tagħha, il-kumpanija sussidarja kienet għamlet għadd ta' ftehimiet ta' kondiviżjoni tal-kodiċi ma' kumpaniji tal-ajru oħrajn fir-reġjun tal-Mediterran, fosthom Air One, Swissair u Alitalia. Permezz ta' dawn il-ftehimiet, il-kumpanija sussidjarja bdiet topera servizzi ta' titjiriet 'charter', filwaqt illi kienet topera titjiriet skedati bejn reġjuni fl-Italja. Il-linja nazzjonali tal-ajru kienet irregalat b'kirja s-sebgħa ajruplani Avro RJ lill-kumpanija Azzurra Air, bl-għan illi tuża l-flus iggwadanjati mill-kirja bħala mezz ta' qligħ għall-kumpanija, f'tenattiv sabiex jittaffa l-piż finanzjarju kbir illi ħalliet warajha l-preżenza tal-ajurplani Avro RJ fil-flotta tal-linja nazzjonali tal-ajru. Madanakollu, il-ftehim illi kellha l-kumpanija Azzurra Air mal-linja nazzjonali tal-ajru Taljana, l-Alitalia, kien ġie rivokat minħabba li l-kumpanija Alitalia kienet qiegħda tiltaqa' ma' bosta diffikultajiet fl-operat tagħha. Għaldaqstant, it-tijiriet reġjonali operati mill-Azzurra Air kellhom jintemmu, deċiżjoni li kienet tfisser illi għal darba oħra, l-ajruplani Avro RJ reġgħu spiċċaw mingħajr użu. Il-kumpanija sussidjarja kienet qiegħda tiltaqa' ma' għadd ta' diffikultajiet finanzjarji fl-operat tagħha, u għaldaqstant kienet qiegħda tieħu deċiżjonijiet illi ma kinux jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-Air Malta, bħalma kienet id-deċiżjoni li l-kumpanija tieqaf tħallas il-kirja tas-sebgħa ajruplani Avro RJ lil-linja nazzjonali tal-ajru Maltija, deċiżjoni li ma kinitx qiegħda tirrispetta l-ftehim oriġinali li kellha l-Azzurra Air mal-istess linja nazzjonali tal-ajru, filwaqt illi kienet tfisser illi l-Air Malta ma baqgħetx tagħmel qligħ mill-kirjiet. Billi l-kumpanija tal-ajru Maltija kellha sehem iżgħar mill-bqija tal-imsieħba, dak ta' 49%, l-Air Malta ma kellhiex biżżejjed saħħa sabiex tieħu kontroll fuq il-qagħda tal-kumpanija sussidjarja tagħha bl-għan illi din ikollha l-istess interessi li kellha l-linja nazzjonali tal-ajru. In-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-imsieħba kienet il-kaġun tad-diffikulatjiet amministrattivi fi ħdan l-Azzurra Air, illi fil-bidu tas-snin elfejn kienet qiegħda tesperjenza perjodu ta' telf finanzjarju li beda jaffettwa wkoll lill-imsieħba li kellhom l-ishma fil-kumpanija, fosthom l-Air Malta. Fis-sena 2003, il-kumpanija Air Malta temmet il-kirja ta' erba' Avro RJ70s u tliet Avro RJ85s lill-Azzurra Air, minħabba li l-kumpanija sussidjarja kienet qiegħda tonqos milli tonora l-obbligi li kien ġab miegħu il-ftehim tal-kiri tal-ajruplani, bħalma kien l-obbligu tal-ħlas tal-kirja. It-telf illi kienet qiegħda tirreġistra l-Air Malta f'dan il-perjodu kien primarjament b'konsegwenza tas-sehem tal-kumpanija fl-Azzurra Air, li kienet kontinwament qiegħda tirreġistra telf. Filwaqt illi matul is-sena 2000 il-kumpanija sussidjarja kienet għamlet telf ta' madwar Lm 6,300,000, il-linja nazzjonali tal-ajru kienet għamlet telf ta' madwar Lm 3,700,000. Matul il-perjodu tas-snin elfejn, il-kumpanija baqgħet tirreġistra iżjed telf, tant illi fis-sena 2003, il-kumpanija kienet irreġistrat telf ta' madwar Lm 25,600,000, li kienu jinkludu telf ta' Lm 8,800,000 illi kien direttament ikkawżat minħabba l-profitt potenzjali li kienet qiegħda titlef il-kumpanija Air Malta, minħabba li l-kumpanija ma baqgħetx tipprijoritizza swieq li diġa' kienu qegħdin ifissru qligħ għall-kumpanija bħalma kienu t-titjiriet 'charter' u t-tgħabbija tal-merkanzija. Dan kollu kien ikkawżat minħabba l-immaturita' fid-deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni tal-kumpanija u mill-Gvern Malti f'dan il-perjodu. Id-deċiżjoni tax-xiri tal-ajruplani Avro RJ, illi kellha biss appoġġ mill-Gvern u miċ-ċermen Joseph N. Tabone, filwaqt illi sabet reżistenza kbira mill-bqija tal-kumpanija, ħolqot pjaga fil-kumpanija li baqgħet issir iktar fonda permezz tal-ħolqien tal-Azzurra Air, illi ironikament kellha ssolvi l-problemi li ħolqot il-preżenza tal-ajruplani Avro RJ fil-flotta tal-Air Malta. L-istorja tax-xiri ta' dawn l-ajruplani u sussegwentament it-twaqqif tal-kumpanija sussidjarja Azzurra Air għandha tkun ta' tfakkira għalina ta' kemm huwa perikoluż l-indħil politiku eċċessiv, madanakollu, l-ebda responsabbilita' politika ma nġarret għal dan kollu. Minflok, il-Gvern Nazzjonalista kien prova jimmina l-gravita' tas-sitwazzjoni billi ddefenda l-għeluq tal-kumpanija Azzurra Air billi stqarr illi dan kien inevitabbli, għaliex din il-kumpanija xorta waħda kienet se tiġi rrelevanti ladarba Malta kienet ser issir membru fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2004. Fi ftit kliem, il-Gvern ammetta li huwa kien investa ammont sostanzjali ta' flus f'negozju li kien jaf konxjament illi kien ser isir irrelevanti fi żmien ta' inqas minn għaxar snin. Dik il-viżjoni li kienu kapaċi joffru! Pajjiżna kien f'sitwazzjoni fejn kellu gvern jesperimenta bil-linja nazzjonali tal-ajru billi jintroduċu mudelli ta' negozju li ma kinux adattati għall-kumpanija u għall-pajjiżna, filwaqt illi poġġa f'riskju lill-qagħda tal-istess linja nazzjonali tal-ajru, u għalhekk poġġa f'riskju wkoll lill-konnettivita' bl-ajru ta' pajjiżna mal-kumplament tad-dinja u lill-qagħda ta' setturi importanti fl-ekonomija bħalma huma t-turiżmu. Minħabba li l-kumpanija tal-ajru naqset milli tiżviluppa strateġija u mudell ekonomiku li kien jirrifletti ċ-ċirkostanzi attwali tas-swieq internazzjonali u tal-qasam tal-avjazzjoni, l-Air Malta kienet waqgħet lura u bdiet titlef ħafna mis-saħħa u mill-influwenza li kellha fil-fora internazzjonali u għaldaqstant kienet tilfet ammonti sinifikanti fi qligħ minħabba t-telf ta' klijenti u kummerċjali potenzjali li setgħet tattira l-kumpanija, u għaldaqstant il-kumpanija kienet qiegħda ssir irrelevanti u baqgħet kontinwament tirreġistra telf.


'' Fis-snin disgħin il-kumpanija Air Malta kienet qiegħda twettaq tentattivi sabiex tiddiversifika l-operat tagħha billi tipprova tinfiltra fi swieq differenti, s'hemmhekk kollox sewwa, iżda l-iżball kien illi sabiex il-kumpanija bdiet tagħmel investimenti ġodda, hija spiċċat tilfet investimenti li diġa' kienu qegħdin iħallu l-qligħ fil-kumpanija. ''

Fis-snin ta' wara d-diżastru tal-Azzurra Air, il-kumpanija Air Malta kienet tinsab determinata li teħles mill-ajruplani Avro RJ darba għal dejjem billi tbiegħhom lil xerrejja interessati sabiex jutilizzawhom. Madanakollu, il-produzzjoni ta' ajruplani ta' dan il-mudell kienet ilha li ġiet itterminata mis-sena 2001, u għalhekk kien ser ikun diffiċli għall-kumpanija sabiex issib xerrejja li kienu interessati sabiex jixtru ajruplani skadut li kellhom reputazzjoni negattiva. Wara li l-Air Malta ssekwestrat l-ajruplani minn idejn il-kumpanija sussidjarja tagħha, Azzurra Air, il-kumpanija kellha tħallas lill-ekwipaġġ illi kien tqabbad speċifikament sabiex iwassal lill-ajruplani sal-ajruport ta' Exter, fir-Renju Unit, bl-għan illi dawn jinħażnu b'mod temporanju sakemm jinstabu xerrejja interessanti. Sabiex il-kumpanija setgħet tbigħ dawn l-ajruplani f'perjodu qasir, il-linja nazzjonali tal-ajru kellha terġa' tixtri s-sebgħa ajruplani minħabba li l-konċessjoni tal-kirja kienet tintemm fis-sena 2008. B'hekk, il-kumpanija kienet biegħet is-sebgħa ajruplani tat-tip Avro RJ sas-sena 2007, bl-għan illi l-kumpanija tkun tista' tpatti għall-piż finanzjarju li din kellha tgħabbi fuqha minħabba x-xiri u l-operat tagħhom. Ix-xiri ta' dawn l-ajruplani u t-twaqqif tal-kumpanija sussidjarja Azzurra Air kienu parti minn sensiela ta' investimenti li kienet qiegħda tagħmel il-kumpanija bl-għan illi tiżviluppa strateġija ġdida għall-operat tal-kumpanija, iżda kif nafu dawn l-investimenti kienu għamlu iktar deni milli ġid minħabba li dawn l-investimenti ma kinux adattat għall-mudell ta' negozju li kienet topera bih kumpanija. Matul l-aħħar diċenji tal-operat tagħha, il-linja nazzjonali tal-ajru baqgħet tonqos milli tiżviluppa starteġija adattata għaliha li setgħet tittrasforma t-telf li kienet qiegħda tirreġistra l-kumpanija fi qligħ. Madanakollu, b'mod konkret din it-trasformazzjoni meħtieġa fil-kumpanija qatt ma kienet saret; il-kumpanija kienet għadha qiegħda tesperjenza l-impatti negattivi kkaġunati mid-deċiżjonijiet li kienu ttieħdu matul is-snin disgħin, u għaldaqstant, il-kumpanija tal-ajru u l-ħaddiema tagħha kienu jinsabu f'qagħda ta' inċertezza severa. Din l-inċertezza kienet xprunata mill-fatt illi l-kumpanija baqgħet tirreġistra telf b'mod konsistenti sena wara sena, u għaldaqtsant kien qiegħed jidher b'mod ċar illi l-linja tal-ajru kienet qiegħda topera b'mudell ta' negozju żbaljat u li ma kienx adattat u vijabbli. Fost id-difetti li kellu dan il-mudell ta' negozju, wieħed seta' jinnota l-ammont ta' operazzjonijiet mhux profittabbli li kienet qiegħda topera l-kumpanija. Matul is-snin tal-operat tagħha, il-kumpanija Air Malta kienet qiegħda titlef għadd ta' opportunitajiet ta' negozju minħabba li l-linja tal-ajru ma baqgħetx tħaddem strateġiji li kienu qegħdin iħallu qligħ finanzjarju; dan kien deher b'mod evidenti meta l-kumpanija kienet qiegħda tnaqqas l-ammont ta' operazzjonijiet fi swieq li kienu diġa' profittabbli għall-kumpanija, bħalma kien is-suq tar-Renju Unit. Dan mhux biss kien ifisser telf ta' negozju u profitti għall-kumpanija, iżda kien ifisser ukoll illi l-kumpanija kienet qiegħda tispiċċa tagħti prijorita' lil swieq oħrajn li ma kienux daqstant profittabbli għall-kumpanija. Ftit snin qabel l-għeluq tagħha, il-linja nazzjonali tal-ajru kienet qiegħda topera titjiriet lejn 37 destinazzjoni differenti, b'uħud minnhom ikunu destinazzjonijiet li ma kinux strateġiċi għall-kumpanija u għaldaqstant l-introduzzjoni ta' dawn ir-rotot tal-ajru kienet qiegħda ssarraf f'telf finanzjarju kontinwu, tant illi fl-aħħar snin tal-operat tagħha, il-kumpanija kienet qiegħda tagħmel telf medju ta' 4,075 EUR ma' kull vjaġġ illi kienet topera l-kumpanija, illi kien ifisser ukoll telf ta' madwar 170,000 EUR kuljum. L-ispejjeż tal-pagi kienu qed jogħlew ħafna wkoll, din kienet ir-raġuni għaliex eventwalment l-ammont ta' impjegati kien tnaqqas bin-nofs għal ftit aktar minn 300 impjegat f'Jannar tas-sena 2022, bl-għan biex jiffranka s-somma ta' 15,000,000 EUR fis-sena. Dan l-avviċiniment ġie deskritt bħala aktar effettiv mill-miżuri meħuda mill-gvernijiet tal-passat, u huwa kuntrast qawwi mid-deċiżjonijiet meħuda storikament immirati sabiex isalvaw il-linja tal-ajru. Matul is-snin, partikolarment fis-snin illi l-kumpanija kienet qiegħda tirreġistra it-telf, amministrazzjoni wiegħdet illi tittrasforma lill-Air Malta minn kumpanija tirreġistra t-telf għal kumpanija li tirreġistra l-qligħ. Il-problema kienet illi l-gvernijiet kienu qegħdin jaraw kollox fil-perspettiva ta' ċiklu elettorali wieħed u għaldaqstant ma kienux daqstant lesti li jieħdu deċiżjonijiet iebsa, bħalma kienet id-deċiżjoni tat-tnaqqis fl-ammont tal-impjegati. Il-linja nazzjonali tal-ajru ma setgħet qatt issib stabbilita' meta kellna gvernijiet illi kienu qegħdin iwaqqgħu l-progress li għamlu ta' qabilhom b'pika politika sabiex jintroduċu strateġiji li kienu jridu huma u mhux illi kienet teħtieġ il-kumpanija. Kienu ġew imwiegħda ħafna strateġiji differenti għall-kumpanija, bħalma kienu titjiriet lejn destinazzjonijiet bħall-Istati Uniti u l-Indja, ftehimiet ma' linji tal-ajru oħrajn sabiex jixtru uħud mill-ishma fil-kumpanija u saħansitra kien ġie propost illi l-kumpanija terġa topera titjiriet domestiċi bejn reġjuni f'pajjiżi Ewropej, minkejja li l-linja nazzjonali tal-ajru Alitalia kienet sofriet falliment finanzjarju meta kienet qiegħda topera titjiriet reġjonali fl-Italja, minħabba li t-trasport fuq l-art minn mezzi bħall-ferroviji xorta waħda kien iktar popolari. Għaldaqstant, filwaqt illi dawn l-istrateġiji proposti kienu jinstemgħu pożittivi, dawn ma kinux strateġiji ideali għall-kumpanija u eventwalment kienu tneħħew minn fuq l-aġenda tal-linja nazzjonali tal-ajru. Matul is-snin, intqal ħafna kliem fieragħ minn gvernijiet, iżda l-ebda gvern ma kien ħaddem fil-prattika strateġija realistika u vijabbli. Fi kliem ieħor; intqal ħafna u ma sar xejn. In-nuqqas ta' azzjoni kien ikkaġuna perjodu ta' staġnar fil-kumpanija, u għaldaqstant l-kumpanija ma kellhiex viżjoni maħsuba u mifruxa fuq perjodu twil ta' żmien. In-nuqqas ta' viżjoni ppjanata wasslet sabiex gvern wara l-ieħor ippropona proposti u strateġiji li xi kultant kienu kważi totalment opposti, u għalhekk l-indħil politiku kien qiegħed jikkawża nuqqas ta' ċertezza u stabbilita' għall-kumpanija. Il-linja nazzjonali tal-ajru setgħet biss issib saqajha li kieku amministrazzjoni kkoperat ma' ta' qabilha u ma' ta' warajha sabiex il-kumpanija setgħet iżżomm ma' strateġija partikolari, diment illi kienet għall-ġid tal-kumpanija u maħsuba sabiex tkun sostenibbli u vijabbli. Il-linja tal-ajru ma setgħet qatt topera b'mod effettiv jekk lanqas biss setgħet iżżomm ma' aġenda vijabbli waħda u tpoġġiha fil-prattika. Fis-snin ta' wara l-pandemija kienet ittieħdet azzjoni konkreta sabiex tinħoloq strateġija iktar realistika sabiex il-linja nazzjonali tal-ajru setgħet issalva fejn apparti li kienu tnaqqsu l-ammont ta' ħaddiema impjegati mal-kumpanija kienu ġew ukoll itterminati għadd ta' rotot li ma kinux profittabbli. Kienu żewġ tentattivi pożittivi u kuraġġużi li l-ebda amministrazzjoni preċedenti ma kienet kapaċi tieħu, iżda dak iż-żmien kien diġa' tard wisq sabiex setgħet tiġi salvata l-kumpanija Air Malta, anke fid-dawl tal-effetti katastrofiċi li ltaqgħu magħhom il-partijiet involuti mal-qasam tat-turiżmu, inkluż il-qasam tal-avjazzjoni. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet żball meta sostniet illi l-falliment tal-linja tal-ajru kien kaġun tan-nuqqasijiet tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, il-Ministru Caruana għamel dak kollu li seta' sabiex isalva l-kumpanija, tant illi ma qgħadx lura milli jieħu deċiżjonijiet iebsa li ħaddieħor ma kienx għamel fiż-żmien meta kellhom isiru. Ma nistgħux nibqgħu nirraġunaw bil-partiġġjaniżmu sfrenat, mhuwiex ġust li nitfgħu t-tort fuq persuna li sab linja tal-ajru mfarrka. B'maturita' politika rridu nammettu li ż-żewġ partiti politiċi għamlu żbalji fit-tmexxija tal-kumpanija, jekk se nibqgħu nittrattaw dan is-suġġett minn lenti partiġġjana se nerġgħu nirrepetu l-istess żbalji.


'' Jidher illi l-linja tal-ajru ta' Malta, illi qiegħda tiltaqa' ma' diffikulta' finanzjarja, qiegħda topera fuq ħin misluf. Diversi sorsi qegħdin jirrappurtaw illi diġà tfasslu u ġew approvati pjanijiet li se jaraw lill-Air Malta xolta u twieldet mill-ġdid b'mod simili għall-ITA Airways tal-Italja. '' - simplyflying

Fis-sena 2012, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-pjanijiet ta' ristrutturar illi kienu tħejjew mill-Gvern Malti bl-għan illi tiġi żviluppata strateġija għall-linja nazzjonali tal-ajru, iżda wieħed għandu jistaqsi kemm verament kienet għaqlija din l-istrateġija. Kif diġa' ġie stabbilit, il-kumpanija Air Malta kellha abbundanza ta' assi, illi kienu jipprovdu lill-kumpanija bi qligħ addizzjonali, iżjed sigurta' finanzarja u iżjed flessibbilita' fl-operat tagħha. Permezz ta' dawn l-assi, il-kumpanija kellha mudell ta' negozju li kien ibbażat fuq il-varjeta' fis-servizzi li kienet toffri u għaldaqstant il-kumpanija ma kinitx qiegħda toffri servizzi fil-qasam tal-avjazzjoni biss, iżda kienet qiegħda toffri wkoll servizzi ta' akkomodazzjoni turistika u ta' ospitalita'. Dawn is-servizzi addizzjonali kienu qegħdin jiġi provduti minn kumpaniji sussidrarji li kienu amministrati mil-linja nazzjonali tal-ajru, billi din kellha ammont sostanzjali ta' investimenti, fl-għamla ta' ishma finanzjarji, fl-istess kumpaniji sussidjarji. Minkejja li dawn l-investimenti kienu ta' vantaġġ għall-kumpanija Air Malta, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea kienu bdew jimponu lill-kumpanija sabiex tbigħ l-ammont totali tal-ishma li kellha fil-kumpaniji sussidjarji tagħha filmkien ma' ammont sostanzjali mill-assi tagħha. Filwaqt illi dan il-bejgħ jista' jiġi nterpretat bħala mezz għall-kumpanija sabiex tiġġenera qligħ, wieħed għandu jikkunsidra wkoll l-iżvantaġġi sinifikanti li kkawża dan il-bejgħ, speċjalment fil-kuntest illi l-kumpanija ma kinitx qiegħda toħloq strateġiji vijabbli ġodda sabiex tpatti għat-telf ta' investimenti. Il-linja tal-ajru, illi kienet ħabbret telf li jammonta għal 31,000,000 EUR fis-sena 2009, kienet xprunata mir-regoli Ewropej sabiex tibda tbigħ operazzjonijiet mhux ewlenin, bl-għan illi tiffoka biss fuq in-negozju tal-linji tal-ajru. Dawn l-isforzi kienu parti integrali mir-rsitrutturar illi kienet qiegħda tagħmel il-kumpanija bejn is-sena 2010 u s-sena 2012, iżda fis-snin ta' qabel il-kumpanija diġa' kienet biegħet assi importanti, fosthom il-Ħal Ferħ Holiday Complex u Holiday Inn, filwaqt illi baqgħet b'mod konsistenti tbigħ l-ishma li kellha fil-kumpaniji sussidjarji tagħha, illi spiċċaw ingħalqu darba għal dejjem. Fis-sena 2011, fil-perjodu li fih il-kumpanija kienet qiegħda twettaq ir-ristrutturar tagħha, kienet ingħalqet il-lukanda Selmun Palace Hotel. L-għeluq ta' din il-lukanda kien fisser ukoll t-terminazzjoni tal-impjiegi ta' bosta ħaddiema, minkejja l-istess ħaddiema kien informati mill-Gvern Malti li l-ħsieb inizzjali kien illi l-ħaddiema jiġu trasferiti lill-investituri li kellhom jixtru l-proprjeta'. Minkejja li din il-lukanda kienet ingħalqet, it-tentattivi sabiex tinbigħ kienu fallew u għaldaqstant il-kumpanija Air Malta qatt ma kienet ħadet sold wieħed mill-għeluq ta' din l-operazzjoni. Wieħed għandu jsemmi wkoll illi meta uħud minn dawn il-propjetajiet kienu qegħdin jinbiegħu, il-qligħ iġġenerat mill-bejgħ ma kienx imur totalment għand il-kumpanija iżda kien jinqasam bejnha u l-Gvern Malti, illi kien ifisser inqas qligħ potenzjali għall-kumpanija. Għalhekk, wieħed bir-raġun jistaqsi kemm verament kien effettiv ir-ristrutturar illi kienet qiegħda twettaq il-linja nazzjonali tal-ajru, tant illi fit-tmiem tas-sena finanzjarja 2012/2013, l-Air Malta kienet għamlet telf ta' 30,000,000 EUR, minkejja li l-pjanijiet ta' ristrutturar kienu qegħdin ibassru telf ta' 15,000,000 EUR għall-istess sena. Anke meta t-telf beda jonqos gradwalment, wieħed għandu jikkunsidra li dan ġara minħabba li l-kumpanija kienet qiegħda tgħaddi minn proċeduri ta' bejgħ ta' investimenti strateġiċi, terminazzjoni ta' impjiegi, u tnaqqis fl-ammont ta' titjiriet. Għalhekk, wieħed għandu jikkunsidra li anke wara l-pjanijiet ta' ristrutturar tal-2012, il-kumpanija ma kinitx waħda li tagħmel il-qligħ, tant illi mis-sena 2012 'il quddiem it-telf finanzjarju kien jissupera lid-dħul finanzjarju tal-kumpanija mill-operat tagħha. Minkejja li l-kumpanija kellha bżonn tgħaddi minn proċessi sabiex tnaqqas l-infiq finanzjarju tagħha, billi fost deċiżjonijiet oħrajn tnaqqas l-ammont ta' ħaddiema u tinnegozja magħhom kundizzjonijiet iktar sostenibbli, xorta jibqa' l-fatt illi l-kumpanija ma kellhiex biss tiffoka fuq it-tnaqqis, iżda kellha tiffoka wkoll fuq l-iżvilupp ta' negozju ġdid. Il-miżuri li ttieħdu waqt il-proċess ta' ristrutturar kienu iktar jiffokaw fuq iż-żarmar tal-kumpanija milli fuq l-iżvilupp tagħha. Anzi, wieħed jista' jgħid li l-proċess ta' ristrutturar kien qiegħed saħansitra joħloq problemi ġodda għall-kumpanija, tant illi wara li l-linja tal-ajru kienet iddeċidiet illi tnaqqas il-flotta tagħha billi tbigħ żewġ ajruplani, l-istess linja tal-ajru kellha tikri iżjed ajruplani sabiex tlaħħaq mad-domanda li kienet qiegħda tgħolli rasha waqt staġuni popolari. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fl-ammont ta' titjiriet kien qiegħed ifisser illi l-kumpanija ma baqgħetx topera titjiriet b'mod frekwenti lejn destinazzjonijiet strateġiċi fir-reġjun tal-Mediterran, fosthom it-Tuneżija, illi kienet destinazzjoni li kienet tiġġenera profitti sinifikanti għall-kumpanija. Għaldaqstant, kien ikun iktar għaqli li kieku l-kumpanija għażlet illi tnaqqas l-ammont ta' rotot illi kienet qiegħda topera milli tnaqqas l-ammont ta' titjiriet illi kienet topera. Eventwalment, il-kumpanija tal-ajru kienet għażlet illi tnaqqas l-ammont ta' rotot minn 37 għal 25, sabiex b'hekk il-kumpanija setgħet tiffoka iżjed fuq destinazzjonijiet illi kienu jrendu qligħ għaliha. Il-pjanijiet ta' ristrutturar ma kinux ipprovdew ir-riżultati mixtieqa, tant illi l-kumpanija baqgħet waħda li tirreġistra telf sena wara sena. Fis-sena 2018, il-kumpanija Air Malta kienet irreġistrat profitt marġinali ta' 1,200,000 EUR, iżda wieħed għandu jikkunsidra li dan ġara biss wara li l-kumpanija kienet biegħet slots fl-ajruporti ta' Gatwick u Heathrow, illi huma żewġ ajruporti mill-iktar strateġiċi fir-Renju Unit, speċjalment għal-linja nazzjonali tal-ajru ta' pajjiżna. Dawn kienu assi mill-iktar importanti għall-kumpanija u l-bejgħ tagħhom bla dubju kienet deċiżjoni żbaljata. Il-fatt illi l-kumpanija kellha tibqa' tbigħ l-assi tagħha sabiex tibqa' topera hija prova li l-pjanijiet ta' ristrutturar tas-sena 2012 ma kienux qegħdin jipprovdu alternattivi għall-kumpanija. Il-bejgħ tal-assi ma solva l-ebda problema u l-bejgħ tal-assi kellha tkun l-aħħar deċiżjoni li kellha tieħul-kumpanija. Il-kumpanija kellha tara kif setgħet tiżviluppa b'mod illi topera varjeta' ta' servizzi b'ammont ridott ta' ħaddiema. Il-bejgħ tal-assi daħħal lill-kumpanija f'ċirku vizzjuż, tant illi l-kumpanija bdiet tiżżarma biċċa biċċa, dan filwaqt illi l-kumpanija naqset milli tikkrea strateġija ġdida sabiex tissostitwixxi l-istrateġija li hija kienet iddeċidiet illi twarrab. Hawnhekk wieħed għandu jsemmi wkoll illi s-sussidji mogħtija waqt ir-ristrutturar, illi kienu jammontaw għal 130,000,000 EUR, kienu l-aħħar sussidji li kienu ngħataw lill-kumpanija qabel l-għeluq tagħha, minħabba li l-Unjoni Ewropea ma baqgħetx tippermetti lill-Gvern Malti sabiex jibqa' jassisti b'mod finanzjarjament lill-kumpanija tal-ajru.


Il-bejgħ ta' assi fi żmien ta' kriżi, speċjalment għal linja tal-ajru, jista' jikkaġuna diversi impatti negattivi u żvantaġġi sinifikanti. Il-bejgħ ta' assi bħal inġenji tal-ajru, faċilitajiet tal-ajruport, jew tagħmir ta' valur jista' jwassal għal tnaqqis fil-kapaċita' operattiva ta' linja tal-ajru. Dan jista' jirriżulta f'kapaċita' mnaqqsa sabiex il-kumpanija tkun tista' issostni rotot eżistenti, tikkompetu ma' linji tal-ajru oħra, u tissodisfa d-domanda tal-klijenti tagħha. Il-linji tal-ajru jiddependu fuq id-daqs tal-flotta, l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tas-servizz tagħhom biex jiddistingwu ruħhom mill-kompetituri. Il-bejgħ ta' assi jista' jnaqqar il-vantaġġ kompetittiv ta' kumpanija, li potenzjalment iwassal għal telf tas-sehem tas-suq. Il-bejgħ ta' assi jista' jipprovdi infużjoni ta' flus kontanti għal żmien qasir, iżda jista' jirriżulta wkoll fit-telf ta' flussi ta' dħul fit-tul. Inġenji tal-ajru, pereżempju, jiġġeneraw dħul permezz tal-bejgħ tal-biljetti u s-servizzi tal-merkanzija. Il-bejgħ ta' dawn l-assi jista' jkollu impatt fuq il-kapaċita' ta' linja tal-ajru li tiġġenera dħul konsistenti, għaliex jekk bħalma ngħidu aħna linja tal-ajru tiddeċiedi li tbigħ inġenji tal-ajru iżda tkompli toperahom billi tikrihom lura, dan jista' jwassal għal żieda fl-ispejjeż operattivi fil-forma ta' pagamenti tal-kiri. Dawn l-ispejjeż tal-kiri jistgħu jkunu sostanzjali u jistgħu jnaqqsu l-profitt. Il-bejgħ ta' assi jista' jfixkel il-kapaċita' ta' linja tal-ajru li tespandi u tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet ta' tkabbir ladarba kriżi partikolari tkun intemmet. Dan jista' jillimita l-abbilta' tal-linja tal-ajru li tikkapitalizza fuq suq li qed jirkupra gradwalment. Il-bejgħ ta' assi jista' jikkaġuna għadd ta' konsegwenzi fiskali u implikazzjonijiet finanzjarji, bħal taxxi fuq il-qligħ kapitali u aġġustamenti tal-kontabilita'. Dawn il-fatturi finanzjarji jistgħu jaffettwaw is-saħħa finanzjarja ġenerali ta' linja tal-ajru. Il-bejgħ ta' assi jista' jaffettwa b'mod negattiv l-immaġni ta' linja tal-ajru u l-perċezzjoni tal-investitur. Il-partijiet interessati jistgħu jinterpretaw bejgħ bħal dan bħala sinjal ta' tbatija finanzjarja, li jista' jnaqqar il-fiduċja u l-kunfidenza fil-linja tal-ajru. It-tnaqqis tal-bażi ta' assi ta' linja tal-ajru jista' jwassal għal flessibbiltà operazzjonali mnaqqsa. Dan jista' jillimita l-kapaċità tal-linja tal-ajru li tadatta għall-kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu u l-preferenzi tal-klijenti. Il-bejgħ ta' assi jista' jnaqqas il-kollateral disponibbli għall-iżgurar ta' self jew finanzjament, u jagħmilha aktar diffiċli għal-linja tal-ajru sabiex taċċessa l-kapital fil-futur. Il-bejgħ tal-assi jista' jirriżulta f'sensji jew tnaqqis fil-forza tax-xogħol, li jaffettwa l-għijxien tal-impjegati u potenzjalment jagħmel ħsara lill-moral u lill-kultura tal-kumpanija. Il-linji tal-ajru tipikament jiddeprezzaw l-assi tagħhom maż-żmien. Il-bejgħ ta' assi b'valur aktar baxx mill-valur kontabbli tagħhom jista' jirriżulta f'telf fil-kontabilita'. L-industrija tal-linji tal-ajru ħafna drabi tesperjenza fluttwazzjonijiet ċikliċi, u l-bejgħ tal-assi jista’ jissagrifika s-sostenibbilta' fit-tul għal stabbilita' finanzjarja għal żmien qasir. Filwaqt li l-bejgħ tal-assi jista’ jipprovdi injezzjoni ta’ finanzjament temporanju u malajr waqt kriżi, ħafna drabi dan il-bejgħ jġib miegħu b’iżvantaġġi sinifikanti għal linja tal-ajru, inkluż kapaċità operattiva mnaqqsa, telf ta’ vantaġġ kompetittiv, u konsegwenzi negattivi potenzjali fit-tul. Konsiderazzjoni bir-reqqa u strateġija maħsuba sew huma essenzjali meta jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn fi żminijiet ta’ sfida. L-iżball maġġuri li kienet għamlet il-kumpanija ma kinitx id-deċiżjoni li jinbiegħu l-assi, iżda kien illi bħallikieku l-għijxien tal-kumpanija kien qiegħed jiddependi primarjament fuq it-tqaċċit u fuq l-bejgħ ta' proprjetajiet, ishma u inġenji tal-kumpanija. In-nuqqas ta' ħolqien ta' strateġija vijabbli u negozju ġdid ħalla lill-kumpanija fi staġnar finanzjarju kbir. Fis-sena 2020, il-pandemija tal-Covid-19 kienet ħolqot kriżi ekonomika li kkaġunat riperkussjonijiet sinifikanti fuq oqsma globali, inkluż għall-qasam tal-avjazzjoni kollu. Din il-kriżi laqtet lill-kumpaniji tal-ajru kollha; saħansitra anke lil-linji tal-ajru ġganti fil-qasam tal-avjazzjoni, fosthom Lufthansa, British Airways, AirFrance-KLM u Ryanair. Din il-kriżi kienet ikkaġunat telf finanzjarju katastrofiku għal-linji tal-ajru, minħabba li l-pandemija kienet telfet ħafna negozju potenzjali billi l-industrija tat-turiżmu ta' bosta pajjiżi kienet staġnat minħabba r-restrizzjonijiet tal-moviment. Dan it-telf finanzjarju kollu kien xpruna lil bosta linji tal-ajru sabiex jikkollassaw u jiddikjaraw lilhom infushom bħala falluti. Għaldaqstant kienu bosta linji tal-ajru li kellhom jwaqqfu ħesrem l-operat tagħhom; fosthom l-linja nazzjonali tal-ajru Taljana, Alitalia, illi kienet iddikjarata falluta u li eventwalment kienet ġiet sostitwita permezz ta' kumpanija tal-ajru ġdida bl-isem ITA Airways, illi kienet saret il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida tal-Italja. Billi l-kumpanija Air Malta kienet diġa' f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja, nistgħu ngħidu li l-pandemija kienet tefgħet lil-linja tal-ajru mit-taġen għal ġon-nar, hekk kif il-pandemija kienet ikkaġunat iżjed diżgwid rigward il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, iżjed telf ta' negozju u iżjed telf ta' finanzi. Billi l-Air Malta ma kinitx żviluppat strateġija ekonomika li kienet vijabbli u tipprovdi finanzjament għall-kumpanija, din bl-ebda mod ma kienet ippreparata sabiex tilqa' għal kriżi bħalma kienet il-kumpanija. Bosta jorbtu l-falliment tal-kumpanija mal-pandemija, iżda jiena nemmen illi li kieku l-kumpanija wżat il-perjodu ta' ristrutturar sabiex tibni mill-ġdid lilha nfisha u tintroduċi mudell ta' negozju profitabbli, żgur illi l-kumpanija kienet tkun f'qagħda iktar b'saħħitha sabiex taffaċċja lill-kriżijiet ekonomiċi li kienet ikkaġunat il-pandemija. Irridu nżommu f'moħħna li l-għeluq tal-kumpanija seta' jiġi evitat, iżda jidher illi kien hemm interessi oħra, fosthom politiċi, li spiċċaw ħadu preċedenza fuq l-eżistenza tal-linja nazzjonali tal-ajru tagħna stess, illi kienet tant strateġika u importanti għall-iżvilupp ta' pajjiżna.


Għeluq.


Malta talbet il-permess tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tippompja pakkett ta' sussidji lill-Air Malta fl-aħħar tentattiv biex issalva l-linja tal-ajru li tinsab f’diffikultà. Il-Gvern issuġġerixxa pjan ta’ finanzjament ta’ għajnuna mill-istat fuq ħames snin li kellu jgħin sabiex l-Air Malta setgħet tinbidel f’intrapriża sostenibbli, illi tagħmel profitt. Dawn is-sussidji ma kinux ġew approvati.


Hekk kif bosta gvernijiet Ewropej bdew jagħtu injezzjonijiet fiskali lil-linji nazzjonali tal-ajru ta' pajjiżhom, il-Gvern Malti kien beda taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea bl-għan illi jinnegozja pjanijiet ta' ristrutturar ġodda għall-kumpanija Air Malta, fil-kuntest illi l-pjanijiet ta' ristruttturar illi kienu ttieħdu diċenju qabel ma kinux qegħdin iħallu r-riżultati mixtieqa fil-kumpanija, illi kienet qiegħda ssofri wkoll mill-konsegwenzi negattivi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19. Dawn il-pjanijiet kellu għadd ta' ambizzjonijiet pożittivi li setgħu ttrasformaw lill-kumpanija tal-ajru f'waħda li tirreġistra l-qligħ, billi dawn il-pjanijiet kienu jinkludu l-ħolqien ta' strateġija u mudell ta' negozju ġdid. Manadakollu, dawn il-pjanijiet ta' ristrutturar kienu jitolbu lill-istess Kumissjoni Ewropea sabiex tapprova l-għoti ta' 290,000,000 EUR f'sussidji li kellhom jingħataw lil-linja nazzjonali tal-ajru mill-Gvern Malti. Kif kien mistenni, il-Kumissjoni Ewropea ma approvatx dan l-għoti ta' sussidji u talbet lill-Gvern Malti sabiex jagħlaq lill-kumpanija tal-ajru u jiftaħ oħra sabiex tisostiwxxiha, bħalma ġara bil-linja nazzjonali tal-ajru Taljana. Tajjeb jew ħażin? Li nista' huwa li hija daqxejn ta' ipokrezija min-naħa tal-Unjoni Ewropea li taċċetta l-għotja ta' sussidji lill-kumpaniji privati ġganti, inkluż anke dawk lokali, imbagħad l-istess Unjoni Ewropea ma taċċettax l-għotja ta' sussidji lill-kumpaniji tal-Istat illi jipprovdu servizzi tant meħtieġa u importanti għan-nazzjon. M'inix se noqgħod insemmi wkoll kif kumpaniji tal-ajru mmexxija mill-privati jirċievu trattament preferenjzali fuq dawk il-kumpaniji tal-ajru li huma mmexxija mill-Istat, tant illi l-kumpanija Ryanair qiegħda tingħata somom eżorbitanti ta' sussidji minn ajruporti ġganti Ewropej bil-barka tal-Unjoni Ewropea, tant illi kienu laħqu s-somma ta' 660,000,000 EUR sas-sena 2010. Irridu nżommu f'moħħna li b'mod indirett, l-għan aħħari tas-suq ħieles huwa li intrapriżi statli jiġu mminati minn intrapriżi privati u għaldaqstant il-Gvern Malti għandu l-obbligu li jipproteġi lil dawn l-intrapriżi għall-konservazzjoni tal-interess nazzjonali. Billi pajjiżna huwa arċipelagu ta' gżejjer, pajjiżna jinsab maqtugħ mill-kumplament tal-Ewropa kontinentali u għaldaqstant huwa meħtieġ illi jkun hawn preżenza ta' intrapriżi li jipprovdu konnettivita' għall-poplu, fosthom linja nazzjonali tal-ajru. Nisħaq fuq l-importanza li dawn ikunu intrapriżi Statali għaliex l-għan ewlieni ta' investituri privati huwa li jagħmlu l-qligħ u mhux illi jipprovdu servizz, u mhux dak kollu li jagħmel it-telf huwa neċessarjament mhux meħtieġ jew validu. Madanakollu, l-operat ta' dawn l-intrapriżi Statli jġibu magħhom bosta sagrifiċċji; ma jfissirx illi għaliex hija kumpanija nazjonali din ma tistax tagħmel il-qligħ, iżda dan jista' jseħħ dawn il-kumpaniji għandhom jiġu operati bħala negozju u m'għandhomx jiġu operati sabiex jaqdu interessi politiċi. Kumpanija nazzjonali tista' tiġi operata b'tali mod illi tirreġistra qligħ, iżda meta jkun hemm preżenti ndħil politiku eċċessiv fl-operat tal-kumpanija, dan iħalli riperkussjonijiet negattivi u faċilment jistgħu jisstrasformaw intrapriża profittabbli f'waħda li tagħmel it-telf finanzjarju. Dan rajnieh fil-każ tal-kumpanija Air Malta, u dan kien evidenti ukoll fil-każ ta' intrapriżi Statli oħra, bħalma kien il-każ tas-Sea Malta. Għalhekk, huwa meħtieġ illi dawn l-intrapriżi jkollhom tmexxija b'iżjed awtonomija sabiex jiġu evitati każijiet ta' abbużi politiċi li jistgħu joħonqu l-iżvilupp tal-istess intrapriża. Huwa meħtieġ ukoll illi dawn jibqgħu jevolvu u jiġġeddu, sabiex jibqgħu relevanti fil-kuntest ta' swieq u sitwazzjonijiet globali illi qegħdin kontinwament jinbidlu u jittrasformaw ruħhom.


F'April tas-sena 2023, kien sar magħruf illi Kummissjoni Ewropea ma kinitx ser tawtorizza lill-Gvern Malti sabiex jagħti l-ammont propost ta' sussidji lill-kumpanija Air Malta, u b'hekk kien evidenti li l-linja nazzjonali tal-ajru ta' Malta issa kienet waslet fit-tmiem tagħha wara ħames diċenji ta' servizz lin-nazzjon Malti. Id-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea kienet timmarka l-bidu tat-tmiem tal-kapitlu tal-Air Malta, li issa kien wasal sabiex jingħalaq wara ġrajja ta' ħamsin sena. It-tort ta' min kien illi wasalna s'hawn? Inutli li l-politiċi lokali jwaħħlu fl-avversarji tagħhom jew fil-predeċessuri tagħhom, għaliex nemmen illi kulħadd huwa ħati, għalkemm hemm min huwa ħati iktar minn ieħor tafux! Iżda mhijiex kwistjoni ta' gvern partikolari jew deċiżjoni waħda li waset lil-linja nazzjonali tal-ajru f'xifer il-falliment, għaliex dan ġara minħabba sensiela ta' deċiżjonijiet żbaljati li baqgħu jakkumulaw matul iż-żmien; mill-għoti ta' impjiegi żejda sal-bejgħ tal-assi, minn telf ta' negozju sal-pagi eżorbitanti. Dawn kienu biss uħud mid-deċiżjonijiet illi kkaġunaw telf sinifikanti ta' finanzi li eventwalment kienu waslu lill-kumpanija b'mod inevitabbli għall-falliment. Hija okkorrenza komuni li jkun hemm kumpaniji tal-ajru li jgħaddu minn diffikultajiet u sfidi, iżda xorta għadhom joperaw sal-lum għalfejn l-Air Malta kellha tfalli bil-mod kif falliet? Naħseb illi prinċipalment dan kollu ġara minħabba li l-kumpanija kienet saret irrelevanti u ma baqgħetx kompetittiva, billi din ma baqgħetx tiġġedded u tiżviluppa strateġiji u mudelli ta' negozju ġodda. Dan in-nuqqas wassal għall-perjodu ta' staġnar finanzjarju fil-kumpanija u tellef ħafna negozju potenzjali, illi wasslu sabiex il-kumpanija kienet f'qagħda dgħajfa wisq sabiex tirkupra minn kriżi maġġuri bħalma kienet il-pandemija, li ma kinitx fil-kontroll tagħna u għaldaqstant kienet inevitabbli. Issa li l-Gvern Malti ħabbar illi pajjiżna ser ikollu linja nazzjonali tal-ajru ġdida, nittama li bħala poplu nwarrbu l-partiġġjaniżmu u nieħdu tagħlima mid-deċiżjonijiet żbaljati li kienu saru fl-imgħoddi, iżda sabiex dan isir l-ewwel irridu nirrikonoxxu illi saru l-iżbalji! Nittama li l-kumpanija tal-ajru l-ġdida tkun suċċess bħalma kienet inizzjalment l-kumpanija Air Malta, sabiex ġensna jibqa' jkollu linja nazzjonali tal-ajru sabiex din tkun tista' taqdi bl-aqwa mod lill-pajjiżna billi tipprovdi l-konnettivita' u l-kummerċ li tant hija meħtieġa għal stat-gżira bħal tagħna. Huwa xieraq ukoll illi nroddu ħajr lill-kumpanija Air Malta tal-qadi tagħha lejn ġensna.

Grazzi Air Malta tas-sehem tiegħek fl-iżvilupp ta' Malta Ħielsa.

Il-memorja tiegħek tibqa' f'qalb il-poplu Malti għal dejjem.


Sondaġġ: Il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru.


AGĦTI L-OPINJONI TIEGĦEK: Taħseb illi ttieħdet deċiżjoni għaqlija rigward il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru?

  • Iva, naħseb illi ttieħdet deċiżjoni tajba.

  • Le, setgħet ġiet privatizzata għal kollox.

  • Le, setgħet ingħalqet darba għal dejjem.

  • Indeċiż.


185 views0 comments

Recent Posts

See All

Opmerkingen


Post: Blog2_Post
bottom of page