OPINJONI: IVA, IS-SOĊJALIŻMU GĦADU RELEVANTI!
- Eman Farrugia
- 1 day ago
- 5 min read

'' Il-ħassieba kritiċi fi ħdan partit politiku huma r-ruħ u mhumiex l-għedewwa. Huma dan l-ħassieba kritiċi li huma kapaċi jappellaw għal individwi moderati u għal votanti li ma jħossuhomx affiljati ma’ partit politiku. ''
Iva, is-soċjaliżmu għadu relevanti! Il-belt ta’ New York, li hija spiss deskritta bħala l-benniena tal-kapitaliżmu, issa għandha sindku lil Zohran Mamdani; li jipprofessa twemmin soċjalista. Mamdani twieled fl-Uganda, għandu dixxendenza Indjana u jipprattika r-reliġjon Musulmana. Iż-żewġ ġenituri Indjani tiegħu emigraw lejn l-Istati Uniti wara li fis-snin sebgħin, flimkien ma’ Asjatiċi oħrajn fl-Uganda, sfaw fil-mira ta’ persekuzzjoni mir-reġim ta’ Idi Amin. Minkejja kampanja qalila ta’ biża’ u theddid b’elementi ta’ xenofobija u iżlamofobija li ġiet xprunata mill-amministrazzjoni ta’ Donald Trump u minn esponenti fiż-żewġ partiti maġġuri tal-Istati Uniti; saħansitra anke mill-Partit Demokratiku; Mamdani rnexxielu jegħleb kull ostaklu li sab u kiteb l-istorja. Ir-rebħa storika tiegħu bħala sindku mhijiex biss xhieda evidenti li l-kampanji tal-biża’ u t-theddid ma jimpressjonawx lill-elettorat, iżda hija xhieda wkoll li l-elettorat għadu mxennaq għas-soċjaliżmu. B’kisba ta’ 50.4% tal-ammont totali ta’ voti, Mamdani; billi fassal pjan politiku konsistenti li jaħseb f’kulħadd, bil-preżenza umli tiegħu mal-poplu fit-toroq, u b’karattru enerġetiku u kariżmatiku; ma rnexxilux jiġbed biss is-simpatija tal-poplu ta’ New York iżda rnexxielu jiġbed is-simpatija anke ‘l barra mill-ixtajta tal-Istati Uniti. Ir-rebħa tiegħu qiegħda tnissel tama fil-movimeti xellugin madwar id-dinja, b’mod partikolari dawk fid-dinja tal-Punent, li qegħdin jissieltu f’ambjent politiku soffokanti li donnu ġie maħtuf mill-populiżmu u mill-faxxiżmu. Mis-suċċess tiegħu, hemm ħafna x’jistgħu jitgħallmu l-partiti politiċi xellugin fl-Istati Uniti, fl-Ewropa u fuq kollox; f’Malta.
Matul il-kampanja elettorali, Mamdani kellu jitqabad kontra kull ostaklu u minn kull direzzjoni. Huwa sab appoġġ biered mill-Partit Demokratiku u minn esponenti influwenti fi ħdanu, anke wara li rebaħ l-elezzjonijiet interni fi ħdan il-Partit Demokratiku u ġie kkonfermat bħala l-kandidat Demokratiku għall-elezzjoni tal-kunsill tal-belt ta’ New York. Għajr għall-appoġġ li sab mingħand esponenti Demokratiċi progressivi bħal Bernie Sanders u Alexandria Ocasio Cortez, l-appoġġ li Mamdani ngħata minn ċerti esponenti ewlenin fi ħdan il-Partit Demokratiku; bħall-eks President Barack Obama u l-eks kandidata għall-Presidenza tal-Istati Uniti Kamala Harris; kien passiv u dgħajjef. Min-naħa l-oħra, kien hemm bosta membri influwenti oħrajn, fosthom għadd ta' senaturi, rappreżentanti u membri fl-amministrazzjoni tal-Partit Demokratiku li opponew fil-beraħ il-kandidatura ta’ Mamdani. Dan kollu huwa xhieda ċara li l-Partit Demokratiku huwa mbiegħed mill-votanti tiegħu stess u qiegħed jonqos milli jifhem x’viżjoni ta’ politika għandhom. Huwa għajb li għad ta’ demokraziji fil-Punent spiċċaw maħtufa minn klikka ta’ negozjanti kapitalisti kbar li jużaw il-ġid tagħhom sabiex jinfluwenzaw il-pożizzjonijiet ta’ partit politiku sħiħ. Din il-klikka; meta tintebaħ li hemm politiku li lest jisfida l-monopolju tagħhom fil-politika billi jegħleb l-istatus quo; tara li titħabbeb mal-partiti politiċi permezz ta’ għotjiet kbar ta’ flus sabiex tinfluwenza u timmina d-demokrazija. Filfatt, fil-każ ta’ Mamdani, kien hemm mill-inqas 26 donatur biljunarju li opponew il-kandidatura ta’ Mamdani billi pprovdew finanzjaemnt li jammonta għal madwar $22 miljun lill-eks-Gvernatur ta’ New York Andrew Cuomo, li kkontesta bħala kandidat indipendenti wara li tilef l-elezzjonijiet interni fi ħdan il-Partit Demokratiku u ma ntagħżilx bħala l-kandidat Demokratiku. Minkejja li kien jidher impossibbli li jista’ qatt jiġi sidat il-poter li għandhom in-negozjanti, Mamdani rnexxielu jegħleb din il-perċezzjoni. Mamdani mhux biss sab oppożizzjoni minn dawn in-negozjanti minħabba l-miżuri soċjali li wiegħed li se jwettaq, iżda sab ukoll tkixkil minn gruppi tal-'lobbying' li għandhom tendenzi pro-Iżraeljani minħabba li Mamdani hwua voċiferu favur id-drittijiet tal-poplu Palestinjan u kontra l-ġenoċidju li wettaq il-gvern Iżraeljan fil-Medda ta’ Gaża.
Meta ntebħu li l-finanzjament mhuwiex se jkun biżżejjed sabiex jirnexxielhom jipperswadu lill-poplu ta’ New York sabiex ma jeleġġux lil Mamdani bħala sindku, l-opponenti tiegħu kellhom jirrikorru għal kampanja qalila ta’ biża’ u theddid ibbażata fuq miżinformazzjoni bl-għan li tiżgwida lill-poplu ta’ New York billi tassassina l-karattru tal-kandidat. Kienu bosta dawk li; aktarx qatt ma qraw paragrafu wieħed mill-kitbiet ta’ Karl Marx li jfissru l-Komuniżmu; ittimbraw lil Mamdani bħala Komunista bħallikieku għadna fi żmien il-bidu tal-Gwerra l-Bierda fejn kull min kien ixaqleb kemm kemm lejn ix-xellug kien jiġi ttimbrat bit-titlu ta’ Komunist. Meta wieħed jara l-manifest elettoral ta’ Mamdani, malajr jintebaħ li r-riformi tiegħu ma huma xejn għajr riformi soċjali bażiċi li ilhom fil-kontinent Ewropew sa mill-bidu tal-ewwel forma ta’ ‘welfare state’. Filfatt, dawn ir-riformi b’mod evidenti ġew milqugħa mingħand elettorat li kien ilu jistenna t-twettiq ta’ dawn it-tip ta’ riformi soċjali bażiċi; bħalma huma ż-żieda fil-paga minima, it-trasport b’xejn, it-tisħiħ ta’ tassazzjoni iktar progressiva u kontrolli fil-kera sabiex il-proprjeta’ tkun iżjed affordabbli. Dawn il-proposti ma huma xejn ħlief proposti li tistenna mingħand politiku soċjalist-demokratiku, iżda x-xena politika Amerikana hija tant nieqsa minn politka xellugija li kwalunkwe miżura li għandha tendenzi xellugin tispiċċa ttimbrata bħala miżura Komunista; anke mingħand esponenti tal-Partit Demokratiku li suppost huma xellugin. Verament li fl-Istati Uniti hemm żewġ partiti politiċi tal-lemin li jgħajru lil xulxin Komunisti u li ma jafux xi jfisser il-Komuniżmu.
Minn dan kollu, x’għandhom il-partiti politiċi xellugin fl-Istati Uniti, fl-Ewropa u fuq kollox; f’Malta?
Qabel xejn, ir-rebħa ta’ Mamdani hija lezzjoni għall-partiti politiċi li jinsabu fuq l-ispettru politiku tax-xellug; inkluż il-Partit Laburista Malti. Mis-suċċess ta’ Mamani, il-partiti xellugin għanhom jitgħallmu jgħarfu li l-ħassieba kritiċi fi ħdan partit politiku huma r-ruħ u mhumiex l-għedewwa. Huma dan l-ħassieba kritiċi li huma kapaċi jappellaw għal individwi moderati u għal votanti li ma jħossuhomx affiljati ma’ partit politiku. Huwa għajb li dawn il-ħassieba spiss jitwarrbu mill-partiti politiċi tagħhom għaliex ikunu ta’ skumdita’ għall-barunijiet u d-donaturi. Bħalma Mamdani twarrab mill-Partit Demokratiku għaliex mhuwiex politiku konvenzjonali, hekk ukoll fix-xena lokali naraw ħassieba kritiċi fi ħdan il-partiti politiċi Malin; inkluż il-Partit Laburista; li jispiċċaw fil-mira ta’ attakki minn dawk li huma politikament limitati bl-għamad tal-partiġġjaniżmu. Fi ħdan il-Partit Laburista, hemm bosta vuċijiet kritiċi li jsemmgħu leħinhom rigward kwistjonijiet partikolari; bħall-kwistjoni riċenti tal-abbozzi ta’ liġi 143 u 144; b’tali mod li jopponu l-pożizzjoni adottata mill-partit politiku, iżda dan jagħmluh b’konvinzjoni soċjalista. Din il-kritika m’għandhiex tipi pperċeputa bħala turija ta’ antagoniżmu lejn il-Partit Laburista u dak kollu li jirrappreżenta; anzi, bil-maqlub! Huma dawn il-ħassieba kritiċi li minn żmien għal żmien jassiguraw li l-Partit Laburista jibqa’ saqajh mal-art u sod mal-ideoloġija xellugija; u speċifikament dik soċjalista; li hija l-għerq tal-proġett politiku kollu Laburista. Bħala xellugin irridu niftakru li l-politika xellugija mhijiex biss ibbażata fuq it-tisħiħ tad-drittijiet ċivili; li huma importani; iżda hija bbażata wkoll fuq distribuzzjoni ekonomika ġusta.
Ir-rebħa ta’ Mamdani hija turija ċara li l-partiti xellugin huma kapaċi jgħelbu lill-populiżmu tal-lemin estrem u lill-faxxiżmu; li qegħdin dejjem jgħollu iktar rashom fid-dinja tal-Punent; jekk dawn jerġgħu lura għal politika li terġa’ tibda tindirizza t-tħassib li għandu l-votant rigward kwistjonijiet ekonomiċi; bħalma huma n-nuqqas ta’ affordabbilita’, tqassim ekwu tal-ġid u pagi suffiċjenti għall-ħaddiema. It-telfa elettorali tal-Partit Demokratiku fl-elezzjoni Presidenzjali tas-sena l-oħra wriet b’mod evidenti li l-politika soċjali tal-liberaliżmu bbażata fuq kunċetti bħal ‘identity politics’ mhijiex biżżejjed sabiex taffronta lill-politika tal-lemin u trebbaħ lill-partiti xellugin. Għalhekk, filwaqt li x-xellug politiku għandu jibqa’ jippreserva l-karattru soċjali tiegħu, għandu wkoll jerġa’ jagħraf ir-relevanza tal-kunċett Marxista ta’ ‘class struggle’ f’dinja tal-Punent li dejjem qiegħda ssir iżjed kkonsmata bill-kapitaliżmu u minn ideoloġiji politiċi perikolużi. L-elettorat tal-belt ta’ New York; il-benniena tal-kapitaliżmu; wera li għadu jara relevanza fis-soċjaliżmu. Jeħtieġ li x-xellug politiku fid-dinja tal-Punent jagħraf din ir-realta’ u jaġixxi. Din tista’ tkun il-bidu ta’ ġenerazzjoni soċjalista; mhux biss fl-Istati Uniti, iżda anke fl-Ewropa u fuq kollox; f’Malta.







Comments