top of page

OPINJONI: IT-THEDDID FIL-KONFRONT TAL-VENEŻWELA HUWA IMPERJALIŻMU.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • 3 days ago
  • 4 min read
ree
'' Jekk il-komunita’ internazzjonali se tibqa’ inattiva quddiem it-theddid fil-konfront tal-Veneżwela, m’hemm xejn li se jassigura s-sovranita’ tal-Panama u ta’ pajjiżi oħrajn ġirien tal-Istati Uniti. ''

Invażjoni Amerikana imminenti fil-Veneżwela; l-istorja tirrepeti ruħha.

 

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, rajna lill-amministrazzjoni ta’ Trump wettqet serje ta’ attakki fl-ibħra tal-Veneżwela bl-allegat għan ikun sabiex tiġi miġġielda l-industrija tat-traffikar tad-droga li topera mill-Veneżwela. Iżda hekk kif il-militar Amerikan qiegħed isaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-Karibew, huwa evidenti li l-amministrazzjoni ta’ Trump bdiet tikkunsidra bis-serjeta’ l-prospett ta’ invażjoni fuq l-art fil-Veneżwela li tista’ twassal għal bidla fir-reġim. Minkejja li l-Istati Uniti qiegħda tipprova tagħti x’tifhem li l-azzjonijiet tagħha fil-konfront tal-Veneżwela huma bl-intenzjoni sabiex jingħeleb l-awtoritarjaniżmu u titwitta t-triq għal demokrazija, l-istorja tal-Amerika Latina matul dawn l-aħħar mitt sena hija prova ċara biżżejjed li l-Istati Uniti hija biss interessata mir-riżorsi u mill-aġenda politika mħaddna mill-ġirien tagħha, u mhux jekk humiex jitmexxew b’mod demokratiku.

 

Invażjoni Amerikana fil-Veneżwela tkun fundamentalment immorali daqskemm kienet immorali l-invażjoni tal-Iraq fl-2003. Bħal fil-każ tal-invażjoni tal-Iraq, fejn l-allegati armi tal-qerda tal-massa ntużaw bħala pretest għall-invażjoni, l-intenzjoni primarja għal invażjoni fil-Veneżwela tkun sabiex jiġi assigurat aċċess għar-riżorsi naturali tal-pajjiż. Il-Veneżwela jospita l-ikbar riżervi magħruf taż-żejt fid-dinja, hekk kif huwa stmat li dawn ir-riżervi jammontaw għal madwar 310 biljun barmil. Fil-każ tal-Veneżwela, it-traffikar tad-droga qiegħed potenzjalment jintuża bħala pretest għal invażjoni meta l-intenzjoni veru tal-Istati Uniti hija evidentament l-isfruttar tar-riżorsi u l-installazzjoni ta’ governanza servili għall-interessi tagħha.

 

Storja twila ta’ indħil immotivat mir-riżorsi.

 

Sa mill-gwerra bejn Spanja u l-Istati Uniti fl-1898, l-Istati Uniti esprimiet interessi imperjalisti fil-konfront tal-ġirien tagħha fl-Amerika Latina; b’mod partikolari fl-Amerika Ċentrali u fil-Karibew. Is-serje ta’ interventi notorji minn kumpaniji u negozjanti Amerikani fil-governanza tal-pajjiżi f’dan ir-reġjun bejn l-1898 u l-1934; magħrufa norotjament bħala l-Gwerer tal-Banana; huma eżempju ċar tal-motivazzjonijiet imperjalisti tal-Istati Uniti. Fl-1912, it-truppi Amerikani invadew in-Nikaragwa u baqgħu jokkupaw militarment lill-pajjiu għall-ħmistax-il sena sħaħ. Kien hemm ukoll interventi simili fil-Ħonduras sabiex jinħoloq monopolju minn korporazzjonijiet Amerikani bħall-United Fruit Company illi baqgħu jiddominaw il-politika ta’ dawn il-pajjiżi matul il-Gwerra l-Bierda.

 

Huwa evidenti li l-interess tal-Istati Uniti f’dawn l-instanzi ma kienx illi jkun hemm demokrazija f’dawn il-pajjiżi, iżda li jiġu jisfruttati r-riżorsi ta’ dawn il-pajjiżi filwaqt li l-popli tagħhom ikollhom jgħixu taħt reġimi dittatorjali vjolenti u servili lejn l-interessi Amerikani; fosthom ir-reġim ta’ Banzer fil-Bolivia (1971-1978), ir-reġim ta’ Somoza fin-Nikaragwa (1936-1979), ir-reġim ta’ Rios Montt fil-Gwatemala (1982-1983), r-reġim ta’ Pinochet fiċ-Ċili (1973-1990), fost oħrajn. Dawn ir-reġimi, minkejja l-karattru awtoritarju u vjolenti tagħhom, sabu appoġġ militari, politiku u ekonomiku mill-Istati Uniti matul il-Gwerra l-Bierda bl-għan li tiġi mitigata l-firxa ta’ ideoloġiji xellugin fl-Amerika Latina, minkejja li kienu responsabbli għal għexerien ta’ eluf ta’ imwiet.

 

Fis-seklu għoxrin, kien hemm mill-inqas 87 kolp ta’ stat fl-Amerika Latina, bil-maġġoranza tagħhom orkestrati mis-CIA b’kollaborazzjoni sħiħa ma’ forzi awtoritarji tal-lemin estrem b’aġenda kapitalista u faxxista. Minkejja li r-reġim preżenti tal-Veneżwela mmexxi minn Nicholas Maduro m’għandux jiġi rromantiċizzat, l-ebda persuna konxju tal-istorja tal-Amerika Latina ma jista’ qatt jemmen li l-Istati Uniti għandha l-interess ġenwin li ssaltan id-demokrazija fil-Veneżwela.

 

Invażjoni li taf twassal għal riperkussjonijiet fil-ġejjieni.

 

Apparti li invażjoni Amerikana fil-Veneżwela hija immorali u kontradittorja għall-iżjed prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali, huwa probabbli li l-invażjoni tal-pajjiż se twassal għal telf ta’ ħajja umana f’numri kbar fuq medda ta’ snin sħaħ. Il-ġeografija tal-Veneżwela, li hija kkaratterizzata minn muntanji u foresti densi tal-Amażonja, hija fattur li żgur se sservi ta’ sfida għall-prospett ta’ invażjoni fuq l-art bħalma ġara fil-każ tal-Gwerra tal-Vjetnam.

 

Fil-bidu tal-presidenza ta’ Trump f’Jannar ta’ din is-sena, l-amministrazzjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha sabiex l-Istati Uniti terġa’ tassumi kontroll assolut fuq il-Kanal tal-Panama, anke permezz ta’ mezzi ta' aggressjoni bħal interventi militari. Il-Panama huwa pajjiż li diġa’ kien fil-mira invażjoni Amerikana fl-1989, fejn it-traffikar tad-droga wkoll kien intuża bħala pretest għal invażjoni sabiex jingħeleb ir-reġim ta' Manuel Noriega. Huwa evidenti li l-amministrazzjoni ta’ Trump għandha l-interess sabiex tibda tapplika l-aġenda imperjalista tagħha fil-konfront tal-Amerika Latina billi tniedi invażjoni fil-Veneżwela. Jekk il-komunita’ internazzjonali se tibqa’ inattiva quddiem it-theddid fil-konfront tal-Veneżwela, m’hemm xejn li se jassigura s-sovranita’ tal-Panama u ta’ pajjiżi oħrajn ġirien tal-Istati Uniti.

 

L-idea assurda, narċissista u patronizzanti li pajjiż għandu d-dritt li jindaħal sabiex ‘’jillibera’’ u ‘’jiddemokratizza’’ lil pajjiż ieħor hija idea perikoluża li ntużat bħala pretest għall-indħil fil-politika ta’ pajjiżi oħrajn u li rriżultat biss f’instabbilita’ u li qajla ġiet attwata b’suċċess; kif huwa evidenti fil-każijiet riċenti tal-Afganistan, l-Iraq u l-Libja. Kien għaqli r-rivoluzzjonarju Arġentin Che Guevara meta rrifjuta li jingħata t-titlu ta' liberatur meta qal; '' Ma jeżistux liberaturi. In-nies jilliberaw lilhom infushom ''. Jekk il-poplu Veneżwelan iħoss li għandu jillibera lilu nnifsu mir-reġim ta' Maduro sabiex jittrasforma lil pajjiżu f'demokrazija, huwa ħieles sabiex jagħmel dan daqskemm kien ħieles il-poplu Portugiż meta waħdu waqqa' r-reġim faxxista tal-Estado Novo f'inqas minn 24 siegħa fl-1974.

 

Ikun għajb illi l-istorja tirrepeti ruħha fil-Veneżwala jekk l-Istati Uniti tiddeċieċi sabiex tipproċedi bl-intenzjonijiet imperjalisti tagħha billi tagħti bidu għal gwerra insenata oħra bl-għan sabiex tipprova timplimenta r-rieda u l-interessi tagħha bil-forza f’pajjiż sovran. Minkejja li donnu m'hawnx mexxejja fl-Unjoni Ewropea li huma kapaċi jtennu dan, huwa evidenti li l-Istati Uniti huwa pajjiż aggressur u theddida globali għall-paċi daqskemm hija hekk ir-Russja. Huwa għajb għall-kredibbilita' tal-Unjoni Ewropea li l-ebda mexxej Ewropew ma ħareġ jikkundanna l-prospett ta' invażjoni fil-Veneżwela bl-istess qawwa li ġiet ikkundannata l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.



LE għal invażjoni Amerikana fil-Veneżwela.


LE għall-imperjaliżmu fl-Amerika Latina.



 

 

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page