OPINJONI: BORD TAL-PAĊI JEW KOLLEZZJONI TA' PAJJIŻI DITTATORJALI?
Updated: Jun 25

'' Kien ikun għajb għal Malta li tingħaqad ma' bord b'ambizzjonijiet kolonjali u imperjalisti għall-artijiet tal-poplu Palestinjan; bord li nzerta huwa wkoll kollezzjoni ta' pajjiżi dittatorjali u abbużivi lejn id-drittijiet umani. ''
Filwaqt li f'Malta kien għad baqa' min jtella' u jniżżel jekk pajjiżna kellux tissieħeb mal-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi, fl-Istati Uniti saret l-laqgħa inawgurali ta' dan il-bord imtappan bil-kontroversja.
Intqal li f'din il-laqgħa inawgurali nġabru flimkien rappreżentanti mill-pajjiżi msieħba flimkien mal-President Amerikan Donald Trump sabiex allegatament jipproponu strateġiji ta' rikostruzzjoni u finanzjament għal Gaża. Iżda fil-verita', wieħed malajr jista' jintebaħ malajr li dan il-bord mhu xejn għajr maskla għall-interessi espansjonisti tal-Iżrael u l-Istati Uniti kemm f'Gaża u anke lil hinn.
Il-President Trump iddeskriva l-bord bħala wieħed li għandu "potenzjal bla limitu", u sostna li jista' jsir ''l-iżjed organizzazzjoni internazzjonali importanti fl-istorja''. Huwa se jkompli jkun il-president tiegħu għal dejjem, anke wara li jħalli l-kariga ta' President Amerikan. Madankollu, huwa ovvju li l-mandat dejjem jikber tal-bord se jhedded ir-relevanza u l-funzjonijiet ta' istituzzjonijiet internazzjonali li bid-diffetti kollha tagħhom, diġa' huma stabbiliti, inkluża n-Nazzjonijiet Uniti.
Mill-50 pajjiż li ġew mistiedna sabiex jingħaqdu mal-bord, 26 pajjiż ikkonferma il-parteċipazzjoni tagħhom. Diversi potenzi Ewropej ewlenin irrifjutaw li jingħaqdu miegħu, u qajmu tħassib dwar il-merti tal-bord li dejjem qegħdin jespandu u dwar id-deċiżjoni ta' Trump li jinkludi mexxejja notorji bħal Benjamin Netanyahu u Vladimir Putin. Filwaqt li l-Prim Ministru Iżraeljan ingħaqad mal-bord, il-President Russu s'issa għadu ma weġibx għall-istedina.
L-Unjoni Ewropea, filwaqt li ma ingħaqditx bħala membru, qiegħda tibgħat lill-kummissarju tagħha għall-Mediterran bħala osservatur. Fil-jiem illi għaddew, Malta kkonfermat illi mhijiex se tissieħeb fil-bord, wara li l-gvern Malti ffaċċja kritika qawwija minħabba li l-Prim Ministru Robert Abela kien qal illi qiegħed jikkunsidra sħubija fil-bord waqt diskors fil-Parlament Malti.
Apparti li huwa ġenn li wieħed jonfoq l-ammont ta' flus mitlub sabiex iħallas il-miżata meħtieġa sabiex ikun jista' jingħaqad fil-bord, ma jagħmel l-ebda sens li Malta tiħodha kontra n-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea sabiex titħabbeb ma' Trump u titradixxi lill-poplu Palestinjan. Kemm fiskalment u kemm moralment, is-sħubija ta' Malta f'dan il-bord ma tkunx deċiżjoni għaqlija.
Kien ikun għajb għal Malta li tingħaqad ma' bord b'ambizzjonijiet kolonjali u imperjalisti għall-artijiet tal-poplu Palestinjan; bord li nzerta huwa wkoll kollezzjoni ta' pajjiżi dittatorjali u abbużivi lejn id-drittijiet umani.
L-għanijiet tal-hekk imsejjaħ ''Bord tal-Paċi.''
Is-sessjoni inawgurali ffokat fuq ir-rikostruzzjoni ta’ Gaża, illi tinsab fi stat ta' devastazzjoni totali b'riżultat tal-kampanji militari tal-Iżrael. Dawn il-kampanji, illi tnedew f'Ottubru 2023, ammontaw fit-twettiq ta' ġenoċidju fil-konfront tal-poplu Palestinjan li ħalla iżjed minn 75,000 persuna maqtula.
L-amministrazzjoni ta’ Trump ħabbret finanzjament ta’ $5 biljun, illi huma kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi membri tal-bord sabiex jiffinanzjaw l-isforzi ta’ rikostruzzjoni f'Gaża wara kampanji ta' burdament indiskriminat qerdet diversi bliet Palestinjani f'Gaża. Hija tassew ironika li l-istess pajjiż li għamel sentejn sħaħ jappoġġja finanzjarmanent u politikament il-qerda ta' Gaża issa qiegħed imexxi sforzi sabiex tiġi mibnija mill-ġdid.
Iżda wieħed ma jistax jinsa li sa ftit xhur ilu, il-President Trump kien diġa' qiegħed jesprimi l-interess tiegħu sabiex l-Istati Uniti tipparteċipa fir-rikostruzzjoni ta' Gaża; mhux sabiex jgħin lill-Palestinjani, iżda sabiex ikeċċihom minn arthom u jiżviluppaha fir-''Riviera tal-Lvant Nofsani.'' Ta' min jinnota li issa, l-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi qiegħed jipproponi l-ħolqien ta' komunitajiet magħluqa; bħal donnhom kampijiet tal-konċentrament; sabiex il-Palestinjani jibdew jiġu mgħassa kontinwament u miżmuma ta' ħabsin f'arthom stess.
Il-merti tal-bord issa ġew imwessa' taħt il-gwida ta’ Trump sabiex imorru lil hinn milli jindirizzaw l-affarijiet Palestinjani sabiex jinkludu l-indħil f'kunflitti globali oħrajn bħala prijorita' oħra tal-bord. L-uffiċjali jiddeskrivu l-viżjoni bħala waħda li tmur ''lil hinn minn Gaża'' u li hija waħda li tiffoka fuq l-għan sabiex tissaħħaħ l-eġemonija tal-Istati Uniti.
Fi preżentazzjoni minn Jared Kushner, it-tifel ta' bint il-President Trump u membru eżekuttiv tal-bord, ġie affermat illi l-pjan ta’ rikostruzzjoni jinkludi serje ta' proposti għal infrastruttura modernizzata, torrijiet għoljin u anke żoni turistiċi max-xtajta. Li wieħed tgħaddilu minn moħħu li jittrasforma ċimiterju fil-beraħ bħal Gaża fejn għad hemm eluf ta' kadavri midfuna f'Dubaj oħra huwa tassew xhieda tal-ġenn li jġib miegħu l-kapitaliżmu.
Il-viżjoni ġiet ikkritikata bir-raġun minn bosta osservaturi internazzjonali favur id-drittijiet tal-poplu Palestinjan bħala waħda kolonjali u imperjalista fl-ambitu tagħha. Dan minħabba l-fatt illi m'hemm l-ebda rappreżentazzjoni Palestinjana fuq dan il-bord minkejja li hemm rappreżentazzjoni Iżraeljana. L-istess Punent li tant isabbat saqajh fuq il-bżonn li ma jsirux negozjati fuq l-Ukrajna mingħajr l-Ukreni, issa huwa siket meta l-futur tal-Palestina qiegħed jiġi diskuss mingħajr il-Palestinjani. Għadna rridu naraw x'ħa jikkonsisti dan l-hekk imsejjaħ gvern tranżitorju f'Gaża li ġie propost mill-bord u kemm se jkollu rappreżentanza Palestinjana li tirrifletti x-xewqat tal-Palestinjani.
In-nuqqas ta' preżenza Palestinjana qiegħed qajjem dubji serji dwar kemm il-viżjoni tal-Istati Uniti hija kompatibbli mas-soluzzjoni taż-żewġ stati li kienet maqbula bejn l-Iżrael u Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) waqt l-Akkordji ta' Oslo fl-1993. Kif nafu, minkejja dan il-qbil, l-Iżrael baqgħet tikkonsolida l-okkupazzjoni tagħha fuq it-territorji Palestinjani okkupati sa mill-1967, illi jinkludu lil Gaża, Ġerusalemm tal-Ilvant u x-Xatt tal-Punent.
Min attenda u min baqa’ ’l bogħod.
Il-parteċipazzjoni wriet differenzi bejn il-potenzi globali. Il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani kienu l-aktar attivi, filwaqt li Iżrael bagħat lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Gideon Saar. Alleati tal-Istati Uniti bħall-Emirati Għarab Magħquda, il-Marokk, il-Baħrejn, l-Eġittu, l-Għarabja Sawdija, it-Turkija, il-Ġordan, il-Qatar u l-Kuwajt ukoll attendew iċ-ċerimonja inawgurali. Esponenti minn dawn il-pajjiżi qalu li l-involviment tagħhom juri kemm tħassib għal Gaza kif ukoll l-importanza tar-rabtiet tagħhom mal-Istati Uniti.
Il-parteċipazzjoni fl-Ażja-Paċifiku kienet selettiva. Il-mexxejja tal-Asja Ċentrali mill-Każakistan u l-Użbekistan, kif ukoll il-Prim Ministru Armen Nikol Pashinyan u l-President Ażerbajġan Ilham Aliyev, ukoll attendew l-ewwel laqgħa. L-Ażja tax-Xlokk kienet rappreżentata mill-President tal-Indoneżja Prabowo Subianto u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista tal-Vjetnam To Lam. Il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif ukoll attenda l-laqgħa, filwaqt li l-Indja finalment ikkonfermat il-parteċipazzjoni. L-Awstralja u New Zealand irrifjutaw jew għadhom mhux deċiżi.
L-Ewropa fil-biċċa l-kbira baqgħet fil-ġenb. Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Spanja kollha rrifjutaw sħubija fil-bord, filwaqt illi l-Ungerija u l-Bulgarija huma eċċezzjonijiet. Il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban attenda l-laqgħa. L-Italja, Ċipru, il-Greċja u r-Rumanija bagħtu l-osservaturi tagħhom, filwaqt li l-Vatikan irrifjuta li jissieħeb fil-bord u sostna li l-kriżijiet globali għandhom ikunu taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-pressjonijiet domestiċi affettwaw ħafna mexxejja li ngħaqdu ma' dan il-bord, partikolarment f'pajjiżi Għarab jew dawk b'popolazzjoni li fil-maġġoranza tagħha hija Musulmana. Fl-Indoneżja, il-parteċipazzjoni tal-President Prabowo ġibdet kritika qawwija mill-pubbliku f'pajjiżu, li ilu jappoġġja lill-kawża Palestinjana għal snin twal. Fil-Pakistan, il-Prim Ministru Sharif qiegħed jaffaċċja pressjoni sabiex jappoġġja bil-qawwa l-prinċipju ta' awtodeterminazzjoni għall-poplu Palestinjan.
Hemm min innota li l-pajjiżi ngħaqdu mal-bord kemm għal raġunijiet umanitarji u kemm sabiex iżommu relazzjonijiet tajbin ma' Washington, filwaqt li jibbilanċjaw interessi reġjonali oħrajn. Iżda wieħed jista' jinnota wkoll li dawn il-pajjiżi mhux dejjem aġixxew b'mod effettiv għad-drittijiet tal-poplu Palestinjan.
Il-Bord tal-Paċi: kollezzjoni ta' pajjiżi dittatorjali u abbużivi lejn id-drittijiet umani.
Bosta analisti u osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem innotaw li l-maġġor parti tal-pajjiżi li ssieħbu fl-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi huma pajjiżi li għandhom reputazzjoni pjuttost mtappna fejn jidħlu l-oqsma tad-drittijiet umani u l-liġi internazzjonali. Ħafna mill-pajjiżi li għażlu li jissieħbu huma pajjiżi awtokratiċi, dittatorjali jew li għandhom demokrazija difettuża. Fost dawn hemm l-Ażerbajġan, il-
Belarus, it-Turkija, l-Eġittu u l-Każakstan.
Hemm ukoll il-pajjiżi Għarab immexxija minn monarkiji li għadhom igawdu minn poteri kostituzzjonali kbar li jirrestrinġu d-demokrazija; fosthom uħud mill-monarkiji tal-Golf (l-Għarabja Sawdija, il-Qatar, il-Baħrejn u l-Emirati Għarab Magħquda), il-Ġordan u l-Marokk. Ma' dawn ingħaqdet ukoll l-Eġittu, li fi snin riċenti rat lill-President iġedded it-terminu tiegħu b'mod ripetut f'atti li ġew meqjusa bħala dittatorjali.
Imsieħba fil-bord hemm pajjiżi li huma stess fl-imgħoddi jew fil-preżent kellhom involviment f'kunflitti relatati mal-okkupazzjoni jew it-teħid tal-art bil-forza. Il-Marokk ilha tokkupa b'mod illegali u toppressa lis-Saħara tal-Punent sa mill-1975. Fl-imgħoddi, l-Indoneżja kienet invadiet u okkupat lil Timor-Leste bejn l-1975 u l-1999, fejn wettqet ġenoċidju fuq il-poplu Timoriż.
LE għas-sehem ta' Malta fin-neokolonjaliżmu f'Gaża.
XEJN dwar il-Palestina mingħajr il-Palestina.




Comments