It-telfa mhux mistennija tal-mibki eks-deputat Nazzjonalista Karl Gouder fakkritna fl-importanza li minkejja d-diverġenzi fit-twemmin politiku tagħna; dejjem u dejjem għandu jibqa' r-RISPETT.
'' Bniedem eċċezzjonali li kien xempju ta' politiku nadif, rett u eżemplari. Bħala membru ta' Żgħażagħ Laburisti noffri l-kondoljanzi sinċiera tiegħi lill-familja ta' Karl u lill-Partit Nazzjonalista. ''
Hekk iddeskrivejtu lill-mibki eks-deputat Karl Gouder li ħalliena ftit jiem ilu. Minkejja li Karl Gouder kien membru parlamentari f'isem il-Partit Nazzjonalista, it-telfa mhux mistennija tiegħu kienet ta' ħasda għal dawk kollha tar-rieda tajba fuq iż-żewġ naħat tal-ispettru politiku. Lil Karl ma kontx nafu b'mod personali; iżda dejjem niftakru bħala politiku attiv fi ħdan il-partit politiku tiegħu fl-istess waqt illi kiseb ir-rispett tal-avversarji politiċi tiegħu. Kien mument kommoventi tassew meta anke waqt l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ngħata tislima b'dinjita' minn dawk preżenti. Hekk kien jixraqlu dan il-politiku li kien tant rispettat minn kulħadd; għaliex kien moderat fl-aġir tiegħu filwaqt illi b'mod b'saħħtu kien iwassal it-twemmin politiku tiegħu. Dan kien jagħmlu mingħajr ma jinfexx f'attakki personali u partiġġjaniżmu, minkejja li sfortunatament għad hawn min juża t-tali metodi biex mingħalih jipprogressa fil-politika. Kemm hu sejjer żbaljat min jaħseb hekk!
Fil-verita', min juża dawn il-metodi sabiex iwassal il-messaġġ politiku tiegħu, qiegħed biss iżżid it-tossiċita' fl-ambjent politiku lokali u jbiegħed nies validi mix-xena politika; partikolarment żgħażagħ li jafu jibdew iħossu li għandhom ġo fihom il-vokazzjoni għall-qadi tal-poplu permezzz tal-politika. Għalhekk, l-attakki personali u l-partiġġjaniżmu mhux talli jkissru huma ħżiena għaliex isiru b'mod intenzjonat sabiex tiżdied il-firda u l-mibegħda fost is-soċjeta', iżda jheddu l-istabbilita' tax-xena politika lokali billi jiskoraġġixxu bosta individwi b'ħila u intelliġenza milli jersqu 'l quddiem u jagħtu l-kontribut tagħhom fil-politika. Mat-twemmin politiku tal-Partit Nazzjonalista u dawk imsieħba miegħu għandi bosta differenzi; jiena xellugi soċjalista u huma mhumiex; imma b'daqshekk għalfejn għandi bżonn inxerred il-firda u l-mibegħda? Għalfejn m'għandix ikolli ħbiberija ġenwina ma' persuni ta' twemmin politiku differenti minn tiegħi? Jiena inqis lili nnifsi bħala radikali fil-ħsieb u l-ideat xellugin tiegħi; iżda fl-istess waqt inqis lili nnifsi bħala moderat fl-aġir politiku tiegħi minħabba l-kapaċita' li żviluppajt sabiex naħdem ma' żgħażagħ validi miż-żewġ naħat tal-ispettru politiku.
Kien għalhekk illi immedjatament malli ġejt mgħarraf illi nfetaħ ktieb ta' kondoljanzi b'tislima lill-mibki Karl Gouder, mort personalment ġewwa l-kwartieri tal-Partit Nazzjonalista sabiex nikteb messaġġ ta' kondoljanzi bħala membru ta' Żgħażagħ Laburisti. Qabel xejn, ridt inwassal messaġġ ta' solidarjeta' mal-familjari, qraba u ħbieb illi kienu affettwati minn din it-telfa; iżda ridt ukoll nagħti eżempju billi nuża l-pożizzjoni tiegħi ta' membru ta' Żgħażagħ Laburisti sabiex inwassal messaġġ ta' għaqda u maturita' politika. F'moħħi kelli ħafna iżjed maħsub sabiex nikteb b'rispett lil dan il-politiku li tant ispirani bil-mod kif irnexxielu jgħaqqad nazzjon, u kieku kien hemm iktar minn tliet linji fil-ktieb żgur illi kont intawwal iżjed! Wassal iż-żmien illi nieqfu għall-politika tal-partiġġjaniżmu u tal-attakki personali insensati; ġew mifruda iż-żejjed familji u ġew imkissra ż-żejjed individwi...
Nittama li dan il-messaġġ qiegħed jasal għal dawk illi ftit sigħat qabel ma ħalliena Karl, kienu għadhom qegħdin jabbużaw mil-liberta' tal-espressjoni billi jxerrdu l-mibegħda b'attakki personali inġustifikabbli fil-konfront ta' Karl. Jekk iż-żewġ partiti politiċi tagħna jridu jħeġġu liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex jikkontribwixxu fil-politika; iridu jaħdmu sabiex jeliminaw lil dawn il-maskots tal-mibegħda li qegħdin jagħmlu tant ħsara lil individwi, familji u lis-soċjeta' b'mod ġenerali. Wieħed qatt m'għandu jabbuża minn ilsienu, il-pinna jew it-tastiera sabiex jinfexx f'attakki insensati kontra individwu sempliċiment minħabba differenzi fl-opinjoni. Għandu jiġi attakkat il-messaġġ iżda qatt m'għandu jiġi attakkat il-messaġġier. Dik hija d-differenza bejn kritika politika ġusta u diskors bla sugu ta' mibegħda! Bħala Nisrani dejjem ġejt mgħallem illi bl-istess kejl illi tkejjel inti se jintuża sabiex jitkejjel lilek; u għaldaqstant jekk wieħed jistenna li jidħol fix-xena politika u jkun rispettat, dan għandu juri rispett lejn ħaddieħor. Ejja nitkellmu kontra l-mibegħda politika u ma nittollerawhiex.
Ejja ma nħallux min jinqeda bil-politika u bil-partiti politiċi tagħna sabiex ixerred il-mibegħda; ikun mil-liema naħa jkun. Għaliex bħalma nista' nweġġa jiena bħala Laburist meta jkun hemm min ixerred attakki personali fil-konfront ta' individwi fil-partit tiegħi; hekk ukoll jista' jweġġa' ħaddieħor meta jkun hemm min ixerred attakki personali fil-konfront ta' individwi fil-partit rispettiv tiegħu. Issa wieħed għandu jistenna li ż-żewġ partiti politiċi tagħna; li għandhom influwenza sinifikanti fix-xena politika tagħna; jibdew jaħdmu b'mod ġenwin u bi sforz kollettiv sabiex irażżnu l-partiġġjaniżmu u l-mibegħda mix-xena politika tagħna. Jekk ma jagħmluhx huma dan min iżjed jista' jagħmlu? Ir-realta' tagħna hija li d-demokrazija tagħna hija ddominata minn duwopolju politiku; il-punt tiegħi mhuwiex li niġġudika din ir-realta'; iżda li nirreferi għall-piż kbir li għandhom iż-żewġ partiti politiċi maġġuri sabiex jgħaġġnu x-xena politika lokali. Hija responsabbilita' ta' dawn iż-żewġ partiti politiċi li jibdew jagħtu każ iżjed il-bżonn illi l-politika tibda ssir b'mod differenti; partikolarment fi żmien fejn iżjed minn qatt qabel qegħdin naraw individwi li m'għadhomx iħossuhom komdi li jiddentifikaw ruħhom u jitwaħħdu mal-Partit Laburista jew mal-Partit Nazzjonalista. Sabiex iż-żewġ partiti politiċi jkunu jistgħu jressqu 'l quddiem lil dawn l-individwi diżillużi minnhom; irid ikun hemm bidla ġenwina fl-għemil u l-azzjonijiet ta' dawk imsieħba fi ħdan dawn iż-żewġ partiti politiċi. Iktar minn qatt qabel qiegħed jinħass l-għatx li għandhom iż-żgħażagħ sabiex il-politika tibda ssir b'mod iżjed matur.
Nagħti l-apprezzament tiegħi lill-kollegi tiegħi membri ta' Żgħażagħ Laburisti, li mjnnhom dejjem sibt ħbieberija ibbażata fuq ir-rispett, għajnuna u pariri sinċiera, u kif ukoll apprezzament għall-ħidma tiegħi fi ħdan il-fergħa. Nagħti l-apprezzament tiegħi lill-membri tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, li minnhom dejjem sibt rispett u ħbierija minkejja d-diverġenzi fit-twemmin politiku. Irrid illi nkun ta' strument sabiex tiġi msaħħa l-għaqda bejn iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Għandi x-xewqa li dawn iż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ tagħna jikkoperaw iżjed ma' xulxin fejn jidħol djalogu u diskussjoni; aħna l-mexxejja ta' għada u l-istil ta' politika li nadottaw issa se jinfluwenza l-istil ta' politika li se nkomplu naħdmu u nibbażaw fuqu għall-kumplament tal-karriera politika tagħna. Irrid illi jkollna żgħażagħ fil-politika li għandhom prinċipji b'saħħithom u diversi; biex ikollna spettru politiku divers u awtentiku minflok żewġ partiti politiċi li bosta; inkluż jiena; jikkritikawhom għaliex dejjem qegħdin jersqu lejn iċ-ċentru politiku. Iżda rrid li fl-istess waqt ikollna żgħażagħ fil-politika li kapaċi jisimgħu u jiddjalogaw ma' dawk bi prinċipji differenti f'ġieħ interess nazzjonali tant meħtieġ illi ningħaqdu sabiex ngħarfu nindirizzaw l-isfidi kollettivi tagħna bħala nazzjon. Forsi jista' jkun hemm diverġenzi fil-metodu li rridu sabiex negħlbuhom, iżda fuq kollox għandu jibqa' r-rispett.
Karl, Grazzi tal-Eżempju Sabiħ Tiegħek.
Strieħ fis-Sliem.
Comments