OPINJONI: EKONOMIJA LI TAĦDEM GĦALL-POPLU, MHUX POPLU LI JAĦDEM GĦALL-EKONOMIJA.
- Eman Farrugia
- Feb 5
- 4 min read

'' Wasal iż-żmien li nieqfu nitħaddtu dwar it-tkabbir ekonomiku u nħarsu lejn żvilupp ekonomiku li jgħin lill-pajjiżna sabiex jibqa' jiżviluppa filwaqt illi ma jċaħħadx lis-soċjeta' tagħna minn ġustizzja soċjali. ''
Bħala persuna li niddentifika lili nnifsi mat-twemmin xellugi tas-soċjaliżmu, ma nistax ma ngħidx illi l-mod ta' kif l-ekonomija ta' pajjiżna qiegħda tipprogressa jinkwetani. Il-poplu Malti bir-raġun irid jgħix f'soċjeta' b'ekonomija li tipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd sabiex jitla' l-iskaluna soċjali u jtejjeb il-qagħda soċjali tiegħu; iżda l-ekonomija tagħna kemm qiegħda tipprovdi dan fil-verita'? Minkejja l-ħafna statistiċi li jibqgħu jigglorifikaw l-ekonomija lokali tagħna, wieħed ma jista' bl-ebda mod iħares lejn il-mudell ekonomiku preżenti u jqisu bħala wieħed sostenibbli. Huwa fatt oġġettiv illi l-ekonomija qiegħda tikber b'mod rapidu, iżda huwa fatt oġġettiv ukoll illi l-piżijiet fuq il-klassi tal-ħaddiema u fuq il-klassi medja qegħdin jiżdiedu u mhux jonqsu. X'paradoss; l-ekonomija qiegħda tikber b'rati storiċi bla preċedent, iżda l-inugwaljanza ekonomika f'pajjiżna qiegħda tilħaq rati allarmanti - bilfors hemm xi ħaġa ħażina!
Wasal iż-żmien li nieqfu nitħaddtu dwar it-tkabbir ekonomiku u nħarsu lejn żvilupp ekonomiku li jgħin lill-pajjiżna sabiex jibqa' jiżviluppa filwaqt illi ma jċaħħadx lis-soċjeta' tagħna minn ġustizzja soċjali. Fil-preżent, l-ekonomija tagħna iżjed qiegħda toħloq inġustizzji soċjali milli tikkumbattihom. Dan minħabba, fost raġunijiet oħra, li l-mudell ekonomiku tagħna huwa bbażat primarjament fuq l-importazzjoni ta' ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi li qegħdin jiġu trattati b'mod inuman fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom f'kundizzjonijiet prekarji. Ħa nkunu ċari; dan huwa skjavitu' modern, u tiegħu huma responsabbli l-klassi politika li fasslu mudell ekonomiku proprju bbażat fuqu.
L-ekonomija preżenti qiegħda tikber permezz ta' setturi mhux sostenibbli bħal dak tal-bini u l-kostruzzjoni; settur li minnu nnifsu huwa dipendenti fuq l-importazzjoni ta' dawn il-ħaddiema barranin. Fuq kollox, is-settur huwa dipendenti fuq dawn il-ħaddiema għaliex huma meħtieġa sabiex tintlaħaq id-domanda għal ħaddiema f'dan is-settur li żdiedet proprju minħabba l-firxa bla rażan ta' kostruzzjoni mal-pajjiż kollu. Pero' huwa importanti li wieħed jiftakar li s-settur tal-bini u Huwa dipendenti fuq l-importazzjoni ta' dawn il-ħaddiema barranin anke sabiex jimtela' l-ammont ta' bini vakanti u żejjed li tela' f'dawn l-aħħar snin billi dawn jinkrew lill-istess ħaddiema. Ir-riżultat huwa li sabiex nikkuntentaw lis-sidien ta' dan il-bini vojt billi nipprovdulhom klijenti ġodda lil min jikru, qegħdin naraw abbużi bla rażan fis-settur tal-kiri u l-proprjeta'.
Minn dawn l-abbużi qegħdin ibatu kemm il-ħaddiema barranin li qegħdin jgħixu f'kundizzjonijiet inaċċettabbli f'dawn il-proprjetajiet u kemm il-familji Maltin li ma jistgħu qatt jikkompetu ma' grupp ta' persuni jgħixu flimkien ġo appartament u jaqsmu l-prezz tal-kera. Qegħdin ibatu wkoll dawk illi minkejja li huma iżjed relattivament fortunati minn oħrajn u jirnexxielhom jaffordjaw proprjeta', qegħdin jispiċċaw jiġu meqjusa bħala 'working poor'. Din il-frażi tirreferi għal sitwazzjoni fejn minkejja li wieħed għandu xogħol u huwa kapaċi jlaħħaq mal-ispejjeż tan-neċessitajiet bażiċi, fosthom il-ħlas tal-'loan', huwa xorta ma jistax iwarrab ammont mid-dħul tiegħu fil-ġenb sabiex ikun jista' jiġġemma l-flus u jtejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu. Għalhekk, dan qatt ma jista' jaspira għal mobbilita' soċjali, għaliex jaħdem kemm jaħdem huwa dejjem se jibqa' f'riskju ta' faqar jew relattivament fqir. Dan ukoll huwa forma ta' faqar, u ejja nkunu realistiċi u mhux populisti; il-faqar qiegħed jiżdied; u dan huwa ħtija kemm tal-pagi baxxi li l-ħaddiema qegħdin jitħallsu bihom u kemm tal-prezzijiet għoljin tal-proprjeta'. F'din is-sitwazzjoni qegħdin ibati kulħadd għajr l-iżviluppaturi, il-kuntratturi u s-sidien li qegħdin iwettqu dawn l-abbużi.
Mhuwiex minnu li l-bini qiegħed jiżdied għaliex l-ammont ta' bini ma jlaħħaqx mad-domanda għax-xiri ta' proprjeta'; din hija biss sempliċiment skuża mill-iżviluppaturi li jaqblilhom li jgħidu t-tali diskors sabiex jibqgħu jibnu. Studji jibqgħu juru li l-ammont ta' bini preżenti f'Malta huwa diġa' kapaċi jlaħħaq mal-popolazzjoni preżenti, minħabba l-fatt illi madwar terz ta' dan il-bini huwa vojt. Hemm diversi raġunijiet għalfejn dan il-bini qiegħed jitħalla vojt, iżda raġuni ewlenija hija żgur ir-rigħba tal-iżviluppaturi li jħallu dan il-bini mingħajr użu għal raġunijiet ta' spekulazzjoni. Għalhekk, wieħed jista' jikkonkludi li mhuwiex minnu li Malta għandna bżonn iżjed provvista ta' bini sabiex tintlaħaq id-domanda għall-proprjeta'; li hemm bżonn huwa li l-provvista eżistenti tintuża b'mod li jintlaħaq il-potenzjal kollu tagħha. L-iżviluppatur ma jridekx tkun taf illi li kieku l-bini li huma qegħdin iħallu vojt għal raġunijiet ta' spekulazzjoni jiġi disponibbli fis-suq tal-proprjeta', il-prezzijiet tal-proprjeta' jieħdu tisbita 'l isfel. Għalhekk, l-iżviluppatur jridek tibqa' taħseb illi ż-żieda ta' bini hija esseznjali sabiex tintlaħaq id-domanda għall-proprjeta', meta l-fatti juru li l-ammont ta' individwi li ma jistgħux jaffordjaw proprjeta' qiegħed jiżdied! Għalhekk, huwa importanti li wieħed jirrealizza li s-settur tal-bini u l-kostruzzjoni, flimkien mas-suq tal-kera, huwa ħati għal ħafna mill-inġustizzji soċjali preżenti fis-soċjeta' Maltija.
Huwa importanti wkoll illi wieħed ma jitfax il-ħtija fuq il-ħaddiema barranin li ġew impurtati fil-pajjiż, għaliex dawn huma vittmi wkoll tal-mudell ekonomiku preżenti. Il-ġlieda m'għandix tkun waħda bejn il-ħaddiema Maltin u l-ħaddiema barranin; il-ġlieda hija waħda kollettiva tal-ħaddiema kontra dawk il-kbarat li qegħdin jaħqruhom. Jekk se naqgħu fin-nassa li nwaħħlu fil-barranin u naljenaw ruħna mill-fatt illi din il-moħqrija hija mwettqa minn klassi ta' kapitalisti għonja, qegħdin inħallu lill-klassi kapitalista tibqa' tifred u ssaltan fuqna. Sfortunatament, ma jidhirx illi l-klassi politika se tkun ta' għajnuna sabiex din il-klassi tiġi miġġielda; każijiet riċenti wrew illi ż-żewġ partiti politiċi huma dgħajfa u servili lejn din l-istess il-klassi li tiffinanzja l-ħidma politika tagħhom.
L-indħil kontinwu tal-iżjed individwi għonja fil-pajjiż huwa theddida gravi lejn il-funzjoni tad-demokrazija tagħna u se jwassal biss sabiex pajjiżna jispiċċa f'sitwazzjoni fejn huwa mmexxi skont l-interessi ta' ftit individwi oligarki għas-skapitu' tal-interessi tal-maġġoranza tal-poplu.
Comments