top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

OPINJONI: 'DOUBLE STANDARDS' MA JAGĦMLUX ĠIEĦ LILL-KREDIBBILITA' TA' MALTA.


Matul dawn l-aħħar sntejn, Malta kellha rwoli importanti fil-fora internazzjonali. Minkejja li kien hemm instanzi fejn Malta tat kontribut siewi, kien hemm ukoll instanzi fejn Malta naqset milli taġixxi sabiex tipproteġi d-drittijiet ta' popli oppressati.


Matul dawn l-aħħar sentejn, Malta kellha l-privilieġġ li sservi bħala membru non-permanenti tal-Kunsill tas-Sigurta' tan-Nazzjonijiet Uniti. Matul dawn iż-żewġ termini, kont sodisfatt illi pajjiżna kellu l-opportunita' li jservi f'waħda mill-ogħla istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti; xhieda ta' kemm pajjiżna jgawdi minn fiduċja u rispett minn pajjiżi membri oħrajn. Il-fiduċja u r-rispett li jgawdi minnhom pajjiżna huma riżultat dirett tal-politika barranija tagħna li hija mfassla fuq it-tiftix għall-paċi u non-allineament. Il-prinċipju tan-non-allineament essenzjalment ifisser illi pajjiżna huwa kapaċi jieħu pożizzjonijiet rigward kwistjonijiet internazzjonali b’mod liberu u mingħajr ma jċedi għall-pressjoni esterna.

 

Ċert illi Malta kisbet għadd ta’ suċċessi matul dawn iż-żewġ termini, fosthom il-mod kif kienet kapaċi tiddefendi d-drittijiet tal-poplu Palestinjan fid-dawl tal-atroċitajiet bi ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali li qegħdin jitwettqu ġewwa l-Medda ta’ Gaża mill-Iżrael. Kien mument straordinarju meta Malta, b’kuraġġ kbir, ressqet ‘il quddiem riżoluzzjoni sabiex l-Istat tal-Palestina jingħata l-istatus ta’ pajjiż membru tan-Nazzjonijiet Uniti. Minkejja li din ir-riżoluzzjoni m’għaddietx, kienet opportunita’ oħra għal Malta sabiex turi s-solidarjeta’ tagħha mal-poplu Palestinjan fil-ġlieda tiegħu kontra l-okkupazzjoni Iżraeljana.

 

Iżda fl-istess waqt, b’mod kontraditorju, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin beda jċedi għall-pressjoni tal-Gvern Amerikan sabiex Malta ma tirrikonoxxix l-Istat tal-Palestina. Dan minkejja li Malta ħabbret illi kienet se tagħmel dan flimkien ma’ Spanja, in-Norveġja u l-Islovenja. L-indħil tal-Gvern Amerikan fil-politika barranija ta’ pajjiżna mhuwiex fenomenu ġdid; nafu li fi snin riċenti l-Gvern Malti kien taħt pressjoni sabiex jiffirma 'Status Of Forces Agreement' (SOFA) mal-Istati Uniti.

 

Rajna wkoll stqarrijiet b’saħħithom ta’ kundanna għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna mill-Ministru Ian Borg, iżda stqarrijiet dgħajfa u ambigwi b’referenza għall-invażjoni Iżraeljana f’Gaża; tant illi pajjiżna għadu ma ħax pożizzjoni ċara dwar jekk huwiex lest illi jarresta lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li issa huwa akkużat mill-Qorti Kriminali Internazzjonali bi twettiq ta’ reati kriminali serji. Minflok, il-gvern Malti farfar ir-responsabbilita’ u qal illi qiegħed jistenna x’pożizzjoni se tittieħed mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Tajba din! Pajjiż sovran possibbli mhuwiex kapaċi jieħu pożizzjoni b’mod indipendenti kif ħadu stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea stess? Din in-nuqqas ta’ konsistenza fil-mod ta’ kif Malta tittratta kwistjonijiet internazzjonali sensittivi żgur illi ma tagħmilx ġieħ lill-kredibbilita’ ta’ pajjiżna fil-fora internazzjonali. Huwa wkoll diżappuntanti li Malta ma pprijoritizzatx biżżejjed il-ħtieġa għall-istabbilita’ u l-paċi fil-Mediterran waqt li kienet qiegħda tmexxi l-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ għall-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).


Malta għandha tassew sabiex tiftaħar illi permezz tal-Prim Ministru Dom Mintoff kien ġie introdott prinċipju fil-'Helsinki Final Act' li jipprofessa li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa mingħajr ma jkun hemm paċi fil-Mediterran. Iżda kienet Malta stess illi ma użatx dan il-prinċipju fil-mument tal-prova. Filwaqt illi huwa urġenti li l-kunflitt fl-Ukrajna jissolva u ssir ġustizzja mal-poplu Ukren, huwa irresponsabbli li ma nressqux ‘il quddiem kunflitti oħrajn li għaddejjin fir-reġjun tal-Mediterran meta huwa fl-istess interess tagħna bħala poplu Mediterranju li jissolvew. Filwaqt illi l-attenzjoni tinsab kollha fuq l-Ilvant tal-Ewropa, wieħed faċli jinsa l-kunflitti Mediterranji li preżentament huma staġnati ġewwa l-Libja, Ċipru, il-Palestina, il-Libanu, s-Sirja u s-Saħara tal-Punent; dan sabiex ma nsemmux il-kriżi tal-immigrazzjoni li tibqa’ tiġi injorata mill-fora internazzjonali.

 

Każ li tassew juri b’mod sfaċċat nuqqas ta’ kredibbilita’ fil-politika barranija ta’ Malta huwa dak tal-okkupazzjoni Marokkina fis-Saħara tal-Punent. Is-Saħara tal-Punent (Western Sahara) huwa territorju fl-Afrika ta’ Fuq li ilu taħt okkupazzjoni brutali Marokkina għal ħames diċenji sħaħ; okkupazzjoni li ġiet deskritta bħala waħda illegali u li tmur kontra prinċipji bażiċi tal-liġi internazzjonali. Għal ħames diċenji sħaħ, il-poplu Saħrawi ma kellux għażla oħra ħlief illi jispiċċa bħala refuġjat ġewwa l-Alġerija u jiġġieled għal-liberazzjoni tiegħu mill-Marokk. In-Nazzjonijiet Uniti tikkunsidra dan it-territorju bħala kolonja u tirrikonoxxi d-dritt tal-poplu Saħrawi sabiex jikseb l-indipendenza tiegħu. Fil-passat, il-pożizzjoni tradizzjonali ta’ Malta għal dan il-kunflitt kienet illi l-Gvern Malti jappoġġja l-għoti tad-dritt ta’ self-determination għal dan il-poplu, iżda jidher li riċentament din il-pożizzjoni ġiet issagrifikata għal waħda li tiġġustifika l-atroċitajiet li l-Marokk qiegħed iwettaq kontra dan il-poplu.

 

B’mod ripetut, il-Ministru Ian Borg ħabbar illi Malta tappoġġja l-proposta Marokkina għal dan il-kunflitt, illi tagħti fuq platt tal-fidda dan it-territorju tal-poplu Saħrawi lill-Marokk meta dan il-pajjiż qatt ma kellu sovranita’ fuqu! Il-Marokk jipproponi li jagħti awtonomija ristretta lill-poplu Saħrawi u jinnega d-dritt illi l-poplu Saħraw jivvota f’referendum sabiex jiddeċiedi jekk jixtieqx integrazzjoni mal-Marokk jew indipendenza. Billi Malta qiegħda tappoġġja din il-proposta, Malta qiegħda taċċetta li pajjiż jieħu territorju barrani li huwa nvada mingħajr ebda riperkussjonijiet. Sabiex tieħdu idea għal kemm l-pożizzjoni ta’ pajjiżna hija irresponsabbli, immaġinaw li kieku Malta qiegħda tappoġġja l-proposta tal-Gvern Russu sabiex ir-reġjuni okkupati mir-Russja fil-Punent tal-Ukrajna jiġu integrati mar-Russja!

 

Is-Saħara tal-Punent u l-Ukrajna huma żewġ eżempji ta’ nazzjonijiet li ġew invaduti b’mod illegali minn pajjiżi li ma kellhomx sovranita’ fuqhom; iżda filwaqt illi Malta tikkundanna bl-aħrax l-invażjoni Russa, jidher li Malta qiegħda tappoġġja b’mod attiv l-invażjoni Marokkina. Il-pożizzjoni tal-Ministru Borg hija waħda insensittiva u inuama; pożizzjoni li tinjora d-drittijiet umana tal-poplu Saħrawi. Mhuwiex kredibbli u konsistenti li Malta tieħu pożizzjonijiet kuntrastanti fir-rigward tal-isfidi tal-poplu Ukren u l-poplu Saħrawi meta dawn iż-żewġ popli qegħdin isofru minn sitwazzjonijiet identiċi. Nistaqsi: min qiegħed jagħmel pressjoni fuq il-Ministru Borg sabiex Malta tappoġġja l-okkupazzjoni illegali tal-Marokk fis-Saħara tal-Punent?

121 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page