top of page
Search

OPINJONI: MA NKUNUX PASSIVI QUDDIEM L-IMPERJALIŻMU.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Jan 9
  • 4 min read

'' Il-proġett Ewropew, illi kellu tant potenzjal sabiex ikun proġett suċċess permezz tat-trasformazzjoni tal-kontinent Ewropew f'superpotenza non-allineata li tibbilanċja s-superpotenzi tal-Punent u tal-Ilvant, spiċċa rreduċa l-kontinent Ewropew f'estenzjoni tal-imperjaliżmu Amerikan. ''

Il-fatt illi l-President-elett tal-Istati Uniti Donald Trump iħossu komdu sabiex jhedded b'mod apert l-integrita' territorjali ta' stat membru tal-Unjoni Ewropea mingħajr ebda riperkussjonijiet hija tassew inkwetanti. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-President-elett Trump beda kampanja b'sensiela ta' attakki u theddid fil-konfront tas-sovranita' tal-Kanada, il-Panama u d-Danimarka; b'dan tal-aħħar ikun stat membru tal-Unjoni Ewropea. Ftit jiem biss qabel ma jieħu l-ġurament tiegħu bħala l-President tal-Istati Uniti, Trump ossessjona li jrid jitfa' sanzjonijiet ekonomiċi ħarxa kontra l-Kanada sabiex jitfa' pressjoni fuqhom bl-għan illi jsiru l-wieħed u ħamsin stat tal-Istati Uniti, u ma eskludiex illi juża aggressjoni militari sabiex jasserixxi kontroll fuq il-Kanal tal-Panama u Greenland; territorju Daniż.


Ironikament, dan huwa l-istess Donald Trump li sa Novembru li għadda kien jippożizzjona lilu nnifsu bħala paċifista billi wiegħed illi jkun ta' medjatur sabiex jissolvew kunflitti internazzjonali, fosthom dawk fl-Ukrajna u fl-Ilvant Nofsani. Saħansitra, dak illi issa dalwaqt se jibda t-tieni terminu tal-presidenza tiegħu kien wiegħed illi dawn il-kunflitti se jsolvihom qabel ma dan jieħu l-ġurament! Iżda hekk kif Trump huwa mistenni li jieħu l-ġurament fi ftit jiem oħra, filwaqt illi dawn il-kunflitti għadhom ma ġewx solvuti, jidher illi l-President-elett Trump reġa' għamel dak illi huwa tant magħruf għalih - gideb! Mhux talli ma ġewx solvuti dawn il-kunflitti eżistenti, iżda talli qiegħed attivament jinstiga l-bidu ta' kunflitti ġodda sabiex jissodisfa l-karattru ego-ċentriku tiegħu. Iżda l-iżjed ħaġa inkredibbli hija kif l-Unjoni Ewropea ma lissnitx kelma ta' solidarjeta' mad-Danimarka hekk kif dan l-istat membru tal-istess unjoni spiċċa bl-integrita' territorjali tiegħu mheddda mill-istess pajjiż illi sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, l-Unjoni Ewropea kkunsidratu bħala alleat tagħha u spiċċat totalment dipendenti fuqu. Il-proġett Ewropew, illi kellu tant potenzjal sabiex ikun proġett suċċess permezz tat-trasformazzjoni tal-kontinent Ewropew f'superpotenza non-allineata li tibbilanċja s-superpotenzi tal-Punent u tal-Ilvant, spiċċa rreduċa l-kontinent Ewropew f'estenzjoni tal-imperjaliżmu Amerikan. Issa, wieħed jista' jara kif diċenji ta' dipendenza fuq l-Istati Uniti sabiex tmantni oqsma bażiċi bħas-sigurta' qegħdin iħallu konsegwenzi koroh fuq l-istess Unjoni Ewropea; li tinsab fi kriżi eżisenzjali sabiex tibqa' relevanti f'dinja politika li qiegħda tinbidel b'mod rapidu u imprevenibbli minn lejl għal nhar.


Jekk l-Unjoni Ewropea lanqas hija kapaċi tiddefendi stat membru tagħha mit-theddida ta' aggressjoni militari mis-suppost alleati tagħha tal-Punent, kemm hija kredibbli l-kritika tal-Unjoni Ewropea lejn ir-Russja u ċ-Ċina minħabba l-aspirazzjonijiet tagħhom sabiex jasserixxu kontroll fuq l-Ukrajna u t-Tajwan rispettivament? B'mod konsistenti, b'riżoluzzjoni wara oħra fil-Parlament Ewropew, l-Unjoni Ewropea ma kellha l-ebda problema sabiex tindaħal fl-affarijiet interni taċ-Ċina u tipprova tnaqqar l-integrita' territorjali taċ-Ċina billi b'mod ripetut tikkundanna t-theddida ta' invażjoni fil-konfront tat-Tajwan. Iżda issa, fil-mument tal-prova meta stat membru tagħha stess ġie mhedded minn invażjoni, l-Unjoni Ewropea mhijiex kapaċi tieħu pożizzjoni b'saħħitha kontra t-theddid tal-Istati Uniti u favur is-sigurta' ta' stat membru tagħha. L-Unjoni Ewropea qiegħda turi li ma tistax tiggarantixxi s-sigurta' ta' pajjiżi membri tagħha stess, fl-istess waqt illi din qiegħda tiġġieled gwerra ta' ħaddieħor fl-Ukrajna. Wieħed mill-prinċipji li bihom twaqqaf il-proġett Ewropew huwa dak tas-solidarjeta' bejn il-pajjiżi membri, u billi l-Unjoni Ewropea qiegħda tonqos milli turi dan mad-Danimarka, dan qiegħed juri kif evidentament il-proġett Ewropew qiegħed isir iżjed irrelevanti. Il-Parlament Ewropew li tant huwa voċiferu favur is-sigurta' tal-Ukrajna u t-Tajwan se jkun voċiferu favur is-sigurta' tad-Danimarka?


Huwa tajjeb illi wieħed ifakkar li l-kummenti ta' Trump ma kinux l-ewwel darba li pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea spiċċa mhedded b'aggressjoni militari mill-Istati Uniti. Kien il-President George W. Bush illi approva leġislazzjoni magħrufa bħala l-'Hague Invasion Act'; illi tagħti l-jedd lill-President Amerikan sabiex jipprevjeni b'kwalunkwe metodi possibbli; saħansitra anke aggressjoni miliatri; tenattivi sabiex kriminali tal-gwerra mill-Istati Uniti jitressqu fil-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-Olanda. Din il-leġislazzjoni, li ġiet approvata ftit xhur biss qabel l-Invażjoni tal Iraq fl-2003, hija turija ta' kemm l-Istati Uniti tippretendi li għandha jkollha immunita' mil-liġi internazzjonali, hekk kif kellha tasal fil-punt li theddid is-sigurta' tal-Olanda sabiex tiddefendi kriminali Amerikani akkużati b'delitti kontra l-umanita'. Hija turija wkoll ta' kemm l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa' dipendenti fuq dan il-pajjiż għas-sigurta', hekk kif intwera b'mod evidenti taħt l-amministrazzjonijiet ta' Bush u Trump illi l-Istati Uniti ma ssib l-ebda problema li thedded s-sigurta' ta' pajjiżi alleati tagħha stess li huma membri tan-N.A.T.O. u tal-Unjoni Ewropea. Wieħed ikun qiegħed jiżbalja jekk jirrassenja ruħu li l-kummenti ta' Trump huma sempliċiment bluha; għaliex meta wieħed jagħti ħarsa lejn l-istorja tal-Istati Uniti malajr jintebaħ illi hija kkaratterizzata minn espanzjoniżmu. Filfatt, ir-rimarki ta' Trump dwar il-bżonn li l-Istati Uniti tikkontrolla t-territorju ta' Greenland u l-Kanal tal-Panama jfakkruni għal meta fl-1893, ir-Renju tal-Ħawaj; li kien stat sovran; kien ġie invadut u okkupat militarment mill-Istati Uniti. L-invażjoni u l-annessjoni illegali tar-Renju tal-Ħawaj kienu il-bidu ta' espanzjoniżmu u imperjaliżmu Amerikan fil-kontinenti Amerikani fil-bidu tas-seklu għoxrin; tant illi fl-1898, l-Istati Uniti kienet iddikjarat gwerra kontra Spanja sabiex taħtaf il-kolonji Spanjoli fil-Karribew; fosthom Kuba u Puerto Rico (li għadha territorju Amerikan); bl-għan illi dawn jiġu annessi mill-Istati Uniti.


Fl-istess waqt illi m'għandux jiġi eskluż li l-President-elett Trump jutilizza mill-ġdid dawn l-istess manuvri sabiex jakkwista kontroll tal-Kanal tal-Panama u ta' Greenland, wieħed jittama li l-umanita' ma terġax tmur lura fiż-żmien mhux daqstant imbiegħed fejn territorji kienu jinkisbu permezz ta' aggressjoni militari u konkwisti. Fi żmien fejn il-komunita' internazzjonali suppost tħaddan u tirrispetta l-liġi internazzjonali, huwa meħtieġ illi n-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea ma jibqgħux siekta quddiem dawn l-attakki tal-President-elett Trump fil-konfront ta' pajjiżi sovrani. Qegħdin ngħixu fl-iżjed żminijiet perikolużi mit-Tieni Gwerra 'l hawn; Trump qiegħed jibda jaġixxi qisu Putin, filwaqt illi sieħbu Elon Musk qiegħed jittrasforma l-Istati Uniti f'oligarkija u jiddetta x'għandu jsir fix-xena politika Ingliża. Jekk il-komunita' internazzjonali mhijiex kapaċi tieqaf għal pajjiżi bħall-Istati Uniti li jaħsbu li jistgħu jgħaddu minn fuq nazzjonijiet iżgħar sempliċiment għaliex huma superpotenzi, ma nkunux nistgħu ngħidu li għandna komunita' internazzjonali; għaliex bħala umanita' nkunu spiċċajna mill-ġdid f'sitwazzjoni fejn inkunu qegħdin f'anarkija internazzjonali.

 
 
 

Comentários


Post: Blog2_Post
bottom of page