OPINJONI: DAK LI ĠARA TMENIN SENA ILU QED JERĠA' JSEĦĦ F'GAŻA.
- Eman Farrugia
- Sep 18
- 4 min read

'' Din m’għadhiex gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas. Gwerra hija taqbida bejn żewġ potenzi armati; mhux taqbida bejn potenza armata u bnedmin innoċenti. Dan huwa terroriżmu; din hija krudelta’; dan huwa ġenoċidju. ''
Matul din is-sena, il-komunita’ internazzjonali fakkret it-tmenin anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Mill-1945 ‘il quddiem, kien hemm bosta għaqdiet globali u individwi idealisti li wiegħdu lill-umanita’ li qatt iktar ma kien hemm se jkun hemm atroċitajiet simili għal dawk li d-dinja għexet matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Illum; tmenin sena wara; wieħed ma jkunx pessimist jekk jgħid li dawn il-wegħdiet baqgħu biss ħolmiet idealisti fuq il-karta li qatt ma saru realta’. Hekk kif wieħed jara l-atroċitajiet li qegħdin iseħħu quddiemna f’Gaża, wieħed ma jistax ma jistaqsix kemm għadhom relevanti istituzzjonijiet bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; li għandhom iktar irwol simboliku milli rwol dirett.
F’Gaża mhumiex qegħdin jindifnu biss għexerien ta’ eluf ta’ tfal, nisa u rġiel Palestinjani, iżda qiegħda tindifen ukoll il-kredibbilita’ tal-kunċett ta’ liġi internazzjonali. Qiegħda tindifen ukoll il-kredibbilita’ tal-Punent, li spiss jippożizzjona lilu nnifsu bħala xempju tad-drittijiet umani. Fuq kollox, qiegħda tindifen ukoll it-tama li l-atroċitajiet li seħħew tmenin sena ilu se jibqgħu biss avvenimenti li seħħew fil-imgħoddi.
Fi ftit ġimgħat, se nkunu qegħdin infakkru sentejn minn meta l-Iżrael beda bil-kampanja ġenoċidali tiegħu f’Gaża, li hija kontinwazzjoni tal-politika li ilu jħaddan l-Iżrael sa mit-twaqqif tiegħu fl-1948; politika bbażata fuq il-qerda tal-poplu Palestinjan u l-kolonizzazzjoni ta’ artu. Dik li suppost bdiet bħala ‘’operazzjoni militari’’ maħsuba sabiex teqred il-Ħamas bħala ritaljazzjoni għall-attakk kundabbli li wettaq nhar is-7 ta’ Ottubru, ma damitx wisq sabiex teskala f’ġenoċidju kontra l-poplu Palestinjan kollu f’Gaża.
Huwa kontra l-liġi internazzjonali li wieħed jikkastiga b’mod kollettiv poplu sħiħ għall-azzjonijiet li twettqu minn uħud fost l-istess poplu. Ħadd m’għandu jipprova jiġġustifika l-qtil fil-konfornt ta’ Palestinjani innoċenti li iżjed minn qatt qabel huwa evidenti li qiegħed isir b’mod intenzjonat u maħsub sabiex jitterrorizza lil poplu sħiħ. Kif wieħed jista’ jiġġustifika l-fatt li l-armata Iżraeljana tħeġġeġ lill-Palestinjani jmutu bil-ġuħ sabiex imorru f’żoni fejn suppost jitqassam l-ikel, sabiex imbagħad tattakka dawk l-istess żoni b’mod intenzjonat? Kif wieħed jista’ jiġġustifika l-fatt li l-armata Iżraeljana tattakka sptarijiet, skejjel u postijiet ta’ qima bl-iskuża li hemm truppi tal-Ħamas jistaħbew fihom meta rapporti indipendenti jibqgħu juru b’evidenza konkreta li dan mhuwiex minnu? Kif wieħed jista’ jiġġustifika d-diskors ta’ mibegħda li jinstiga vjolenza fil-konfront tal-Palestinjani li jsir minn membri tal-gvern Iżraeljan li huwa mmexxi minn partit tal-lemin estrem fil-parlament Iżraeljan?
Id-deċiżjoni tal-Iżrael sabiex b’mod ripetut jimblokka l-għajnuna umanitarja milli tidħol f’Gaża u li jattakka b’mod intenzjonat lil tobba, ġurnalisti u ħaddiema umanitarji oħrajn huma xhieda li din m’għadhiex gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas. Gwerra hija taqbida bejn żewġ potenzi armati; mhux taqbida bejn potenza armata u bnedmin innoċenti. Dan huwa terroriżmu; din hija krudelta’; dan huwa ġenoċidju. Huwa għajb għall-komunita’ internazzjonali li ma hija kapaċi tagħmel xejn sabiex twaqqaf dan il-ġenoċidju għajr kliem fieragħ ta’ kundanna u kondoljanzi fi swali ta’ parlamenti li jospitaw lill-istess individwi li qegħdin jgħinu lill-Iżrael b’mod politiku u militari sabiex ikompli jwettaq dan il-massakru.
Il-kompliċita’ espliċita’ tal-Punent f’dan kollu; inkluż l-Unjoni Ewropea; hija xhieda tal-ipokrezija fil-politika barranija tal-Punent; li hija bbażata biss fuq l-interessi ġeopolitiċi u mhux fuq il-morali. Kif wieħed jikkundanna lill-oppressjoni tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna iżda mbagħad ikun kompliċi fil-massakru kontra l-Palestinjani? Żgur li din il-kompliċita’ se tibqa’ tebgħa fuq il-kuxjenza ta’ dawk kollha li qegħdin jibqgħu passivi quddiem l-ġenoċidju f’Gaża, jew saħansitra, jgħinu sabiex jiġi attwat. Dawn huma l-istess individwi li ‘l quddiem se jgħidu lid-dinja li l-atroċitajiet se jkunu ġew fi tmiemhom bis-saħħa tagħhom, bit-tama li l-istorja tnessi l-kompliċita’ li għenet sabiext l-istess atroċitajiet jiġu attwati.
Filwaqt li dawn l-atroċitajiet xi darba jew oħra għad iridu jintemmu, m’hemm xejn garantit li mhuwiex se jseħħu iżjed atroċitajiet simili f’din l-art; billi mhu qiegħed isir xejn konktret sabiex fl-aħħar jitwaqqaf stat Palestinjan li ilu mwiegħed lill-poplu Palestinjan għal diċennji sħaħ. Huwa evidenti iżjed minn qatt qabel li t-twaqqif ta’ stat indipendenti u verament sovran għall-poplu Palestinjan huwa neċessarju għal paċi dejjiema u realistika bejn il-poplu Iżraeljan u Palestinjan. Il-poplu Palestinjan, bir-raġun, mhuwiex se jieqaf jirreżisti l-okkupazzjoni illegali fuq l-artijiet tiegħu li ssarfet f’inġustizzji fil-konfront tiegħu reminixxenti għall-inġustizzji fil-konfront tal-Afrikani taħt il-ħakma tal-apartheid fl-Afrika t’Isfel.
Id-deċiżjoni tal-Iżrael sabiex jibqa’ jitratta lill-Palestinjani bħala ċittadini tat-tieni klassi u li jibqa’ jibni eluf ta’ rħula Iżraeljani illegali fil-’West Bank’ qegħdin jikkumplikaw iżjed din il-kwistjoni billi jagħmluha iżjed diffiċli għall-poplu Palestinjan sabiex jikseb id-dinjita’ tiegħu. Sakemm il-poplu Palestinjan jibqa’ mċaħħad mid-drittijiet fundamentali tiegħu, il-paċi fil-Palestina, fl-Iżrael u fl-Ilvant Nofsani kollu se tibqa’ biss ħolma ideali. Kif dejjem turina l-istorja tal-kollass tar-reġim fl-Afrika t’Isfel, l-oppressjoni tintemm jekk ikun hemm rieda ġenwina sabiex jiġi kkastigat l-oppressur. Jekk il-komunita’ internazzjonali trid li ssalva l-ftit kredibbilita’ u relevanza li fadlilha, għandha mill-iktar fis possibbli timponi sanzjonijiet fil-konfront ta’ Iżrael; bħalma mponiet fil-konfront tar-Russja b’risposta għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi tieqaf tgħin lill-gvern estremista ta’ Netanyahu b’mod politiku u militari.
Sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ staġnata kif inhi fil-preżent, se nibqgħu biss spettaturi nosservaw in-nuqqas ta’ kuraġġ morali min-naħa tal-Unjoni Ewropea sabiex jieħdu azzjoni fil-konfront tal-Iżrael flimkien mal-appoġġ li l-Iżrael qiegħed isib mingħand l-amministrazzjoni ta’ Trump fl-Istati Uniti; li saħansitra trid li l-Palestinjani jitkeċċew minn Gaża sabiex tiġi żviluppata f’’’Riviera’’. Sadanittant, fuq l-aħbarijiet se nibqgħu naraw xeni ta’ tfal Palestinjani għadma u ġilda u nisimgħu li nqatlu iżjed ġurnalisti u tobba. Nagħmlu ftit ġranet nisimgħu lil tal-ġlekk u l-ingravata jagħtu twissija dgħajfa lill-Iżrael sabiex ma jerġax, u jirrassenjaw ruħhom malli jisimgħu lill-armata Iżraeljana tassigurahom li l-attakki fil-konfront ta’ xi sptar ‘l hemm jew ta’ xi skola ‘l hawn kien bi żball. Iċ-ċiklu jibqa’ jdur u n-nazzjon Palestinjan ikompli jinqered quddiemna, bl-istess krudelta’ li biha kienu qegħdin jinqerdu popli sħaħ tmenin sena ilu.







Comments