top of page

OPINJONI: IL-QRUBIJA INFAMI BEJN IL-GVERN MALTI U L-GVERN AMERIKAN.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Oct 9
  • 5 min read
ree
'' Mhux ta' b'xejn li l-Ministru Borg jaħseb li l-President Trump intitolat għall-Premju Nobel tal-Paċi, għaliex l-idea ta' xi tfisser paċi u ġustizzja għall-Ministru hija mnawra daqs dik tal-President Amerikan. ''

Mhuwiex sigriet illi l-Partit Laburista qiegħed jitbiegħed mill-valuri u l-prinċipji xellugin li huwa msejjes fuqhom. Matul din l-aħħar ġimgħa, rajna lill-Prim Ministru Robert Abela joħroġ ixewwex kontra r-residenti u l-ħaddiema barranin f'pajjiżna billi f'attivita' politika sostna li dawn jistgħu jkunu theddida għad-drawwiet kulturali tagħna bħala poplu Malti. Bħal ħafna attivisti xellugin oħrajn, inħsadt meta smajt il-mexxej ta' partit suppost soċjalista-demokratiku joħroġ b'attakk li fih spikkat it-tattika ta' ''divide and rule'', u li b'mod ċar kellu l-intenzjoni li jqanqal rabja kontra l-barranin fost il-poplu Maltin. Dawn ta' diskorsi diviżivi u perikolużi tistenniehom mingħand politikanti li jinsabu fi ħdan partiti politiċi tal-lemin estrem, u żgur ma tistenniehomx minn politikanti fi ħdan partiti politiċi xellugin. Dan l-episodju huwa wieħed minn fost sensiela ta' oħrajn illi juru d-dekadenza ideoloġika li ilu jgħaddi minnha l-Partit Laburista matul dawn l-aħħar snin; dekandenza ideoloġika li qiegħda twassal sabiex dan il-partit jitneżża' mill-valuri u l-prinċipji li sawruh sa mit-twaqqif tiegħu u li issa qegħdin jiġu sostitwiti bil-populiżmu. Mhuwiex b'kumbinazzjoni li l-populiżmu qiegħed jinfirex fi ħdan il-Partit Laburista, għaliex fi ħdanu hemm ammont sostanzjali ta' ammiraturi għall-politika populista li ilu jħaddan il-Partit Repubblikan sa mill-elezzjoni ta' Donald Trump bħala President tal-Istati Uniti fl-2016. Fost dawn l-ammiraturi ferventi hemm id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, illi issa nnomina lill-President Donald Trump sabiex jikseb il-Premju Nobel għall-Paċi. Ma titwemminx kif membru fil-kabinett ta' gvern suppost xellugi jgħaddilu minn moħħu li l-President Trump; dak li nstiga t-tkomplija ta' ġenoċidju f'Gaża, li jippersegwita lill-minoranzi u lill-avversarji politiċi tiegħu f'pajjiżu, u li nstiga rewwixta meta tilef elezzjoni; ħaqqu jingħata l-istess ġieħ illi ngħata lil ġganti fil-politika bħalma kienu Mikhail Gorbachev, Nelson Mandela u Anwar Saddat. Bir-raġun, id-deċiżjoni ta' Ian Borg ġiet ikkritika minn bosta attivisti u esponenti politiċi; inkluż fi ħdan il-Partit Laburista stess; li jħaddnu prinċipji soċjalisti-demokratiċi.


Bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg ippożizzjona l-politika barranija ta' Malta bħala waħda bbażata fuq id-duttrina tar-'realpolitik', minflok kompla jsegwi l-eżempju tal-predeċessuri tiegħu li; b'rispett għall-prinċipji mniżżla fil-Kostituzzjoni ta' Malta; bbażaw il-politika barranija ta' Malta fuq il-paċi u d-drittijiet umani. Id-duttrina tar-'realpolitik' hija l-idea li pajjiż għandu jibbaża l-politika barranija u r-relazzjonijiet diplomatiċi tiegħu skont l-interessi tiegħu f'kull ċirkostanza; anke għas-skapitu' tad-drittijiet umani u tal-liġi internazzjonali. Sabiex inkunu ċari, huwa dover għal kull gvern sabiex jaħdem għall-interessi tal-pajjiż. Madanakollu, din il-ħidma għall-interess tal-pajjiż qatt m'għandha tikkomprometti l-kredibbilita' ta' Malta bħala pajjiż illi dejjem ħaddan politika barranija li mhux biss issarraf f'ġid diplomatiku u kummerċjali għal pajjiżna, iżda li hija waħda bbażata fuq il-morali u fuq l-etika. Bħala pajjiż li huwa kostituzzjonalment obbligat li jħaddan politika ta' newtralita' u non-allineament, pajjiżna huwa wkoll obbligat mill-istess Kostituzzjoni li taħdem attivament għall-paċi fil-parametri tal-liġi internazzjonali. Il-qrubija tal-Ministru Borg mal-amministrazzjoni ta' Trump qiegħda ddgħajjef u tgħawwar il-potenzjal li pajjiżna għandha sabiex jiffunzjona bħala pajjiż newtrali u non-allineat li jaħdem għall-interessi tiegħu fil-parametri tal-moralita' u tal-liġi internazzjonali billi jibqa' jaħdem għal paċi globali li hija ġenwina u awtentika; paċi globali bbażata fuq il-ġustizzja.


Hawnhekk nirreferi għal rappurtaġġ fuq il-ġurnal Times of Malta, illi fih ġie żvelat li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jinsab taħt pressjoni qawwija diplomatika li ġejja mill-Istati Uniti li għandha l-għan li tisforza lill-gvern Malti sabiex iħaddan politika barranija li hija allineata ma' dik tal-Istati Uniti. F'dan ir-rappurtaġġ li jmur lura għal Mejju 2024, jissemma kif l-amministrazzjoni ta' Joe Biden kienet qiegħda tipperswadi lill-gvern Malti sabiex ma jirrikonoxxix l-Palestina bħala stat flimkien ma' Spanja, in-Norveġja, l-Irlanda u l-Islovenja; minkejja li l-gvern Malti kien ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirrkonoxxi l-istat tal-Palestina b'mod konġunt ma' dawn il-pajjiżi. Iżda wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-pressjoni diplomatika tal-Istati Uniti fuq il-gvern Malti mhijiex okkorrenza ġdida li bdiet riċentament. Infakkar meta f'Ottubru 2020, il-gvern Malti kien jinsab f'taħdidiet mal-gvern Amerikan sabiex jiġi stabbilit Status Of Forces Agreement (S.O.F.A.); ftehim illi kien se jagħti il-jedd lil suldati Amerikani sabiex ikollhom preżenza f'pajjiżna u sabiex jitressqux quddiem il-qrati barranin għal reati li jkunu wettqu f'Malta. Koinċidentalment jew le, ftit xhur wara li l-gvern Malti ma ffirmax dan il-ftehim, Malta ġiet imniżżla fil-'grey list' tal-'Financial Action Task Force' (F.A.T.F.). Skont l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, din l-azzjoni ġiet b'konsegwenza tal-fatt illi l-gvern Malti kien iddeċieda li Malta kellha tibqa' pajjiż newtrali; billi l-Istati Uniti għandha influwenza qawwija fil-ħidma tal-F.A.T.F. u għaldaqstant użawha bħala mezz sabiex jikkastigaw lill-gvern Malti.


Minkejja li issa l-gvern Malti sa fl-aħħar irrikonxxa l-Palestina bħala stat; anke jekk wara dewmien li qatt ma kellu jkun; huwa evidenti li l-mod kif jitħadded id-Deputat Prim Ministru dwar il-ġenoċidju f'Gaża huwa influwenzat mill-pożizzjonijiet li tieħu l-Istati Uniti rigward l-Iżrael u l-Palestina. Lill-Ministru Borg spiss nisimgħuh jenfasizza fuq il-bżonn illi Malta tappoġġja lill-Ukrajna fil-kuntest tal-aggressjoni Russa ta' Frar 2022, iżda ma nisimgħuhx jitħadded bl-istess passjoni rigward il-bżonn li Malta tappoġġja lill-Palestina fil-konfront tal-aggressjoni tal-Iżrael illi ilha għaddejja sa mill-1948. Fl-istqarrijiet tiegħu, Borg spiss jirreferi għall-attakki li wettqu l-Ħamas fis-7 ta' Ottubru bħala attakki terroristiċi, iżda qatt ma jirreferi għall-atroċitajiet f'Gaża bħala ġenoċidju mwettaq mill-Iżrael, anke jekk issa għandna iżjed provi minn qatt qabel li l-gvern Iżraeljan qiegħed jitterrorizza u jattakka b'mod intenzjonat lill-poplu Palestinjan. Lill-Ministru Borg spiss nisimgħuh isemmi lill-ostaġġi maqbuda f'Gaża, iżda spiss jevita milli jsemmi l-imwiet f'Gaża kkaġunati mill-ġuħ imponut b'mod intenzjonat mill-gvern Iżraeljan. Għalfejn il-Ħamas terroristi u l-Iżrael le? Din hija ipokrezija!


Bħalma hija ipokrezija meta naraw lill-Ministru jisħaq li l-ftehim fil-paċi fl-Ukrajna jrid jinkludi l-ħtieġa li l-Ukrajna tikseb l-art kollha li tilfet minħaba l-okkupazzjoni Russa, filwaqt illi qiegħed jappoġġja l-pjan li l-President Trump għandu għall-Medda ta' Gaża. Infakkar li dan huwa pjan appoġġjat mill-Prim Ministru Iżraeljan proprju għaliex ma jinkludix it-twaqqif ta' stat Palestinjan. M'għandniex ninsew li l-Ministru rrifjuta li jikkundanna lill-President Trump u lill-Prim Ministru Netanyahu; bl-istess passjoni li juża sabiex jikkundanna lill-President Russu Vladimir Putin; mal-mument li pproponew b'mod konġunt li jitkeċċa l-poplu Palestinjan minn Gaża. Il-Ministru Borg huwa dak li kontinwament injora t-talbiet tal-attivisti sabiex Malta titlob lill-Unjoni Ewropea sabiex jiġi sospiż il-ftehim tal-assoċjazzjoni mal-Iżrael, u lanqas ma kellu r-rieda li jisħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tikkopera mal-Qorti Kriminal Internazzjonali sabiex jiġi arrestat Netanyahu jekk dan ikun f'territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Borg huwa dak li kkundanna lill-Iran talli rrispondew għall-attakki Iżraeljani fuq territorju Iranjan, filwaqt li huwa dak li jisħaq li l-Iżrael għandha ''d-dritt li tiddefendi lilha nnifisha''. Il-Ministru jisħaq fuq dan is-suppost dritt minkejja li l-liġi internazzjonali tisħaq li l-Iżrael ma jistax jevoka dan id-dritt f'territorji li huma okkupati; inkluż il-Medda ta' Gaża.


M'għandniex ninsew illi li kieku kien jiddependi fuq il-Ministru Borg, ir-rikonoxximent tal-istat tal-Palestina kellu jistenna sakemm ikun hemm governanza waħda unita Palestinjana. Għaldaqstant, bir-raġunament bażwi tal-Ministru, pajjiżna m'għandux jirrikonoxxi lil-Libja u liċ-Ċina bħala stati għaliex dawn għandhom governanza mifruda. Donnu l-Ministru ma jemminx li l-poplu Palestinjan għandhom jingħataw stat bi dritt u mhux bi pjaċir. Ta' min ifakkar ukoll illi filwaqt li l-Ministru jikkundanna l-okkupazzjoni Russa fl-Ukrajna, huwa attivament jappoġġja l-okkupazzjoni li l-Marokk qiegħed iwettaq fis-Saħara tal-Punent; minkejja li l-preżenza tal-Marokk f'dan it-territorju hija illegali skont il-liġi internazzjonali. Huwa sewwa li jappoġġja lill-poplu tal-Ukrajna, iżda meta jagħmel dan filwaqt li jkun insensittiv fil-konfront ta' popli oħrajn qiegħed juri biss li l-appoġġ tiegħu huwa mmotivat mill-poter u mix-xewqa li jintogħġob mal-Punent, u mhux għax huwa ġenwinament favur il-paċi. Mhux ta' b'xejn li l-Ministru Borg jaħseb li l-President Trump intitolat għall-Premju Nobel tal-Paċi, għaliex l-idea ta' xi tfisser paċi u ġustizzja għall-Ministru hija mnawra daqs dik tal-President Amerikan. Jidher li l-Partit Laburista ta' li ħalla warajh Mintoff qiegħed jindifen bl-istess manjiera li ndifen l-Partit Repubblikan ta' li ħalla warajh Reagan. Il-paralleliżmu huwa tassew wieħed traġiku.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page