top of page

OPINJONI: L-IMPORTANZA TA' RIFORMA FIL-FINANZJAMENT TAL-PARTITI.

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Sep 22
  • 5 min read
ree
'' Il-poplu Malti m'għandux jiġi mgħallem mill-mexxejja tal-pajjiż li l-finanzjament tal-partiti politiċi huwa taxxi ġdida, iżda għandu jiġi mgħallem li dan huwa bżonnjuż sabiex pajjiżna jkollu demokrazija li tiffunzjona verament favur l-interessi tal-maġġoranza u taċ-ċittadin komuni, u mhux favur l-interessi ta' minoranza għanja u kapitalista li qiegħda titratta lill-partiti politiċi bħala kommodita' li tista tinxtara. ''

F'Settembru 1796, hekk kif kien qiegħed jagħmel l-aħħar indirizz tiegħu bħala l-ewwel President tal-Istati Uniti, George Washington kien wissa kontra l-konsolidament tal-poter f'idejn ftit individwi korrotti li jinfiltraw fil-qalba tal-partiti politiċi bl-għan li jużaw il-poter politiku sabiex itejbu l-qagħda personali tagħhom għas-skapitu tal-interessi nazzjonali. F'dan l-indirizz storiku, Washington jgħid hekk dwar kemm hija probabbli li eventwalment, il-partiti politiċi se jiġu maħtufa u abbużati;


" Minkejja li [il-partiti politiċi] jistgħu minn żmien għal żmien jwieġbu għall-interessi tal-pubbliku, huwa probabbli li matul iż-żmien, dawn se jsiru magni potenti li permezz tagħhom, rġiel makkaki, ambizzjużi u mingħajr prinċipji se jkollhom l-abbiltà li jabbużaw mill-poter u jiggvernaw, biex mbagħad jeqirdu l-istess magni li tawhom dan il-poter ingust.

Sekli wara id-diskors ta' Washington, saru twissijiet simili minn Presidenti Amerikani suċċessivi; fosthom Dwight Eisenhower u iktar riċenti Joe Biden; dwar il-periklu li d-demokrazija fl-Istati Uniti titmerer u titrasforma ruħha f'oligarkija. Essenzjalment, meta ngħidu li pajjiż sar oligarkija qegħdin nirreferu għal sitwazzjoni fejn grupp ta' individwi għonja jinfiltraw fi ħdan gvern u jużaw il-poter politiku bl-għan li jipproteġu l-kapital personali tagħhom. Għal ħafna raġunijiet, bosta osservaturi u analisti politiċi qegħdin jikkunsidraw l-Istati Uniti bħala pajjiż oligarku jew li huwa fil-proċess li jsir oligarkija. F'din il-Presidenza Amerikana attwali, wieħed ma jistax ma jinnotax il-qrubija perikoluża li teżisti bejn il-gvern Amerikan u kapitalisti għonja bħal Elon Musk u Jeff Bezos. Dawn huma żewġ individwi li matul il-kampanja presidenzjali tas-sena l-oħra rajniehom jużaw il-ġid tagħhom sabiex jiffinanzjaw lill-kandidat Repubblikan Donald Trump bl-għan li jinfluwenzaw ir-riżultat elettorali favur dan il-kandidat, bit-tama li jkunu jistgħu jinfluwenzaw il-leġislazzjonijiet tal-amministrazzjoni eletta. Lil hinn mis-sitwazzjoni inkwetanti fl-Istati Uniti, forsi intom u taqraw qegħdin tintebħu kemm f'Malta għandna realta' identika għal dik tal-Istati Uniti rigward il-qrubija perikoluża bejn il-kapitalisti għonja u l-gvern. L-għerq ta' din il-qrubija kollha hija l-fatt li l-partiti politiċi tagħna huma kuntenti b'mezz ta' finanzjament li jippermetti lil dawn l-individwi malizzjużi sabiex jagħtu d-donazzjonijiet bl-għan li jirċievu lura l-favuri mingħand il-gvern. Għalhekk, ma kinitx sorpriża li l-gvern Malti qiegħed preżentament jipproponi riformi fl-ippjanar li jivvantaġġjaw l-istess individwi li qegħdin jiffinanzjaw lill-partiti politiċi. Għalhekk, dawn iż-żewġ abbozzi ta' liġi huma sintomu ta' kif Malta wkoll qiegħda tagħmel it-tranżizzjoni degredanti minn pajjiż demokratiku għal pajjiż oligarku.


Riċentament, rajna lill-Prim Ministru jitkellem kontra l-possibbilta' ta' riforma fil-finanzjament tal-partiti politċi f'pajjiżna billi sostna li ma jridx li t-taxxi tal-poplu Malti jintużaw sabiex jiffinanzjaw lill-partiti politiċi għaliex fi kliemu, il-finanzi pubbliċi għandhom jintużaw sabiex jissaħħaħ il-ġid komuni. Billi għamel distinzjoni bejn l-użu tal-finanzi pubbliċi sabiex jissaħħaħ il-ġid komuni u l-użu tal-finanzi pubbliċi sabiex jiġu ffinanzjati l-partiti politiċi, il-Prim Ministru essenzjalment implika li l-protezzjoni tad-demokrazija rappreżentattiva tagħna mhijiex prijorita'. Dan ir-raġunament assurd ma huwa xejn għajr diskors populista li qiegħed jissottovaluta l-importanza tat-trasparenza f'demokrazija rapprażentattiva. Il-poplu Malti m'għandux jiġi mgħallem mill-mexxejja tal-pajjiż li l-finanzjament tal-partiti politiċi huwa taxxi ġdida, iżda għandu jiġi mgħallem li dan huwa bżonnjuż sabiex pajjiżna jkollu demokrazija li tiffunzjona verament favur l-interessi tal-maġġoranza u taċ-ċittadin komuni, u mhux favur l-interessi ta' minoranza għanja u kapitalista li qiegħda titratta lill-partiti politiċi bħala kommodita' li tista tinxtara. Il-finanzjament pubbliku tal-partiti politiċi mhuwiex kunċett ġdid għal ħafna demokraziji eżemplari; bħalma huma l-pajjiżi Skandinavi u f'diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bħall-Ġermanja u Franza. Għaldaqstant, ma nistax nifhem għalfejn hawn min irid jagħti x'jifhem li din ma tista qatt issir f'Malta. Ironikament, dawk li huma l-iżjed ferventament kontra li l-finanzi pubbliċi jintużaw għall-finanzjament tal-partiti politiċi ma kellhom l-ebda problema meta t-taxxi tal-poplu ntużaw mill-gvern sabiex jinxtraw każini ta' partiti politiċi jew ta' għaqdiet mużikali!


Meta wieħed jagħsar l-argumenti kollha li qegħdin jitqajmu sabiex jipprovaw jiġġustifikaw l-istatus quo tal-finanzjament tal-partiti politiċi, malajr jintebaħ li l-partiti politiċi m'għandhomx kredibbilita' meta jsemmu l-użu responsabbli tal-finanzi pubbliċi bħala raġuni għalfejn huma kontra riforma fil-finanzjament tal-partiti politiċi. Il-Partit Laburista mhuwiex konsistenti meta jgħid li ma jixtiqx li t-taxxi tal-poplu jintużaw għall-finanzjament tal-partiti; bħallikieku dan huwa tberbiq ta' flus żejda jew ħela; filwaqt li t-taxxi tal-poplu diġa' ntużaw sabiex jinxtraw każini politiċi li ġew akkwistati b'mod irregolari. Min-naħa l-oħra, l-anqas ma huwa konsistenti l-Partit Nazzjonalista li jikkritika l-użu tal-finanzi pubbliċi sabiex jinxtraw dawn il-każini meta huwa konxju li l-istazzjon politiku tiegħu ilu snin twal ma jħallas il-kontijiet tal-elettriku; li wieħed jevadi li jħallas il-kontijiet dovuti wkoll huwa serq mill-poplu. Hekk kif l-partiti politiċi qegħdin jaffaċċjaw dawn l-isfidi finanzjarji sabiex joperaw, minoranza għanja u kapitalista f'pajjiżna qiegħda tisfrutta din is-sitwazzjoni u tikkunsidraha bħala opportunita' sabiex tinfiltra fi ħdan il-partiti politiċi bl-għan li taġevola l-interessi tagħha. F'pajjiżna, din il-minoranza partikolarment tikkonsisti f'individwi jew kumpaniji assoċjati mal-industrija tal-bini.


Fuq kollox, iż-żewġ partiti politiċi maġġuri huma konxji li l-assi tagħhom; fosthom l-istazzjonijiet politiċi; qegħdin jintużaw bħala mezz sabiex negozjanti kbar ikunu jistgħu jagħmlu donazzjonijiet lill-partiti politiċi b'mod indirett. Dan huwa evidenti meta, pereżempju, negonzjanti kbar jixtru r-riklami tat-televiżjoni fuq l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi minflok jagħtu donazzjoni fiskali diretta lill-partit politiċi. Din ir-realta' hija eżempju tal-'loophole' eżistenti fil-liġijiet attwali li qegħdin jirregolaw il-finanzjament tal-partit politiċi, li evidentament mhumiex suffiċjenti sabiex jassiguraw li l-partit politiċi ta' pajjiżna mhumiex maħkumin mill-interessi ta' minoranza għanja ta' kuntratturi u negozjanti oħrajn. Filfatt, meta wieħed jinnota s-skiet itarrax taż-żewġ partit politiċi rigward kwistjonijiet kontroversjali li huma assoċjati mas-settur tal-kostruzzjoni; fosthom il-kwistjoni tal-Forti Chambray f'Għajnsielem u l-kwistjoni tal-proġett minn DBGroup fuq l-art li fuqha kien mibni l-ITS f'Pembroke; malajr jintebaħ bil-mod sfaċċat kif il-politika taż-żewġ partiti politiċi qiegħda tiġi ddettata minn ftit kuntratturi u negozjanti li jużaw il-ġid u l-influwenza tagħhom sabiex jgħaġġnu l-liġijiet tal-pajjiż. Filfatt, b'mod konvenjenti ħafna għall-iżviluppaturi, l-abbozzi ta' liġi mressqa riċentament mill-gvern rigward riformi kbar fl-iżvilupp ġew proposti ftit ġimgħat biss wara li l-iżviluppatur Joseph Portelli tkellem kontra s-setgħa li għandha l-qorti sabiex tirrevoka l-permessi waqt dibattitu fuq TimesTalk. Dawn l-abbozzi ta' liġi; li qegħdin jipproponu riformi li jistgħu jdgħajfu l-irwol diġa' limitat li għandu ċ-ċittadin komuni sabiex jopponi l-iżvilupp; huma evidenza ċara ta' kif il-partit politiċi maġġuri huma ostaġġi fil-bwiet tal-iżviluppaturi u l-kuntratturi; sitwazzjoni li hija konsegwenza tal-mod preżenti kif qiegħed iseħħ il-finanzjament tal-partiti politiċi f'pajjiżna. Jeħtieġ li l-poplu Malti jibda jirrealizza li l-maġġoranza tal-problemi ta' dan il-pajjiż; fosthom in-nuqqas ta' affordabbilita', il-qerda tal-ambjent u l-inugwaljanza dejjem tikber fit-tqassim tal-ġid tal-pajjiż huma ħtija tal-mod kif in-negozjant infiltra l-politika u l-governanza f'Malta. Għalhekk, sakemm il-politiku se jibqa' fl-istess sodda man-negozjant, il-poplu Malti ma jistax ikollu garanzija li l-politika li qiegħda titmexxa mill-politiċi tagħna qiegħda tipprijoritizza l-interess nazzjonali u mhux tipprijoritizza l-interess tan-negozjant li jixtri lill-politiku.


Jekk irridu li Malta tibqa' demokrazija funzjonabbli, jeħtieġ li nsemmgħu leħinna favur finanzjament trasparenti u pubbliku tal-partiti politiċi tagħna, li storikament taw kontribut siewi fl-iżvilupp tagħna bħala nazzjon. Il-politika hija għodda li biha tista' twettaq ħafna ġid, u għalhekk huwa fl-interess tal-poplu li din l-għodda tkun f'idejn dawk li għandhom intenzjonijiet tajbin għall-poplu, u mhux f'idejn dawk li jikkunsidraw il-politika bħala sempliċiment skaluna oħra fis-sellum għall-poter u għall-flus. Jekk pajjiżna ma jibdilx it-triq li qabad, f'temp ta' ftit żmien se jittrasforma ruħu f'oligarkija bħalma hija l-Istati Uniti. Dan ikun għajb għall-ġieħ tal-poplu tagħna, li tant iġġieled għal rappreżentanza demokratika u għall-indipendenza tiegħu. L-għadu li minnu rridu niksbu l-indipendenza tagħna m'għadux il-ħakkiem barrani, iżda huwa l-kapitalist Malti u l-parrinu tiegħu; il-politiku korrott.




Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page