Il-Kunsilli Lokali jiffurmaw l-iktar forma bażika ta' gvern lokali l'isfel mil-livell tal-Gvern Ċentrali.
Nagħtu Widen lill-Vuċi taċ-Ċittadini Tagħna.
Il-ħolqien tal-Kunsilli Lokali lura fl-1993, propjament 30 sena ilu, kien tassew pass revoluzzjonarju fil-politika Maltija, għaliex għall-ewwel darba ċ-ċittadini Maltin setgħu jkollhom sehem u jsemmgħu il-vuċi tagħhom fl-amministrazzjoni tal-lokalitajiet tagħhom. Il-Kunsilli Lokali tagħna huma eżempju tajjeb ta' deċentralizzazzjoni, li huwa metodu ta' politika li jittrasferixxi l-poteri tal-Eżekuttiv għall-idejn taċ-ċittadin innifsu, sabiex id-deċiżjonijiet li ser jħallu impatt dirett fuqu, jittieħdu minnu stess. B'hekk, id-deċentralizzazzjoni hija importanti u vitali sabiex tissaħħah id-demokrazija fil-komunitajiet lokali tagħna, għaliex din tagħti aktar saħħa lill-vuċi u lid-dirgħajn taċ-ċittadin komuni.
Nagħtu Nifs Ġdid lill-Kunsilli Lokali Tagħna.
Huwa fl-interess tagħna li l-Kunsilli Lokali jkomplu jimirħu u jiżviluppaw, għaliex dan ikun ta' benefiċċju għall-qagħda taċ-ċittadini tagħna u tal-lokalita' nfisha. Meta l-Kunsilli Lokali kienu ġew introdotti għall-ewwel darba 30 sena ilu, rajna żieda sostanzjali fl-ammont ta' proġetti soċjali u infrastrutturali li għollew il-livell tal-għijxien taċ-ċittadini. Madanakollu, irridu naraw li nibqgħu nimxu fid-direzzjoni t-tajba, iġġifieri li nagħtu aktar dmirijiet u drittijiet lill-Kunsilli Lokali tagħna. Sabiex tkompli titwettaq il-politika ta' deċentralizzazzjoni, huwa l-obbligu tagħna li nħeġġu aktar attiviżmu miċ-ċittadini nfishom. M'għandniex nibqgħu nħarsu lejn il-Kunsilli Lokali bħala xi monopolju ta' xi partiti politiċi, iżda għandna nibdew inħarsu lejhom bħala għodda f'idejn iċ-ċittadini sabiex iġibu l-bidla li jixtiequ. Apparti li huwa sewwa u bżonnjuż illi jkollna politiċi preżenti fl-istess Kunsilli Lokali, għandna nibdew ninvolvu aktar liċ-ċittadini komuni, pereżempju, jistgħu jinħolqu 'forums' fil-lokalitajiet tagħna li fihom il-membri tal-Kunsill Lokali jkunu jistgħu jiddiskutu mar-residenti. B'hekk il-Kunsill Lokali u r-residenti jkunu jistgħu jikkollaboraw fuq problemi li tkun qiegħda tesperjenza l-lokalita' tagħhom, pereżempju problemi marbuta mal-ġbir tal-iskart, problemi marbuta ma' nuqqas ta' spazju ddedikat għall-parkeġġ u problemi marbuta ma' nuqqas ta' sigurta'.
Insaħħu l-Ħajja Soċjali tal-Lokalitajiet Tagħna.
Irridu nibdew ukoll inħarsu aktar lill-ambjent tal-lokalitajiet tagħna, kemm dak urban u kif ukoll dak rurali, sabiex nassiguraw li l-wirt mibni u naturali tal-lokalitajiet tagħna jibqa' jingħata l-importanza u l-protezzjoni li tixraqlu. Apparti li l-iżvilupp eċċessiv jgħarraq lill-estetika tal-lokalitajiet tagħna, dan jħalli impatti negattivi fuq il-qagħda taċ-ċittadini minħabba li l-iżvilupp eċċessiv jikkawża għadd ta' problemi soċjali, pereżempju żieda fit-tniġġis u fl-iskart. Il-Kunsilli Lokali għandhom iservu bħala t-tarka tar-residenti u għalhekk meta dawn jsemmgħu leħinhom kontra l-iżvilupp eċċessiv, problema komuni fil-lokalitajiet tagħna, dawn ikunu qegħdin ipoġġu fuq quddiem tal-aġenda tagħhom l-interessi tal-istess residenti. Għalhekk, il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw aktar assistenza mill-awtoritajiet governattivi sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu battalji legali fl-interess tal-lokalita' u tar-residenti tagħha, sabiex ir-residenti jibqgħu jingħataw prijorita' u jibqgħu jgawdu minn ambjent xieraq. Apparti dan kollu, il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw assistenza finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jwettqu għadd ta' proġetti ambjentali fil-lokalita', bħalma ngħidu aħna spazji miftuħa ġodda fil-komunitajiet urbani tagħna, sabiex iċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna jingħataw il-ħajja billi tingħata prijorita' lir-residenti. Biż-żieda ta' spazji miftuħa ġodda, mhux biss inkunu qegħdin insebbħu l-estetika tal-ambjent tal-lokalita', iżda nkunu qegħdin inħeġġu lir-residenti sabiex jagħmlu aktar użu minn mezzi ta' trasport sostenibbli, bħall-mixi jew bir-roti, filwaqt li huma jkunu qegħdin jissoċjalizzaw ma' residenti oħra fi spazji miftuħa li jkunu ddedikati għalihom. Għandna naraw illi ngħaddu l-messaġġ illi l-Kunsilli Lokali huma miftuħin għal kulħadd, għaldaqstant l-istess Kunsilli Lokali għandhom iservu ta' spalla għall-aktar residenti vulnerabbli, bħalma ngħidu aħna l-anzjani u l-persuni b'diżabbilita', sabiex dawn jirċievu l-għajnuna u l-appoġġ illi għandhom bżonn fl-isfidi li jesperjenzaw fuq bażi ta' kuljum.
Inkunu Kburin bil-Patrimonju tal-Lokalitajiet Tagħna.
Il-Kunsilli Lokali għandhom jkollhom ukoll l-irwol ta' promoturi għall-kultura u għall-patrimonju tal-lokalita' tagħhom, sabiex jinvokaw sens ta' kburija fir-residenti għal-lokalita' tagħhom, li għandha tħeġġeġ lir-residenti sabiex jiżviluppaw aktar interess fil-lokalita'. Il-Kunsilli Lokali għandhom iħeġġu lir-residenti tal-lokalitajiet tagħhom sabiex jinvolvu ruħhom f'għaqdiet volontarji preżenti fil-lokalita', li jgħinu fl-iżvilupp kulturali u soċjali tal-istess lokalita'. Il-Kunsill Lokali għandhom jorganizzaw għadd ta' attivitajiet soċjali fil-lokalita' tagħhom u jagħmlu aktar kampanji edukattivi dwar il-patrimonju tal-lokalita', sabiex ikun hemm aktar sens ta' għarfien u interess dwar il-wirt storiku u kulturali tal-istess lokalita' fost iċ-ċittadini. Fil-kuntest ta' soċjeta' li maż-żmien dejjem qiegħda tinbidel, il-Kunsilli Lokali għandhom iħeġġu lir-residenti ta' dixxendenza barranija preżenti fil-lokalita' sabiex jintegraw fl-għaqdiet tal-lokalita' u għalhekk jagħtu l-kontribut tagħhom. Miżura bħal din bla dubju ta' xejn se tgħin lil dawn ir-residenti tal-lokalita' sabiex jintegraw maċ-ċittadini l-oħra.
Aktar Poter f'Idejn iċ-Ċittadini tal-Lokalitajiet Tagħna.
Jekk nagħtu aktar drittijiet u dmirijiet lill-Kunsilli Lokali, m'hemmx ombra ta' dubju li l-livell tal-għijxien taċ-ċittadini tagħna ser jitjieb sostanzjalment. Il-Kunsilli Lokali huma għodda b'potenzjal kbir u għalhekk irridu nkunu aħna li nkomplu nibnu fuq il-pożittiv tagħhom sabiex dawn ikomplu jissaħħu.
***
Dan l-artiklu huwa silta minn intervent illi nqara minn Eman Farrugia fil-Parlament Malti, f'seduta organizzata fl-okkażjoni tat-30 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali.
Sondaġġ: L-utilita' tal-Kunsilli Lokali tagħna.
AGĦTI L-OPINJONI TIEGĦEK: Taħseb illi tinsab sodisfatt bil-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-lokalita' tiegħek?
Iva, pjuttost sodisfatt.
Mhux daqstant sodisfatt.
Le, m'inix sodisfatt.
Indeċiż.
Comments