top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

OPINJONI: MILL-KLIEM NGĦADDU GĦALL-FATTI; IRRIDU PAĊI JEW LE?


''Sabiex ikun hemm il-paċi fil-Mediterran, il-Palestinjani jridu jsibu iżjed għajnuna mingħandna biex huma jistgħu jgħixu fil-paċi u ħielsa ġewwa arthom.''

Fil-bidu ta’ din is-sena tħabbar illi Malta ntagħżlet sabiex tokkupa l-presidenza tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u s-Sigurta’ fl-Ewropa (O.S.C.E.), u b'hekk pajjiżna ngħata opportunita’ sabiex ipoġġi fil-prattika l-politika tiegħu favur il-paċi u s-sigurta’ fost il-ġnus. B’diżappunt, ikolli ngħid illi pajjiżna mhuwiex qiegħed jisfrutta din l-opportunita’ biżżejjed, u filwaqt illi l-politiċi tagħna jinsabu aljenati jimpikaw bejniethom fil-logħba insensata tal-partiġġjaniżmu, ħadd mhuwa qiegħed jistaqsi; imma x’qegħdin nagħmlu sabiex nassiguraw il-paċi? Dan is-suġġett m’għandux jitwarrab fil-ġenb, iżda għandu jingħata prijorita’ assoluta waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li ġej. Il-kunflitt illi għaddej f'Gaża, b'mod partikolari, għandu jkun ta' interess għal pajjiżna, hekk kif il-preżenza ta' qawwiet militari fil-Mediterran qiegħda tibqa' teskala iżjed.

 

Malta bix-xieraq kienet voċifera ħafna sabiex tikkundanna l-aggressjoni Russa ġewwa l-Ukrajna, tant illi l-invażjoni tal-Ukrajna hija prijorita’ assoluta fl-aġenda li tressqet minn pajjiżna waqt il-ftuħ tal-ħidma tal-O.S.C.E. għal din is-sena. Madanakollu, hekk kif Malta ħadet il-presidenza tal-O.S.C.E., għażilna li bħala pajjiż ma ninkludux l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina fl-aġenda tagħna; kunflitt illi kkaġuna diċenji sħaħ ta’ vjolenza u instabbilita’ fl-Ilvant Nofsani u fil-Mediterran. Bħala pajjiż Mediterranju u li għandu jkun kommess għall-paċi fost il-ġnus, ma nistax nifhem ir-raġuni għalfejn dan il-kunflitt illi ilu għaddej għal dawn is-snin kollha twarrab fil-ġenb minn Malta. Tajjeb illi nkunu voċiferi għas-sigurta’ tal-poplu Ukren u fl-Ilvant tal-Ewropa, iżda għalfejn m’aħniex inkunu voċiferi għas-sigurta’ tal-poplu Palestinjan u fl-Ilvant Nofsani? Jekk Malta verament trid tkun strument ta’ paċi, nistenna li Malta tpoġġi dan il-kunflitt bħala prijorita’ assoluta fl-aġenda tagħha fl-O.S.C.E.. Bħalma hija inġusta l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, hekk ukoll hija inġusta l-okkupazzjoni illegali Iżraeljana li ilha għaddejja fil-Palestina għal dawn is-snin kollha waqt illi d-dinja tiċċassa u tara poplu sħiħ jinqered quddiemha. Għal dawn is-snin kollha, il-komunia' internazzjonali ma kinitx kapaċi tipprovdi soluzzjonijiet realistiċi għall-poplu Palestinjan, hekk kif gvernijiet Ewropej u Amerikani kienu u għadhom passivi wisq fl-atteġġjament tagħhom sabiex tintemm l-aggressjoni Iżraeljana.

 

Hawnhekk irrid nfakkar illi lura fis-snin sebgħin, pajjiżna taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Mintoff kien ħadem qatigħ sakemm sa fl-aħħar kienet kien introdotta l-klawżola tal-Mediterran fil-Helsinki Final Act illi tipprofessa li ''ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.'' Ma nistax nifhem għalfejn pajjiżna qiegħed jinsa s-sinifikant ta’ din il-klawżola u x’timplika din il-klawżola dwar is-sigurta’ tal-Ewropa. Fil-prinċipju, din il-klawżola timplika li l-pajjiżi Ewropej kollha jridu jaħdmu mhux biss għall-paċi fl-Ewropa ta’ Fuq, iżda anke fir-reġjun tal-Mediterran; illi jinkludi l-Afrika ta’ Fuq u l-Ilvant Nofsani. Issa li l-kunflitt ta’ Gaża qiegħed jibqa’ jeskala u l-kriżi umanitarja għall-poplu Palestinjan qiegħda tibqa’ tiggrava, huwa irresponsabbli li pajjiżna qiegħed jinjora t-theddia li teżisti mhux biss għall-paċi fl-Ilvant Nofsani iżda anke għat-theddida li teżisti għall-paċi fil-kumplament tal-Mediterran; theddida li ġejja mill-fatt illi l-kunflitt ta' Gaża jista' jeskala f'kunflitt reġjonali kif diġa' qiegħed iseħħ. Madanakollu, jidher illi Malta fil-presidenza tal-O.S.C.E. mhijiex qiegħda tirrikonixxi din it-theddida u minflok titfagħha taħt it-tapit.

 

Kuntent illi smajt ħafna diskors kontra l-gwerra u l-armamenti, imma issa rridu ngħaddu mill-kliem għall-fatti. Għalhekk, nixtieq nara lil Malta tieħu iżjed azzjoni fl-O.S.C.E. favur il-poplu Palestinjan billi tressaq b'urġenza u fl-immedjat il-kunflitt li għaddej b'mod preżenti ġewwa Gaża, jekk verament għadna nemmnu fil-prinċipju li tant imbotta l-Partit Laburista stess li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran; u sabiex ikun hemm il-paċi fil-Mediterran, il-Palestinjani jridu jsibu iżjed għajnuna mingħandna biex huma jistgħu jgħixu fil-paċi u ħielsa ġewwa arthom. Huwa inaċċettabbli li nisma skużi li tressqu bħal ''m'hemmx konsensus biżżejjed'' fost il-pajjiżi membri tal-O.S.C.E. sabiex jiġi indirizzat il-kunflitt; dawn kollha huma skużi! Konvenjenti ħafna li ngħidu illi huwa kunflitt ''kontroversjali wisq'' u għaldaqstant huwa diffiċli sabiex tindirizzah, iżda jekk xejn din hija xhieda ta' kemm l-O.S.C.E. hija organizzazzjoni inutli u passiva sabiex tindirizza s-sigurta' fir-reġjun tagħna. Inkella l-istorbju li nagħmlu fuq il-paċi jkun kollu fieragħ.

 

Irrid illi pajjiżna ma jkunx parti mill-Ewropa ta’ Kajin illi hija kompliċi fit-twettiq ta’ ġenoċidju kontra ħutna Palestinjani, iżda rrid illi pajjiżna jkun parti mill-Ewropa ta’ Abel illi hija l-vuċi tal-poplu Palestinjan fi ħdan id-dinja tal-Punent illi hija siekta u ineffetiva sabiex tipproteġi d-drittijiet l-iżjed fundamentali ta' dan il-poplu minsi. Malta fl-O.S.C.E. għandha tassigura li l-ħażin ma jirbaħx minħabba l-iskiet ta’ min huwa ġust. Bħalissa qegħdin nosservaw kif id-dinja tal-Punent qiegħda tibqa siekta quddiem l-inġustizzji li qegħdin jitwettqu; irrid illi Malta tkun il-vuċi fosthom illi tispikka u li ma tkun peduna ta' l-ebda aġenda ħlief tagħha stess; aġenda favur il-paċi fost il-ġnus kollha!


 

Sondaġġ: Il-prijoritajiet ta' Malta fit-tmexxija tal-O.S.C.E..


AGĦTI L-OPINJONI TIEGĦEK: Taħseb illi Malta għandha tagħti iżjed prijorita' lill-kawża Palestinjana ġewwa l-O.S.C.E.?

  • Iva, naqbel.

  • Le, ma naqbilx.

  • Indeċiż.




159 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page