top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

OPINJONI: NINŻLU MIT-TORRI TAL-AVORJU U NIBDEW NISIMGĦU IŻJED LILL-POPLU.


Bejn is-6 u d-9 ta' Ġunju, il-popli ta' 27 pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea ħadu sehem fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li fihom ġew eletti 720 membru sabiex iservu f'din l-istituzzjoni Ewropea.


Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tat-8 ta' Ġunju.


Ir-riżultat elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlement Ewropew u l-Kunsilli Lokali li saru f'pajjiżna nhar is-Sibt 8 ta' Ġunju kien wieħed sorprendenti u mhux mistenni għal ħafna. Dan minħabba l-fatt li minkejja li sa ħames snin ilu d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kien ta' madwar 42,600 vot; issa id-distakk bejn iż-żewġ partiti ewlenin issa niżel għal madwar 8,400 vot. B'mod inevitabbli, dan it-tnaqqis fid-distakk fisser ukoll it-telf ta' siġġu għall-grupp ewroparlamentari Laburista fil-Parlament Ewropew. Nieħu l-opportunita' sabiex nawgura lill-membri ewroparlamentari kollha li ġew eletti u nittama li matul il-ħames snin li ġejjin se jkunu qegħdin jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u lil hinn mill-partiġġjaniżmu. Il-ħames snin li ġejjin ser ikunu kruċjali għall-Unjoni Ewropea, li qiegħda tiltaqa' ma bosta sfidi ġodda fosthom l-għoli tal-ħajja, l-immigrazzjoni, iż-żieda fil-popolarita' tal-lemin estrem, u t-tensjonijiet ġeopolitiċi fl-Ilvant tal-Ewropa u fl-Ilvant Nofsani.


Fil-mument illi qiegħed nikteb dan l-artiklu għadu qiegħed għaddej l-għadd tal-voti sabiex jiġu eletti sindki u kunsilliera ġodda għall-ħames snin li ġejjin fil-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. Minkejja li r-riżultat elettorali rigward il-Kunsilli Lokali għadu mhux iffinalizzat u għaldaqstant f'dan il-mument ma nistax nikkumenta fid-dettal dwaru, huwa mifhum illi hawnhekk il-Partit Laburista wkoll qiegħed inaqqas fil-popolarita' tiegħu mal-poplu Malti. Hekk kif il-mistoqsijiet li kulħadd qiegħed jistaqsi huma ''għaliex?'' u ''kif?'' il-Partit Laburista tilef b'dan il-mod f'dawn l-elezzjonijiet, f'dan l-artiklu se nipprova nagħti analiżi mhux partiġġjana u ġusta dwar ir-riżultat elettorali billi nipprova nwieġeb dawn iż-żewġ mistoqsijiet. Ikun għaqli wkoll li nirrifletti dwar il-prestazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, tal-partiti terzi u tal-kandidati indipendenti f'dawn l-elezzjonijiet li saru.


It-tnaqqis fid-distakk; telf ta' fiduċja fil-Partit Laburista?


Hekk kif il-Partit Laburista ilu stabbilit b'maġġoranzi storiċi bħala partit li ilu fil-gvern għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, huwa mifhum illi jibda jonqos id-distakk. Dan il-fenomenu esperjenzah il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2008 u fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009, fejn kien beda jidher b'mod evidenti li l-Partit Nazzjonalista naqas sewwa fil-popolarita' tiegħu. Madanakollu, min verament irid il-ġid lill-Partit Laburista ma jistax ikun diżilluż u jikkuntenta ruħu bid-distakk preżenti. Huwa veru li hija rebħa b'maġġoranza pjuttost komda meta wieħed jikkumpara mad-distakki ta' elezzjonijiet preċedenti li bihom rebaħ il-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar snin tal-governanza tiegħu u anke l-Partit Laburista fis-snin sebgħin, iżda meta wieħed iqabbel id-distakk ma' dak illi kien ħames snin ilu, dan juri tnaqqis drastiku u rapidu fil-popolarita' tal-Partit Laburista mal-elettorat. L-inqas affari li wieħed għandu jagħmel huwa li jikkuntenta bir-rebħa elettorali u jiddeskriviha bħala ''rebħa soda''. Żgur illi f'dan il-mument preżenti, ma jkunx għaqli u matur illi wieħed jagħmel dan.


Dak li wassal għat-tnaqqis konsiderevoli fid-distakk huwa ħafna. Nibda billi nsemmi l-weġgħat li jħossu n-nies fil-ħajja ta' kuljum; iż-żieda fl-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta' sensittivita' min-naħa tal-Gvern u entitajiet tal-Istat sabiex jittrattaw każijiet ġenwini ta' individwi, in-nuqqas ta' regolarizzazzjoni fil-kostruzzjoni u bosta piżijiet oħrajn illi qiegħed jiltaqa' magħhom il-poplu, fosthom it-traffiku bla kontroll, iż-żieda sproporzjonata tal-popolazzjoni tal-pajjiż u l-affordabbilita' tal-propjeta'. Il-verita' hija li minkejja li l-ekonomija kibret matul dawn l-aħħar snin, u dan ħadd ma jista' jiċħdu, dan kollu ma jfissirx illi l-poplu qiegħed neċessarjament jgħix iżjed komdu minn snin preċedenti. L-istatistiċi juru li minkejja li l-ekonomija qiegħda tikber b'mod rapidu, xorta waħda pajjiżna qiegħed jirreġistra fost l-iżjed żidiet baxxi fil-pagi. Dan kollu huwa sinjal ta' nuqqas ta' distribuzzjoni ġusta tal-ġid iġġenerat fil-pajjiż, u dan bir-raġun qiegħed iweġġa' lill-poplu tagħna.


'' Huwa fl-interess ta' kulħadd, kemm għall-partiti politiċi u kemm għall-poplu b'mod ġenerali, illi jibdew isiru riformi fis-sistema elettorali li jerġgħu jagħtu l-poter lill-massa, u mhux lill-ftit. ''

Naħseb li tant żviluppat fissazzjoni li naraw il-persentaġġi tat-tkabbir ekonomiku tiela' sena wara sena li l-Partit Laburista fil-gvern beda jinqata' mill-kuntatt tiegħu mal-weġgħat u l-isfidi ta' kuljum li jgħaddu minnhom il-ħaddiema u l-familji, iż-żgħażagħ u l-anzjani. It-tkabbir ekonomiku qatt ma kien u qatt m'għandu jkun l-unika mezz sabiex tiġġudika l-qagħda tal-poplu, għaliex hemm bosta fatturi oħrajn li wieħed irid jikkunsidra; fosthom il-kuntentizza ġenerali, il-kwalita' tal-ħajja u fuq kollox kif l-ekonomija qiegħda tikber. Irridu nammettu li t-tkabbir ekonomiku preżenti huwa primarjament ibbażat fuq l-għoti tal-poter lejn il-1% tal-popolazzjoni tagħna, bħalma ngħidu aħna l-iżviluppaturi tal-kostruzzjoni, li għandhom biżżejjed poter sabiex jixtru lill-politikant sabiex il-gvern ifassal politika li tipprijoritizza l-interessi tagħhom fuq l-interessi tal-kumplament tal-poplu. Dan jidher b'mod ċar fiż-żieda mingħajr kontroll fl-ammont ta' bini madwar il-pajjiż, it-telf allarmanti ta' art agrikola u 'ODZ'. Minħabba l-fatt illi s-sistema tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi hija bbażata fuq il-fatt illi l-politikant ikollu jirrikorri għand in-negozjanti sabiex sempliċiment jiffinanzja kampanja elettorali, spiċċajna f'sitwazzjoni simili għal dik tal-Istati Uniti, fejn il-gruppi tal-'lobbying' qegħdin jinfluwenzaw il-politika li jħaddan il-gvern, u li aħna drabi tkun l-oppost tax-xewqat tal-poplu ġenerali. Dan jidher ukoll fis-setturi tax-xogħol, fejn qegħdin jiġu impurtati tant ħaddiema minn pajjiżi terzi sabiex jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji u inumani sabiex nissodisfaw lil min għandu l-interess li jisfrutta l-ħaddiema; dan b'detriment kemm għall-poplu Malti li qiegħed iħoss il-konsegwenzi taż-żieda fil-popolazzjoni u anke b'detriment għall-ħaddiema barranin li qegħdin jiġi impurtati sabiex iservu f'din in-nassa ta' skjavitu' modern. Dan qiegħed iwassal ukoll għal frustrazzjoni fis-soċjeta' li jidher fir-razziżmu sfrenat fil-konfront tal-ħaddiema barranin. Hawnhekk irrid nappella sabiex nesprimu l-frustrazzjoni tagħna direttament lejn is-sistema korrotta, u mhux lejn il-vittmi tas-sistema korrotta.


Huwa fl-interess ta' kulħadd, kemm għall-partiti politiċi u kemm għall-poplu b'mod ġenerali, illi jibdew isiru riformi fis-sistema elettorali li jerġgħu jagħtu l-poter lill-massa, u mhux lill-ftit. Dawn jinkludu iżjed riformi fl-iffinanzjar tal-partiti politiċi, l-introduzzjoni tal-liġijiet li jagħmlu skrutinju fuq il-ġid tal-politikanti u riformi fis-sistema elettorali; fosthom il-possibbilita' li tiġi eliminata s-sistema tad-distretti li qiegħda twassal biss għal nuqqas ta' sensittivita' minn ministri li iżjed jiffokaw fuq id-disrett milli fuq il-ministeru u għal politika ta' pjaċiri u nepotiżmu. Dawn ir-riformi mhux bilfors se jintogħġbu u jinftehmu mall-ewwel, u jistgħu anke jfissru li għal xi żmien il-Partit Laburista jkun fl-oppożizzjoni, iżda maż-żmien wieħed ikun jista' japprezzahom iżjed. Il-Partit Laburista jrid jibda jaħseb minn issa fil-ġejjieni u jibda jibża' għall-immaġini u l-kreddibilita' tiegħu, li tista' tintilef faċilment minħabba l-mod ta' kif ġew trattati każijiet ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus matul dawn l-aħħar snin. Iva; kien żball illi l-Partit Laburista baqa' jitwaħħad ma' persuni li huma akkużati b'reati serji fil-qrati tal-ġustizzja. Huwa imperattiv li f'dawn il-mumenti sensittivi ma jintefax iżjed ħatab fuq in-nar bil-kliem u l-aġir ta' dawk li għandhom jagħtu eżempju f'mumenti tant delikati. Nissimpatizza mal-eks Prim Ministru Alfred Sant li qal illi l-protesti barra l-qrati tal-ġustizzja b'solidarjeta' mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kinux ta' ġid għall-immaġini u l-kreddibilita' tal-Partit Laburista. Jidher ukoll illi l-politika tal-pjaċiri u n-nepotiżmu ma kinitx strateġija għaqlija li ħalliet tant riżultati mixtieqa; anzi, ngħid illi kienet fost il-kaġuni ewlenin għal dan ir-riżultat elettorali mhux mixtieq.


Nappella lil dawk kollha li huma membri fil-Partit Laburista u li huma individwi ġenwini, u li naf b'ċertezza li huma ħafna, sabiex f'dan il-mument ma jiddejqux ikunu awtokritiċi. Min verament għandu għall-qalbu l-Partit Laburista u fuq kollox lill-pajjiżna, ma jistax ikun passiv u jħalli kollox għaddej. Wieħed irid jammetti li filwaqt illi matul dawn l-aħħar għaxar snin sar progress f'ħafna instanzi li kien wieħed rivoluzzjonarju għas-soċjeta' Maltija, bħalma ngħidu aħna fil-każ tal-għoti ta' drittijiet ċivili ġodda, xorta waħda hemm ħafna aspetti mill-politika tal-Partit Laburista li trid tinbidel u tirriforma ruħha. Għadu mhuwiex tard wisq sabiex il-Partit Laburista jbiddel id-direzzjoni billi jibda jirriforma ruħu jibda jtejjeb ir-riżultati elettorali tiegħu. Issa huwa ċ-ċans sabiex dawk kollha li huma membri fil-Partit Laburista sabiex jibdew isemmgħu leħinhom u jwasslu l-kritika tagħhom. Il-Partit Laburista għandu jieqaf jisma' mill-opportunisti jew minn individwi li ma jaħsbu f'xejn iżjed għajr il-partiġġjaniżmu u jibda jisma' minn persuni validi li donnhom twarrbu jew tbiegħdu mill-partit bħalma huma Cyrus Engerer, Desmond Zammit Marmara u Conrad Borg Manche, fost persuni oħrajn.


X'għandu jikkunsidra l-Partit Nazzjonalista mir-riżultat?


Minkejja li huwa verita' li l-Partit Nazzjonalista żied l-appoġġ min-naħa tal-poplu, naħseb illi l-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa' jirrepeti żbalji li saru f'elezzjonijiet preċedenti billi jissimplifika l-analiżi tiegħu tar-riżultat elettorali. Bl-ebda mod ma jfisser illi il-maġġoranza tal-poplu għandha x-xewqa li jkun hemm Partit Nazzjonalista fil-gvern sempliċiment għaliex naqas id-distakk u l-Partit Laburista tilef ammont sinifikanti ta' voti. Mhuwiex għaqli li l-Partit Nazzjonalista jagħmel paragun bejn din l-elezzjoni u dik ta' ħames snin ilu sabiex jiġġudika s-suċċess tiegħu f'din l-elezzjoni. Irridu niftakru f'liema ċirkustanzi kien jinsab fihom il-partit meta saru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali tal-2019; li kienu ċirkustanzi ta' taqlib politiku intern u nuqqas ta' koordinazzjoni fi ħdan il-partit stess. F'dan ir-rigward wieħed jista' jinnota li sar ħafna progress, iżda meta wieħed jibda jikkunsidra t-tnaqqis konsiderevoli fl-ammont ta' persuni li ħarġu jivvotaw u anke ż-żieda drastika fil-popolarita' tal-partiti terzi u l-kandidati indipendenti, wieħed jinduna li l-Partit Nazzjonalista xorta waħda għandu biss l-appoġġ ta' 29.5%, li huwa simili għall-appoġġ li kellu għaxar snin ilu, fl-2014.


Huwa evidenti li minkejja t-tnaqqis fid-distakk, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda mhuwiex jappella għall-bqija elettorat. Wieħed għandu wkoll jikkunsidra li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, ikunu bosta dawk li jagħżlu li jipprotestaw permezz tal-vot tagħhom billi ma jmorrux jivvotaw, iħassru l-vot, jew ma jivvotawx lill-partit li tradizzjonalment jivvotaw għalih sabiex iwasslu messaġġ billi jagħtu tbeżbiża bil-vot tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista għandu jikkunsidra li ammont ta' partitarji Laburisti użaw il-vot tagħhom b'dan il-mod, u li għalhekk m'hemmx garanzija li se jkun qiegħed jirrepeti ruħu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss; fejn il-partitarji Laburisti mhumiex se jkunu daqstant lesti sabiex jesperimentaw bil-vot tagħhom bħalma ġara riċentament f'dawn l-elezzjonijiet. Nemmen li ammont sostanzjali ta' votanti, anke dawk li ma jridux lill-Partit Laburista fil-gvern, xorta waħda mhumiex konvinti jekk għandhomx jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista. Dan huwa evidenti fil-fatt illi porzjon sostanzjali ta' voti mar għand partiti terzi jew kandidati indipendenti. Fuq kollox, il-fatt huwa li kellna tiġrija bejn żiemel matnazz u magħluf ġmielu kontra żiemel ieħor li kulħadd kien iqisu magħkus u magħtub. U ż-żiemel il-matnazz, li kien mistenni jaħrat lill-ieħor bil-kbir, qabad jogħtor u jzappap u wasal mal-linja żewġ sekondi biss qabel. Jekk iż-żiemel il-matnazz irid jibqa' kuntent għax l-aqwa li rebaħ, ikun qed jaġixxi bħal nagħma. Mill-banda l-oħra, iż-żiemel il-magħtub irid jiżen sew jekk il-fatt li kellu riżultat ħafna aħjar mis-soltu kienx għax hu stess kien f'kundizzjoni fiżika aħjar mill-kompetitur tiegħu jew kienx sempliċiment għax lill-kompetitur ġietu ġurnata ħażina.


'' Bl-ebda mod ma jfisser illi il-maġġoranza tal-poplu għandha x-xewqa li jkun hemm Partit Nazzjonalista fil-gvern sempliċiment għaliex naqas id-distakk u l-Partit Laburista tilef ammont sinifikanti ta' voti. ''

Ikun prematur jekk il-Partit Nazzjonalista jikkunsidra r-riżultat elettorali bħala rebħa, bħalma huwa prematur jekk il-Partit Laburista jagħmel l-istess kunsiderazzjoni. Fadal ħafan ristrutturar intern xi jsir sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun jista' jerġa' jibda jikseb mill-appoġġ li tilef matul dawn l-aħħar diċenji u sabiex ikun jista' jikkonvinċi lil dawk li vvotaw lill-partiti terzi jew kandidati indipendenti sabiex ikollhom fiduċja fih. Bħala wieħed miż-żewġ partiti ewlenin tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu morali li jservi bħala oppożizzjoni kredibbli u b'saħħitha fil-parlament; iżda dan mhux dejjem intwera matul dawn l-aħħar leġislaturi fejn deher biċ-ċar li l-partit għadu niexef mill-ideat u nieqes minn viżjoni politika. Fuq kollox, biex tabilħaqq issir analiżi serja ta' x'mar tajjeb u x'mar ħażin f'dawn l-elezzjonijiet, kemm il-Partit Laburista u kif ukoll il-Partit Nazzjonalista jridu jibdew billi jkollhom tabilħaqq ir-rieda li jippermettu awtokritika ġenwina; minn barra u fuq kollox minn ġewwa; u li jieqfu jitrattaw lin-nies ta' imbeċilli, inkluż f'kif jindirizzawhom l-esponenti u l-midja partiġġjana tagħhom. F'pajjiż illi għadu ddominat minn duwopolju politiku, il-poplu jeħtieġ kemm gvern b’saħħtu u kemm oppożizzjoni b'saħħitha biex ikun żgurat bilanċ tal-poter. Għalhekk, dan ir-riżultat joffri tama għal sistema politika aktar sana. Jekk din is-sistema titwettaq, ma jkunx rebaħ partit jew ieħor iżda tkun rebħet Malta. Hekk kif il-lemin estrem qiegħed jibqa' jissaħħaħ fl-Ewropa; il-Partit Nazzjonalista għandu immedjatament jibda jservi ta' gvern alternattiv sabiex jibbilanċja lill-Partit Laburista fil-gvern u ma jħalli l-ebda vakum fix-xena politika lokali li jista' jimtela minn individwi jew partiti politiċi oħrajn li jħaddnu l-ideali perikolużi tal-lemin estrem.


Dak li kisbu l-partiti terzi u l-kandidati indipendenti.


Huwa sinjal pjuttost pożittiv partiti terzi u kandidati indipendenti rnexxielhom iġibu riżultati elettorali pożittivi ħafna u li qatt ma konna rajna bħalhom f'elezzjonijiet preċedenti. Dan qiegħed juri biċ-ċar li d-duwopolju politiku tradizzjonali m'għadux ovvju daqs kemm wieħed kien jaħsbu. Madanakollu, dawn ir-riżultati elettorali storiċi xorta waħda jesponu fil-beraħ id-dgħjufija tat-tielet partit u n-nuqqas ta' għaqda fost il-kandidati indipendenti. Nemmen li jekk il-kandidati indipendenti mhumiex se jibdew jingħaqdu flimkien sabiex jifformaw it-tielet partit, jew inkella jissieħbu fl-AD+PD, li b'mod evidenti għad fadallu l-bżonn li jissaħħaħ u jirriforma ruħu; qatt mhu se nkunu nistgħu naraw it-tielet partit fil-parlament. Nifhem il-punt illi dawn il-kandidati jistgħu jkollhom ideali u twemmin differenti fuq suġġetti varji, iżda m'għandux ikun illi jibqa' jkun hawn il-firda fost dawn il-kandidati, li ħafna drabi għandhom iżjed valuri u interessi komuni milli le, sempliċiment minħabba opinjoni diverġenti fuq suġġett partikolari. Pereżempju, minkejja li Sandra Gauci u Arnold Cassola ma jaqblux fuq is-suġġett tal-abort, wieħed m'għandux jinsa li għandhom ħafna valuri u interessi komuni; fosthom li fil-parlament ikun hemm vuċi mhux affiljata mal-Partit Laburista jew mal-Partit Nazzjonalista. Iżda li ġara f'din l-elezzjoni huwa li persuna tant valida bħal Arnold Cassola għażel illi jikkontesta waħdu u rnexxielu jġib ammont impressjonanti ta' voti, u għalhekk dan wassal għal telf ta' ammont ta' voti għall-AD+PD. Dan il-partit, li tant għandu potenzjal u tant għandna bżonnu, jeħtieġ illi jkun iżjed effiċjenti sabiex jibni relazzjonijiet ma' kandidati indipendenti validi li jistgħu joffru ħafna lil dan il-partit. Iżda lil hinn minn dan kollu, ir-riżultat elettorali wera mingħajr ebda dubju l-għatx li għandu l-poplu għal vuċi alternattiva u li huwa mxebba bin-narrattiva partiġġjana taż-żewġ partiti ewlenin. Fil-verita', ir-rebbieħ ta' dawn l-elezzjonijiet ma kienx il-Partit Laburista jew il-Partit Nazzjonalista, iżda kienu l-kandidati indipendenti li b'suċċess ġibdu lejhom persentaġġ sinifikanti tal-elettorat.


 

Sondaġġ: It-tnaqqis drastiku fid-distakk bejn iż-żewġ partiti.


AGĦTI L-OPINJONI TIEGĦEK: X'taħseb illi primarjament wassal għat-tnaqqis drastiku fil-popolarita' tal-Partit Laburista?

  • Il-korruzzjoni u n-nuqqas ta' governanza tajba.

  • L-immigrazzjoni u l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin.

  • Id-degredazzjoni tal-ambjent u l-kostruzzjoni bla rażan.

  • Il-kampanja elettorali kienet partiġġjana u bla viżjoni.


235 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page