top of page
Search

OPINJONI: SIMBOLU STORIKU JEW SIMBOLU TA' TIRANNIJA?

  • Writer: Eman Farrugia
    Eman Farrugia
  • Mar 17, 2024
  • 7 min read

'' Ironika li wieħed jallega li s-''Siġġu'' qiegħed jipprova jħassar u jikteb mill-ġdid l-istorja tagħna meta mbagħad ikun l-istess wieħed illi jipprova jħassar u jikteb mill-ġdid il-fatti storiċi tal-era Brittanika! ''

Matul dawn l-aħħar ftit ġranet il-famuż ''Siġġu'' li issa sab postu f'Misraħ ir-Repubblika fil-Belt Valletta kien fuq fomm kulħadd. Din l-installazzjoni artistika mtella' minn Austin Camillieri tinkludi skultura ta’ siġġu vojt li qiegħda toffri perspettiva ġdida fuq wieħed mill-monumenti kolonjali kontroversjali ta’ pajjiżna, illi propju jinsab fil-qalba tal-belt kapitali. Min-naħa l-oħra, is-''Siġġu'' innifsu qanqal kontroversja minħabba li dan ġie installat direttament quddiem l-istatwa tar-Reġina Vittorja, li issa tinsab mgħottija minn fejn normalment tiddomina l-attenzjoni fi Triq ir-Repubblika.

Is-siġġu jidher li huwa replika ta’ dak li tpoġġi fuqu l-monarka, u għandu l-għan sabiex li jistieden lil min jgħaddi biex jaħsbu dwar il-preżenza ta' dan is-simbolu kolonjali li propju jinsab fiċ-ċentru tal-belt kapitali ta' eks-kolonja Brittanika li issa ilha pajjiż sovran u indipendenti għal dawn l-aħħar sittin sena. Għalkemm il-pjazza hija msejħa uffiċjalment bħala Misraħ r-Repubblika, xorta waħda tissejjaħ Pjazza Reġina fil-lingwaġġ komuni; xhieda ironika tal-impatt u l-influwenza tal-preżenza ta' dan il-monument kolonjali. Bħal kull ħakkiema oħra, l-Imperu Brittaniku ħallew impatt sinifikanti fuq is-soċjeta' Maltija, u dan huwa fatt illi ma jista' jiċħdu ħadd. M'inix se noqgħod nidħol fid-dibattitu ta' jekk l-istatwa tar-Reġina Vittorja għandhiex titneħħa mill-post prominenti li tokkupa, iżda min-naħa l-oħra nikkunsidra li l-installazzjoni tas-''Siġġu'' bħala inizzjattiva pożittiva għal soċjeta' post-kolonjali.


Minkejja li hemm min għoġbu u hemm min ma għoġbu xejn, is-''Siġġu'' tal-artist Camillieri mingħajr ebda dubju rnexxielu jiġġenera dibattitu nazzjonali dwar il-legat li ħalla warajh l-Imperu Brittaniku ġewwa pajjiżna permezz tal-kontroverjsa li din l-installazzjoni qanqlet. L-iskop aħħari tal-arti kontemporanja għandu jkun illi titqanqal kritika u li ġġiegħel lill-poplu sabiex jirrifletti u jaħseb. Is-''Siġġu'' tal-artist Camillieri propju rnexxielu jagħmel dan b'suċċess. Din l-installazzjoni artistika offriet ukoll immaġini ċara ta' kemm is-soċjeta' Maltija b'mod ġenerali għadha ma mxietx 'il quddiem mill-era kolonjali u saħansitra għadha servili jew tħares 'il fuq b'ammirazzjoni lejn dak l-ħakkiem illi storikament dejjem ħares 'l isfel lejna bħala poplu Malti; l-Imperu Brittaniku. Kienu bosta dawk illi għaddew kummenti dispreġġjattivi lejn l-installazzjoni artistika ta' Camillieri, u saħansitra kien hemm min ħassu offiż illi jara monument kolonjali ta' monarka (li qatt ma rifset fuq il-gżejjer tagħna) jiġi mgħotti b'mod temporanju. Trid tara biex temmen, fis-sena li nfakkru s-sittin sena mill-kisba tal-indipendenza u għad hawn min irid jigglorifika l-kolonjaliżmu u jpinġih bħala xi barka fuq Malta! Din tikkonferma kemm il-kisba tal-indipendenza, illi Oliver Friggieri jiddeskriviha b'mod xieraq bħala ''il-ħrafa ta' Settembru'' fil-poeżija tiegħu 'Lil Malta', kienet biss indipendenza simbolika; tant illi sittin sena wara, il-poplu Malti għadu ma tgħallimx japprezza opportunitajiet bħal ma għandu bħalissa sabiex jirrifletti dwar xi tfisser l-identita' Maltija fl-era post-kolonjali li qegħdin ngħixu fiha. Dan huwa poplu li dejjem baqa' jħares lejh innifsu bħala inferjuri meta jikkumpara lilu nnifsu mal-ġirien tiegħu Ewropej ''ċivilizzati'', u baqa' qatt ma għaraf l-identita' awtentika Mediterranja tiegħu.


Hija biss sinjal ta' ipokrezija u ta' razziżmu li nżergħet fina bħala poplu meta nara lil uħud jilmentaw li s-''Siġġu'' qiegħed jipprova jelimina parti integrali mill-istorja ta' pajjiżna, meta mbagħad wieħed jikkunsidra kemm matul is-sekli l-ħakkiema Ewropej li ħakmuna u iżjed tard is-sistemi edukattivi tagħna stess nisslu fina stmerrija lejn il-ġirien tagħna Għarab. Minflok tgħallimna napprezzaw il-legat rikk li ħallew warajhom l-Għarab, tgħallimna sabiex nobgħoduhom għaliex fil-maġġoranza tagħhom ma jħaddnux l-istess reliġjon ta' Malta ''Kattolika''; minflok bqajna nigbdu magħna nfusna billi niktbu l-istorja kif irridu aħna, billi bqajna nikkonvinċu lilna nfusna li r-reliġjon Nisranija ġiet introdotta minn San Pawl fis-sena 60 W.K., u ninjoraw illi sas-seklu tlettax il-popolazzjoni Maltija kienet għadha maġġoranza Musulmana. Ninjoraw ukoll illi r-reliġjon Nisranija kienet saret maġġoranza ġewwa pajjiżna wara l-konverżjoni sforzata tal-popolazzjoni, u wara l-eżilju tal-komunitajiet Islamiċi u Lhudin minn pajjiżna kif ordnat minn Federiku II tar-Renju ta' Sqallija fis-sena 1224. Dawn il-fatti storiċi jmorru kontra n-narrattiva ta' Malta ''Ewropea'' u ''Nisranija''; għalhekk mhuwiex ta' b'xejn illi uħud ma jirrikonoxxux dawn il-fatti u minflok jibqgħu jikkonvinċu lilhom innifishom li l-poplu Malti huwa poplu Ewropew u Nisrani billi jibqgħu jirrepetu leġġendi li għandhom relevanza storika daqs il-ħrejjef ta' Patri Manwel Magri. Qiegħed ngħid dan kollu għaliex dawk l-istess persuni li tant bdew joqomsu bil-preżenza tas-''Siġġu'', għaliex jikkunsidrawh bħala tentattiv sabiex tiġi mgħottija parti mill-istorja tagħna, huma l-istess persuni li jagħmlu minn kollox sabiex jgħattu partijiet mill-istorja tagħna li mhumiex konvenjenti għall-aġenda tagħhom; fosthom il-legat Għarbi u Islamiku f'pajjiżna.


Iżda l-iżjed xena xokkanti kienet dik ta' żagħżugħ illi mar jitfa' bukketti fjuri fuq il-monument tar-Reġina Vittorja bi protesta kontra s-''Siġġu'' ta' Camillieri, illi saħansitra ddeskriva lill-artist bħala ''buffu anti-rjali'' u għamel minn kollox sabiex jipprovdi immaġini qarrieqa u mbajda tal-legat tal-Imperu Brittaniku f'pajjiżna. Widnejja ma setgħux jemmnu meta smajt lil dan iż-żagħżugħ jgħid illi r-Reġina Vittorja ħadmet ħafna għall-iżvilupp demokratiku, infrastrutturali u soċjali ta' pajjiżna; naturalment mingħajr ma kompla jgħid kif hija għamlet dan, jista' jkun għaliex fil-verita' jaf illi din hija biss interpretazzjoni żbaljata tal-istorja! L-Imperu Brittaniku li dan iż-żagħżugħ qiegħed u jigglorifika huwa l-istess ħakkiem li stmaw lil missirjietu ta' bħalma stmaw lil kull poplu indiġenu li sab quddiemu; ta' poplu tat-tielet klassi, ostaklu għall-ambizzjonijiet kolonjali tagħhom fil-gżejjer tagħna li huma fi kliemhom stess kien jqisuhom biss bħala ''fortizza'' jew ''aircraft-carrier''. Minkejja li għad fadal ħafna nostalġija lejn l-era Brittanika, meta wieħed iwieżen kollox fuq il-miżien tal-istorja malajr jintebaħ illi l-perjodu kolonjali kien wieħed xejn sabiħ u huwa għajb għal min jipprova jirromatiċizzah. X'inhu l-iżjed offensiv; siġu li jgħatti mafkar kolonjali ta' monarka barranija jew il-fatt illi żagħżugħ Malti jinjora t-tbatija li għaddew minnha missirijietu minħabba l-kolonizzatur? Ironika li wieħed jallega li s-''Siġġu'' qiegħed jipprova jħassar u jikteb mill-ġdid l-istorja tagħna meta mbagħad ikun l-istess wieħed illi jipprova jħassar u jikteb mill-ġdid il-fatti storiċi tal-era Brittanika!


Minflok nipprovaw ninterpretaw din l-era b'mod żbaljat, ejjew inħarsu lejn il-fatti storiċi dwar dan il-perjodu; l-Imperu Brittaniku stabbilixxa preżenza fil-gżejjer Maltin fis-sena 1800, wara talba mill-insurġenti Maltin illi kienu qegħdin jitħabtu sabiex jegħlbu lill-ħakkiema Franċiżi. Minkejja li l-Maltin kienu talbu l-protezzjoni tal-Imperu Brittaniku, huwa importanti li wieħed jżomm f'moħħu li l-Maltin qatt ma riedu jkunu maħkuma mill-Brittaniċi, kif huwa evidenti fid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Umani maħruġa fis-sena 1802. Minflok irrispettaw ix-xewqa tal-Maltin li laqgħu lill-ħakkiema bħala Protettorat, il-ħakkiema Brittaniċi injoraw it-talbiet għal iżjed awtonomija u ddikjaraw lil Malta bħala Kolonja mingħajr konsultazzjoni mal-Maltin fis-sena 1814. B'hekk il-Maltin baqgħu miċħuda għal 121 sena sħaħ minn 'Consiglio Popolare' u kien biss fis-sena 1921 illi ngħata 'self-government'. Taħt il-ħakkiema li suppost għenu fl-iżvilupp demokratiku ta' pajjiżna, il-liberta' tal-istampa kienet ineżistenti, u kien biss bis-saħħa ta' Maltin bħal Ġorġ Mitrovich illi dan id-dritt fundamentali ngħata. Anke wara li kien ingħata dan id-dritt, il-Maltin baqgħu miċħuda mil-liberta' tal-espressjoni, tant illi dawk illi opponew lill-Kuruna Ingliża, bħal Manwel Dimech, sfaw arrestati u saħansitra ġew eżiljati 'l barra minn arthom. Fi żmien fejn suppost saru avvanzi kbar fl-infrastruttura, l-unika mezz ta' impjieg kien it-tarzna u ħallew lill-bqija ta' Malta mingħajr xogħol u mhux żviluppata; tant illi l-ħaddiema Maltin ma kellhomx għażla oħra ħlief illi jemigraw 'il barra minn arthom fejn kienu esposti għal razziżmu u diskriminazzjoni għaliex kienu Maltin. Il-ħakkiema Brittaniċi, illi suppost iċċivilizzaw lill-poplu, ma kellhom l-ebda problema bl-influwenza sproporzjonata tal-Knisja fis-soċjeta'; anzi, użaw din l-influewenza għall-vantaġġ tagħhom billi kkollaboraw mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi sabiex iżommu lill-poplu mbiegħed mill-progress u mill-edukazzjoni. Fejn kienu l-ħakkiema Ingliżi meta l-Knisja użat is-sanzjonijiet kanoniċi sabiex thedded id-demokrazija fis-snin tletin? Bħalma għamlet il-Knisja, il-ħakkiema Brittaniċi sfruttaw l-injoranza tal-poplu Malti sabiex isaħħu l-qagħda tagħhom. Infakkar illi l-edukazzjoni primarja saret obbligatorja f'pajjiżna fis-sena 1947. Ħallew lill-ulied tal-ħaddiema 'l bogħod mill-bankijiet tal-iskejjel u ħallewhom jiġġerrew fit-triqat ħafja jittallbu. Il-ħakkiema Brittaniċi kien dawk illi mmassakraw sitta Maltin illi ħarġu fit-toroq jipprotestaw għaliex ma kellhomx x'jieklu u spiċċaw mingħajr xogħol. Il-ħakkiema Brittaniċi kienu dawk illi sawtu u arrestaw liż-żgħażagħ Maltin talli pprotestaw għall-iktar drittijiet bażiċi, u li heddewhom illi jqaċċtulhom l-impjieg jekk ifettilhom imorru kontra l-interessi tal-Kuruna Ingliża. Il-ħakkiema Brittaniċi kienu dawk illi kienu jieħdu l-isbaħ irkejjen tal-gżejjer u jimpedixxu lill-Maltin milli jidħlu fihom, u kienu dawk illi baqgħu jużaw lil terz tat-territorju ta' Malta bħala bażi militari għal kirja banali ta' tliet miljun liri fis-sena biss, wara l-kisba tas-suppost indipendenza fis-sena 1964 li ħalliet lil Malta dipendenti fuq l-użu tagħha bħala fortizza sal-1979, għaliex kellha ekonomija bbażata propju fuq hekk. Il-ħakkiema Brittaniċi kienu dawk illi ħallew lil Malta mġarrfa u miċħuda mill-fondi tal-'Marshall Aid' wara l-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija, u minflok taw lill-poplu Malti salib tal-fidda fuq il-bandiera sabiex jgħalqulu ħalqu. Il-ħakkiema Brittaniċi kienu dawk illi stgħanew fuq l-inugwaljanzi soċjali u fuq il-firdiet politiċi sabiex iżommu lill-poplu aljenat u mifrud; firda li għadha tinħass sal-lum fid-duwopolju politiku li għadna qegħdin ngħixu fih b'riżultat tal-ħakma kolonjali.


Jekk irrid nista' nibqa' għaddej, iżda żgur illi fhimtuni. Meta wieħed iħares lejn il-fatti minn lenti storika malajr jintebaħ illi filfatt il-Maltin kienu kollox u mhux stmati taħt il-ħakkiema Brittaniċi; biss meta wieħed jikkumpara dak illi għamlu ġewwa pajjiżna mal-atroċitajiet li għamlu f'kolonji oħrajn, bħall-Afrika t'Isfel, l-Indja u l-Kenja, forsi wieħed jista' jgħid illi veru konna fortunati! Iżda dan xorta waħda ma jfissirx illi għandna nigglorifikaw lill-kolonjaliżmu Brittaniku fil-gżejjer tagħna. X'jiswa n-nazzjonaliżmu u l-imħabba lejn pajjiżna mingħajr ma nirrealizzaw kemm għadna ma tgħallimniex ngħixu bħala poplu ta' nazzjon li ilu sittin sena bħala indipendenti u ħamsin sena bħala repubblika? Lokalment, bqajna inħarsu lejn il-kolonizzaturi tagħna bħala xi salvaturi, u lejn il-vittmi Maltin u l-legat negattiv illi ħallew warajhom il-ħakkiema bħala sempliċiment riżultati ta' ''inċidenti'' jew bħal donnhom ''ħsarat kollaterali''. Dan l-atteġġjament żgur illi huwa wieħed ta' disprezz kbir lejn missirijietna u huwa xhieda ta' kemm il-poplu Malti baqa' jħoss sens ta' inferjorita' lejh innifsu.


Naħseb illi tgħid ħafna fuqna wkoll bħala poplu Malti, li waqt illi hawn min qiegħed jinkwieta illi l-monument tar-Reġina Vittorja (nerġa nfakkar illi qatt ma rifset fuq artna) qiegħed mgħotti b'mod temporanju mill-post prominenti li diġa' għandu fil-Belt Valletta, wieħed ma jistax ma jinnotax li l-monument ta' Jum ir-Repubblika preżentament jinsab imwarrab maġenb triq traffikuża espost sabiex jibla' d-dħaħen tal-vetturi fil-Marsa, filwaqt illi l-monument ta' Jum l-Indipendenza jinsab 'il barra mill-Belt Valletta u miċħud mill-post ċentrali li jixraqlu fil-belt kapitali tagħna bħalma jokkupa l-mafkar tar-Reġina. Naħseb illi din l-osservazzjoni għandha tkun ta' riflessjoni dwar il-mentalita' servili tal-poplu tagħna; poplu li jistma lill-monumenti kolonjali ta' dawk illi ħakmuh iktar mill-monumenti ta' ġrajjiet missirijietu stess. Ma naħsibx illi għandhom jitneħħew monumenti ta' ħakkiema passati, iżda nippretendi li l-monumenti tagħna bħala poplu Malti jkunu apprezzati u miżmuma daqshom u jekk mhux iktar minnhom; naħseb illi m'jien nitlob xejn ta' barra minn hawn! Meta se nibdew nitgħallmu nħobbu lilna nfusna iżjed bħala poplu Malti? Meta se nibdew niksbu l-indipendenza tagħna mill-mentalità kolonjali li għadha qiegħda tmarrad lis-soċjeta' Maltija?



Sondaġġ: Il-preżenza ta' monumenti kolonjali.



AGĦTI L-OPINJONI TIEGĦEK: Taħseb illi l-preżenza ta' monumenti kolonjali m'għadhiex iżjed xierqa u relevanti?

  • Iva, naqbel illi għandhom jitneħħew.

  • Le, ma naqbilx illi għandhom jitneħħew.

  • Indeċiż, ma tagħmillix differenza.


 
 
 

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page