top of page

RIFLESSJONI: TMENIN SENA MINN TMIEM TAT-TIENI GWERRA DINJIJA.

Writer: Eman Farrugia
Eman Farrugia
Jul 15, 2025
3 min read

Updated: Jun 18

'' Il-gwerer attwali jafu jidhru mbiegħda minn xtutna, iżda dan ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn sabiex intaffu t-tbatija tal-proxxmu. Bħala Nsara, aħna msejħa li nkunu ċittadini attivi sabiex inkunu vuċi għall-paċi u l-ġustizzja madwarna. ''

Matul din is-sena qegħdin infakkru it-tmenin sena minn meta ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. Dan seħħ hekk kif il-Ġermanja Nażista kienet ċediet nhar it-8 ta’ Mejju 1945 wara sitt snin ta’ gwerra dinjija li kienet ikkaratterizzata minn kampanji militari, invażjonijiet u ġenoċidji li rriżultaw fil-qtil ta’ madwar 50 miljun persuna. Hekk kif nirriflettu dwar din it-traġedja umana li hija waħda mill-iżjed paġni oskuri fl-istorja tal-umanita’, aħna bħala Nsara; u fuq kollox umani; għandna nassiguraw li din it-traġedja umana ma terġax iseħħ fil-ġejjieni.

 

Hemm ħafna fatturi li waslu għall-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, iżda sabiex wieħed ikun konċiż, jista’ jgħid li l-erba’ fatturi prinċipali kienu l-militariżmu, l-alleanzi, l-imperjaliżmu u n-nazzjonaliżmu. Fi żminijietna, għadna qegħdin naraw instanzi fejn dawn il-fatturi mhux biss għadhom preżenti magħna, iżda qegħdin jheddu l-bilanċ tal-poter li l-komunita’ internazzjonali ppruvat tistabbilixxi wara t-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tassigura li ma terġax isseħħ gwerra dinjija oħra.

 

Il-militariżmu u l-alleanzi huma theddida għall-interessi tal-umanita’ minħabba li dawn huma spiss xprunati mill-interessi kapitalistiċi ta’ dik il-minoranza li taqla’ l-għajxien tagħha mill-gwerer; partikolarment dawk li huma midħla tal-industrija tal-armi; li spiss jużaw il-ġid materjali tagħhom sabiex jinfluwenzaw il-politika tal-gvernijiet. Preżentament, qegħdin naraw iżjed stati li huma mexjin fit-triq tal-militariżmu minflok fit-triq tad-diżarmament; sitwazzjoni li tista’ biss twassal għal iżjed provokazzjonijiet perikolużi u tensjonijiet. Għal dan qiegħed ibati l-iżjed vulnerabbli fis-soċjeta’, hekk kif l-investiment fl-armi qiegħed spiss jieħu post investiment soċjali għal dawk fil-bżonn.

 

Min-naħa l-oħra, stati mhux allineati qegħdin jiltaqgħu ma’ pressjoni minn stati meqjusa bħala superpotenzi sabiex jissiebħu mal-alleanzi rispettivi tagħhom. Din is-sitwazzjoni twassal għall-imperjaliżmu, li hija sitwazzjoni oppressiva fejn stat jieħu vantaġġ mill-miżerja ta’ poplu jew stat ieħor. Din is-sitwazzjoni hija evidenti għal popli li arthom hija okkupata minn stat ikbar minnhom; bħall-Ukreni u l-Palestinjani; iżda fl-era moderna dan mhuwiex l-unika forma ta’ imperjaliżmu. Illum, il-kolonjaliżmu modern mhuwiex jseħħ biss billi stat jokkupa art u jagħmilha tiegħu, iżda billi juża mezzi ekonomiċi sabiex iġiegħel stat iżgħar minnu sabiex jikkrolla għall-pressjoni u jagħmel ir-rieda tiegħu.

 

Filwaqt li l-imperjaliżmu huwa spiss xprunat mill-interessi kapitalistiċi, huwa wkoll xprunat mill-ideoloġija tan-nazzjonaliżmu. Din l-ideoloġija hija perikoluża minħabba li hija mibnija fuq il-ħsieb li ġens partikolari huwa suprem fuq ġnus oħrajn li jiġu meqjusa bħala inferjuri minħabba differenza fl-etniċita’, kultura jew reliġjon. Din l-ideoloġija spiss twassal sabiex ġens iwettaq atroċitajiet fil-konfront ta’ ġens ieħor; kif deher iseħħ fl-Olokawst waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u fi żminijiet iktar riċenti ġewwa l-Jugoslavja. Spiss naraw gvernijiet li jużaw in-nazzjonaliżmu sabiex iqajmu sentimenti populistiċi bl-għan li jaljenaw lill-poplu minn fallimenti li huma ħtija tal-istess gvernijiet billi jinstigaw antagoniżmu kontra minorita’ barranija u joħolqu firda fis-soċjeta’.

 

Il-gwerer attwali jafu jidhru mbiegħda minn xtutna, iżda dan ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn sabiex intaffu t-tbatija tal-proxxmu. Bħala Nsara, aħna msejħa li nkunu ċittadini attivi sabiex inkunu vuċi għall-paċi u l-ġustizzja madwarna. Kif uriena s-Sinjur fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, mhuwiex biżżejjed li nitolbu bħall-Levita u l-Qassis u fil-mument fejn naraw inġustizzja u nistgħu nieħdu azzjoni nibqgħu għaddejjin, iżda għandna nkunu bħas-Samaritan it-Tajjeb u skont il-pożizzjoni tagħna inwettqu dak li huwa moralment ġust. Alla ma jiħux pjaċir bil-passivita’ tal-ġusti, għaliex sabiex il-ħażen ikun trijunfanti mhemmx bżonn maġġoranza twettaq il-ħażen, iżda maġġoranza ġusta li hija passiva għall-ħażen madwarha.



Dan l-artiklu deher fil-fuljett Sliem u Ħajja maħruġ mill-Parroċċa ta' San Sebastjan Martri f'Ħal Qormi fl-okkażjoni tal-Festa ta' San Sebastjan tas-sena 2025.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page