RIFLESSJONI: INFAKKRU LILL-ĦADDIEM U LIL MIN DEJJEM IĠĠIELED GĦALIH.

Jum il-Ħaddiem xi jfisser?
F'Malta, Jum il-Ħaddiem huwa magħruf l-iżjed btala pubblika u bħala l-jum meta ż-żewġ partiti politiċi ewlenin jorganizzaw l-attivitajiet politiċi tagħhom. Għall-Knisja f'Malta, dan il-jum huwa wkoll imfakkar bħala l-Festa ta' San Ġużepp Ħaddiem. Iżda l-oriġini u s-sinifikat ta' Jum il-Ħaddiema jmorru lil hinn minn dan kollu.
L-oriġini ta' Jum il-Ħaddiem imorru lura għall-Kungress Internazzjonali tal-Ħaddiema li sar f'Pariġi fl-1889; li kien jgħaqqad flimkien bosta partiti tax-xogħol, soċjalisti u Marxisti minn madwar id-dinja li kienu qegħdin jiġġieldu għal kundizzjonijiet iktar xierqa għall-ħaddiema fil-kuntest wiesa' tar-Rivoluzzjoni Industrijali tas-Seklu Dsatax. Dan il-kungress adotta riżoluzzjoni li sejħet għal "dimostrazzjoni internazzjonali kbira" b'appoġġ għat-talbiet tal-klassi tal-ħaddiema għall-ġurnata tax-xogħol ta' tmien sigħat.
Id-data ntgħażlet mill-Federazzjoni Amerikana tax-Xogħol sabiex tfakkar strajk ġenerali li seħħ f'Chicago, fl-Istati Uniti, li kien beda fl-1 ta' Mejju 1886. L-istrajk ġenerali laħaq il-qofol tiegħu waqt l-inċidenti li seħħew f'Haymarket fl-4 ta' Mejju; fejn kienu nqatlu erba' ħaddiema waqt dimostrazzjoni paċifika favur il-ġurnata tax-xogħol ta' tmien sigħat.
F'Malta, Jum il-Ħaddiem ġie ċċelebrat għall-ewwel darba proprju mitt sena ilu fuq l-inizzjattiva ta' grupp ta' ħaddiema tat-tarzna; fosthom John F. Marks u Mose' Gatt, li ltaqgħu fl-Isla nhar l-1 ta' Mejju, 1926. Sentejn wara, fl-1928, il-gvern magħruf bħala ''l-Compact''; li kien ġie fformat b'riżultat ta' koalizzjoni bejn il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit Laburista; introduċa l-Workmen's Compensation Act, li kienet waħda mill-ewwel liġijiet soċjali Maltin.
Meta beda jfakkar Jum il-Ħaddiem, il-Partit Laburista mall-ewwel sab oppożizzjoni qawwija mill-forzi reazzjonarji tal-pajjiż; fosthom il-Partit Nazzjonalista li spiss kien ilaqqam b'mod dispreġġjattiv lil dawk li jattendu l-manifestazzjonijiet bħala ''Bolxevisti.'' B'mod simili, il-Knisja f'Malta xprunat 'il quddiem il-Festa ta' San Ġużepp Ħaddiem, wara li din id-devozzjoni ġie adottata mill-Papa Piju XII fl-1955 bħala kontrobilanċ għall-manifestazzjonijiet soċjalisti sabiex il-proletarjat Kattoliku; l-iżjed dak fl-Italja; jitbiegħed mix-xellug politiku.
Filwaqt li nroddu ħajr lill-ħaddiema kollha, inroddu ħajr ukoll lix-xellugin ta' kullimkien u ta' kull żmien; dawk il-Marxisti, is-soċjalisti u l-komunisti li tant ġew imlaqqma "ta' wiċċhom aħmar"; li avvanzaw il-kawża tal-ħaddiema 'l quddiem fl-imgħoddi riċenti meta tali kawża ma kinitx popolari, ferm qabel ma ħaddieħor rikeb il-karru u beda jilgħabha li kien ilu mal-ħaddiema sa mill-bidu tal-ġlieda tiegħu għad-dinjità.
Nagħlaq din ir-riflessjoni b'silta mid-diskors 'L-Assedju tal-Ħaddiem' tal-mibki Oliver Friggieri; li ta tifsira ta' x'inhu u x'mhuwiex il-ħaddiem:
'' X'mhuwiex il-Ħaddiem? Il-Ħaddiem m'huwiex tapit, mhuwiex ġugarell, mhuwiex pupu li joqgħod kif tqiegħdu, mhuwiex kartellum li tagħmel il-propoganda bih. Imma l-Ħaddiem jista' jkun tapit, jew ġugarell, jew pupu, jew kartellun, jekk ilkoll f'daqqa; jekk irid hu, jekk ma jgħidx le. " - Oliver Friggieri, L-Assedju tal-Ħaddiem (1981).




Comments