SAN OSCAR ROMERO; MARTRI TAL-KNISJA U TAL-ĠUSTIZZJA SOĊJALI.
Updated: Jun 18

'' L-idea li x-xellug politiku kien minn dejjem għadu politiku tal-Knisja Kattolika hija idea Ewro-ċentrika u nieqsa mis-sustanza. ''
Illum, 24 ta' Marzu, il-Knisja tfakkar lil San Oscar Romero.
Spiss nisimgħu bil-kunflitti li kellha l-Knisja Kattolika ma' stati jew gruppi li jħaddnu ideoloġiji fuq ix-xellug tal-ispettru politiku; bħall-Unjoni Sovjetika u r-Repubblikani fi Spanja. Iżda qajla nisimgħu bil-kunflitti li kellha l-Knisja Kattolika ma' stati jew gruppi li jħaddnu ideoloġiji opposti għax-xellug; bħall-Istati Uniti u r-reġimi sħab tagħha fl-Amerika Latina waqt il-Gwerra l-Bierda. Dan forsi għax ma jaqbilx għall-aġenda ta' uħud li dawn il-mumenti fl-istorja jitfakkru.
Dan huwa San Oscar Romero, li serva bħala Arċisqof tal-Arċidjoċesi ta' San Salvador f'El Salvador. Huwa nqatel waqt quddiesa, fil-mument li kien qiegħed jagħmel l-omelija, minn estremisti tal-lemin estrem iffinanzjati u appoġġjati direttament mill-Istati Uniti. San Oscar Romero nqatel fi żmien fejn l-Istati Uniti kienet qiegħda twaqqa' gvern demokratiku wara l-ieħor fl-Amerika Latina sempliċiment għax riedu jtemmu l-monopolju li korporazzjonijiet Amerikani kellhom fuq ir-riżorsi tal-Amerika Latina.
Membri tal-kleru madwar l-Amerika Latina bħal San Oscar Romero kienu fil-mira diretti ta' attakki minn dawn l-estremisti tal-lemin magħrufa bħala l-Escuadrones del Muerte (l-Iskwadri tal-Mewt).
Immexxija mill-motto ta' "Kun Patrijott, Oqtol Qassis", dawn l-iskwadri kienu jqisu lill-Knisja Kattolika bħala kollaboratriċi ta' movimenti xellugin Salvadorjani minħabba l-kritika qawwija tal-kleru għall-brutalità u l-oppressjoni ta' reġimi awtokratiċi u ġunti militari madwar l-Amerika Latina; fosthom dawk fl-Arġentina, iċ-Ċili, il-Gwatemala u El Salvador stess.
Il-qtil ta' San Oscar Romero seħħ biss sena wara li l-Frente Sandinista de Liberacíon Nacional għeleb ir-reġim awtokratiku ta' Somoza fin-Nikaragwa, li ħeġġet lis-Salvadorjani xellugin magħquda taħt il-Frente Farabundo para la Liberacion Nacional sabiex jibdew taqbida armata kontra r-reġim awtokratiku Salvadorjan.
Minkejja li dawn ir-reġimi huma responsabbli għall-qtil ta' għexieren ta' eluf madwar l-Amerika Latina, il-gvern Amerikan baqa' jappoġġjahom politikament u militarment sabiex jassigura aċċess għar-riżorsi ta' dawn il-pajjiżi u li l-Amerika Latina tibqa' fl-isfera tal-influwenza tiegħu... li ma ddurx "għall-komuniżmu".
Il-fenomenu taż-żieda ta' knejjes Protestanti u Evanġeliċi, li dejjem qegħdin ifaqqsu madwar l-Amerika Latina, għandu l-oriġini tiegħu li jmorru lura għal din l-era partikolari fl-istorja, meta l-Istati Uniti bdiet tiffinanzja dawn is-setet konservattivi sabiex iddgħajjef il-leħen tal-Knisja Kattolika fil-kontinent billi kellha iktar tendenzi progressivi.
Ta' min ifakkar li fl-stess żmien, il-Knisja Kattolika f'Timor-Leste kienet qiegħda tissielet id f'id mal-FRETILIN kontra l-okkupazzjoni Indoneżjana li sabet l-appoġġ ta' pajjiżi tal-Punent bħall-Istati Uniti u l-Awstralja. Hija tassew ironika li l-Punent; li suppost huwa t-tarka tal-Kristjaneżmu; kien qiegħed direttament jappoġġja l-masskru tal-iktar poplu Kattoliku fid-dinja f'isem it-taqbida kontra l-komuniżmu.
Huwa għalhekk li l-idea li x-xellug politiku kien minn dejjem għadu politiku tal-Knisja Kattolika hija idea Ewro-ċentrika u nieqsa mis-sustanza.




Comments